This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32024R0792
Regulation (EU) 2024/792 of the European Parliament and of the Council of 29 February 2024 establishing the Ukraine Facility
Regolament (UE) 2024/792 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ Frar 2024 li jistabbilixxi l-Faċilità għall-Ukrajna
Regolament (UE) 2024/792 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ Frar 2024 li jistabbilixxi l-Faċilità għall-Ukrajna
PE/10/2024/REV/1
ĠU L, 2024/792, 29.2.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/792/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force
|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Serje L |
|
2024/792 |
29.2.2024 |
REGOLAMENT (UE) 2024/792 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
tad-29 ta’ Frar 2024
li jistabbilixxi l-Faċilità għall-Ukrajna
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 212 u l-Artikolu 322(1) tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri (1),
Filwaqt li jaġixxu f'konformità mal-proċedura leġiżlattiva ordinarja (2),
Billi:
|
(1) |
Mill-bidu tal-gwerra ta' aggressjoni mhux provokata u mhux ġustifikata tar-Russja kontra l-Ukrajna fl-24 ta' Frar 2022, l-Unjoni, l-Istati Membri tagħha u l-istituzzjonijiet finanzjarji Ewropej immobilizzaw appoġġ bla preċedent għar-reżiljenza ekonomika, soċjali u finanzjarja tal-Ukrajna. Dak l-appoġġ jikkombina l-appoġġ mill-baġit tal-Unjoni, inkluż l-assistenza makrofinanzjarja eċċezzjonali u l-appoġġ mill-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) u mill-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp (BERŻ), iggarantiti bis-sħiħ jew parzjalment mill-baġit tal-Unjoni, kif ukoll appoġġ finanzjarju ulterjuri mill-Istati Membri. |
|
(2) |
Il-Kunsill Ewropew tat-23 ta' Ġunju 2022 iddeċieda li jagħti l-istatus ta' pajjiż kandidat lill-Ukrajna, li esprimiet rieda qawwija li torbot ir-rikostruzzjoni mar-riformi fit-triq Ewropea tagħha. L-appoġġ qawwi kontinwu lill-Ukrajna huwa prijorità ewlenija għall-Unjoni u rispons xieraq għall-impenn politiku qawwi tal-Unjoni biex tappoġġa lill-Ukrajna sakemm ikun meħtieġ. |
|
(3) |
L-għoti mill-Unjoni ta' assistenza makrofinanzjarja sa EUR 18-il biljun għall-2023 skont ir-Regolament (UE) 2022/2463 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) tqies bħala rispons xieraq għad-diskrepanza fil-finanzjament tal-Ukrajna għall-2023 u għen biex jiġi mobilizzat finanzjament sinifikanti minn donaturi u istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali oħra. Dan ikkostitwixxa fattur ewlieni li jikkontribwixxi għar-reżiljenza makroekonomika u finanzjarja tal-Ukrajna fi żmien kritiku. |
|
(4) |
L-Unjoni pprovdiet ukoll appoġġ finanzjarju sinifikanti permezz ta' pakkett addizzjonali li jikkombina fondi taħt l-Istrument ta' Viċinat, ta' Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta' Kooperazzjoni Internazzjonali – Ewropa Globali (NDICI-Ewropa Globali) stabbilit bir-Regolament (UE) 2021/947 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) u self mill-BEI. Apparti dan, qed jiġi pprovdut appoġġ kontinwu mill-awtoritajiet, il-komunitajiet, l-NGOs u l-gruppi tal-voluntiera tal-Istati Membri. |
|
(5) |
Barra minn hekk, il-Kunsill iddeċieda dwar miżuri ta' assistenza barra l-baġit biex jappoġġa lill-forzi armati Ukreni taħt il-Faċilità Ewropea għall-Paċi stabbilita bid-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2021/509 (5), fl-ammont ta' EUR 6,1 biljun, u bid-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2022/1968 (6), stabbilixxa missjoni ta' Assistenza Militari b'appoġġ għall-Ukrajna b'EUR 0,1 biljun għall-kostijiet komuni. L-Unjoni u l-Istati Membri tagħha taw ukoll rispons ta' emerġenza in natura bla preċedent permezz tal-Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili stabbilit bid-Deċiżjoni 1313/2013/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7),li jikkostitwixxi l-akbar operazzjoni ta' emerġenza mill-ħolqien ta' dak il-mekkaniżmu. |
|
(6) |
Barra minn hekk, il-Korsiji ta' Solidarjetà UE-Ukrajna stabbiliti f'Mejju 2022 ikkontribwew għall-ġenerazzjoni ta' valur tal-esportazzjoni stmat ta' EUR 31 biljun għall-ekonomija Ukrena sal-aħħar ta' Mejju 2023. |
|
(7) |
Il-gwerra ta' aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna kkawżat danni fl-Ukrajna li jammontaw għal aktar minn EUR 270 biljun mill-24 ta’ Frar 2023, u kostijiet tar-rikostruzzjoni stmati għal EUR 384 biljun, kif ukoll telf ta' aċċess għas-swieq finanzjarji u tnaqqis sinifikanti fid-dħul pubbliku, filwaqt li n-nefqa pubblika biex tiġi indirizzata s-sitwazzjoni umanitarja u biex tinżamm il-kontinwità tas-servizzi pubbliċi żdiedet b'mod sinifikanti. Dawk l-estimi, kif ukoll l-informazzjoni analitika mis-sorsi xierqa u sussegwenti l-oħra kollha, jipprovdu bażi rilevanti biex jiġu stabbiliti l-ħtiġijiet ta' finanzjament rispettivi għas-snin li ġejjin, inkluż kunsiderazzjonijiet reġjonali u settorjali. |
|
(8) |
Fit-30 ta' Marzu 2023, il-Fond Monetarju Internazzjonali (FMI) stima d-diskrepanza fil-finanzjament mill-istat sal-2027 għal EUR 75,1 biljun u qabel mal-Ukrajna dwar programm ta' erba' snin ta' EUR 14,4 biljun biex jankra politiki li jsostnu l-istabbiltà fiskali, esterna, tal-prezzijiet u finanzjarja u jappoġġaw l-irkupru ekonomiku, filwaqt li jsaħħu l-governanza u jsaħħu l-istituzzjonijiet biex jippromwovu t-tkabbir fit-tul fil-kuntest tar-rikostruzzjoni ta’ wara l-gwerra u t-triq tal-Ukrajna lejn l-adeżjoni mal-Unjoni. |
|
(9) |
Fid-dawl tal-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna, għad hemm diskrepanza residwa fil-ħtiġijiet ta’ finanzjament tal-Ukrajna. Għalhekk, huwa meħtieġ appoġġ sinifikanti u flessibbli lill-gvern Ukren biex dan iżomm il-funzjonijiet tiegħu, jipprovdi servizzi pubbliċi, kif ukoll biex jappoġġa l-irkupru, ir-rikostruzzjoni u l-modernizzazzjoni tal-pajjiż. |
|
(10) |
Minħabba l-ħsara lill-ekonomija, lis-soċjetà u lill-infrastruttura tal-Ukrajna kkawżata mill-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja, l-Ukrajna ser tkun teħtieġ appoġġ sinifikanti u kapaċità istituzzjonali biex iżomm il-funzjonijiet tagħha, kif ukoll sokkors għal żmien qasir u assistenza għall-irkupru rapidu, ir-rikostruzzjoni u l-modernizzazzjoni tal-pajjiż. L-Ukrajna ser teħtieġ appoġġ komprensiv biex “tibni mill-ġdid aħjar” permezz ta’ rkupru ċċentrat fuq in-nies li joħloq il-pedamenti għal pajjiż ħieles, kulturalment vibranti u prosperu b’ekonomija reżiljenti li hija integrata sew fl-ekonomija tal-Unjoni u dik dinjija, ankrata fil-valuri Ewropej u miexja lejn l-adeżjoni mal-Unjoni. |
|
(11) |
F'dan il-kuntest, huwa meħtieġ li jiġi stabbilit strument eċċezzjonali uniku fuq terminu medju li jiġbor flimkien l-appoġġ bilaterali pprovdut mill-Unjoni lill-Ukrajna, filwaqt li jiġu żgurati l-koordinazzjoni u l-effiċjenza. Għal dak l-għan, jeħtieġ li tiġi stabbilita Faċilità għall-Ukrajna (il-“Faċilità") għall-perjodu mill-2024 sal-2027, li tipprovdi bilanċ bejn il-flessibbiltà u l-programmabbiltà tar-rispons tal-Unjoni biex tindirizza d-diskrepanza fil-finanzjament tal-Ukrajna u l-ħtiġijiet ta' rkupru, rikostruzzjoni u modernizzazzjoni, filwaqt li fl-istess ħin tappoġġa l-isforz tar-riformi tal-Ukrajna bħala parti mit-triq tal-adeżjoni tagħha mal-Unjoni. |
|
(12) |
Minħabba n-natura eċċezzjonali tal-Faċilità, huwa importanti li tkun mirfuda minn pjan koerenti u prijoritizzat għar-rikostruzzjoni tal-Ukrajna (il-"Pjan għall-Ukrajna"), li għandu jitħejja mill-Gvern tal-Ukrajna bl-involviment xieraq tal-Verkhovna Rada tal-Ukrajna u rappreżentanti tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, li jipprovdi qafas strutturat u prevedibbli għall-irkupru, ir-rikostruzzjoni u l-modernizzazzjoni tal-Ukrajna artikolat b'mod ċar mar-rekwiżiti tal-adeżjoni mal-Unjoni. |
|
(13) |
Jenħtieġ li l-appoġġ tal-Unjoni lill-Ukrajna mill-2024 sal-2027 jiġi pprovdut primarjament u prinċipalment taħt il-Faċilità għall-Ukrajna, filwaqt li tiġi evitata kwalunkwe duplikazzjoni potenzjali ma' programmi oħra, b'mod partikolari l-Istrument għall-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni, stabbilit bir-Regolament (UE) 2021/1529 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8), u jiġi żgurat approċċ konsistenti permezz ta' strument unifikat, billi l-attivitajiet taħt l-istrumenti eżistenti jiġu sostitwiti jew, fejn xieraq, ikkomplementati. Jenħtieġ li l-appoġġ taħt il-Faċilità ma jippreġudikax l-assistenza futura lill-Ukrajna u l-possibbiltà tagħha li tipparteċipa fi programmi tal-Unjoni taħt il-qafas finanzjarju pluriennali ta' wara l-2027. |
|
(14) |
F'dan ir-rigward, jenħtieġ li l-appoġġ tal-Unjoni taħt il-Faċilità jissostitwixxi l-appoġġ bilaterali pprovdut taħt NDICI- Ewropa Globali. Madankollu, huwa importanti li jiġi żgurat li l-Ukrajna tkun tista' tkompli tibbenefika minn appoġġ reġjonali, tematiku u forom oħra ta' appoġġ taħt l-NDICI I-Ewropa Globali, b'mod partikolari programmi ta' kooperazzjoni transfruntiera, u b'mod aktar ġenerali tkompli tavvanza l-kooperazzjoni reġjonali, makroreġjonali u transfruntiera u l-iżvilupp territorjali, inkluż permezz tal-implimentazzjoni tal-istrateġiji makroreġjonali tal-Unjoni. |
|
(15) |
Jenħtieġ li l-għajnuna umanitarja, id-difiża u l-appoġġ lill-Istati Membri li jipprovdu protezzjoni lill-persuni li qed jaħarbu mill-gwerra fl-Ukrajna jiġu pprovduti b'mod adegwat u konsistenti barra mill-Faċilità. L-Ukrajna tista' tkompli tibbenefika minn programmi eżistenti rilevanti tal-Unjoni fil-baġit tal-Unjoni, bħall-NDICI-Global Europe għall-attivitajiet imsemmijin fil-premessa 14, l-Istrument Ewropew għal Kooperazzjoni Internazzjonali fil-Qasam tas-Sikurezza Nukleari stabbilit bir-Regolament tal-Kunsill (Euratom) 2021/948 (9), l-għajnuna umanitarja f’konformità mar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1257/96 (10), u attivitajiet taħt il-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni, kif ukoll miżuri taħt il-Faċilità Ewropea għall-Paċi barra mill-baġit tal-Unjoni. Barra minn hekk, l-entitajiet Ukreni jistgħu jipparteċipaw fi programmi ta' politika interna tal-Unjoni bħal Orizzont Ewropa stabbilit bir-Regolament (UE) 2021/695 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (11), il-Programm ta' Riċerka u Taħriġ tal-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika stabbilit bir-Regolament tal-Kunsill (Euratom) 2021/765 (12), il-Programm Ewropa Diġitali stabbilit bir-Regolament (UE) 2021/694 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (13), il-programm “Fiscalis” għall-kooperazzjoni fil-qasam tat-tassazzjoni stabbilit bir-Regolament (UE) 2021/847 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (14), il-Programm Dwana għall-kooperazzjoni fil-qasam tad-dwana stabbilit bir-Regolament (UE) 2021/444 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (15), Erasmus+ stabbilit bir-Regolament (UE) 2021/817 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (16), il-Programm EU4Health stabbilit bir-Regolament (UE) 2021/522 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (17), il-Programm Ewropa Kreattiva stabbilit bir-Regolament (UE) 2021/818 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (18), il-Programm għall-Ambjent u l-Azzjoni Klimatika (LIFE) stabbilit bir-Regolament (UE) 2021/783 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (19), il-Programm tas-Suq Uniku stabbilit bir-Regolament (UE) 2021/690 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (20), il-Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili, il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa stabbilit bir-Regolament (UE) 2021/1153 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (21) u l-Programm tal-Unjoni Kontra l-Frodi stabbilit bir-Regolament (UE) 2021/785 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (22) kif ukoll programmi rilevanti oħra f'konformità mar-regoli, l-objettivi u l-ftehimiet ta' assoċjazzjoni rilevanti rispettivi tagħhom. |
|
(16) |
Jenħtieġ li l-Faċilità tikkontribwixxi biex titnaqqas id-diskrepanza fil-finanzjament tal-Ukrajna sal-2027 billi tipprovdi appoġġ mhux ripagabbli u self konċessjonali ħafna b'mod prevedibbli, kontinwu, ordnat u f'waqtu. L-appoġġ taħt il-Faċilità jenħtieġ li jgħin biex tinżamm l-istabbiltà makrofinanzjarja fl-Ukrajna u ttaffi r-restrizzjonijiet tal-finanzjament estern tal-Ukrajna. |
|
(17) |
Huwa importanti li l-investiment fl-irkupru, ir-rikostruzzjoni u l-modernizzazzjoni sostenibbli tal-Ukrajna taħt il-Faċilità jibda b'urġenza biex jgħin fil-provvista ta' kundizzjonijiet ta' għajxien deċenti għall-popolazzjoni Ukrena u biex tinbena mill-ġdid infrastruttura kritika, fejn possibbli, biex tiġi żgurata l-ġenerazzjoni tal-impjiegi u d-dħul u biex progressivament jitnaqqas il-volum tal-assistenza internazzjonali meħtieġa, filwaqt li tiġi mmitigata il-ħsara ambjentali sa fejn ikun possibbli f'pajjiż mifni bil-gwerra u jingħata appoġġ lill-Ukrajna fit-tranżizzjoni ekoloġika. |
|
(18) |
Jenħtieġ li l-perspettiva fuq terminu medju pprovduta mill-Pjan għall-Ukrajna permezz ta' strument uniku tħeġġeġ ukoll lill-Ukrajna biex tidderieġi l-investimenti u r-riformi għat-tranżizzjoni għal ekonomija ekoloġika, sostenibbli, diġitali u inklużiva, u tgħin biex timmobilizza donaturi tal-istess fehma, inkluż dawk mis-settur privat, għal kontribuzzjonijiet pluriennali għall-appoġġ tal-Ukrajna. Jenħtieġ li l-investimenti jkunu allinjati, sa fejn possibbli, mal-acquis ambjentali u klimatiku tal-Unjoni, u li jkunu konsistenti mal-implimentazzjoni tal-Pjan Nazzjonali għall-Enerġija u l-Klima tal-Ukrajna. |
|
(19) |
Jenħtieġ li l-isforz ta' rkupru, rikostruzzjoni u modernizzazzjoni jibni fuq is-sjieda, il-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni mill-qrib tal-Ukrajna ma' pajjiżi u organizzazzjonijiet ta' appoġġ, u t-triq tal-Ukrajna lejn l-adeżjoni mal-Unjoni. L-amministrazzjonijiet reġjonali u lokali tal-Ukrajna kif ukoll l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili Ukreni huma mistennija wkoll li jaqdu rwol importanti f'dan il-proċess billi jipparteċipaw fit-tfassil u l-iskrutinju tiegħu. Il-kooperazzjoni bejn il-pari u l-programmi inkorporati fi sħubijiet bejn il-bliet u r-reġjuni fl-Unjoni u dawk fl-Ukrajna diġà ffaċilitaw it-twassil tal-għajnuna umanitarja, u forom oħra ta' assistenza, lill-Ukrajna u b'hekk jipprovdu bażi biex jarrikkixxu u jaċċelleraw il-proċess ta' rkupru, rikostruzzjoni u modernizzazzjoni. |
|
(20) |
Jenħtieġ li l-Unjoni trawwem ukoll konsultazzjoni mill-qrib u assoċjazzjoni tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, li jħaddnu varjetà kbira ta' livelli sottonazzjonali u fergħat tal-gvern, inkluż reġjuni, muniċipalitajiet, rayons u hromadas u l-assoċjazzjonijiet tagħhom, kif ukoll konsultazzjoni mill-qrib mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili Ukreni u parteċipazzjoni fihom. Jenħtieġ li l-Unjoni tinkoraġġixxi l-parteċipazzjoni sinifikattiva tagħhom fl-irkupru, ir-rikostruzzjoni u l-modernizzazzjoni tal-Ukrajna, abbażi tal-iżvilupp sostenibbli u permezz tal-implimentazzjoni tal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli fil-livell lokali u reġjonali. Jenħtieġ li l-Unjoni tirrikonoxxi u tappoġġa r-rwoli multipli li jaqdu l-awtoritajiet lokali u reġjonali bħala promoturi ta' approċċ territorjali inklużiv għall-iżvilupp lokali, inkluż il-proċessi ta' deċentralizzazzjoni, il-parteċipazzjoni tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-komunitajiet lokali, it-trasparenza u r-responsabbiltà, u jenħtieġ li tkompli ssaħħaħ l-appoġġ tagħha għat-tisħiħ tal-kapaċitajiet tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, inkluż għall-implimentazzjoni ta' proġetti taħt il-Faċilità, f'konformità mal-prinċipju ta' awtogovernanza lokali kif definit fil-Karta Ewropea dwar l-Awtonomija Lokali, li l-Ukrajna hija Parti għaliha. |
|
(21) |
Jenħtieġ li l-Unjoni tipprovdi appoġġ għat-tranżizzjoni lejn l-adeżjoni għall-benefiċċju tal-Ukrajna, abbażi tal-esperjenza tal-Istati Membri. Dak l-appoġġ għandu jiffoka b'mod partikolari fuq il-kondiviżjoni tal-esperjenza li nkisbet mill-Istati Membri waqt il-proċessi tar-riforma tagħhom stess. |
|
(22) |
Jenħtieġ li l-appoġġ taħt il-Faċilità jibni wkoll fuq u jimmassimizza s-sinerġiji ma' organizzazzjonijiet ewlenin li jappoġġaw ir-riformi u r-rikostruzzjoni tal-Ukrajna, bħall-Grupp tal-BEI, l-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali inkluż il-Bank Dinji, l-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi, u l-FMI; u l-istituzzjonijiet finanzjarji multilaterali Ewropej, inkluż il-BERŻ u l-Bank ta' Żvilupp tal-Kunsill tal-Ewropa; u istituzzjonijiet finanzjarji bilaterali bħal banek tal-iżvilupp u aġenziji ta' kreditu għall-esportazzjoni. |
|
(23) |
Minħabba l-inċertezzi marbuta mal-gwerra, huwa xieraq li l-Faċilità tkun tista' tipprovdi appoġġ lill-Ukrajna f'ċirkostanzi eċċezzjonali debitament ġustifikati, b'mod partikolari fil-każ ta' deterjorament sinifikanti tal-gwerra, u sabiex tinżamm l-istabbiltà makrofinanzjarja tagħha u biex tiġi żgurata l-kisba tal-objettivi tal-Faċilità. Jenħtieġ li tali finanzjament eċċezzjonali jiġi pprovdut għal perjodi individwali sa tliet xhur u jenħtieġ li jiġi pprovdut biss, permezz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kunsill fuq proposta tal-Kummissjoni, jekk jiġi konkluż li huwa impossibbli għall-Ukrajna li tissodisfa l-kundizzjonijiet marbuta mal-forom ta' appoġġ taħt il-Faċilità, meta tkun il-benefiċjarju tal-appoġġ taħt il-Faċilità, u jenħtieġ li jieqaf hekk kif l-issodisfar ta’ dawk il-kundizzjonijiet jerġa' jsir possibbli. Jenħtieġ li tali finanzjament eċċezzjonali ma jaffettwax il-finanzjament minn strumenti speċifiċi oħra tal-Unjoni li jenħtieġ li jiġu mmobilizzati f'każijiet ta' diżastri naturali jew emerġenzi umanitarji jew tal-protezzjoni ċivili oħra. Jekk meħtieġ, jista' jkun disponibbli finanzjament eċċezzjonali taħt il-Faċilità qabel l-adozzjoni tal-Pjan għall-Ukrajna u l-konklużjoni tal-Ftehim Qafas. Dan jista' jkun addizzjonali għall-finanzjament tranżitorju eċċezzjonali, kif applikabbli. |
|
(24) |
Jenħtieġ li l-qafas ta' politika tat-tkabbir definit mill-Kunsill Ewropew u mill-Kunsill, il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u l-Ukrajna, min-naħa l-oħra (23) (il-“Ftehim ta’ Assoċjazzjoni”), inkluż Żona ta’ Kummerċ Ħieles Approfondita u Komprensiva, il-ftehimiet multilaterali li għalihom l-Unjoni hija parti u ftehimiet oħra li jistabbilixxu relazzjoni legalment vinkolanti mal-Ukrajna, kif ukoll ir-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew, il-komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni u l-komunikazzjonijiet konġunti tal-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, jikkostitwixxu l-qafas ta' politika ġenerali għall-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tiżgura l-koerenza bejn l-appoġġ taħt il-Faċilità u l-qafas ta' politika tat-tkabbir. |
|
(25) |
L-Artikolu 49 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) jipprevedi li kwalunkwe Stat Ewropew li jirrispetta l-valuri tar-rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, inkluż id-drittijiet ta' persuni li jagħmlu parti minn minoranzi, u li huwa impenjat li jippromwovi dawk il-valuri jista' japplika biex isir membru tal-Unjoni. Dawk il-valuri huma komuni għall-Istati Membri f'soċjetà li fiha jipprevalu l-inklużività, il-pluraliżmu, in-nondiskriminazzjoni, it-tolleranza, il-ġustizzja, is-solidarjetà u l-ugwaljanza bejn il-ġeneri. |
|
(26) |
Stat Ewropew li jkun applika biex jissieħeb fl-Unjoni jista' jsir membru tal-Unjoni biss meta jiġi kkonfermat li jissodisfa kompletament il-kriterji ta' adeżjoni stabbiliti fil-Kunsill Ewropew ta' Copenhagen f'Ġunju 1993 (il-"kriterji ta' Copenhagen") u dment li l-Unjoni jkollha l-kapaċità li tintegra lill-membru l-ġdid. Il-kriterji ta' Copenhagen huma relatati mal-istabbiltà tal-istituzzjonijiet li jiggarantixxu d-demokrazija, l-istat tad-dritt, id-drittijiet tal-bniedem u r-rispett għall-minoranzi u l-protezzjoni tagħhom, l-eżistenza ta' ekonomija tas-suq li tiffunzjona kif ukoll il-kapaċità li jlaħħaq mal-pressjoni kompetittiva u l-forzi tas-suq fl-Unjoni, u l-abbiltà li jassumi mhux biss id-drittijiet iżda wkoll l-obbligi stabbiliti fit-Trattati, inkluż l-ilħuq tal-għanijiet ta' unjoni politika, ekonomika u monetarja. |
|
(27) |
Huwa fl-interess komuni tal-Unjoni u tal-Ukrajna li javvanzaw l-isforzi tal-Ukrajna biex tirriforma s-sistemi politiċi, legali u ekonomiċi tagħha bil-ħsieb ta' sħubija fl-Unjoni. L-għoti ta' status ta' pajjiż kandidat lill-Ukrajna huwa investiment ġeostrateġiku tal-Unjoni fil-paċi, is-sigurtà, l-istabbiltà u l-prosperità fl-Ewropa u jippermetti li l-Unjoni tkun f'pożizzjoni aħjar biex tindirizza sfidi dinjija. Tipprovdi wkoll aktar opportunitajiet ekonomiċi u kummerċjali għall-benefiċċju reċiproku tal-Unjoni u tal-Ukrajna, filwaqt li tappoġġa trasformazzjoni gradwali tal-pajjiż. Il-prospett ta' sħubija fl-Unjoni għandu effett trasformattiv qawwi, li jintroduċi bidla pożittiva demokratika, politika, ekonomika u soċjali. |
|
(28) |
It-tħaddin tal-valuri ewlenin tal-Unjoni u l-impenn lejhom huma għażla u huma essenzjali għall-aspirazzjoni tal-Ukrajna li tissieħeb fl-Unjoni. F'konformità ma' dan, huwa importanti li l-Ukrajna tieħu sjieda u timpenja ruħha bis-sħiħ għall-valuri tal-Unjoni kif ukoll li tiddefendi ordni globali bbażata fuq ir-regoli u l-valuri u ssegwi b'mod vigoruż ir-riformi meħtieġa fl-interessi tal-poplu tagħha. |
|
(29) |
Ir-rikostruzzjoni mill-ħsara kkawżata mill-gwerra ta' aggressjoni tar-Russja ma tistax tkun limitata għar-restawr mill-ġdid ta' dak li nqered qabel il-gwerra. Ir-rikostruzzjoni toffri opportunità biex l-Ukrajna tiġi appoġġata fil-proċess ta' integrazzjoni tagħha fis-suq intern u fl-aċċellerazzjoni tat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali sostenibbli tagħha, f'konformità mal-politiki tal-Unjoni, filwaqt li titrawwem l-integrazzjoni mal-Unjoni u jiġu promossi l-iżvilupp soċjoekonomiku u l-kooperazzjoni transfruntiera. Għalhekk, jenħtieġ li l-Faċilità tippromwovi r-rikostruzzjoni b'mod li timmodernizza u ttejjeb l-ekonomija tal-Ukrajna, filwaqt li tibni fuq ir-regoli u l-istandards tal-Unjoni, tinvesti fit-tranżizzjoni tal-Ukrajna lejn ekonomija ekoloġika, diġitali u inklużiva sostenibbli, u b'hekk tkun ta' benefiċċju għas-soċjetà kollha kemm hi, b'attenzjoni partikolari għall-ħtiġijiet tal-gruppi vulnerabbli. Jenħtieġ li r-rikostruzzjoni tal-wirt kulturali tkun ibbażata fuq normi nazzjonali, il-prattiki internazzjonali u Ewropej, fuq testi li jistabbilixxu l-istandards, prinċipji, bħall-Bauhaus Ewropea l-Ġdida, u t-tagħlimiet meħuda, u tkun konsistenti mal-prinċipji Ewropej tal-kwalità għal interventi ffinanzjati mill-Unjoni li għandhom impatt potenzjali fuq il-wirt kulturali. Jenħtieġ li tingħata attenzjoni partikolari biex jiġu żgurati s-sostenibbiltà u l-protezzjoni adegwata tal-attivitajiet iffinanzjati taħt il-Faċilità fid-dawl tar-riskji taċ-ċibersigurtà u x-xenarju tat-theddid ġenerali. |
|
(30) |
F'konformità mal-ħtieġa li jiġu appoġġati l-irkupru u r-rikostruzzjoni tal-Ukrajna b'mod sostenibbli u li jibqa' validu fil-futur, jenħtieġ li l-Faċilità ma tappoġġax attivitajiet jew miżuri li jippromwovu investimenti fil-fjuwils fossili, jew li ma jirrispettawx il-prinċipju ta' "la tagħmilx ħsara sinifikanti", inkluż għall-bijodiversità jew għall-klima, sakemm tali attivitajiet jew miżuri ma jkunux strettament meħtieġa biex jinkisbu l-objettivi tal-Faċilità sa fejn possibbli f'pajjiż mifni bil-gwerra. Tali attivitajiet jew miżuri jikkonċernaw pereżempju l-kontinwazzjoni ta' attivitajiet ekonomiċi, jew l-indirizzar ta' ħtiġijiet urġenti ta' rkupru u ta' rikostruzzjoni. Jenħtieġ li dawn iqisu l-ħtieġa li tinbena mill-ġdid u tiġi mmodernizzata l-infrastruttura u jiġi rriabilitat l-ambjent naturali li ġarrab ħsara mill-gwerra b'mod reżiljenti. Jenħtieġ li jkunu akkumpanjati, fejn rilevanti, minn miżuri xierqa biex jevitaw, jipprevjenu jew inaqqsu u, jekk possibbli, jikkumpensaw kwalunkwe effett ta’ ħsara. |
|
(31) |
Jenħtieġ li l-Faċilità tikkontribwixxi għall-aderenza malKonvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (24) u mal-Ftehim ta’ Pariġi adottat skont dik il-Konvenzjoni (25) (il-“Ftehim ta’ Pariġi”), il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Diversità Bijoloġika (26) u l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Ġlieda kontra d-Deżertifikazzjoni f’dawk il-pajjiżi li jesperjenzaw nixfa serja u/jew deżertifikazzjoni, b’mod partikolari fl-Afrika (27) u jenħtieġ li ma tikkontribwix għad-degradazzjoni ambjentali jew tikkawża ħsara lill-ambjent jew lill-klima. B'mod partikolari, jenħtieġ li l-finanzjament allokat fil-kuntest tal-Faċilità jkun li jkun konsistenti mal-għan fit-tul li ż-żieda fit-temperatura medja globali tinżamm sew taħt it-2° C 'il fuq mil-livelli preindustrijali u li jitkomplew l-isforzi biex iż-żieda fit-temperatura tiġi limitata għal 1,5° C ’il fuq mil-livelli preindustrijali. Jenħtieġ li tkun konsistenti wkoll mal-objettiv li tiżdied il-kapaċità ta' adattament għall-effetti negattivi tat-tibdil fil-klima u titrawwem ir-reżiljenza għat-tibdil fil-klima, u bl-appoġġ tal-konservazzjoni tal-bijodiversità, l-ekonomija ċirkolari u t-tniġġis żero. Jenħtieġ li tingħata attenzjoni partikolari lill-attivitajiet li joħolqu kobenefiċċji u li jilħqu objettivi multipli, inkluż għall-klima, il-bijodiversità u l-ambjent. Fid-dawl tal-ħsara ambjentali enormi kkawżata mill-gwerra ta' aggressjoni tar-Russja, il-Faċilità tista' tikkontribwixxi biex jiġu indirizzati l-isfidi li jirriżultaw minnha. Jenħtieġ li l-Faċilità, sa fejn possibbli, tikkontribwixxi għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u l-adattament għalih, għall-protezzjoni ambjentali, inkluż il-konservazzjoni tal-bijodiversità, u għat-tranżizzjoni ekoloġika, jew għall-indirizzar tal-isfidi li jirriżultaw minnha. Dik il-kontribuzzjoni jenħtieġ, sa fejn possibbli f'pajjiż mifni bil-gwerra, tikkorrispondi għal ammont li jirrappreżenta mill-inqas 20 % tal-ammont globali li jikkorrispondi għall-appoġġ taħt il-Qafas ta' Investiment għall-Ukrajna u għall-investimenti taħt il-Pjan għall-Ukrajna. Jenħtieġ li dak l-ammont jiġi kkalkulat, kif applikabbli u xieraq, abbażi tal-koeffiċjenti użati fil-metodoloġiji eżistenti għall-klima u l-bijodiversità, bħal b'mod partikolari fl-Anness VI tar-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (28) u oqsma ta' intervent addizzjonali, kif aġġustati fil-kuntest tal-Faċilità. |
|
(32) |
Jenħtieġ li l-Faċilità tagħmel ħilitha biex ittejjeb is-sensibilizzazzjoni dwar il-kriminalità ambjentali u l-ġlieda kontriha fl-Ukrajna, filwaqt li tappoġġa l-implimentazzjoni tal-Protokoll ta' Kiev dwar ir-Reġistri dwar ir-Rilaxx u t-Trasferiment ta' Inkwinanti u tiżgura l-konformità mal-liġijiet dwar il-protezzjoni ambjentali. |
|
(33) |
Jenħtieġ li l-miżuri taħt il-Faċilità jkunu konsistenti, sa fejn possibbli f'pajjiż mifni bil-gwerra, mal-istandards klimatiċi u ambjentali tal-Unjoni. Jenħtieġ li dawk il-miżuri jintegraw ukoll it-tibdil fil-klima, il-protezzjoni ambjentali, id-drittijiet tal-bniedem, il-paċi, id-demokrazija, l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u n-nondiskriminazzjoni, u fejn rilevanti, it-tnaqqis tar-riskju ta' diżastri, kif ukoll il-progress lejn l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli. Jenħtieġ li l-appoġġ taħt il-Faċilità jkun iggwidat ukoll mill-prinċipju li "ħadd ma jitħalla jibqa' lura", u jagħmel l-akbar sforz biex jiżgura allokazzjoni u użu ta' riżorsi bbilanċjati u bbażati fuq il-ħtiġijiet. |
|
(34) |
Jenħtieġ li l-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament tkun iggwidata mill-prinċipji tal-ugwaljanza, l-inklużività u n-nondiskriminazzjoni, kif elaborati fl-istrateġiji tal-Unjoni għall-Ugwaljanza. Jenħtieġ li tipprevjeni u tiġġieled il-vjolenza kontra n-nisa, il-vjolenza abbażi tal-ġeneru u l-vjolenza domestika. Jenħtieġ li tħeġġeġ il-parteċipazzjoni sinifikattiva tan-nisa fil-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet, tippromwovi u tavvanza l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, it-tisħiħ tal-pożizzjoni tan-nisa u l-bniet, u l-ħarsien u l-promozzjoni tad-drittijiet tagħhom b'kont meħud tal-Pjanijiet ta' Azzjoni tal-UE dwar il-Ġeneru u l-konklużjonijiet rilevanti tal-Kunsill u l-konvenzjonijiet internazzjonali. Jenħtieġ li l-Faċilità tgħin biex jiġu indirizzati l-isfidi tas-saħħa soċjali, inkluż is-saħħa mentali, bħala ħtieġa għal soċjetà b'saħħitha ta' wara l-gwerra u b'enfasi partikolari fuq it-tfal. Jenħtieġ li l-implimentazzjoni tal-Faċilità tkun konformi mal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità (29) u tiżgura l-involviment rilevanti tal-partijiet ikkonċernati fil-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet kif ukoll l-aċċessibbiltà fl-investimenti u l-assistenza teknika tagħha. Jenħtieġ li l-Faċilità tkun ukoll konformi mal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-drittijiet tat-tfal u tappoġġa lit-tfal u liż-żgħażagħ bħala aġenti ewlenin tal-bidla u bħala kontributuri għat-twettiq tal-Aġenda għal Żvilupp Sostenibbli 2030. |
|
(35) |
It-tisħiħ tal-istat tad-dritt, inkluż l-indipendenza tal-ġudikatura, l-appoġġ tal-isforzi ta' deoligarkizzazzjoni u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni u b'mod partikolari l-korruzzjoni ta' livell għoli, il-ħasil tal-flus, l-evitar tat-taxxa, l-evażjoni tat-taxxa, il-frodi tat-taxxa u l-kriminalità organizzata, it-tisħiħ tat-trasparenza, inkluż l-aċċess pubbliku għall-informazzjoni, il-governanza tajba fil-livelli kollha, u l-parteċipazzjoni tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, inkluż l-organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem, is-salvagwardja ta’ media ħielsa u pluralistika, u t-tisħiħ tar-riforma tal-amministrazzjoni pubblika, inkluż fl-oqsma tal-akkwist pubbliku, il-kompetizzjoni u l-għajnuna mill-istat, jibqgħu sfidi ewlenin u huma essenzjali għall-Ukrajna biex toqrob lejn l-Unjoni u biex tħejji ruħha biex tassumi bis-sħiħ l-obbligi tas-sħubija fl-Unjoni. Fid-dawl tan-natura aktar fit-tul tar-riformi li jridu jsiru f'dawk l-oqsma u l-ħtieġa li jinbnew riżultati tajbin, jenħtieġ li l-appoġġ taħt il-Faċilità jenħtieġ li jindirizza dawk il-kwistjonijiet malajr kemm jista' jkun. |
|
(36) |
F'konformità mal-prinċipju tad-demokrazija parteċipattiva u għall-fini tat-tisħiħ tal- kontrolli u l-verifiki, jenħtieġ li l-Unjoni tinkoraġġixxi t-tisħiħ tal-kapaċitajiet parlamentari, is-sorveljanza parlamentari, il-proċeduri demokratiċi u r-rappreżentanza ġusta fl-Ukrajna kif ukoll il-parteċipazzjoni sinifikattiva mir-reġjuni u l-muniċipalitajiet u s-soċjetà ċivili fl-istadji kollha tal-proċess demokratiku, li b’hekk jippermettu skrutinju demokratiku msaħħaħ. Jenħtieġ li l-Pjan għall-Ukrajna juri kif il-parteċipazzjoni sinifikattiva tal-partijiet ikkonċernati kienet ippjanata u mmexxija permezz ta’ konsultazzjonijiet, li jippermettu skedi ta’ żmien u trasparenza suffiċjenti u proċeduri ta’ segwitu ċari biex jiġi indirizzat il-kontribut mogħti. F’konformità mal-ordni kostituzzjonali tal-Ukrajna, jenħtieġ li l-Verkhovna Rada tkun infurmata u kkonsultata fl-istadji kollha taċ-ċiklu tal-ħajja tal-Faċilità. Jenħtieġ li jitqiesu l-eżiti ta’ kwalunkwe dibattitu li jsir jew opinjoni maħruġa dwar il-Pjan għall-Ukrajna mill-Verkhovna Rada. |
|
(37) |
Il-kooperazzjoni strateġika u operazzjonali msaħħa bejn l-Unjoni u l-Ukrajna dwar is-sigurtà hija kruċjali biex jiġu indirizzati b’mod effettiv u effiċjenti t-theddid għas-sigurtà, inkluż it-theddid ibridu bħat-theddid ċibernetiku, kif ukoll għar-reżiljenza kontra d-diżinformazzjoni, il-manipulazzjoni tal-informazzjoni u interferenza minn barranin, il-kriminalità organizzata u t-terroriżmu. |
|
(38) |
Jenħtieġ ukoll li l-attivitajiet taħt il-Faċilità, f’konformità mal-Artikolu 21(2), il-punt (c), tat-TUE u f'konformità mal-finijiet u l-prinċipji tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, jappoġġaw, fejn xieraq, miżuri li jibnu l-fiduċja u proċessi li jippromwovu l-ġustizzja, it-tiftix tal-verità, ir-riabilitazzjoni komprensiva ta' wara l-kunflitt għal soċjetà inklużiva u paċifika u riparazzjonijiet u garanziji ta' nonrikorrenza kif ukoll il-ġbir ta' evidenza ta' delitti mwettqa matul il-gwerra u d-disponibbiltà tas-sejbiet rilevanti, kif xieraq. Jenħtieġ li tingħata attenzjoni partikolari għall-appoġġ tal-edukazzjoni formali, informali u mhux formali għall-paċi. |
|
(39) |
Jenħtieġ li l-appoġġ taħt il-Faċilità jkun disponibbli taħt il-prekundizzjoni li l-Ukrajna tkompli tirrispetta l-mekkaniżmi u l-istituzzjonijiet demokratiċi effettivi, inkluż sistema parlamentari b'diversi partiti, u l-istat tad-dritt, u li tiggarantixxi r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, inkluż id-drittijiet ta' persuni li jagħmlu parti minn minoranzi. |
|
(40) |
Jenħtieġ li l-appoġġ taħt il-Faċilità, inkluż għat-triq tal-Ukrajna lejn l-adeżjoni, jiġi pprovdut biex jintlaħqu l-objettivi ġenerali u speċifiċi, abbażi ta' kriterji stabbiliti u b'kundizzjonalitajiet ċari. |
|
(41) |
Jenħtieġ li l-objettivi ġenerali tal-Faċilità jkunu, fost l-oħrajn, li tassisti lill-Ukrajna biex tindirizza l-konsegwenzi soċjali, ekonomiċi, psikoloġiċi u ambjentali tal-gwerra; li tikkontribwixxi għar-rikostruzzjoni, inkluż l-irkupru paċifiku, ir-rikostruzzjoni, ir-restawr u l-modernizzazzjoni tal-pajjiż; li trawwem il-koeżjoni soċjali u territorjali, ir-reżiljenza ambjentali, demokratika u ekonomika, u l-integrazzjoni progressiva fl-Unjoni u fl-ekonomija u s-swieq globali, kif ukoll il-konverġenza ekonomika, soċjali u ambjentali 'l fuq lejn l-istandards tal-Unjoni, u biex tħejji lill-Ukrajna għal sħubija futura fl-Unjoni billi tappoġġa l-proċess ta' adeżjoni tagħha. Jenħtieġ li tali objettivi jiġu segwiti b'mod li jirrinforzaw lil xulxin b'mod reċiproku. |
|
(42) |
F'konformità mal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, jenħtieġ li l-Faċilità tappoġġa s-solidarjetà, l-integrazzjoni u l-ġustizzja soċjali bl-għan li toħloq u ssostni impjiegi ta' kwalità u tkabbir sostenibbli u inklużiv, tiżgura l-ugwaljanza tal-opportunitajiet, l-edukazzjoni u l-protezzjoni soċjali u l-aċċess għalihom, tipproteġi l-gruppi f'sitwazzjonijiet vulnerabbli u ttejjeb l-istandards tal-għajxien. Jenħtieġ li l-Faċilità tikkontribwixxi wkoll għall-ġlieda kontra l-faqar u l-indirizzar tal-qgħad u twassal għall-ħolqien ta' impjiegi ta' kwalità u l-inklużjoni u l-integrazzjoni ta' gruppi żvantaġġati. Jenħtieġ li l-Faċilità tipprevedi opportunitajiet ta' investiment fil-ħiliet, inkluż permezz tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali bl-għan li l-forza tax-xogħol titħejja għat-tranżizzjonijiet diġitali u ekoloġiċi. Jenħtieġ li tippermetti wkoll it-tisħiħ tad-djalogu soċjali, l-infrastruttura u s-servizzi. |
|
(43) |
Jenħtieġ li l-Faċilità tiżgura l-konsistenza u komplementarjetà mal-objettivi ġenerali tal-azzjoni esterna tal-Unjoni kif stipulati fl-Artikolu 21 tat-TUE, inkluż ir-rispett għad-drittijiet u l-prinċipji fundamentali kif ukoll il-protezzjoni u l-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija u l-prinċipji fundamentali tal-istat tad-dritt, inkluż dwar il-ġlieda kontra l-korruzzjoni, il-ġudikatura, l-amministrazzjoni pubblika, il-governanza tajba u t-trasparenza u r-responsabbiltà. |
|
(44) |
Minħabba l-inċertezzi marbuta mal-gwerra ta' aggressjoni tar-Russja, jenħtieġ li l-Faċilità tkun strument flessibbli li jippermetti lill-Unjoni tindirizza l-ħtiġijiet tal-Ukrajna permezz ta' sett ta' għodod diversifikat li jipprovdi finanzjament tal-Istat Ukren, appoġġ għall- prijoritajiet ta' rkupru u rikostruzzjoni fuq terminu qasir, appoġġ għall-investimenti u aċċess għall-finanzi, kif ukoll assistenza teknika u t-tisħiħ tal-kapaċitajiet u attivitajiet rilevanti oħra. |
|
(45) |
Jenħtieġ li l-appoġġ tal-Unjoni jiġi organizzat madwar tliet pilastri, jiġifieri pilastru ta’ appoġġ finanzjarju għall-Ukrajna għall-implimentazzjoni ta' riformi u investimenti, kif ukoll biex tinżamm l-istabbiltà makrofinanzjarja tal-pajjiż, kif stipulat fil-Pjan għall-Ukrajna; pilastru tal-Qafas ta' Investiment għall-Ukrajna biex jiġu mmobilizzati l-investimenti u jissaħħaħ l-aċċess għall-finanzjament; u pilastru tal-assistenza għall-adeżjoni biex jiġu mmobilizzati l-għarfien espert tekniku u t-tisħiħ tal-kapaċitajiet. |
|
(46) |
Peress li l-ħtiġijiet ta' rkupru, rikostruzzjoni u modernizzazzjoni tal-Ukrajna huma sostanzjali u ma jistgħux jiġu koperti mill-baġit tal-Unjoni biss, jenħtieġ li kemm l-investimenti pubbliċi kif ukoll dawk privati jkollhom rwol fl-indirizzar tagħhom. Jenħtieġ li l-Faċilità tippermetti l-mobilizzazzjoni ta' investimenti kemm pubbliċi kif ukoll privati fil-ħin u jenħtieġ li tippermetti l-possibbiltà li jiżdied l-appoġġ għall-investimenti fir-rikostruzzjoni fit-tul meta ċ-ċirkostanzi jippermettu, b’kont meħud tal-implimentazzjoni u l-kapaċità ta' assorbiment tal-Ukrajna. Jenħtieġ li l-mobilizzazzjoni tal-investiment privat permezz tal-Faċilità tikkontribwixxi għall-kompetittività fit-tul u l-kapaċità innovattiva tal-Ukrajna. |
|
(47) |
Ir-Russja trid tinżamm kompletament responsabbli u tħallas għall-ħsara enormi kkawżata mill-gwerra ta' aggressjoni tagħha kontra l-Ukrajna, li tikkostitwixxi ksur sfaċċat tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti. Jenħtieġ li l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha, f'kooperazzjoni mill-qrib ma' sħab internazzjonali oħra, ikomplu jaħdmu għal dan l-għan, f'konformità mal-liġi tal-Unjoni u dik internazzjonali, b'kont meħud tal-ksur serju tar--Russja tal-projbizzjoni fuq l-użu tal-forza minquxa fl-Artikolu 2(4) tal-Karta tan- Nazzjonijiet Uniti u l-prinċipju tar-responsabbiltà tal-Istat għal atti internazzjonalment illegali, inkluż l-obbligu li tikkumpensa għad-dannu kkawżat li jista' jiġi vvalutat finanzjarjament. Huwa importanti li, fost l-oħrajn, isir progress, f'koordinazzjoni mas-sħab internazzjonali, fl-analiżi ta' kif id-dħul straordinarju miżmum minn entitajiet privati li jirriżulta direttament mill-assi Russi mmobilizzati jista' jiġi dirett biex jappoġġa l-irkupru u r-rikostruzzjoni tal-Ukrajna, f'konsistenza mal-obbligi b’mod li jkun konsistenti mal-obbligi kunntrattwali applikabbli, u f'konformità mal-liġi tal-Unjoni u dik internazzjonali. |
|
(48) |
Jenħtieġ li l-ammont massimu globali għall-appoġġ tal-Unjoni taħt il-Faċilità li jkun ta' EUR 50 biljun fi prezzijiet attwali għall-perjodu mill-2024 sal-2027 għat-tipi kollha ta' appoġġ. Fid-dawl taċ-ċirkostanzi li qed jevolvu u tal-objettivi tal-Faċilità nnifisha, l-appoġġ tal-Unjoni jeħtieġ li jipprovdi bilanċ bejn il-flessibbiltà u l-programmabbiltà. |
|
(49) |
Fir-rigward tal-appoġġ tal-Unjoni għajr fil-forma ta' self, jenħtieġ li dan ir-Regolament jiġi ffinanzjat mir-Riżerva tal-Ukrajna, u jiġi applikat konsistament magħha, kif previst fir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2020/2093 (30), f’ammont sa EUR 17-il biljun għall-perjodu mill-2024 sal-2027. Dak l-ammont massimu ma jikkostitwix l-ammont ta' referenza primarja, fis-sens tal-punt 18 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-16 Diċembru 2020 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji baġitarji u dwar ġestjoni finanzjarja tajba, kif ukoll dwar riżorsi proprji ġodda (31), inkluż pjan direzzjonali lejn l-introduzzjoni ta' riżorsi proprji ġodda, għall-Parlament Ewropew u l-Kunsill matul il-proċedura baġitarja annwali. Dħul potenzjali jista' jiġi ġġenerat skont l-atti legali rilevanti rigward l-użu ta' dħul imprevist minn entitajiet privati li jirriżulta direttament mill-assi immobilizzati tal-Bank Ċentrali tar-Russja. |
|
(50) |
F'konformità mal-Artikolu 10b għar-Regolament (UE, Euratom) 2020/2093 jenħtieġ li l-mobilizzazzjoni tar-Riżerva tal-Ukrajna tippermetti l-provvista ta' ammont massimu annwali għall-appoġġ għajr fil-forma ta' self ta' EUR 5 biljun. Jenħtieġ li l-porzjon mhux użat tal-ammont massimu annwali tal-appoġġ għajr fil-forma ta’ self jibqa' disponibbli għall-bqija tal-perjodu li għalih hija stabbilita l-Faċilità. |
|
(51) |
Fil-qafas tal-miżuri restrittivi tal-Unjoni, adottati abbażi tal-Artikolu 29 tat-TUE u 215(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), l-ebda fondi jew riżorsi ekonomiċi ma jistgħu jsiru disponibbli, direttament jew indirettament, lil jew għall-benefiċċju ta' persuni ġuridiċi, entitajiet jew korpi indikati. Tali persuni ġuridiċi, entitajiet jew korpi indikati, u persuni ġuridiċi, entitajiet jew korpi li huma proprjetà tagħhom jew ikkontrollati minnhom, ma jistgħux, għalhekk, jiġu appoġġati mill-Faċilità. |
|
(52) |
Jenħtieġ li l-approprjazzjonijiet ta' impenn u l-approprjazzjonijiet ta' pagament korrispondenti mir-Riżerva tal-Ukrajna jiġu mobilizzati kull sena fil-baġit lil hinn mil-limiti massimi tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali. |
|
(53) |
Għall-parti tal-appoġġ taħt il-Faċilità pprovduta fil-forma ta' self, huwa xieraq li l-garanzija tal-baġit tal-Unjoni tiġi estiża biex tkopri l-assistenza finanzjarja li ssir disponibbli għall-Ukrajna, awtorizzata f'konformità mal-Artikolu 220(1) tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (32). B'konsegwenza ta' dan, ir-Regolament (UE, Euratom) 2020/2093 jimmobilizza l-approprjazzjonijiet neċessarji fil-baġit tal-Unjoni lil hinn mil-limiti massimi tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali għall-assistenza finanzjarja lill-Ukrajna disponibbli sa tmiem l-2027. |
|
(54) |
Filwaqt li jiġi rrispettat il-prinċipju tal-annwalit tal-baġit tal-Unjoni, jenħtieġ li tiġi prevista l-possibbiltà li jiġu applikati l-flessibbiltajiet f'konformità mar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 għal politiki oħra, jiġifieri għar-riporti u għar-riimpenji tal-fondi, biex jiġi żgurat l-użu effiċjenti tal-fondi tal-Unjoni, u b'hekk jiġu massimizzati l-fondi tal-Unjoni disponibbli taħt il-Faċilità. |
|
(55) |
Jenħtieġ li r-restrizzjonijiet tal-eliġibbiltà fil-proċeduri ta' aġġudikazzjoni taħt il-Faċilità jiġu previsti fejn xieraq minħabba n-natura speċifika tal-attività jew meta l-attività taffettwa s-sigurtà jew l-ordni pubbliku. |
|
(56) |
Sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni effiċjenti tal-Faċilità, l-Ukrajna teħtieġ li tipprovdi aċċess pubbliku għall-informazzjoni dwar opportunitajiet ta' finanzjament taħt il-Faċilità u tiżgura kompetizzjoni ħielsa u ġusta matul il-proċessi tas-sejħa għall-offerti u tal-allokazzjoni tal-għotjiet imwettqa taħt il-Faċilità. Jenħtieġ li l-Faċilità tikkontribwixxi għall-faċilitazzjoni tal-integrazzjoni tal-Ukrajna fil-ktajjen tal-valur Ewropej bir-riżultat li l-provvisti u l-materjali kollha ffinanzjati u akkwistati taħt il-Faċilità joriġinaw mill-Istati Membri, mill-Ukrajna, mis-sħab tal-Balkani tal-Punent, mill-Georgia u mill-Moldova, mill-Partijiet Kontraenti għall-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, u minn pajjiżi li jipprovdu livell ta' appoġġ lill-Ukrajna komparabbli ma' dak ipprovdut mill-Unjoni, filwaqt li jitqies id-daqs tal-ekonomiji tagħhom, u li għalihom il-Kummissjoni tistabbilixxi aċċess reċiproku għall-assistenza esterna fl-Ukrajna, sakemm il-provvisti u l-materjali ma jkunux jistgħu jinkisbu taħt kundizzjonijiet raġonevoli fi kwalunkwe wieħed minn dawk il-pajjiżi. F'dan l-aħħar każ jenħtieġ li l-Kummissjoni żżomm lill-Kunsill infurmat b’dan. |
|
(57) |
Jenħtieġ li l-Unjoni tfittex l-aktar użu effiċjenti tar-riżorsi disponibbli sabiex tottimizza l-impatt tal-azzjoni esterna tagħha. Dan jenħtieġ li jinkiseb permezz ta' koerenza, konsistenza u komplementarjetà mal-istrumenti ta' finanzjament estern l-oħra tal-Unjoni, kif ukoll permezz ta' sinerġiji ma' politiki u programmi oħra tal-Unjoni. Sabiex jiġi massimizzat l-impatt tal-interventi kkombinati biex jinkiseb objettiv komuni, il-Faċilità tkun tista' tikkontribwixxi għal attivitajiet taħt programmi oħra mingħajr ma tikkawża duplikazzjoni tal-miżuri ta' appoġġ. |
|
(58) |
Jenħtieġ li l-Unjoni tippromwovi approċċ multilaterali, ibbażat fuq ir-regoli u bbażat fuq il-valuri għall-oġġetti u l-isfidi globali u jenħtieġ li tikkoopera mal-Istati Membri, mal-pajjiżi sħab, mal-organizzazzjonijiet internazzjonali u ma' donaturi oħra f'dak ir-rigward. |
|
(59) |
Fid-dawl tal-ħtieġa li jiġi kkoordinat l-appoġġ internazzjonali għall-irkupru, ir-rikostruzzjoni u l-modernizzazzjoni tal-Ukrajna, jenħtieġ li jkun possibbli li l-Istati Membri, il-pajjiżi terzi, l-organizzazzjonijiet internazzjonali, l-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali jew sorsi oħra jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni tal-Faċilità. Jenħtieġ li tali kontribuzzjonijiet jiġu implimentati f'konformità mal-istess regoli u kundizzjonijiet u jenħtieġ li jikkostitwixxu dħul assenjat estern skont it-tifsira tal-Artikolu 21(2), il-punti (a)(ii), (d) u (e) tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046. Jenħtieġ li l-appoġġ taħt il-Faċilità, għandu, sa fejn ikun possibbli, jiġi integrat fi sforzi internazzjonali għal arkitettura finanzjarja għall-irkupru tal-Ukrajna u jkun ikkoordinat mad-donaturi u l-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali rilevanti. |
|
(60) |
Jenħtieġ li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jiżguraw il-koerenza, il-konsistenza, il-komplementarjetà u t-trasparenza tal-appoġġ tagħhom, b'mod partikolari permezz ta' konsultazzjonijiet regolari u skambji frekwenti ta' informazzjoni matul il-fażijiet differenti taċ-ċiklu tal-appoġġ mal-partijiet ikkonċernati rilevanti, inkluż f'livell lokali u reġjonali. Fid-dawl tal-preżenza ta' diversi donaturi internazzjonali, jenħtieġ li jittieħdu wkoll il-passi meħtieġa biex jiġu żgurati koordinazzjoni u komplementarjetà aħjar ma' donaturi oħra, inkluż permezz ta' konsultazzjonijiet regolari u sensibilizzazzjoni strateġika. F'dan ir-rigward, jenħtieġ li l-Pjattaforma ta' Koordinazzjoni tad-Donaturi b'Diversi Aġenziji għall-Ukrajna tintuża bħala forum diġà stabbilit għal tali skambju. |
|
(61) |
Jenħtieġ li r-regoli finanzjarji orizzontali adottati mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill fuq il-bażi tal-Artikolu 322 tat-TFUE japplikaw għal dan ir-Regolament. Dawk ir-regoli huma stipulati fir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 u jiddeterminaw b'mod partikolari l-proċeduri għall-istabbiliment u l-implimentazzjoni tal-baġit permezz ta' għotjiet, premjijiet, akkwist, ġestjoni indiretta, strumenti finanzjarji, garanziji baġitarji, assistenza finanzjarja u r-rimborż ta' esperti esterni, u jipprevedu kontrolli dwar ir-responsabbiltà tal-atturi finanzjarji. |
|
(62) |
Jenħtieġ li t-tipi ta' finanzjament u l-metodi ta' implimentazzjoni skont dan ir-Regolament jintgħażlu abbażi tal-kapaċità tagħhom li jiksbu l-objettivi tal-Faċilità u li jagħtu r-riżultati, filwaqt li jitqiesu, b'mod partikolari, il-kostijiet tal-kontrolli, il-piżijiet amministrattivi, u r-riskju mistenni ta' nuqqas ta' konformità. Dan jenħtieġ li jinkludi kunsiderazzjoni tal-użu ta' somom f'daqqa, rati fissi u kostijiet unitarji, kif ukoll finanzjament mhux marbut ma' kostijiet kif imsemmi fl-Artikolu 125(1), il-punt (a), tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046. |
|
(63) |
Jenħtieġ li jiġi konkluż ftehim qafas mal-Ukrajna biex jiġu stabbiliti l-prinċipji tal-kooperazzjoni finanzjarja bejn l-Unjoni u l-Ukrajna, inkluż il-mekkaniżmi meħtieġa għall-kontroll u l-awditjar tal-infiq, u li jiġi żgurat li l-Ukrajna tikseb livell għoli ta' protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni, komparabbli ma' dak previst fir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 u leġiżlazzjoni oħra relatata tal-Unjoni (il-“Ftehim ta’ Qafas”). Il-ftehimiet ta' finanzjament u self jenħtieġ li jiġu konklużi wkoll mal-Ukrajna, fejn xieraq skont il-pilastru kkonċernat, biex jiġu definiti l-kundizzjonijiet għar-rilaxx tal-fondi. |
|
(64) |
B'deroga mill-ewwel, it-tieni u r-raba' subparagrafi tal-Artikolu 209(3) tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046, huwa xieraq li jkun jenħtieġ li r-ripagamenti u d-dħul iġġenerat minn strument finanzjarju appoġġat taħt dan ir-Regolament għandhom jikkostitwixxu dħul assenjat intern lill-Faċilità jew il-programm suċċessur tagħha. |
|
(65) |
B'deroga mill-Artikolu 213(4), il-punt (a), tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046, huwa xieraq li kwalunkwe surplus mid-dispożizzjoni għall-Garanzija għall-Ukrajna jikkostitwixxi dħul assenjat intern lill-Faċilità jew il-programm suċċessur tagħha. |
|
(66) |
Skont il-Pilastru I tal-Faċilità, jenħtieġ li jiġi pprovdut finanzjament biex jappoġġa l-implimentazzjoni tal-Pjan għall-Ukrajna li jistabbilixxi l-aġenda ta' riforma u investiment tal-Ukrajna lejn il-kisba tal-objettivi ġenerali u speċifiċi tal-Faċilità, li jenħtieġ li jiġu integrati wkoll f'qafas ta' politika ekonomika u fiskali. Jenħtieġ li l-finanzjament skont il-Pilastru I jiġi pprovdut meta jiġu ssodisfati b’mod adegwat il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-Pjan għall-Ukrajna. |
|
(67) |
Jenħtieġ li l-Ukrajna tħejji l-Pjan għall-Ukrajna bħala rispons koerenti, komprensiv u bbilanċjat b'mod adegwat għall-bini mill-ġdid u l-immodernizzar tal-Ukrajna, filwaqt li tappoġġa l-irkupru ekonomiku, soċjali u ambjentali tagħha, l-iżvilupp sostenibbli u l-progress tagħha lejn l-adeżjoni mal-Unjoni. Bħala tali, il-Pjan għall-Ukrajna jipprovdi wkoll bażi għal donaturi oħra biex jidentifikaw l-oqsma ta' finanzjament ta' prijorità għar-rikostruzzjoni tal-Ukrajna u jrawmu s-sjieda, il-koerenza u kontribuzzjonijiet addizzjonali għal dak l-għan. Għal dak l-għan, jenħtieġ li l-Ukrajna tiżgura li l-Pjan għall-Ukrajna kif imħejji jkopri l-ħtiġijiet ta' rkupru, rikostruzzjoni u modernizzazzjoni tagħha b'mod integrat, filwaqt li tidentifika sa liema punt il-miżuri tal-Pjan għall-Ukrajna huma mistennija li jiġu ffinanzjati mill-Unjoni permezz tal-Faċilità. Fit-tħejjija tal-Pjan għall-Ukrajna, jenħtieġ li l-Ukrajna tqis l-appoġġ ipprovdut taħt programmi oħra tal-Unjoni kif ukoll appoġġ minn donaturi oħra. Jenħtieġ li l-Ukrajna tiżviluppa l-Pjan għall-Ukrajna li jiżgura li donaturi oħra jkunu jistgħu jikkontribwixxu għall-appoġġ tal-miżuri tal-Pjan għall-Ukrajna, inkluż billi jiżdied il-finanzjament disponibbli taħt il-Faċilità. Jenħtieġ li l-Pjan għall-Ukrajna jiżgura li jkun hemm koordinazzjoni u komplementarjetà xierqa mad-donaturi rilevanti u mal-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali. |
|
(68) |
Filwaqt li jenħtieġ li l-Pjan għall-Ukrajna jikkostitwixxi l-bażi għall-appoġġ ipprovdut taħt il-Pilastru I tal-Faċilità, jenħtieġ li jipprovdi wkoll referenza għall-appoġġ pprovdut taħt il-Pilastri II u III tal-Faċilità. Jenħtieġ li l-miżuri ffinanzjati taħt il-Pilastri II u III jappoġġaw l-objettivi u l-implimentazzjoni tal-Pjan għall-Ukrajna. |
|
(69) |
Jenħtieġ li l-Pjan għall-Ukrajna jinkludi miżuri ta' riforma u ta' investiment, flimkien mal-passi kwalitattivi u kwantitattivi biex jinkiseb it-twettiq sodisfaċenti ta' dawk il-miżuri u skeda ta' żmien indikattiva għall-implimentazzjoni tagħhom. Jenħtieġ li l-miżuri li bdew mill-1 ta' Jannar 2023 'il quddiem ikunu eliġibbli b'mod eċċezzjonali. |
|
(70) |
Jenħtieġ li l-Pjan għall-Ukrajna jistipula kundizzjonijiet li jirriflettu l-progress li mistenni jsir fl-implimentazzjoni tal-miżuri li fih. Jenħtieġ li dawk il-kundizzjonijiet jieħdu l-forma ta' passi kwalitattivi jew kwantitattivi. Jenħtieġ li dawk il-passi jiġu implimentati sal-31 ta' Diċembru 2027, għalkemm jenħtieġ li tkun possibbli li t-tlestija ġenerali tal-miżuri li għalihom jirreferu dawn il-passi testendi lil hinn mill-2027. Minħabba l-ħtieġa li tiġi żgurata l-istabbiltà makrofinanzjarja tal-Ukrajna filwaqt li jiġu appoġġati l-isforzi tagħha ta' rkupru, rikostruzzjoni u modernizzazzjoni fid-dawl tal-adeżjoni mal-Unjoni, jenħtieġ li l-Pjan għall-Ukrajna, b'mod partikolari, jinkludi kundizzjonijiet marbuta ma' rekwiżiti essenzjali bħall-istabbiltà makrofinanzjarja, is-sorveljanza baġitarja, u l-ġestjoni finanzjarja pubblika, li jistgħu jiġu definiti sabiex jirriflettu l-progress sodisfaċenti lejn it-twettiq, u r-riformi u l-investimenti settorjali u strutturali. Għalhekk jenħtieġ li l-pagamenti jkunu strutturati madwar tali kategoriji ta' kundizzjonijiet, li jirriflettu l-objettivi tal-Faċilità. |
|
(71) |
Jenħtieġ li t-tħejjija u l-implimentazzjoni tal-Pjan għall-Ukrajna jqisu b'mod partikolari s-sitwazzjoni fir-reġjuni u l-muniċipalitajiet tal-Ukrajna, filwaqt li jitqiesu l-ħtiġijiet speċifiċi tagħhom għall-irkupru u r-rikostruzzjoni, ir-riforma, il-modernizzazzjoni u d-deċentralizzazzjoni, u jenħtieġ li jsiru f'konsultazzjoni sinifikattiv mal-awtoritajiet reġjonali, lokali, urbani u awtoritajiet pubbliċi oħra kif ukoll mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, f'konformità mal-prinċipju tal-governanza f'diversi livelli u filwaqt li jitqies approċċ minn isfel għal fuq. Meta disponibbli, jenħtieġ li jitqiesu l-pjanijiet ta' rkupru lokali. F'dan il-kuntest, jenħtieġ li l-Pjan għall-Ukrajna b'mod partikolari jsaħħaħ l-iżvilupp ekonomiku, soċjali, ambjentali u territorjali tar-reġjuni u l-muniċipalitajiet tal-Ukrajna u jappoġġa r-riforma tad-deċentralizzazzjoni madwar l-Ukrajna u l-konverġenza mal-istandards tal-Unjoni. Il-Pjan għall-Ukrajna jenħtieġ li jiżgura wkoll l-involviment tal-awtoritajiet sottonazzjonali, b'mod partikolari l-muniċipalitajiet, fit-teħid tad-deċiżjonijiet dwar l-użu tal-appoġġ fil-proċess ta' rikostruzzjoni fil-livell lokali, u li l-proġetti ta' rikostruzzjoni magħżula u implimentati minn tali awtoritajiet sottonazzjonali jikkostitwixxu sehem sostanzjali adegwat tal-appoġġ. |
|
(72) |
It-tlestija tar-riforma ta' deċentralizzazzjoni bħala element sostenibbli u irriversibbli tal-governanza f'diversi livelli fl-Ukrajna hija prijorità importanti. Jenħtieġ li dik ir-riforma tinkludi delineazzjoni ċara tas-setgħat bejn il-livelli ċentrali u lokali, strutturi interni xierqa għall-amministrazzjonijiet muniċipali, u qafas proporzjonat ta' superviżjoni tal-awtoritajiet lokali f'konformità mal-Karta Ewropea dwar l-Awtonomija Lokali, kif ukoll it-tkomplija tal-ħidma fuq l-għoti ta' personalità ġuridika lill-muniċipalitajiet skont il-liġi pubblika abbażi tal-prattika Ewropea u f'konformità mal-ordni kostituzzjonali tal-Ukrajna. |
|
(73) |
Jenħtieġ li l-Pjan għall-Ukrajna jinkludi wkoll spjegazzjoni dettaljata tas-sistema u l-miżuri ppjanati tal-Ukrajna biex tipprevjeni, tidentifika u tikkoreġi irregolaritajiet, korruzzjoni u b'mod partikolari frodi, kull forma ta' korruzzjoni, inkluż il-korruzzjoni fil-livelli għolja, jew kwalunkwe attività illegali oħra li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, u kunflitti ta' interess; spjegazzjoni dettaljata tas-sistema tagħha u tal-miżuri ppjanati biex tinvestiga u tħarrek b'mod effettiv ir-reati li jaffettwaw il-fondi pprovduti taħt il-Faċilità, u spjegazzjoni dettaljata tal-arranġamenti li għandhom l-għan li jevitaw il-finanzjament doppju mill-Faċilità u minn programmi jew donaturi oħra tal-Unjoni. Jenħtieġ li l-miżuri taħt il-Pjan għall-Ukrajna, fejn xieraq, jikkontribwixxu biex tiġi żgurata sistema ta' ġestjoni u kontroll effiċjenti u trasparenti. Jenħtieġ li tali miżuri jiġu implimentati mill-Ukrajna sa data indikattiva li jenħtieġ li tiġi stabbilita, kif xieraq skont kull miżura, matul il-ħajja tal-Faċilità. |
|
(74) |
Jenħtieġ li l-Kummissjoni tivvaluta l-Pjan għall-Ukrajna abbażi tal-lista ta' kriterji stipulati f'dan ir-Regolament. Fil-każ ta' valutazzjoni pożittiva tal-Pjan għall-Ukrajna, jenħtieġ li l-Kummissjoni tippreżenta proposta għall-approvazzjoni tal-Pjan għall-Ukrajna mill-Kunsill. |
|
(75) |
Minħabba inċertezzi u l-ħtieġa ta' flessibbiltà fl-implimentazzjoni tal-Faċilità, jenħtieġ li jkun possibbli li l-Ukrajna tagħmel talba motivata lill-Kummissjoni biex tippreżenta proposta biex temenda d-deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kunsill li tapprova l-valutazzjoni tal-Pjan għall-Ukrajna, fejn il-Pjan għall-Ukrajna, inkluż il-passi kwalitattivi u kwantitattivi rilevanti, ma jkunx għadu jista' jinkiseb mill-Ukrajna, la parzjalment u lanqas totalment, minħabba ċirkostanzi oġġettivi. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tkun tista', bi qbil mal-Ukrajna, tippreżenta wkoll proposta biex temenda dik id-deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kunsill, b'mod partikolari biex tqis bidliet fiċ-ċirkostanzi li jippermettu żieda fl-ambizzjoni jew bidla tal-ammonti disponibbli. Jenħtieġ ukoll li l-Ukrajna tkun tista' tagħmel talba motivata biex jiġi emendat il-Pjan għall-Ukrajna, inkluż billi tipproponi addenda fejn rilevanti, biex tqis il-finanzjament addizzjonali disponibbli minn donaturi oħra jew minn sorsi oħra. |
|
(76) |
Jenħtieġ li l-appoġġ finanzjarju għall-Pjan għall-Ukrajna jkun possibbli fil-forma ta' self. Fil-kuntest tal-ħtiġijiet ta' finanzjament urġenti tal-Ukrajna, huwa xieraq li tiġi organizzata assistenza finanzjarja skont l-istrateġija ta' finanzjament diversifikata prevista fl-Artikolu 220a tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 u stabbilita bħala metodu uniku ta' finanzjament fih, li huwa mistenni li jtejjeb il-likwidità tal-bonds tal-Unjoni u l-attraenza u l-kosteffettività tal-ħruġ tal-Unjoni. |
|
(77) |
Minħabba s-sitwazzjoni tal-Ukrajna kkawżata mill-gwerra ta' aggressjoni tar-Russja, u biex tappoġġaha fit-triq tal-istabbiltà fit-tul tagħha, huwa xieraq li jingħata self lill-Ukrajna fuq termini konċessjonali ħafna b'durata massima ta' 35 sena u li ma jinbediex ir-ripagament tal-kapital qabel l-2034. Huwa xieraq ukoll li ssir deroga mill-Artikolu 220(5), il-punt (e), tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 u li l-Unjoni tingħata l-possibbiltà li tkopri, għall-perjodu mill-1 ta' Jannar 2024 sal-31 ta' Diċembru 2027, il-kostijiet tar-rata tal-imgħax (il-kost tal-finanzjament u l-kost tal-ġestjoni tal-likwidità) u li tirrinunzja l-kostijiet amministrattivi (il-kost tas-servizz għall-kostijiet ġenerali amministrattivi) li altrimenti jiġġarrbu mill-Ukrajna. Is-sussidju għall-kostijiet tat-teħid b'self jenħtieġ li jingħata bħala strument meqjus xieraq biex tiġi żgurata l-effettività tal-appoġġ taħt il-Faċilità skont it-tifsira tal-Artikolu 220(1) tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046. |
|
(78) |
Jenħtieġ li jkun possibbli għall-Ukrajna li titlob sussidju tar-rata tal-imgħax u rinunzja tal-kostijiet amministrattivi kull sena. |
|
(79) |
B’deroga mill-Artikolu 31(3) tar-Regolament (UE) 2021/947, jenħtieġ li l-obbligazzjoni finanzjarja minn self skont dan ir-Regolament ma tkunx appoġġata mill-Garanzija għall-Azzjoni Esterna, stabbilita b’dak ir-Regolament. Appoġġ fil-forma ta’ self taħt il-Faċilità jenħtieġ li jikkostitwixxi assistenza finanzjarja skont it-tifsira tal-Artikolu 220(1) tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046. Meta jitqiesu r-riskji finanzjarji u l-kopertura baġitarja, jenħtieġ li ma jiġi kkostitwit l-ebda proviżjonament għall-appoġġ fil-forma ta' self taħt il-Faċilità, li jiġi garantit lil hinn mil-limiti massimi, u, b'deroga mill-Artikolu 211(1) tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046, jenħtieġ li ma tiġi stabbilita l-ebda rata ta' proviżjonament. |
|
(80) |
Huwa importanti li jiġu ggarantiti kemm il-flessibbiltà u l-programmabbiltà kif ukoll l-istabbiltà fl-għoti ta' appoġġ tal-Unjoni lill-Ukrajna. Għal dak l-għan, jenħtieġ li l-pagamenti taħt il-Faċilità jsiru skont skeda fissa trimestrali, soġġett għad-disponibbiltà ta' finanzjament, abbażi ta' talba għal pagament ippreżentata mill-Ukrajna u wara l-valutazzjoni mill-Kummissjoni tal-issodisfar adegwat tal-kundizzjonijiet rilevanti. Fil-każ ta' valutazzjoni pożittiva, jenħtieġ li l-Kummissjoni tippreżenta mingħajr dewmien żejjed proposta għal deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kunsill li tistabbilixxi l-issodisfar adegwat tal-kundizzjonijiet għall-pagamenti. Abbażi ta’ dik id-deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kunsill, jenħtieġ li l-Kummissjoni tadotta deċiżjoni li tawtorizza l-iżborż. Meta kundizzjoni ma tiġix issodisfata f'konformità mal-iskeda ta' żmien indikattiva stabbilita fid-deċiżjoni li tapprova l-Pjan għall-Ukrajna, jenħtieġ li l-Kummissjoni tnaqqas mill-pagament ammont li jikkorrispondi għal dawk il-kundizzjonijiet, skont metodoloġija għal pagament parzjali. L-iżborż tal-fondi miżmuma korrispondenti jista' jsir matul il-perjodu ta' pagament li jmiss u sa 12-il xahar wara l-iskadenza oriġinali stipulata fl-iskeda ta' żmien indikattiva, dment li l-kundizzjonijiet ikunu ġew issodisfati. |
|
(81) |
Sabiex jiġi żgurat li l-Ukrajna jkollha aċċess għal finanzjament suffiċjenti biex taqdi l-ħtiġijiet ta' stabbiltà makrofinanzjarja tagħha u tibda l-irkupru, ir-rikostruzzjoni u l-modernizzazzjoni tal-pajjiż, jenħtieġ li l-Ukrajna jkollha aċċess għal sa 7 % tal-appoġġ għal self fil-forma ta' prefinanzjament, soġġett għad-disponibbiltà tal-finanzjament u għar-rispett tal-prekundizzjoni għall-appoġġ lill-Ukrajna taħt il-Faċilità. |
|
(82) |
B'deroga mill-Artikolu 116(2) u (5) tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046, huwa xieraq li tiġi stabbilita l-iskadenza tal-pagament biex tibda mid-data tal-komunikazzjoni tad-deċiżjoni li tawtorizza l-iżborż lill-Ukrajna u li jiġi eskluż il-pagament ta' imgħax ta' inadempjenza mill-Kummissjoni lill-Ukrajna. |
|
(83) |
Fid-dawl tal-ħtieġa li tiġi żgurata l-istabbiltà makrofinanzjarja kontinwa tal-Ukrajna, huwa xieraq li, jekk il-Ftehim Qafas ma jiġix iffirmat jew il-Pjan għall-Ukrajna ma jiġix adottat, jenħtieġ li jingħata appoġġ eċċezzjonali lill-Ukrajna għal perjodu ta' mhux aktar minn sitt xhur li jibda mill-1 ta' Jannar 2024. Jenħtieġ li dak l-appoġġ ikun soġġett għal progress sodisfaċenti li l-Ukrajna tkun għamlet fit-tħejjija tal-Pjan għall-Ukrajna u għall-kundizzjonijiet li għandhom jiġu miftiehma f'Memorandum ta' Qbil (MtQ) bejn il-Kummissjoni u l-Ukrajna. Jenħtieġ li l-MtQ b'mod partikolari jistabbilixxi kundizzjonijiet ta' politika, ippjanar finanzjarju indikattiv u r-rekwiżiti ta' rappurtar, proporzjonati għat-tul ta' żmien tal-finanzjament. Jenħtieġ li l-kundizzjonijiet ta' politika jinkludu impenn għall-prinċipji ta' ġestjoni finanzjarja tajba b'enfasi fuq il-ġlieda kontra l-korruzzjoni u kontra l-ħasil tal-flus, kif ukoll miżuri biex tittejjeb il-ġestjoni tad-dħul, u jenħtieġ li jibnu fuq il-miżuri diġà implimentati mill-Ukrajna taħt programmi preċedenti ta' assistenza makrofinanzjarja. |
|
(84) |
It-trasparenza fl-implimentazzjoni tal-Faċilità hija rekwiżit importanti tal-appoġġ tal-Unjoni. Jenħtieġ li l-Ukrajna tippubblika data, darbtejn fis-sena, dwar persuni u entitajiet li jirċievu ammonti ta' finanzjament li jaqbżu b'mod kumulattiv l-ekwivalenti ta' EUR 100 000 għall-implimentazzjoni tar-riformi u l-investimenti speċifikati fil-Pjan għall-Ukrajna. Jenħtieġ li dik id-data ma tiġix ippubblikata, jekk debitament iġġustifikata, meta d-divulgazzjoni tirriskja li thedded id-drittijiet u l-libertajiet tal-persuni jew l-entitajiet ikkonċernati jew li tagħmel ħsara serja lill-interessi kummerċjali tar-riċevituri. Jenħtieġ li l-Ftehim Qafas jinkludi regoli preċiżi u skeda ta' żmien dwar il-ġbir ta' data mill-Ukrajna, dwar il-format ta’ dik id-data u dwar l-aċċess għall-Kummissjoni, l-Uffiċċju Ewropew ta' Kontra l-Frodi (OLAF), il-Qorti Ewropea tal-Awdituri u, fejn applikabbli, l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (“l-UPPE”) għal dik id-data. |
|
(85) |
Taħt il-Pilastru II tal-Faċilità, jenħtieġ li jiġi stabbilit qafas ta' investiment, bl-għan li jappoġġa l-investimenti ta' rkupru u rikostruzzjoni mwettqa mill-awtoritajiet Ukreni, kumpaniji tas-settur privat, muniċipalitajiet, intrapriżi tal-istat jew atturi oħra (il-“Qafas ta’ Investiment għall-Ukrajna”). Jenħtieġ li l-Qafas ta' Investiment għall-Ukrajna jindirizza l-prijoritajiet identifikati fil-Pjan għall-Ukrajna, u jappoġġa l-objettivi u l-implimentazzjoni tiegħu. Jenħtieġ li l-Qafas ta' Investiment għall-Ukrajna jinvolvi lill-awtoritajiet Ukreni fil-governanza tiegħu kif xieraq. |
|
(86) |
Jenħtieġ li Qafas ta’ Investiment għall-Ukrajna. jikkostitwixxi pakkett finanzjarju integrat li jipprovdi kapaċità ta' finanzjament fil-forma ta' strumenti finanzjarji, garanziji baġitarji u operazzjonijiet ta' taħlit fl-Ukrajna. Jenħtieġ li l-appoġġ taħt il-Qafas ta' Investiment għall-Ukrajna jiġi implimentat permezz ta’ ġestjoni indiretta, b'mod partikolari bl-użu tal-kapaċitajiet finanzjarji u tekniċi tal-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali, tal-istituzzjonijiet finanzjarji Ewropej għall-iżvilupp, tal-istituzzjonijiet finanzjarji Ewropej bilaterali u tal-aġenziji ta' kreditu għall-esportazzjoni inkluż il-parteċipazzjoni tagħhom għar-riskju marbut mal-investimenti bir-riżorsi proprji tagħhom. Minħabba l-iskala tal-investimenti ta' rkupru u rikostruzzjoni fl-Ukrajna li ser jeħtieġu l-kondiviżjoni tar-riskju, huwa meħtieġ li l-Unjoni tistabbilixxi kapaċità ta' garanzija ddedikata (il-“Garanzija għall-Ukrajna”). L-operazzjonijiet koperti mill-Garanzija għall-Ukrajna għandhom jiġu implimentati f'konformità mal-Artikolu 208(4) tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046. L-aġenziji tal-kreditu għall-esportazzjoni u istituzzjonijiet finanzjarji oħra li jipprovdu appoġġ għall-faċilitazzjoni tal-kummerċ jistgħu jaġixxu bħala intermedjarji finanzjarji. Fl-implimentazzjoni u l-ġestjoni tal-Garanzija għall-Ukrajna, jenħtieġ li l-Kummissjoni tiżgura koordinazzjoni mill-qrib mal-appoġġ implimentat fil-qafas tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Sostenibbli Plus stabbilit bir-Regolament (UE) 2021/947. Jenħtieġ li l-Garanzija għall-Ukrajna tkun ta' benefiċċju għall-entitajiet sovrani, sottosovrani, mhux kummerċjali u kummerċjali u għas-settur privat. |
|
(87) |
Minħabba r-rwol tiegħu skont it-Trattati, jenħtieġ li l-BEI jkun sieħeb fl-implimentazzjoni tal-operazzjonijiet taħt il-Garanzija għall-Ukrajna. Għal din ir-raġuni, jenħtieġ li l-Grupp tal-BEI jiġi fdat sal-31 ta' Diċembru 2025 bl-implimentazzjoni ta' ammont minimu indikattiv iddedikat ta' 25 % tal-Garanzija għall-Ukrajna għal operazzjonijiet ma' kontropartijiet sovrani u kontropartijiet sottosovrani mhux kummerċjali. Wara dik id-data, jenħtieġ li l-parti mhux użata tal-ammonti ddedikati ssir disponibbli għall-kontropartijiet eliġibbli kollha għat-tipi kollha ta' operazzjonijiet sabiex jiġi żgurat l-użu sħiħ tal-Garanzija għall-Ukrajna. |
|
(88) |
Jenħtieġ li l-kontropartijiet eliġibbli, fuq talba, jipprovdu lill-Kummissjoni bi kwalunkwe informazzjoni addizzjonali meħtieġa biex jitwettqu l-obbligi tal-Kummissjoni skont dan ir-Regolament, flimkien ma' informazzjoni rigward il-konformità mad-drittijiet tal-bniedem, u l-istandards soċjali, tax-xogħol u ambjentali. |
|
(89) |
Il-kontropartijiet eliġibbli u l-entitajiet fdati eliġibbli kollha jenħtieġ li jieħdu l-akbar ħsieb biex jevitaw, jirrapportaw u jiġġieldu kwalunkwe prattika korrotta, favoritiżmu jew konċentrazzjoni reġjonali jew settorjali indebita tal-allokazzjoni jew tal-użu tar-riżorsi u jenħtieġ li jirrikjedu rappurtar u awditjar iddedikati dwar dawk l-aspetti, fejn rilevanti. |
|
(90) |
Jenħtieġ li l-flessibbiltà tal-appoġġ taħt il-Faċilità tissaħħaħ billi tiġi prevista implimentazzjoni flessibbli tal-Garanzija għall-Ukrajna, li tista' tingħata gradwalment. Huwa xieraq li ssir deroga mir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 biex il-kostituzzjoni tal-proviżjonament sal-31 ta' Diċembru 2027 tkun tista' tkun ugwali għall-ammont ta' proviżjonament li jikkorrispondi għall-garanzija mogħtija minflok l-ammont ta' proviżjonament globali. Bħala parti mid-deroga, jenħtieġ li jkun possibbli wkoll li l-proviżjonament jiġi kkostitwit gradwalment biex jirrifletti l-progress fl-għażla u l-implimentazzjoni tal-operazzjonijiet ta' finanzjament u ta' investiment li jappoġġaw l-objettivi tal-Faċilità. |
|
(91) |
Sabiex il-fondi taħt il-Pilastru II, jintużaw b'mod effiċjenti, jenħtieġ li s-setgħa li jiġu adottati atti f'konformità mal-Artikolu 290 tat-TFUE tiġi ddelegata lill-Kummissjoni fir-rigward tal-emendar tar-rata ta' proviżjonament għall-Garanzija għall-Ukrajna. Huwa ta' importanza partikolari li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa matul il-ħidma preparatorja tagħha, inkluż fil-livell tal-esperti, u li dawk il-konsultazzjonijiet jitwettqu f’konformità mal-prinċipji stabbiliti fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet (33). B’mod partikolari, biex tiġi żgurata parteċipazzjoni ugwali fit-tħejjija ta’ atti delegati, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jirċievu d-dokumenti kollha fl-istess ħin li jirċevuhom l-esperti tal-Istati Membri, u l-esperti tagħhom ikollhom aċċess sistematiku għal-laqgħat tal-gruppi ta’ esperti tal-Kummissjoni li jittrattaw it-tħejjija ta’ atti delegati. |
|
(92) |
Sabiex jiġi ffaċilitat l-investiment privat u l-iżvilupp ta' negozji żgħar u ta' daqs medju, huwa meħtieġ li jiġi ddedikat mill-inqas 15 % tal-garanziji pporvduti mill-Garanzija għall-Ukrajna lill-intrapriżi mikro, żgħar u ta' daqs medju (SMEs), kif definit fl-Artikolu 2 tal-Anness tar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2003/361/KE (34), inklużi start-ups, u li tiġi segwita u rrapportata l-allokazzjoni ta' tali porzjon ta' fondi. |
|
(93) |
Taħt il-Pilastru III tal-Faċilità, jenħtieġ li l-appoġġ ikollu l-għan ewlieni li jallinja progressivament mar-regoli, l-istandards, il-politiki u l-prattiki tal-Unjoni ("l-acquis") bil-ħsieb ta' sħubija futura fl-Unjoni, u b'hekk jikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tal-Pjan għall-Ukrajna. F'dan il-proċess jenħtieġ li jitqiesu wkoll ir-rakkomandazzjonijiet rilevanti ta' korpi internazzjonali, bħall-Kunsill tal-Ewropa u l-Kummissjoni ta' Venezja. Jenħtieġ li l-appoġġ ikollu wkoll l-għan li jsaħħaħ l-istituzzjonijiet demokratiċi u ġudizzjarji, inkluż il-qrati, u l-kapaċitajiet tal-partijiet ikkonċernati, inkluż l-awtoritajiet lokali u reġjonali, is-sħab soċjali u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, inkluż ir-rwol ta' skrutinju pubbliku tagħhom. |
|
(94) |
Jenħtieġ li r-riżorsi mill-Pilastru III jintużaw ukoll biex jiffinanzjaw il-kostijiet tat-teħid b'self tal-Faċilità kif ukoll il-kostijiet tat-teħid b'self identifikati u l-proviżjonament tal-garanziji baġitarji li jirriżultaw minn appoġġ preċedenti għall-Ukrajna. |
|
(95) |
F'konformità mar-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (35), ir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 u r-Regolamenti tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2988/95 (36), (Euratom, KE) Nru 2185/96 (37) u (UE) 2017/1939 (38), l-interessi finanzjarji tal-Unjoni jridu jiġu protetti permezz ta' miżuri effettivi, inkluż miżuri relatati mal-prevenzjoni, id-detezzjoni, il-korrezzjoni u l-investigazzjoni ta' irregolaritajiet, frodi, korruzzjoni, kunflitti ta’ interess, finanzjament doppju, u mal-irkupru ta' fondi mitlufa, imħallsa bi żball jew użati b'mod mhux korrett, u miżuri biex jinvestigaw, iressqu u jtellgħu l-qorti b'mod effettiv ir-reati kriminali li jaffettwaw il-fondi pprovduti taħt il-Faċilità. L-UPPE għandu s-setgħa, f'konformità mar-Regolament (UE) 2017/1939, li jinvestiga u jressaq għall-prosekuzzjoni reati kriminali li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni. Jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti Ukreni jittrattaw, mingħajr dewmien, it-talbiet għal assistenza legali reċiproka u t-talbiet għall-estradizzjoni maħruġa mill-UPPE u mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri fir-rigward ta' reati kriminali li jaffettwaw il-fondi taħt il-Faċilità. |
|
(96) |
B'mod partikolari, f'konformità mar-Regolamenti (Euratom, KE) Nru 2185/96 u (UE, Euratom) Nru 883/2013, l-OLAF jenħtieġ li jkun f'pożizzjoni li jwettaq investigazzjonijiet amministrattivi, inkluż kontrolli u spezzjonijiet fuq il-post, bil-ħsieb li jidentifika u jistabbilixxi jekk kienx hemm frodi, korruzzjoni jew kwalunkwe attività illegali oħra li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni u li tiġi rrapportata kwalunkwe mġiba kriminali lill-UPPE, f'konformità mal-Artikolu 24(1) tar-Regolament (UE) 2017/1939. |
|
(97) |
Jenħtieġ li l-Kummissjoni tagħmel ħilitha biex tagħmel disponibbli għall-Ukrajna sistema waħda integrata u interoperabbli ta' informazzjoni u monitoraġġ li tinkludi għodda unika għall-estrazzjoni tad-data u għall-valutazzjoni tar-riskju biex taċċessa u tanalizza d-data rilevanti, f'konformità prinċipji tal-protezzjoni tad-data tal-Unjoni u mar-regoli applikabbli dwar il-protezzjoni tad-data. Fejn tali sistema tkun disponibbli, jenħtieġ li l-Ukrajna tuża u ddaħħal id-data rilevanti fis-sistema, inkluż bl-użu ta’ appoġġ skont il-Pilastru III. Jenħtieġ li d-data tippermetti lill-Kummissjoni u lill-awtoritajiet Ukreni rilevanti inkarigati mill-implimentazzjoni u l-kontroll tal-fondi jivvalutaw ir-riskji u jipprevjenu l-irregolaritajiet. |
|
(98) |
F'konformità mar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046, jenħtieġ li d-drittijiet u l-aċċess meħtieġa jingħataw lill-Kummissjoni, lill-OLAF, lill-Qorti Ewropea tal-Awdituri u, fejn applikabbli lill-UPPE, inkluż minn partijiet terzi involuti fl-implimentazzjoni tal-fondi tal-Unjoni. Jenħtieġ li l-Ukrajna tirrapporta wkoll irregolaritajiet fir-rigward tal-użu tal-fondi lill-Kummissjoni. |
|
(99) |
It-tisħiħ tas-sistemi ta' kontroll intern, inkluż il-verifiki ex ante, il-ġlieda kontra kull forma ta' korruzzjoni, favoritiżmu jew frodi, il-promozzjoni tat-trasparenza, l-amministrazzjoni robusta, responsabbli u trasparenti u l-ġestjoni effiċjenti tal-finanzi pubbliċi huma prijoritajiet importanti ta' riforma għall-Ukrajna u jenħtieġ li jiġu appoġġati mill-Faċilità. |
|
(100) |
Jenħtieġ li l-Kummissjoni tiżgura li l-interessi finanzjarji tal-Unjoni jkunu protetti b'mod effettiv taħt il-Faċilità. Jenħtieġ, għalhekk, li jitwaqqaf bord tal-verifika indipendenti biex jipprovdi lill-Kummissjoni b'informazzjoni dwar il-ġestjoni ħażina possibbli tal-fondi. Jenħtieġ li tali informazzjoni tkun disponibbli għall-OLAF, u fejn xieraq għall-awtoritajiet Ukreni rilevanti. Jenħtieġ li l-Kummissjoni, bl-assistenza tad-delegazzjoni tal-Unjoni, tkun intitolata li twettaq kontrolli regolari dwar kif l-Ukrajna timplimenta l-fondi matul iċ-ċiklu kollu tal-ħajja tal-proġett. Jenħtieġ li l-Bord tal-Verifika jiżgura djalogu u kooperazzjoni regolari mal-Qorti Ewropea tal-Awdituri, kif ukoll mal-Kamra tal-Kontabbiltà tal-Ukrajna. |
|
(101) |
Filwaqt li hija primarjament ir-responsabbiltà tal-Ukrajna li tiżgura li l-Faċilità tiġi implimentata f'konformità mal-istandards applikabbli, filwaqt li tqis il-prinċipju tal-proporzjonalità u l-kundizzjonijiet speċifiċi li skonthom ser topera l-Faċilità, jenħtieġ li l-Kummissjoni tkun tista' tirċievi assigurazzjoni suffiċjenti mill-Ukrajna f'dak ir-rigward. Għal dak l-għan, jenħtieġ li l-Ukrajna timpenja ruħha fil-Pjan għall-Ukrajna biex ittejjeb is-sistema attwali ta' ġestjoni u kontroll tagħha u biex tirkupra l-ammonti użati ħażin. Jenħtieġ li l-Ukrajna tistabbilixxi sistema ta' monitoraġġ li tikkontribwixxi għal rapport ta' progress annwali. Jenħtieġ li l-Ukrajna tiġbor data u informazzjoni li jippermettu l-prevenzjoni, id-detezzjoni u l-korrezzjoni ta' irregolaritajiet, frodi, korruzzjoni u kunflitti ta' interess, fir-rigward tal-miżuri appoġġati mill-Faċilità. Jenħtieġ li l-Ftehim Qafas u l-ftehimiet ta' finanzjament u self jipprevedu l-obbligi tal-Ukrajna li tiżgura, f'konformità mal-prinċipji tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data u mar-regoli applikabbli dwar il-protezzjoni tad-data, il-ġbir ta', u l-aċċess għal data adegwata dwar persuni u entitajiet li jirċievu finanzjament, inkluż informazzjoni dwar is-sjieda benefiċjarja, għall-implimentazzjoni ta' miżuri tal-Pjan għall-Ukrajna. |
|
(102) |
Jenħtieġ li l-interessi finanzjarji tal-Unjoni jiġu protetti wkoll meta l-fondi jiġu implimentati b'ġestjoni diretta permezz ta' għotjiet u akkwist u ġestjoni indiretta ma' entitajiet ivvalutati skont il-pilastri, b'mod partikolari taħt il-Pilastri II u III tal-Faċilità. Jenħtieġ li jintgħażlu biss entitajiet ivvalutati mill-pilastru biex jimplimentaw il-finanzjament tal-Unjoni taħt ġestjoni indiretta taħt il-Faċilità. |
|
(103) |
Jenħtieġ li l-appoġġ taħt il-Faċilità jiġi implimentat permezz tal-programmi ta' ħidma msemmija fl-Artikolu 110 tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046. |
|
(104) |
Jenħtieġ li l-kapaċitajiet ta' komunikazzjoni tal-Ukrajna jissaħħu sabiex jiġi żgurat l-appoġġ pubbliku għall-valuri tal-Unjoni u l-fehim tagħhom u l-benefiċċji u l-obbligi ta' sħubija fl-Unjoni, filwaqt li tiġi indirizzata d-diżinformazzjoni, l-interferenza barranija, u tiġi salvagwardata media pluralistika b'saħħitha u ħielsa. Jenħtieġ li tiġi żgurata wkoll il-viżibbiltà tal-finanzjament tal-Unjoni. |
|
(105) |
Jenħtieġ li l-Kummissjoni tiżgura li jkun hemm fis-seħħ mekkaniżmi ċari ta' monitoraġġ u evalwazzjoni sabiex jiġu pprovduti responsabbiltà u trasparenza effettivi fl-implimentazzjoni tal-baġit tal-Unjoni, u biex tiġi żgurata valutazzjoni effettiva tal-progress lejn il-kisba tal-objettivi ta' dan ir-Regolament. |
|
(106) |
Jenħtieġ li l-Kummissjoni tivvaluta kull sena l-implimentazzjoni tal-appoġġ taħt il-Faċilità. Jenħtieġ li dan jippermetti li l-Kumitat stabbilit b'dan ir-Regolament ikollu informazzjoni adegwata biex jassisti lill-Kummissjoni. Għall-monitoraġġ effettiv tal-implimentazzjoni, jenħtieġ li l-Ukrajna tirrapporta darba fis-sena f'rapport ta' progress annwali dwar l-implimentazzjoni. Jenħtieġ li dak ir-rapport ikun disponibbli wkoll għall-Parlament Ewropew u l-Kunsill. Jenħtieġ li tali rapporti mħejjija mill-gvern Ukren jiġu riflessi b'mod xieraq fil-Pjan għall-Ukrajna. Jenħtieġ li jiġu imposti rekwiżiti ta' rappurtar proporzjonati fuq ir-riċevituri tal-finanzjament tal-Unjoni implimentati taħt il-Pilastru II u III tal-Faċilità. |
|
(107) |
Biex ikunu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament, jenħtieġ li jingħataw setgħat ta' implimentazzjoni lill-Kummissjoni. Jenħtieġ li dawn is-setgħat jiġu eżerċitati f'konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (39). |
|
(108) |
Fid-dawl tal-importanza tal-effetti finanzjarji tal-appoġġ lill-Ukrajna taħt il-Faċilità u tal-konsegwenzi ta' ċerti deċiżjonijiet li għandhom jittieħdu għall-implimentazzjoni tal-Faċilità fid-dawl tas-sitwazzjoni speċifika tal-Ukrajna, jenħtieġ li b'mod eċċezzjonali jingħataw setgħat ta' implimentazzjoni lill-Kunsill fil-każijiet identifikati minn dan ir-Regolament. |
|
(109) |
Jenħtieġ li l-Kummissjoni tqis kif xieraq id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/427/UE (40) u r-rwol tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna fejn xieraq, b'mod partikolari meta timmonitorja l-issodisfar tal-prekundizzjoni għall-appoġġ tal-Unjoni, fil-valutazzjoni tagħha tal-Pjan għall-Ukrajna u filwaqt li tiġbor pariri dwar il-Qafas ta' Investiment għall-Ukrajna. |
|
(110) |
Minħabba li l-objettivi ta' dan ir-Regolament ma jistgħux jinkisbu b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri iżda jistgħu pjuttost jinkisbu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista' tadotta miżuri, f'konformità mal-prinċipju ta' sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-TUE. F'konformità mal-prinċipju ta' proporzjonalità, kif stabbilit f'dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkisbu dawk l-objettivi. |
|
(111) |
Sabiex tiġi żgurata l-kontinwità fl-għoti ta' appoġġ fil-qasam ta' politika rilevanti, jenħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ b'urġenza fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, |
ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:
KAPITOLU I
DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI
Artikolu 1
Suġġett
1. Dan ir-Regolament jistabbilixxi l-Faċilità għall-Ukrajna (il-"Faċilità") għall-perjodu mill-2024 sal-2027.
Huwa jistabbilixxi l-objettivi tal-Faċilità, il-finanzjament tagħha u l-baġit għall-perjodu mill-2024 sal-2027, il-forom ta' finanzjament tal-Unjoni taħtha u r-regoli għall-għoti ta' tali finanzjament.
2. Il-Faċilità għandha tipprovdi appoġġ lill-Ukrajna taħt it-tliet pilastri li ġejjin:
|
(a) |
Pilastru I: l-appoġġ finanzjarju pprovdut lill-Ukrajna għat-twettiq ta' riformi u investimenti biex jiġi implimentat il-Pjan għall-Ukrajna kif ukoll biex tinżamm l-istabbiltà makrofinanzjarja tal-pajjiż, kif stipulat fil-Kapitolu III; |
|
(b) |
Pilastru II: Qafas ta' Investiment speċifiku għall-Ukrajna biex jappoġġa l-investimenti u jipprovdi aċċess għall-finanzjament kif stipulat fil-Kapitolu IV; |
|
(c) |
Pilastru III: assistenza teknika u appoġġ relatat lill-Ukrajna biex jitfasslu u jiġu implimentati riformi tal-Unjoni relatati mal-adeżjoni u biex titrawwem il-kapaċità amministrattiva tal-Ukrajna, sussidji u proviżjonament tal-kostijiet tat-teħid b'self, kif ukoll attivitajiet rilevanti oħra, kif stipulat fil-Kapitolu V. |
Artikolu 2
Definizzjonijiet
Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
|
(1) |
"miżuri" tfisser riformi u investimenti skont il-Pjan għall-Ukrajna; |
|
(2) |
"kundizzjonijiet" tfisser passi kwalitattivi jew kwantitattivi relatati mal-iżgurar taż-żamma tal-istabbiltà ekonomika u finanzjarja jew relatati mal-implimentazzjoni tar-riformi u l-investimenti stipulati fil-Pjan għall-Ukrajna; |
|
(3) |
"operazzjoni ta' taħlit" tfisser operazzjoni appoġġata mill-baġit tal-Unjoni li tikkombina forom mhux ripagabbli ta' appoġġ, forom ta' appoġġ ripagabbli jew it-tnejn, mill-baġit tal-Unjoni ma' forom ta' appoġġ ripagabbli minn istituzzjonijiet tal-iżvilupp jew istituzzjonijiet finanzjarji pubbliċi jew kummerċjali oħra, inkluż aġenziji ta' kreditu għall-esportazzjoni, jew minn investituri. |
Artikolu 3
Objettivi tal-Faċilità
1. L-objettivi ġenerali tal-Faċilità għandhom ikunu li jappoġġaw lill-Ukrajna biex:
|
(a) |
tindirizza l-konsegwenzi soċjali, ekonomiċi u ambjentali tal-gwerra ta' aggressjoni tar-Russja, u b'hekk jikkontribwixxu għall-irkupru paċifiku, ir-rikostruzzjoni, ir-restawr u l-modernizzazzjoni tal-pajjiż u għall-irkupru ta' wara l-gwerra tas-soċjetà Ukrena, inkluż billi joħolqu l-kundizzjonijiet soċjali u ekonomiċi għall-persuni spostati internament u l-persuni taħt protezzjoni temporanja biex jirritornaw; |
|
(b) |
trawwem il-koeżjoni soċjali u territorjali, ir-reżiljenza demokratika, ekonomika, ambjentali, l-integrazzjoni progressiva fl-ekonomija u fis-swieq tal-Unjoni u globali u l-konverġenza ekonomika, soċjali u ambjentali 'l fuq lejn l-istandards tal-Unjoni; |
|
(c) |
tadotta u timplimenta r-riformi politiċi, istituzzjonali, legali, amministrattivi, soċjali u ekonomiċi meħtieġa biex tallinja ruħha mal-valuri tal-Unjoni u progressivament tallinja ruħha mar-regoli, l-istandards, il-politiki u l-prattiki tal-Unjoni ("l-acquis") bil-ħsieb ta' sħubija futura fl-Unjoni, u b'hekk jikkontribwixxu għall-istabbiltà reċiproka, is-sigurtà, il-paċi, il-prosperità u s-sostenibbiltà. |
2. L-objettivi speċifiċi tal-Faċilità għandhom jinkludu:
|
(a) |
l-għajnuna fiż-żamma tal-istabbiltà makrofinanzjarja tal-pajjiż u t-taffija tar-restrizzjonijiet ta' finanzjament estern u intern tal-Ukrajna, biex jiġi żgurat il-funzjonament kontinwu tal-Istat Ukren; |
|
(b) |
il-bini mill-ġdid u l-immodernizzar l-infrastruttura li saritilha ħsara mill-gwerra, bħall-infrastruttura tal-enerġija, is-sistemi tal-ilma, in-networks tat-trasport interni u transfruntieri inkluż il-ferroviji, it-toroq u l-pontijiet u l-punti ta' qsim tal-fruntieri, u l-infrastruttura edukattiva u kulturali, u t-trawwim tal-infrastrutturi moderni, imtejba u reżiljenti; |
|
(c) |
il-kontribut għat-tneħħija tal-mini u għal sforzi oħra ta' azzjoni kontra l-mini; ir-restawr tal-kapaċitajiet tal-produzzjoni tal-ikel; l-għajnuna biex jiġu indirizzati l-isfidi soċjali u tas-saħħa, inkluż is-saħħa mentali, u t-titjib u t-tisħiħ tas-sistemi tal-kura soċjali u l-aċċessibbiltà tagħhom, b'mod partikolari għal gruppi speċifiċi, bħal veterani, persuni spostati internament, ġenituri waħedhom, romol tal-gwerra, tfal, speċjalment dawk mingħajr kustodja, persuni b'diżabilità, minoranzi, żgħażagħ u anzjani, u persuni oħra f'sitwazzjonijiet vulnerabbli; |
|
(d) |
it-tisħiħ tas-sigurtà kontra t-theddid ibridu, bħat-theddid ċibernetiku, kif ukoll it-tisħiħ tar-reżiljenza kontra d-diżinformazzjoni, il-manipulazzjoni tal-informazzjoni u interferenza minn barranin; |
|
(e) |
it-trawwim tat-tranżizzjoni lejn ekonomija sostenibbli, newtrali għall-klima u inklużiva u ambjent ta' investiment stabbli; |
|
(f) |
l-appoġġ għall-integrazzjoni tal-Ukrajna fis-suq intern; it-tiswija, il-bini mill-ġdid, is-salvagwardja u t-titjib tal-infrastruttura soċjali, bħall-akkomodazzjoni, il-faċilitajiet soċjali, tal-isport, taż-żgħażagħ u tal-kura tas-saħħa, l-iskejjel u l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja; it-tisħiħ tal-iżvilupp ekonomiku u soċjali u l-inklużjoni, b'attenzjoni partikolari għan-nisa kif ukoll iż-żgħażagħ, inkluż permezz ta' edukazzjoni ta' kwalità, taħriġ, taħriġ mill-ġdid u titjib tal-ħiliet, u politiki dwar l-impjiegi, inkluż għar-riċerkaturi; |
|
(g) |
il-promozzjoni tax-xjenza u r-riċerka; l-appoġġ għas-settur kreattiv u l-media indipendenti; l-appoġġ għall-kultura u l-wirt kulturali inkluż l-infrastruttura kulturali; it-tisħiħ tas-setturi ekonomiċi strateġiċi; it-trawwim ta’ qafas istituzzjonali għall-investiment u l-kompetizzjoni li jippermetti lill-individwi, u lin-negozji, b'enfasi fuq l-SMEs u l-innovazzjoni, fost l-oħrajn, billi jippromwovu opportunitajiet indaqs ta' aċċess għall-finanzjament irrispettivament mid-daqs tal-kumpaniji, biex jiżviluppaw prodotti u servizzi moderni, kompetittivi u sostenibbli; l-appoġġ għall-agrikoltura u żvilupp rurali, akkwakultura u sajd sostenibbli, inkluż allinjament mal-istandards tal-Unjoni u s-sistemi ta' kontroll li jikkonċernaw is-sikurezza tal-ikel, is-saħħa tal-annimali u tal-pjanti, kif ukoll it-trattament xieraq tal-annimali; ir-riforma tas-settur finanzjarju u bankarju tal-Ukrajna, u b'hekk itejbu l-aċċess għas-self u l-kopertura tal-assigurazzjoni; |
|
(h) |
it-tisħiħ ulterjuri l-istat tad-dritt, id-demokrazija, ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, inkluż permezz tat-tisħiħ tal-istituzzjonijiet demokratiċi, b'mod partikolari l-Verkhovna Rada, kif ukoll il-korpi rappreżentattivi reġjonali u muniċipali, u s-setgħat tagħhom ta' sorveljanza u inkjesta fuq id-distribuzzjoni tal-fondi pubbliċi u l-aċċess għalihom; il-promozzjoni ta’ ġudikatura indipendenti biex jappoġġaw l-isforzi ta' deoligarkizzazzjoni, isaħħu l-ġlieda kontra l-frodi, il-forom kollha ta' korruzzjoni, inkluż il-korruzzjoni f'livell għoli, il-kriminalità organizzata, l-evażjoni tat-taxxa u l-frodi tat-taxxa, l-evitar tat-taxxa u t-traffikar illeċitu ta' armi tan-nar u proprjetà kulturali; it-tisħiħ tal-konformità mad-dritt internazzjonali; |
|
(i) |
it-tisħiħ tal-libertà u l-indipendenza tal-media, artistika u l-libertà akkademika kif ukoll ambjent abilitanti għas-soċjetà ċivili; it-trawwim tad-djalogu soċjali u l-involviment tas-soċjetà ċivili; il-promozzjoni tan-nondiskriminazzjoni, biex jiżguraw u jsaħħu r-rispett għad-drittijiet ta' persuni li jagħmlu parti mill-minoranzi kollha, u l-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri, it-tisħiħ tal-pożizzjoni ġenerali tan-nisa u l-bniet, kif ukoll, id-drittijiet tat-tfal u tal-persuni b'diżabilità; ir-rinforż tal-effettività tal-amministrazzjoni pubblika; l-inkoraġġiment tal-aċċess għall-informazzjoni u l-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili fil-proċessi tat-teħid ta' deċiżjonijiet u l-iskrutinju pubbliku, u l-appoġġ għat-trasparenza, ir-riformi strutturali u l-governanza tajba fil-livelli kollha, inkluż fl-oqsma tal-ġestjoni finanzjarja pubblika u l-akkwist pubbliku, il-kompetizzjoni u l-għajnuna mill-istat; l-appoġġ għall-inizjattivi u korpi u organizzazzjonijiet involuti fl-appoġġ u l-infurzar tad-demokrazija, tal-ġustizzja internazzjonali u tal-isforzi kontra l-korruzzjoni fl-Ukrajna; |
|
(j) |
l-iżvilupp u t-tisħiħ tal-protezzjoni ambjentali, tranżizzjoni ekoloġika sostenibbli u ġusta fis-setturi ekonomiċi kollha, inkluża t-tranżizzjoni tal-Ukrajna għan-newtralità klimatika, f'konformità mal-Ftehim ta' Pariġi; it-titjib tas-sensibilizzazzjoni dwar il-kriminalità ambjentali u l-ġlieda kontriha; il-promozzjoni tat-trasformazzjoni diġitali bħala faċilitatur għall-iżvilupp sostenibbli u t-tkabbir inklużiv; l-appoġġ għar-riabilitazzjoni ekoloġika wara l-ħsara ambjentali kkawżata mill-operazzjonijiet militari u l-kontribut għad-dekontaminazzjoni, l-isforz għat-tneħħija tal-mini u t-tneħħija ta' fdalijiet splussivi oħra tal-gwerra, kif ukoll it-tniġġis ikkawżat minn attività militari; |
|
(k) |
l-appoġġ għad-deċentralizzazzjoni politika u amministrattiva u l-iżvilupp lokali, speċjalment billi jappoġġaw konsultazzjoni sinifikattiva u kundizzjonijiet ekwi għal-livelli kollha tal-gvern meta jaċċessaw il-fondi permezz ta' proċeduri miftuħa, ġusti, newtrali u trasparenti; |
|
(l) |
l-appoġġ għall-kooperazzjoni transfruntiera mal-Istati Membri li jmissu mal-Ukrajna f'oqsma bħall-kummerċ, il-protezzjoni ambjentali u l-ġlieda kontra l-kriminalità internazzjonali, dment li l-Ukrajna tibqa' l-uniku benefiċjarju tal-finanzjament. |
Artikolu 4
Prinċipji ġenerali
1. Il-kooperazzjoni taħt il-Faċilità għandha tkun ibbażata fuq il-prinċipji tal-effettività tal-iżvilupp u għandha tippromwovihom, fejn applikabbli, fil-modalitajiet kollha, jiġifieri s-sjieda tal-prijoritajiet tal-iżvilupp mill-Ukrajna, enfasi fuq ir-riżultati, sħubijiet inklużivi għall-iżvilupp, it-trasparenza u r-responsabbiltà reċiproka. Il-Faċilità għandha tistinka biex tiżgura allokazzjoni u użu bbilanċjati u bbażati fuq il-ħtiġijiet tar-riżorsi u bilanċ ġeografiku xieraq tal-proġetti.
2. L-appoġġ mill-Faċilità għandu jkun addizzjonali għall-appoġġ ipprovdut taħt programmi u strumenti oħra tal-Unjoni. L-attivitajiet eliġibbli għall-finanzjament skont dan ir-Regolament jistgħu jirċievu appoġġ minn programmi u strumenti oħra tal-Unjoni dment li tali appoġġ ma jkoprix l-istess spejjeż.
3. Sabiex jippromwovu l-komplementarjetà, il-koerenza u l-effiċjenza tal-azzjonijiet u l-inizjattivi tagħhom, il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jikkooperaw u għandhom jagħmlu ħilithom biex jevitaw id-duplikazzjoni bejn l-appoġġ skont dan ir-Regolament u appoġġ ieħor ipprovdut mill-Unjoni, l-Istati Membri, pajjiżi terzi, organizzazzjonijiet u entitajiet multilaterali u reġjonali, bħal organizzazzjonijiet internazzjonali u l-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali, aġenziji u donaturi mhux tal-Unjoni rilevanti, f'konformità mal-prinċipji stabbiliti għat-tisħiħ tal-koordinazzjoni operazzjonali fil-qasam tal-assistenza esterna, inkluż permezz ta' koordinazzjoni msaħħa mal-Istati Membri fil-livell lokali u permezz tal-armonizzazzjoni tal-politiki u l-proċeduri, b'mod partikolari l-prinċipji internazzjonali dwar l-effettività tal-iżvilupp. Sabiex tiġi evitata d-duplikazzjoni tal-appoġġ, tiżdied is-sjieda mill-awtoritajiet Ukreni u tiġi ssimplifikata l-ħidma amministrattiva, l-appoġġ taħt il-Faċilità għandu, kemm jista' jkun, jiġi integrat fl-isforzi internazzjonali għal arkitettura finanzjarja għall-irkupru tal-Ukrajna u tiġi kkoordinat mad-donaturi u l-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali rilevanti.
4. L-attivitajiet taħt il-Faċilità għandhom jikkonformaw, sa fejn ikun possibbli f'pajjiż mifni bil-gwerra, mal-istandards klimatiċi u ambjentali tal-Unjoni. Dawk l-attivitajiet għandhom jintegraw il-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u l-adattament għalih, il-protezzjoni ambjentali u l-konservazzjoni tal-bijodiversità, id-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija, l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u n-nondiskriminazzjoni, fejn rilevanti, it-tnaqqis tar-riskju ta' diżastri u s-sikurezza tal-infrastruttura tal-enerġija, u għandhom jappoġġaw il-progress lejn l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli tan-Nazzjonijiet Uniti, filwaqt li jippromwovu attivitajiet integrati li jistgħu joħolqu kobenefiċċji u jilħqu objettivi multipli b'mod koerenti, filwaqt li jikkontribwixxu għat-tnaqqis tal-faqar u jippromwovu soċjetajiet paċifiċi u inklużivi. Dawk l-attivitajiet għandhom, sa fejn ikun possibbli, jevitaw assi mhux rekuperabbli, ikunu kompatibbli mal-prinċipju ta' "la tagħmilx ħsara", kif ukoll mal-approċċ ta' integrazzjoni tas-sostenibbiltà li jirfed il-Patt Ekoloġiku Ewropew u għandhom ikunu wkoll iggwidati mill-prinċipju li "ħadd ma jitħalla jibqa' lura".
5. Il-Faċilità ma għandhiex tappoġġa attivitajiet jew miżuri li huma inkompatibbli mal-Pjan Nazzjonali għall-Enerġija u l-Klima tal-Ukrajna, jekk disponibbli, jew mal-kontribut determinat fil-livell nazzjonali tal-Ukrajna skont il-Ftehim ta' Pariġi, li jippromwovu investimenti fil-fjuwils fossili jew li jikkawżaw effetti negattivi sinifikanti fuq l-ambjent jew il-klima jew il-bijodiversità, sakemm tali attivitajiet jew miżuri ma jkunux strettament meħtieġa biex jinkisbu l-objettivi tal-Faċilità, filwaqt li titqies il-ħtieġa li tinbena mill-ġdid u tiġi mmodernizzata l-infrastruttura u jiġi riabilitat l-ambjent naturali li saritilha ħsara mill-gwerra b'mod reżiljenti, u huma akkumpanjati, fejn rilevanti, minn miżuri xierqa biex jiġu evitati, prevenuti jew imnaqqsa u, jekk possibbli, jikkumpensaw dawk l-effetti negattivi.
6. F'konformità mal-prinċipju ta' sħubija inklużiva, il-Kummissjoni għandha tagħmel ħilitha biex tiżgura, kif xieraq, skrutinju demokratiku fil-forma ta' konsultazzjoni mill-gvern Ukren tal-Verkhovna Rada f'konformità mal-ordni kostituzzjonali tal-Ukrajna, kif ukoll tal-partijiet ikkonċernati rilevanti, inkluż l-awtoritajiet lokali u reġjonali, is-sħab soċjali u s-soċjetà ċivili, inkluż il-gruppi vulnerabbli, sabiex ikunu jistgħu jipparteċipaw fit-tfassil u fl-implimentazzjoni tal-attivitajiet eliġibbli għall-finanzjament taħt il-Faċilità u fil-proċessi relatati ta' monitoraġġ, skrutinju u evalwazzjoni, kif rilevanti. Dik il-konsultazzjoni għandha tfittex li tirrappreżenta l-pluraliżmu tas-soċjetà u tal-komunità tan-negozju Ukreni u li jinkludi komunitajiet differenti fl-Ukrajna. Il-konsultazzjonijiet kollha għandhom iqisu kif xieraq il-parteċipazzjoni tan-nisa. Il-Kummissjoni għandha tinkoraġġixxi l-koordinazzjoni fost il-partijiet ikkonċernati rilevanti u għandha tikkontribwixxi għat-tisħiħ tal-kapaċitajiet tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili. Barra minn hekk, il-Kummissjoni għandha tiżgura li s-soċjetà ċivili fl-Ukrajna, inkluż l-organizzazzjonijiet mhux governattivi, tkun tista' tirrapporta direttament lill-Kummissjoni kwalunkwe irregolarità li tista' tidentifika, permezz ta' kanali permanenti xierqa, kif ukoll tibgħat lill-Kummissjoni opinjonijiet dwar l-implimentazzjoni tal-Pjan għall-Ukrajna u l-evalwazzjoni tal-miżuri tiegħu mill-gvern Ukren.
7. Il-Kummissjoni, f'kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri u l-Ukrajna, għandha tiżgura l-implimentazzjoni tal-impenji tal-Unjoni għal aktar trasparenza u responsabbiltà fl-għoti tal-appoġġ, inkluż billi tippromwovi l-implimentazzjoni u t-tisħiħ tas-sistemi ta' kontroll intern u l-politiki kontra l-frodi. Il-Kummissjoni għandha tagħmel l-informazzjoni dwar il-volum u l-allokazzjoni tal-appoġġ disponibbli pubblikament permezz ta' portal web uniku, u għandha tiżgura li d-data tkun aġġornata, aċċessibbli faċilment, u disponibbli f'format li jinqara mill-magni.
Artikolu 5
Prekundizzjoni għall-appoġġ taħt il-Faċilità
1. Prekundizzjoni għall-appoġġ lill-Ukrajna taħt il-Faċilità għandha tkun li l-Ukrajna tkompli żżomm u tirrispetta l-mekkaniżmi demokratiċi effettivi, inkluż sistema parlamentari b'diversi partiti, u l-istat tad-dritt, u li tiggarantixxi r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, inkluż id-drittijiet ta' persuni li jagħmlu parti minn minoranzi.
2. Il-Kummissjoni għandha timmonitorja l-issodisfar tal-prekundizzjoni stipulata fil-paragrafu 1 qabel ma jsiru l-iżborżi lill-Ukrajna taħt il-Faċilità u matul il-perjodu tal-appoġġ ipprovdut taħt il-Faċilità filwaqt li tqis kif xieraq ir-rapport regolari tal-Kummissjoni dwar it-tkabbir. Il-Kummissjoni għandha tqis ir-rakkomandazzjonijiet rilevanti tal-korpi internazzjonali, bħall-Kunsill tal-Ewropa u l-Kummissjoni ta' Venezja tagħha f'dan il-proċess. Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Kunsill dwar l-issodisfar tal-prekundizzjoni stipulata fil-paragrafu 1 qabel l-iżborżi lill-Ukrajna. Meta l-Kummissjoni ssib li l-prekundizzjoni ma tkunx ġiet issodisfata jew ma tkunx għadha qed tiġi ssodisfata, hija għandha tippreżenta lill-Kunsill proposta għal deċiżjoni ta' implimentazzjoni li tissospendi l-pagamenti msemmija fl-Artikolu 26, irrispettivament mill-issodisfar tal-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 16(2). Fil-valutazzjoni tagħha, il-Kummissjoni għandha tqis ukoll il-kuntest fl-Ukrajna, u l-konsegwenzi tal-applikazzjoni tal-liġi marzjali fl-Ukrajna. Il-valutazzjoni tal-Kummissjoni għandha tiġi trażmessa simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. Fejn, fuq talba tal-Ukrajna jew fuq inizjattiva tagħha stess, il-Kummissjoni tqis li l-prekundizzjoni reġgħet ġiet issodisfata mill-ġdid,, hija għandha tippreżenta lill-Kunsill proposta għal deċiżjoni ta' implimentazzjoni li tneħħi s-sospensjoni tal-pagamenti. Fil-każijiet li għalihom japplika dan il-paragrafu, il-Kunsill għandu , bħala regola, jaġixxi fi żmien xahar minn meta jirċievi l-proposta tal-Kummissjoni.
KAPITOLU II
FINANZJAMENT U IMPLIMENTAZZJONI
Artikolu 6
Baġit
1. Ir-riżorsi għall-implimentazzjoni tal-Faċilità għandhom ikunu disponibbli permezz tar-Riżerva għall-Ukrajna li għandha tiġi mobilizzata fil-qafas tal-proċedura baġitarja annwali f'konformità mal-Artikolu 10b tar-Regolament (UE, Euratom) 2020/2093, bid-distribuzzjoni indikattiva li ġejja:
|
(a) |
31 % fil-forma ta' appoġġ finanzjarju mhux ripagabbli skont il-Kapitolu III; |
|
(b) |
41 % għan-nefqa skont il-Kapitolu IV; |
|
(c) |
26 % għan-nefqa skont il-Kapitolu V; |
|
(d) |
2 % għan-nefqa skont il-paragrafu 5, li tista’ tiżdied f'ċirkostanzi eċċezzjonali iżda li fl-ebda każ ma għandha taqbeż it-2,5 %. |
Ir-riżorsi totali magħmula disponibbli skont l-ewwel subparagrafu għandhom ikunu għal ammont sa EUR 17 000 000 000.
L-allokazzjoni tar-riżorsi disponibbli skont l-ewwwl subparagrafu tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandha tqis b'mod partikolari l-ħtieġa li tiġi koperta n-nefqa f'konformità mal-Artikolu 23.
2. L-appoġġ finanzjarju skont il-Kapitolu III fil-forma ta' self għandu jkun disponibbli għal ammont sa EUR 33 000 000 000 għall-perjodu mill-1 ta' Jannar 2024 sal-31 ta' Diċembru 2027.
3. Is-somma tar-riżorsi magħmula disponibbli skont il-paragrafi 1 u 2 ma għandhiex taqbeż il-EUR 50 000 000 000 għall-perjodu mill-2024 sal-2027.
4. Jistgħu jiġu pprovduti kontribuzzjonijiet addizzjonali għall-finanzjament tal-appoġġ imsemmi fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu f'konformità mal-Artikolu 7.
5. Ir-riżorsi msemmija fil-paragrafu 1, l-ewwel subparagrafu, il-punt (d), u l-paragrafu 4 jistgħu jintużaw għal assistenza teknika u amministrattiva għall-implimentazzjoni tal-Faċilità, bħal attivitajiet preparatorji, attivitajiet ta’ monitoraġġ, kontroll, awditjar u evalwazzjoni, li jkunu meħtieġa għall-ġestjoni tal-Faċilità u biex jinkisbu l-objettivi tagħha, b’mod partikolari studji, laqgħat ta’ esperti, konsultazzjonijiet mal-awtoritajiet Ukreni, konferenzi, il-konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati, attivitajiet ta' informazzjoni u komunikazzjoni, inkluż azzjonijiet ta' sensibilizzazzjoni inklużivi, u l-komunikazzjoni korporattiva tal-prijoritajiet politiċi tal-Unjoni, sa fejn dawn ikunu relatati mal-objettivi ta' dan ir-Regolament, l-ispejjeż marbuta man-netwerks tal-IT li jiffukaw fuq l-ipproċessar u l-iskambju ta' informazzjoni, l-għodod korporattivi tat-teknoloġija tal-informazzjoni, u l-ispejjeż l-oħra kollha ta' assistenza teknika u amministrattiva mġarrba mill-Kummissjoni għall-ġestjoni u l-kostijiet tal-Faċilità fil-kwartieri ġenerali u fid-delegazzjonijiet tal-Unjoni. L-ispejjeż jistgħu jkopru wkoll il-kostijiet ta' attivitajiet oħra ta' appoġġ bħall-kontroll tal-kwalità u l-monitoraġġ ta' proġetti fuq il-post u l-ispejjeż tal-konsulenza bejn il-pari u l-esperti għall-valutazzjoni u l-implimentazzjoni ta' riformi u investimenti.
6. Ir-riżorsi mhux allokati jew użati għan-nefqa skont l-paragrafu 1, l-ewwel subparagrafu, il-punt (d), ta’ dan l-Artikolu, u skont l-Artikolu 23 għandhom ikunu disponibbli għal nefqa operazzjonali oħra skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu mingħajr preġudizzju għall-prerogattivi tal-awtorità baġitarja u soġġett għat-tielet subparagrafu tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu.
Artikolu 7
Riżorsi finanzjarji addizzjonali għall-Faċilità
1. L-Istati Membri, il-pajjiżi terzi, l-organizzazzjonijiet internazzjonali, l-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali jew sorsi oħra jistgħu jipprovdu kontribuzzjonijiet finanzjarji addizzjonali lill-Faċilità mingħajr ma jkunu marbuta bid-distribuzzjoni indikattiva msemmija fl-Artikolu 6(1). Tali kontribuzzjonijiet għandhom jikkostitwixxu dħul assenjat estern skont it-tifsira tal-Artikolu 21(2), il-punti (a)(ii), (d) u (e) tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046.
Ammonti addizzjonali riċevuti bħala dħul assenjat estern skont it-tifsira tal-Artikolu 21(5) tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 skont l-atti legali rilevanti tal-Unjoni għandhom jiżdiedu mar-riżorsi msemmija fl-Artikolu 6 ta’ dan ir-Regolament.
2. Il-kontribuzzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandhom jiġu implimentati f'konformità mal-istess regoli u kundizzjonijiet bħall-ammont imsemmi fl-Artikolu 6(1).
3. Il-kontribuzzjonijiet għall-Garanzija għall-Ukrajna u għall-istrumenti finanzjarji skont il-Kapitolu IV għandhom isiru f'konformità mal-Artikolu 29.
Artikolu 8
Metodi ta' implimentazzjoni u forom ta' finanzjament mill-Unjoni
1. Il-Faċilità għandha tiġi implimentata f'konformità mar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046, jew b'ġestjoni diretta jew b'ġestjoni indiretta ma' kwalunkwe waħda mill-entitajiet imsemmija fl-Artikolu 62(1), l-ewwel subparagrafu, il-punt (c), ta’ dak ir-Regolament.
2. Il-finanzjament tal-Unjoni jista' jiġi pprovdut fi kwalunkwe waħda mill-forom li jinsabu fir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046, b'mod partikolari għotjiet, premjijiet, akkwist, appoġġ baġitarju, strumenti finanzjarji, garanziji baġitarji, operazzjonijiet ta' taħlit u assistenza finanzjarja.
3. L-istrumenti finanzjarji, il-garanziji baġitarji u l-operazzjonijiet ta' taħlit li jikkombinaw appoġġ minn strumenti finanzjarji jew garanziji baġitarji taħt il-Faċilità għandhom jiġu implimentati f'konformità mal-prinċipji stipulati fit-Titolu X, u b'mod partikolari mal-Artikoli 208 u 209(1), (2) u (4), tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046. Skont il-kapaċità operazzjonali u finanzjarja meħtieġa, il-kontroparti tal-garanzija baġitarja, jew l-entità fdata li timplimenta l-istrumenti finanzjarji tista' tkun il-Grupp tal-BEI, istituzzjoni finanzjarja Ewropea multilaterali, bħall-BERŻ, jew istituzzjoni finanzjarja Ewropea bilaterali, bħall-banek tal-iżvilupp jew il-Grupp tal-Bank Dinji. Kull meta jkun possibbli, l-istituzzjonijiet finanzjarji multilaterali mhux Ewropej jistgħu jipparteċipaw fil-Faċilità permezz ta' operazzjonijiet konġunti mal-istituzzjonijiet finanzjarji Ewropej. L-implimentazzjoni ta' strumenti finanzjarji, garanziji baġitarji u operazzjonijiet ta' taħlit taħt il-Faċilità tista' tiġi kkomplementata minn forom addizzjonali ta' appoġġ finanzjarju, mill-Istati Membri jew minn partijiet terzi.
Artikolu 9
Ftehim qafas
1. Il-Kummissjoni għandha tikkonkludi ftehim qafas mal-Ukrajna (il-“Ftehim Qafas”) għall-implimentazzjoni tal-Faċilità li jistipula arranġamenti speċifiċi għall-ġestjoni, il-kontroll, is-superviżjoni, il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni, ir-rappurtar u l-awditjar tal-fondi taħt il-Faċilità, inkluż l-evitar ta' finanzjament doppju, kif ukoll għall-prevenzjoni, l-identifikazzjoni, l-investigazzjoni u l-korrezzjoni ta' irregolaritajiet, frodi, korruzzjoni jew kwalunkwe attività illegali oħra li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni u l-kunflitti ta' interess, inkluż l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni effettivi ta' reati li jaffettwaw il-fondi pprovduti taħt il-Faċilità. Il-Ftehim Qafas għandu jiġi kkomplementat minn ftehimiet ta' finanzjament imsemmija skont mal-Artikolu 10 u ftehim ta' self imsemmi fl-Artikolu 22, li jistabbilixxu dispożizzjonijiet speċifiċi għall-ġestjoni u l-implimentazzjoni tal-finanzjament taħt il-Faċilità. Il-Ftehim Qafas, inkluż kwalunkwe dokumentazzjoni relatata, għandu jsir disponibbli, fuq talba, lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill simultanjament u mingħajr dewmien.
2. Bl-eċċezzjoni tal-finanzjament tranżitorju msemmi fl-Artikolu 25, il-finanzjament għandu jingħata biss lill-Ukrajna wara li l-Ftehim Qafas u l-ftehimiet ta' finanzjament u self applikabbli jkunu daħlu fis-seħħ.
3. Il-Ftehim Qafas, il-ftehimiet ta' finanzjament u l-ftehim ta' self konklużi mal-Ukrajna, meħuda globalment, u l-kuntratti u l-ftehimiet iffirmati ma' persuna jew entitajiet li jirċievu fondi tal-Unjoni, għandhom jiżguraw li l-obbligi stipulati fl-Artikolu 129 tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 huma ssodisfati.
4. Il-Ftehim Qafas għandu jiżgura l-impenn tal-Ukrajna li tikseb livell għoli ta' protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni u għandu jistipula, dispożizzjonijiet dettaljati dwar, b'mod partikolari:
|
(a) |
l-impenn tal-Ukrajna li tagħmel progress deċiżiv lejn qafas robust għall-ġlieda kontra l-frodi, u li tistabbilixxi sistemi ta' kontroll intern aktar effiċjenti u effettivi, inkluż mekkaniżmi xierqa għall-protezzjoni tal-informaturi kif ukoll mekkaniżmi u miżuri xierqa li jipprevjenu, jidentifikaw u jikkoreġu b'mod effettiv l-irregolaritajiet, il-frodi, il-korruzzjoni u l-kunflitti ta' interess kif ukoll li tappoġġa l-isforzi ta’ deoligarkizzazzjoni u t-tisħiħ tal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus, il-kriminalità organizzata, l-użu ħażin tal-fondi pubbliċi, il-finanzjament tat-terroriżmu, l-evitar tat-taxxa, il-frodi tat-taxxa jew l-evażjoni tat-taxxa, u attivitajiet illegali oħra li jaffettwaw il-fondi pprovduti taħt il-Faċilità; |
|
(b) |
l-attivitajiet relatati mal-kontroll, is-superviżjoni, il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni, ir-rappurtar u l-awditjar tal-finanzjament tal-Unjoni taħt il-Faċilità, kif ukoll id-detezzjonijiet, l-investigazzjonijiet, il-prosekuzzjonijiet, il-miżuri kontra l-frodi u l-kooperazzjoni, inkluż l-assistenza legali reċiproka f'materji kriminali u l-estradizzjoni; |
|
(c) |
rekwiżiti ta' kontroll għar-rilaxx ta’ finanzjament taħt il-Faċilità lill-Ukrajna; |
|
(d) |
ir-regoli dwar taxxi, dazji u imposti f'konformità mal-Artikolu 27(9) u (10) tar-Regolament (UE) 2021/947; |
|
(e) |
ir-rikonoxximent tar-responsabbiltajiet tal-Bord tal-Verifika msemmija fl-Artikolu 36, u l-modalitajiet tal-kooperazzjoni tal-Ukrajna miegħu; |
|
(f) |
l-obbligu għall-persuni jew l-entitajiet li jimplimentaw il-fondi tal-Unjoni taħt il-Faċilità li jinnotifikaw mingħajr dewmien lill-Bord ta’ Verifika, lill-Kummissjoni, lill-OLAF u, fejn applikabbli, lill-UPPE, dwar każijiet suspettati jew reali ta’ irregolaritajiet, frodi, korruzzjoni, u kunflitti ta' interess u attivitajiet illegali oħra li jaffettwaw il-fondi pprovduti taħt il-Faċilità u s-segwitu tagħhom; |
|
(g) |
id-dritt tal-Kummissjoni li timmonitorja l-attivitajiet taħt il-Faċilità mwettqa mill-awtoritajiet Ukreni, matul iċ-ċiklu kollu tal-proġett, inkluż, fost l-oħrajn, il-proċeduri tal-għażla u tal-għoti tal-proġetti, inkluż għall-akkwist pubbliku, li tieħu sehem f’tali attivitajiet bħala osservatur, kif xieraq, u li tagħmel rakkomandazzjonijiet għat-titjib ta' tali attivitajiet u l-impenn mill-awtoritajiet Ukreni li jagħmlu mill-aħjar biex jimplimentaw tali rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni u jirrapportaw dwar dik l-implimentazzjoni; |
|
(h) |
l-obbligi msemmija fl-Artikolu 35(2), inkluż ir-regoli preċiżi dwar il-ġbir ta' data mill-Ukrajna u skeda ta' żmien għalih, u l-aċċess għaliha għall-Kummissjoni, l-OLAF, il-Qorti Ewropea tal-Awdituri u, fejn applikabbli, l-UPPE; |
|
(i) |
l-obbligu għall-Ukrajna li tittrażmetti b'mod elettroniku lill-Kummissjoni d-data msemmija fl-Artikolu 27; |
|
(j) |
l-obbligi msemmija fl-Artikolu 43(2) dwar l-attivitajiet ta' komunikazzjoni u l-viżibbiltà tal-finanzjament tal-Unjoni. |
Artikolu 10
Ftehimiet ta' finanzjament
1. Għandhom jiġu konklużi ftehimiet ta' finanzjament għall-Kapitoli III u V. Dawn għandhom jistipulaw ir-responsabbiltajiet u l-obbligi tal-Ukrajna fl-implimentazzjoni tal-fondi tal-Unjoni, inkluż l-obbligi stipulati fl-Artikolu 129 tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046. Għandhom jistipulaw ukoll il-kundizzjonijiet għall-pagament tal-appoġġ finanzjarju mhux ripagabbli, inkluż fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-Ftehim Qafas, inkluż is-sistemi ta' kontroll intern kif imsemmi fl-Artikolu 9(4), il-punti (a) u (c). Il-ftehimiet ta' finanzjament għandhom jistipulaw ukoll id-drittijiet u l-obbligi tal-Unjoni. Huma għandhom isiru disponibbli simultanjament, fuq talba, lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.
2. Il-ftehimiet ta' finanzjament għandhom jinkludu regoli dwar ir-rappurtar lill-Kummissjoni dwar kif jitwettqu l-attivitajiet, u dwar jekk il-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 16(2) ikunux issodisfati.
Artikolu 11
Regoli dwar l-eliġibbiltà ta' persuni u entitajiet, dwar l-oriġini tal-provvista u tal-materjali u dwar ir-restrizzjonijiet taħt il-Faċilità
1. Il-parteċipazzjoni fi proċeduri ta' akkwist u ta' għotjiet u ta' għoti ta' premjijiet għal azzjonijiet iffinanzjati taħt il-Faċilità għandha tkun miftuħa għal organizzazzjonijiet internazzjonali u reġjonali u għall-persuni fiżiċi l-oħra kollha li huma nazzjonali ta', jew persuni ġuridiċi li huma effettivament stabbiliti fi:
|
(a) |
l-Istati Membri, l-Ukrajna, is-sħab tal-Balkani tal-Punent, il-Georgia u l-Moldova u l-Partijiet Kontraenti għall-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea; |
|
(b) |
pajjiżi li jipprovdu livell ta' appoġġ lill-Ukrajna komparabbli ma' dak ipprovdut mill-Unjoni b'kont meħud tad-daqs tal-ekonomija tagħhom u li għalihom l-aċċess reċiproku għall-assistenza esterna fl-Ukrajna huwa stabbilit mill-Kummissjoni. |
2. L-aċċess reċiproku msemmi fil-paragrafu 1, il-punt (b), jista' jingħata, għal perjodu limitat ta' mhux inqas minn sena, kull meta pajjiż jagħti eliġibbiltà fuq termini ugwali lil entitajiet mill-Unjoni u minn pajjiżi eliġibbli taħt il-Faċilità.
Il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi permezz ta' atti ta' implimentazzjoni dwar l-aċċess reċiproku wara li tikkonsulta lill-Ukrajna. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 42.
3. Il-provvisti u l-materjali kollha ffinanzjati u akkwistati taħt il-Faċilità għandhom joriġinaw minn kwalunkwe pajjiż imsemmi fil-paragrafu 1, il-punti (a) u (b), sakemm dawk il-provvisti u l-materjali ma jkunux jistgħu jinkisbu b'kundizzjonijiet raġonevoli fi kwalunkwe wieħed minn dawk il-pajjiżi. Barra minn hekk, japplikaw ir-regoli dwar ir-restrizzjonijiet fil-paragrafu 7. Il-Kummissjoni għandha tinkludi informazzjoni dwar l-implimentazzjoni ta’ dan il-paragrafu fir-rapport annwali msemmi fl-Artikolu 39(4).
4. Ir-regoli ta' eliġibbiltà stabbiliti f’dan l-Artikolu ma għandhomx japplikaw għal persuni fiżiċi impjegati jew ikkuntrattati legalment b'xi mod ieħor minn kuntrattur eliġibbli jew, fejn applikabbli, sottokuntrattur, u ma għandhomx joħolqu restrizzjonijiet ta' nazzjonalità għalihom, ħlief fejn ir-restrizzjonijiet ta' nazzjonalità huma bbażati fuq ir-regoli previsti fil-paragrafu 7.
5. Għal attivitajiet kofinanzjati b'mod konġunt minn entità jew implimentati b'ġestjoni diretta jew indiretta ma' entitajiet imsemmija fl-Artikolu 62(1), l-ewwel subparagrafu, il-punt (c), tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 jew għal attivitajiet implimentati minn entitajiet Ukreni skont il-Kapitolu III ta' dan ir-Regolament, ir-regoli ta' eliġibbiltà ta' dawk l-entitajiet jew tal-Ukrajna għandhom japplikaw ukoll flimkien mar-regoli stabbiliti skont dan l-Artikolu, inkluż, fejn applikabbli, ir-restrizzjonijiet previsti fil-paragrafu 7 ta' dan l-Artikolu u riflessi kif xieraq fil-ftehimiet ta' finanzjament u fid-dokumenti kuntrattwali ffirmati ma' dawk l-entitajiet.
6. Fejn jiġu pprovduti kontribuzzjonijiet addizzjonali f'konformità mal-Artikolu 7 permezz ta' dħul assenjat estern, ir-regoli ta' eliġibbiltà fil-ftehim mal-persuna li tipprovdi l-kontribuzzjoni addizzjonali għandhom japplikaw bir-regoli dwar ir-restrizzjonijiet previsti fil-paragrafu 7 ta' dan l-Artikolu.
7. Ir-regoli ta' eliġibbiltà u r-regoli dwar l-oriġini tal-provvisti u l-materjali kif stabbilit fil-paragrafi 1 u 3 u r-regoli dwar in-nazzjonalità tal-persuni fiżiċi kif stabbilit fil-paragrafu 4 jistgħu jiġu ristretti fir-rigward tan-nazzjonalità, il-post ġeografiku jew in-natura tal-entitajiet ġuridiċi li jipparteċipaw fil-proċeduri ta' akkwist kif ukoll fir-rigward tal-oriġini ġeografika tal-provvisti u l-materjali, fil-każijiet li ġejjin:
|
(a) |
fejn tali restrizzjonijiet huma meħtieġa minħabba n-natura speċifika jew l-objettivi tal-attività jew il-proċedura speċifika tal-għoti jew fejn dawk ir-restrizzjonijiet huma meħtieġa għall-implimentazzjoni effettiva tal-attività; |
|
(b) |
meta l-attività jew il-proċeduri speċifiċi ta' għoti jaffettwaw is-sigurtà jew l-ordni pubbliku, b'mod partikolari fir-rigward tal-assi u l-interessi strateġiċi tal-Unjoni, tal-Istati Membri tagħha, jew tal-Ukrajna, inkluż il-protezzjoni tal-integrità tal-infrastruttura diġitali, tas-sistemi ta' komunikazzjoni u ta' informazzjoni, u tal-ktajjen tal-provvista relatati. |
8. Applikanti u kandidati għall-offerti minn pajjiżi mhux eliġibbli jistgħu jiġu aċċettati bħala eliġibbli f'każijiet ta' urġenza jew in-nuqqas ta' disponibbiltà ta' servizzi fis-swieq tal-pajjiżi jew it-territorji kkonċernati, jew f'każijiet debitament sostanzjati oħra fejn l-applikazzjoni tar-regoli ta' eliġibbiltà tirrendi t-twettiq ta' attività impossibbli jew eċċessivament diffiċli.
Artikolu 12
Riporti, pagamenti akkont annwali, approprjazzjonijiet ta' impenn, surpluses mill-garanzija baġitarja, ripagamenti u dħul iġġenerat mill-istrumenti finanzjarji
1. B'deroga mill-Artikolu 12(4) tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046, l-approprjazzjonijiet ta' impenn u ta' pagament li ma jintużawx taħt il-Faċilità għandhom jiġu riportati b'mod awtomatiku u jistgħu jiġu impenjati u użati, rispettivament, sal-31 ta' Diċembru tas-sena finanzjarja ta' wara. L-ammont riportat għandu jintuża l-ewwel fis-sena finanzjarja ta' wara.
2. Il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill informazzjoni dwar l-approprjazzjonijiet ta' impenn riportati, inkluż l-ammonti involuti f'konformità mal-Artikolu 12(6) tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046.
3. B'deroga mill-Artikolu 15 tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046, l-approprjazzjonijiet ta' impenn li jikkorrispondu għall-ammont ta' diżimpenji magħmula b'riżultat tan-nuqqas ta' implimentazzjoni totali jew parzjali ta' attività taħt il-Faċilità, għandhom jerġgħu jsiru disponibbli għall-benefiċċju tal-linja baġitarja tal-oriġini.
4. B'deroga mill-ewwel, it-tieni u r-raba' subparagrafi tal-Artikolu 209(3) tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046, kwalunkwe dħul u ripagamenti minn strumenti finanzjarji stabbiliti skont dan ir-Regolament għandhom jikkostitwixxu dħul assenjat intern skont it-tifsira tal-Artikolu 21(5) tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046, lill-Faċilità jew il-programm suċċessur tagħha.
5. B'deroga mill-Artikolu 213(4), il-punt (a), tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046, kwalunkwe surplus tad-dispożizzjonijiet għall-Garanzija għall-Ukrajna għandu jikkostitwixxi dħul assenjat intern skont it-tifsira tal-Artikolu 21(5) ta’ dak ir-Regolament għall-Faċilità jew għall-programm suċċessur tagħha.
6. L-impenji baġitarji għall-attivitajiet li jkunu ta' aktar minn sena finanzjarja waħda jistgħu jinqasmu fuq diversi snin f'pagamenti akkont annwali, f'konformità mal-Artikolu 112(2) tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046.
It-tielet subparagrafu tal-Artikolu 114(2) tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 ma għandux japplika għall-attivitajiet imsemmija fl-ewwel subparagrafu ta' dan il-paragrafu.
Artikolu 13
Finanzjament eċċezzjonali
1. F'ċirkostanzi eċċezzjonali debitament ġustifikati, b'mod partikolari fejn deterjorament sinifikanti tal-gwerra jagħmilha impossibbli għall-Ukrajna li tissodisfa l-kundizzjonijiet marbuta mal-forom ta' appoġġ skont dan ir-Regolament, il-Faċilità tista' tipprovdi finanzjament eċċezzjonali lill-Ukrajna sabiex iżżomm l-istabbiltà makrofinanzjarja tagħha u trawwem il-kisba tal-objettivi stabbiliti fl-Artikolu 3. Tali finanzjament eċċezzjonali għandu jingħata għal perjodi individwali sa massimu ta' tliet xhur u għandu jieqaf hekk kif jerġa' jsir possibbli li l-kundizzjonijiet jiġu ssodisfati. Il-finanzjament skont dan l-Artikolu jista' jingħata flimkien mal-finanzjament tranżitorju eċċezzjonali mogħti skont l-Artikolu 25 u matul l-istess perjodu.
2. Għall-fini tal-paragrafu 1, meta l-Kummissjoni ssib li huwa impossibbli li l-Ukrajna tissodisfa l-kundizzjonijiet marbuta mal-appoġġ ipprovdut skont dan ir-Regolament minħabba tali ċirkostanzi eċċezzjonali debitament ġustifikati, hija tista' tippreżenta lill-Kunsill proposta għal deċiżjoni ta' implimentazzjoni li tipprovdi għal finanzjament eċċezzjonali lill-Ukrajna taħt il-Faċilità. Bħala regola, il-Kunsill għandu jaġixxi fi żmien xahar minn meta jirċievi l-proposta tal-Kummissjoni.
3. Il-finanzjament eċċezzjonali għandu jkun soġġett għall-prekundizzjoni stabbilita fl-Artikolu 5(1) u għandu jkun iffinanzjat mir-riżorsi msemmija fl-Artikolu 6(1), l-ewwel subparagrafu, il-punt (a), u (2).
4. Id-deċiżjoni ta' implimentazzjoni msemmija fil-paragrafu 2 għandha tistipula r-regoli tal-awditjar, il-kontroll, il-monitoraġġ u r-rappurtar, kif ukoll il-kundizzjonijiet u l-modalitajiet għall-finanzjament eċċezzjonali.
KAPITOLU III
PILASTRU I: PJAN GĦALL-UKRAJNA
Artikolu 14
Tħejjija u preżentazzjoni tal-Pjan għall-Ukrajna
1. Sabiex tirċievi appoġġ taħt il-Faċilità, l-Ukrajna għandha tħejji u tippreżenta lill-Kummissjoni Pjan għall-Ukrajna (il-“Pjan għall-Ukrajna”).
2. Il-pjan għall-Ukrajna għandu jitħejja mill-Gvern Ukren bl-involviment debitu tal-Verkhovna Rada f'konformità mal-ordni kostituzzjonali tal-Ukrajna. L-Ukrajna għandha tagħmel ħilitha biex tippreżenta l-Pjan għall-Ukrajna lill-Kummissjoni sat-2 ta’ Mejju 2024. L-Ukrajna tista' tippreżenta abbozz ta' Pjan għall-Ukrajna lill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni għandha tikkondividi dak l-abbozz simultanjament mal-Parlament Ewropew u l-Kunsill.
3. Fit-tħejjija tal-Pjan għall-Ukrajna f'konformità mal-Artikolu 17, l-Ukrajna għandha tqis b'mod partikolari s-sitwazzjoni fiż-żoni reġjonali, lokali u urbani tagħha, filwaqt li tqis il-ħtiġijiet speċifiċi tagħhom għall-irkupru u r-rikostruzzjoni, ir-riforma, il-modernizzazzjoni u d-deċentralizzazzjoni.
4. It-tħejjija u l-implimentazzjoni tal-Pjan għall-Ukrajna għandhom isiru f'konsultazzjoni mal-awtoritajiet reġjonali, lokali, urbani u awtoritajiet pubbliċi oħra, kif ukoll ma' sħab soċjali u organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, f'konformità mal-prinċipju tal-governanza f'diversi livelli, u filwaqt li jitqies approċċ minn isfel għal fuq. Barra minn hekk, f'konformità mal-qafas legali nazzjonali tagħha, l-Ukrajna għandha tiżgura li l-Verkhovna Rada taqdi r-rwol tagħha fl-implimentazzjoni tal-Pjan għall-Ukrajna b'mod debitament infurmat, f'konformità mal-prerogattivi tagħha, inkluża l-awtorità tagħha li tilleġiżla, tapprova l-baġit tal-istat u tissorvelja l-eżekuzzjoni tiegħu, u tissorvelja l-fergħa eżekuttiva.
Artikolu 15
Relazzjoni tal-Pjan għall-Ukrajna mal-Pilastri tal-Faċilità
1. Il-Pjan għall-Ukrajna għandu jipprevedi qafas ġenerali biex jinkisbu l-objettivi stipulati fl-Artikolu 3.
2. Il-Pjan għall-Ukrajna għandu jikkostitwixxi l-bażi għall-appoġġ ipprovdut skont il-Pilastru I tal-Faċilità kif stipulat fl-Artikolu 1(2), il-punt (a), u kif imsemmi f'dan il-Kapitolu. L-appoġġ ipprovdut skont il-Pilastri II u III tal-Faċilità għandu jkun koerenti u jevita duplikazzjonijiet mal-appoġġ ipprovdut taħt il-Pilastu I kopert mill-Pjan għall-Ukrajna, u b'mod partikolari għandhom ikunu iggwidati mill-prinċipji li stipulat fl-Artikolu 16.
Artikolu 16
Prinċipji għall-finanzjament taħt il-Pjan għall-Ukrajna
1. Il-Pjan għall-Ukrajna għandu jistabbilixxi l-aġenda ta' riforma u ta' investiment tal-Ukrajna, integrata f'qafas ta' politika ekonomika u fiskali, biex jinkisbu l-objettivi ġenerali u speċifiċi stabbiliti fl-Artikolu 3. Il-Pjan għall-Ukrajna għandu jinkludi miżuri għall-implimentazzjoni tar-riformi u tal-investiment pubbliku permezz ta' pakkett komprensiv u koerenti, li jista' jinkludi wkoll skemi pubbliċi li għandhom l-għan li jinċentivaw l-investimenti privati. Il-Pjan għall-Ukrajna għandu jidentifika l-passi kwalitattivi u kwantitattivi kif imsemmi fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, li fil-każ ta’ riformi u investimenti jenħtieġ li jkunu jistgħu jitkejlu.
2. Il-Faċilità għandha tipprovdi finanzjament skont dan il-Kapitolu malli jiġu ssodisfati b'mod adegwat l-prekundizzjoni stipulata fl-Artikolu 5(1) kif ukoll il-kundizzjonijiet stabbiliti fil- Pjan għall-Ukrajna, fil-forma ta' passi kwalitattivi jew kwantitattivi. Tali kundizzjonijiet għandhom jirriflettu l-objettivi differenti tal-Faċilità, kif stabbilit fl-Artikolu 3, u għandhom jinkludu kundizzjonijiet relatati mar-rekwiżiti essenzjali, bħaż-żamma tal-istabbiltà ekonomika u finanzjarja, is-sorveljanza tal-baġit u l-ġestjoni finanzjarja pubblika, u l-kundizzjonijiet relatati mal-implimentazzjoni tar-riformi u l-investimenti stipulati fil-Pjan għall-Ukrajna.
3. Il-kundizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu għandhom jirriflettu l-ammonti msemmija fl-Artikolu 6(1), l-ewwel subparagrafu, il-punt (a), u (2) u l-kontribuzzjonijiet rilevanti skont il-paragrafu 4 ta' dak l-Artikolu.
4. Ammont ekwivalenti għal mill-inqas 20 % tal-appoġġ finanzjarju mhux ripagabbli msemmi fl-Artikolu 6(1), l-ewwel subparagrafu, il-punt (a), għandu jiġi allokat għall-ħtiġijiet ta' rkupru, rikostruzzjoni u modernizzazzjoni tal-awtoritajiet sottonazzjonali tal-Ukrajna, b'mod partikolari l-awtonomija lokali, f'konformità mal-Artikolu 17.
5. B'mod eċċezzjonali, il-miżuri li bdew mill-1 ta' Jannar 2023 'il quddiem għandhom ikunu eliġibbli dment li jikkonformaw mar-rekwiżiti stabbiliti f'dan ir-Regolament. Dawk il-miżuri għandhom ikunu debitament ġustifikati u dokumentati kif xieraq.
6. Il-Pjan għall-Ukrajna għandu jikkontribwixxi għal u jkun konsistenti mal-prijoritajiet ta' riforma rilevanti identifikati fil-kuntest tal-perkors ta' adeżjoni tal-Ukrajna, kif deskritt fl-Opinjoni tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tal-Ukrajna għas-sħubija fl-Unjoni (l-“Opinjoni tal-Kummissjoni”) u r-Rapport Analitiku wara dik l-opinjoni (l-“Rapport Analitiku”), fir-rapport regolari tal-Kummissjoni dwar it-tkabbir u l-konklużjonijiet tal-Kunsill sussegwenti, kif ukoll fil-Ftehim ta' Assoċjazzjoni inkluż Żona ta' Kummerċ Ħieles Approfondit u Komprensiv. Għandu wkoll jikkontribwixxi għal u jkun konsistenti mal-kontribut determinat fil-livell nazzjonali tal-Ukrajna skont il-Ftehim ta' Pariġi, mal-impenji tal-Ukrajna skont il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Diversità Bijoloġika u, jekk disponibbli, il-Pjan Nazzjonali għall-Enerġija u l-Klima tal-Ukrajna.
7. Il-Pjan għall-Ukrajna għandu jirrispetta l-prinċipji ġenerali stipulati fl-Artikolu 4.
Artikolu 17
Kontenut tal-Pjan għall-Ukrajna
1. Il-Pjan għall-Ukrajna għandu b'mod partikolari jistipula l-elementi li ġejjin, li għandhom ikunu debitament motivati u sostanzjati:
|
(a) |
miżuri li jikkostitwixxu rispons ibbażat fuq il-ħtiġijiet, koerenti, komprensiv u bbilanċjat b'mod adegwat għall-objettivi stipulati fl-Artikolu 3, inkluż riformi strutturali u miżuri li jippromwovu l-konverġenza mal-Unjoni, għat-tisħiħ tal-istat tad-dritt, id-demokrazija u r-rispett tad-drittijiet tal-bnedmin u l-libertajiet fundamentali kif ukoll l-applikazzjoni tal-kondizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 16(2), sabiex il-Pjan għall-Ukrajna kumplessivament jgħolli r-rata ta' tkabbir tal-ekonomija tal-Ukrajna, inaqqas l-inugwaljanzi ekonomiċi u soċjali u jiżgura l-progress tal-Ukrajna lejn l-istandards soċjali, ekonomiċi u ambjentali tal-Unjoni; |
|
(b) |
spjegazzjoni ta' kif il-Pjan għall-Ukrajna jikkontribwixxi għal u huwa konsistenti mal-isfidi rilevanti identifikati fil-kuntest tal-perkors tal-adeżjoni tal-Ukrajna, kif deskritt fl-Opinjoni tal-Kummissjoni u r-Rapport Analitiku, u l-Ftehim ta' Assoċjazzjoni inkluż iż-Żona ta' Kummerċ Ħieles Approfondit u Komprensiv; |
|
(c) |
spjegazzjoni ta' kif il-Pjan għall-Ukrajna u l-miżuri tiegħu huma konsistenti mal-prinċipji ġenerali, imsemmija fl-Artikolu 4, kif ukoll mar-rekwiżiti, mal-pjanijiet u mal-programmi msemmija fl-Artikolu 16; |
|
(d) |
skeda ta' żmien indikattiva, u l-passi kwalitattivi u kwantitattivi previsti, li fil-każ ta’ riformi u investimenti għandhom ikunu jistgħu jitkejlu, u li għandhom jiġu implimentati sal-31 ta' Diċembru 2027; |
|
(e) |
l-arranġamenti għall-implimentazzjoni u l-monitoraġġ effettivi ta’ u r-rappurtar dwar il-Pjan għall-Ukrajna mill-Ukrajna, inkluż il-passi kwalitattivi u kwantitattivi proposti, li fil-każ ta’ riformi u investimenti għandhom ikunu jistgħu jitkejlu, u l-indikaturi relatati, kif ukoll għall-involviment debitu tal-Verkhovna Rada; |
|
(f) |
spjegazzjoni ta' kif il-Pjan għall-Ukrajna jikkorrispondi għall-ħtiġijiet ta' rkupru, restawr, rikostruzzjoni u modernizzazzjoni fir-reġjuni u l-muniċipalitajiet tal-Ukrajna li tirriżultaw mill-gwerra ta' aggressjoni tar-Russja, u b'hekk isaħħaħ l-iżvilupp ekonomiku, soċjali, ambjentali u territorjali, inklużiv u sostenibbli tagħhom, isaħħaħ il-koeżjoni soċjali, jappoġġa r-riforma tad-deċentralizzazzjoni fl-Ukrajna kollha u l-konverġenza lejn l-istandards tal-Unjoni; dik l-ispjegazzjoni għandha tqis is-setgħat, il-kompiti u r-responsabbiltajiet assenjati lil-livelli differenti tal-gvern; |
|
(g) |
spjegazzjoni tal-metodoloġija u l-proċessi użati għall-għażla u l-implimentazzjoni tal-proġetti, u l-mekkaniżmi biex jiġu involuti l-awtoritajiet sottonazzjonali, b'mod partikolari l-muniċipalitajiet, kif ukoll l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, fit-teħid tad-deċiżjonijiet dwar l-użu tal-appoġġ fil-proċess ta' rikostruzzjoni fil-livell lokali u fil-proċess ta' skrutinju demokratiku, b'mod partikolari aċċess f'waqtu u ugwali għall-informazzjoni u għall-fondi għall-awtoritajiet sottonazzjonali rilevanti, inkluż il-metodoloġija użata biex tiġi traċċata n-nefqa relatata; |
|
(h) |
spjegazzjoni ta' kif il-Pjan għall-Ukrajna jiżgura li l-proġetti ta' rikostruzzjoni magħżula u implimentati minn tali awtoritajiet sottonazzjonali jikkostitwixxu sehem sostanzjali adegwat tal-appoġġ; dik l-ispjegazzjoni għandha tkopri wkoll ġemellaġġi u sħubijiet bejn il-bliet, kif ukoll kooperazzjoni bejn il-pari u programmi integrati fi sħubijiet bejn il-bliet u r-reġjuni fl-Unjoni u dawk fl-Ukrajna, fejn rilevanti; |
|
(i) |
għat-tħejjija u għall-implimentazzjoni tal-Pjan għall-Ukrajna, spjegazzjoni dettaljata tal-proċess ta' konsultazzjoni, imwettaq f'konformità mal-qafas legali nazzjonali, u tal-involviment u l-konsultazzjonijiet ippjanati matul l-implimentazzjoni, tal-Verkhovna Rada kif ukoll tal-partijiet ikkonċernati rilevanti, inkluż l-awtoritajiet u l-korpi rappreżentattivi lokali u reġjonali, is-sħab soċjali u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, u ta’ kif il-kontribut ta' dawk il-partijiet ikkonċernati huwa rifless fil-Pjan għall-Ukrajna; |
|
(j) |
spjegazzjoni tal-punt sa fejn il-miżuri skont il-Pjan għall-Ukrajna huma mistennija jikkontribwixxu:
|
|
(k) |
spjegazzjoni dettaljata tas-sistema u l-miżuri ppjanati tal-Ukrajna biex tipprevjeni, tidentifika u tikkoreġi irregolaritajiet, frodi, kull forma ta’ korruzzjoni, inkluż il-korruzzjoni fil-livelli għolja, jew kwalunkwe attività illegali oħra li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, u kunflitti ta’ interess, kif ukoll biex tinvestiga u tħarrek b’mod effettiv ir-reati li jaffettwaw il-fondi pprovduti taħt il-Faċilità, u tal-arranġamenti li għandhom l-għan li jevitaw il-finanzjament doppju mill-Faċilità u minn programmi jew donaturi oħra tal-Unjoni, kif ukoll biex tiżgura kooperazzjoni ġudizzjarja rapida mal-awtoritajiet kompetenti tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha; |
|
(l) |
spjegazzjoni ta’ kif il-Pjan għall-Ukrajna jiżgura li donaturi oħra jkunu jistgħu jikkontribwixxu għall-appoġġ tal-miżuri tiegħu; |
|
(m) |
kwalunkwe informazzjoni rilevanti oħra. |
2. Il-Pjan għall-Ukrajna għandu jkun ibbażat fuq ir-riżultati u l-impatt u għandu jinkludi indikaturi li jistgħu jitkejlu, bħall-indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni, fejn applikabbli, għall-valutazzjoni tal-progress biex jinkisbu l-objettivi ġenerali u speċifiċi msemmija fl-Artikolu 3.
Artikolu 18
Valutazzjoni tal-Kummissjoni tal-Pjan għall-Ukrajna
1. Il-Kummissjoni għandha tivvaluta r-rilevanza, il-komprensività u l-adegwatezza tal-Pjan għall-Ukrajna jew, fejn applikabbli, l-emenda għal dak il-Pjan għall-Ukrajna msemmi fl-Artikolu 20, mingħajr dewmien żejjed, u għandu jippreżenta proposta għal deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kunsill f'konformità mal-Artikolu 19(1). Meta twettaq din il-valutazzjoni, il-Kummissjoni għandha taġixxi f'kooperazzjoni mill-qrib mal-Ukrajna, u mas-sħab internazzjonali li jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni tiegħu. Il-Kummissjoni tista' tagħmel osservazzjonijiet, tfittex informazzjoni addizzjonali jew titlob li l-Ukrajna timmodifika l-abbozz ta’ Pjan għall-Ukrajna msemmi fl-Artikolu 14(2).
2. Meta tivvaluta l-Pjan għall-Ukrajna, u fid-determinazzjoni tal-ammont li jrid jiġi allokat lill-Ukrajna, il-Kummissjoni għandha tqis l-informazzjoni analitika rilevanti disponibbli dwar l-Ukrajna, inkluż is-sitwazzjoni makroekonomika u s-sostenibbiltà tad-dejn tagħha, il-ġustifikazzjoni u l-elementi pprovduti mill-Ukrajna skont l-Artikolu 17(1), kif ukoll kwalunkwe informazzjoni rilevanti oħra bħal, b'mod partikolari, l-informazzjoni elenkata fl-Artikolu 16(6).
3. Fil-valutazzjoni tagħha, il-Kummissjoni għandha tqis il-kriterji li ġejjin:
|
(a) |
jekk il-Pjan għall-Ukrajna jirrappreżentax rispons ibbażat fuq il-ħtiġijiet, koerenti, komprensiv u bbilanċjat b'mod adegwat għall-objettivi stipulati fl-Artikolu 3, inkluż riformi strutturali u miżuri li jippromwovu l-konverġenza mal-Unjoni, għat-tisħiħ tal-istat tad-dritt, id-demokrazija, ir-rispett tad-drittijiet tal-bnedmin u l-libertajiet fundamentali kif ukoll l-applikazzjoni tal-kondizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 16(2), sabiex il-Pjan għall-Ukrajna kumplessivament jgħolli r-rata ta' tkabbir tal-ekonomija tal-Ukrajna, inaqqas l-inugwaljanzi ekonomiċi u soċjali u jiżgura l-progress tal-Ukrajna lejn l-istandards soċjali, ekonomiċi u ambjentali tal-Unjoni; |
|
(b) |
jekk il-Pjan għall-Ukrajna jikkontribwixxix u huwiex konsistenti mal-isfidi rilevanti identifikati fil-kuntest tal-perkors tal-adeżjoni tal-Ukrajna, kif deskritt fl-Opinjoni tal-Kummissjoni u r-Rapport Analitiku, u l-Ftehim ta' Assoċjazzjoni inkluż Żona ta' Kummerċ Ħieles Approfondit u Komprensiv; |
|
(c) |
jekk il-Pjan għall-Ukrajna u l-miżuri tiegħu humiex konsistenti mal-prinċipji ġenerali, imsemmija fl-Artikolu 4, kif ukoll mar-rekwiżiti, mal-pjanijiet u mal-programmi msemmija fl-Artikolu 16; |
|
(d) |
jekk il-Pjan għall-Ukrajna jikkorrispondix għall-ħtiġijiet ta' rkupru, restawr, rikostruzzjoni u modernizzazzjoni li jirriżultaw mill-gwerra ta' aggressjoni tar-Russja fir-reġjuni u l-muniċipalitajiet tal-Ukrajna u b'hekk isaħħaħ l-iżvilupp, ekonomiku, soċjali u territorjali inklużiv u sostenibbli tagħhom, isaħħaħ il-koeżjoni soċjali, u jappoġġa r-riforma tad-deċentralizzazzjoni fl-Ukrajna kollha u l-konverġenza lejn l-istandards tal-Unjoni; jekk iqisx is-setgħat, il-kompiti u r-responsabbiltajiet assenjati lil-livelli differenti tal-gvern; jekk il-metodoloġija u l-proċessi użati għall-għażla u l-implimentazzjoni tal-proġetti, u l-mekkaniżmi biex jiġu involuti l-awtoritajiet sottonazzjonali, b'mod partikolari l-muniċipalitajiet, kif ukoll l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, fit-teħid tad-deċiżjonijiet dwar l-użu tal-appoġġ fil-proċess ta' rikostruzzjoni fil-livell lokali u fil-proċess ta' skrutinju demokratiku, b'mod partikolari aċċess f'waqtu u ugwali għall-informazzjoni u għall-fondi għall-awtoritajiet sottonazzjonali rilevanti humiex adegwati; jekk il-metodoloġija użata biex tiġi ttraċċata n-nefqa relatata għall-proġetti ta' rikostruzzjoni magħżula u implimentati minn tali awtoritajiet sottonazzjonali hijiex xierqa u jekk tali proġetti jikkostitwux sehem sostanzjali adegwat tal-appoġġ; |
|
(e) |
jekk il-miżuri fil-Pjan għall-Ukrajna humiex mistennija jikkontribwixxu għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u l-adattament għalih, għall-protezzjoni ambjentali, inkluż l-konservazzjoni tal-bijodiversità, u għat-tranżizzjoni ekoloġika, jew għall-indirizzar tal-isfidi li jirriżultaw minnha; jekk il-miżuri inklużi fil-Pjan għall-Ukrajna humiex kompatibbli mal-prinċipju "la tagħmilx ħsara sinifikanti", sa fejn possibbli, f'kuntest ta' gwerra jew ta' rkupru u rikostruzzjoni ta' wara l-gwerra; |
|
(f) |
jekk il-miżuri fil-Pjan għall-Ukrajna humiex mistennija jikkontribwixxu għall-promozzjoni tal-istat tad-dritt; |
|
(g) |
jekk il-miżuri fil-Pjan għall-Ukrajna humiex mistennija jikkontribwixxu għall-objettivi soċjali, inkluż l-inklużjoni ta' gruppi f'sitwazzjonijiet vulnerabbli, u jiżguraw l-aħjar interessi tat-tfal; |
|
(h) |
jekk il-miżuri fil-Pjan għall-Ukrajna humiex mistennija jippromwovu l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u t-tisħiħ tal-pożizzjoni tan-nisa u l-bniet; |
|
(i) |
jekk l-arranġamenti proposti mill-Ukrajna humiex mistennija jiżguraw implimentazzjoni u monitoraġġ effettivi ta’ u rappurtar dwar il-Pjan tal-Ukrajna u kwalunkwe aġġornament tiegħu, b'mod partikolari l-involviment debitu tal-Verkhovna Rada, inkluż il-passi kwalitattivi u kwantitattivi u li jistgħu jitkejlu, u l-indikaturi relatati; |
|
(j) |
jekk l-arranġamenti proposti mill-Ukrajna humiex mistennija jiżguraw b'mod effettiv livell adegwat ta' protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni, b'mod partikolari billi jipprevjenu, jidentifikaw u jikkoreġu l-irregolaritajiet, il-frodi, il-forom kollha ta' korruzzjoni, inklużi l-korruzzjoni ta' livell għoli, il-kunflitti ta' interess, jew kwalunkwe attività illegali oħra li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni; jekk l-arranġamenti proposti jappoġġawx l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni effettivi ta' reati li jaffettwaw il-fondi pprovduti taħt il-Faċilità u jiżgurawx kooperazzjoni ġudizzjarja rapida mal-awtoritajiet kompetenti tal-Unjoni u l-Istati Membri tagħha; jekk l-arranġamenti proposti mill-Ukrajna humiex mistennija jippermettu li jiġi evitat finanzjament doppju mill-Faċilità u minn programmi oħra tal-Unjoni kif ukoll minn donaturi oħra; |
|
(k) |
jekk il-Verkhovna Rada ġietx ikkonsultata debitament, u jekk il-Pjan għall-Ukrajna iqisx, fejn xieraq, il-kontributi tal-partijiet ikkonċernati, inkluż il-korpi u l-awtoritajiet rappreżentattivi lokali u reġjonali, is-sħab soċjali u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, f'konformità mal-qafas legali nazzjonali; |
|
(l) |
jekk il-Pjan għall-Ukrajna jiżgurax li donaturi oħra jkunu jistgħu jappoġġaw l-objettivi tiegħu. |
4. Għall-fini tal-valutazzjoni tal-Pjan għall-Ukrajna ppreżentat mill-Ukrajna, il-Kummissjoni tista' tiġi assistita minn esperti.
Artikolu 19
Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill
1. Fil-każ ta' valutazzjoni pożittiva, il-Kunsill għandu, fuq proposta tal-Kummissjoni, japprova permezz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni l-valutazzjoni tal-Pjan għall-Ukrajna ppreżentat mill-Ukrajna f'konformità mal-Artikolu 14(2) jew, fejn applikabbli, tal-emenda tiegħu ppreżentata f'konformità mal-Artikolu 20(1) jew (2). Bħala regola, il-Kunsill għandu jaġixxi fi żmien xahar minn meta jirċievi l-proposta tal-Kummissjoni. Il-Kunsill, li jaġixxi b'maġġoranza kwalifikata, jista' jemenda l-proposta tal-Kummissjoni u jadotta l-proposta emendata permezz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni.
2. Il-proposta tal-Kummissjoni għal deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kunsill għandha tistabbilixxi, għall-parti li trid tiġi ffinanzjata mill-Faċilità:
|
(a) |
ir-riformi u l-investimenti li jridu jiġu implimentati mill-Ukrajna, il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-Pjan għall-Ukrajna, inklużi dawk fil-forma ta’ passi kwalitattivi u kwantitattivi li jikkorrispondu għar-riformi u l-investimenti relatati, kif imsemmi fl-Artikolu 16(2), inkluż l-iskeda ta' żmien indikattiva, |
|
(b) |
l-ammonti massimi totali u annwali għall-appoġġ finanzjarju mhux ripagabbli u l-ammonti massimi indikattivi totali u annwali tal-appoġġ fil-forma ta’ self imsemmija fl-Artikolu 6(1), l-ewwel subparagrafu, il-punt (a), u (2) u l-kontribuzzjonijiet rilevanti skont il-paragrafu 4 ta' dak l-Artikolu; |
|
(c) |
il-pagamenti parzjali, strutturat f'konformità mal-Artikolu 16(2) u mal-punt (b) ta’ dan il-paragrafu, li għandhom jitħallsu ladarba l-Ukrajna tkun kisbet b'mod sodisfaċenti l-passi kwalitattivi u kwantitattivi rilevanti identifikati fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-Pjan għall-Ukrajna; |
|
(d) |
l-iskeda ta' żmien prevista għall-iżborż tal-appoġġ u l-iskeda tal-pagamenti tiegħu; |
|
(e) |
l-ammont tal-appoġġ fil-forma ta' self li jrid jitħallas fil-forma ta' prefinanzjament f'konformità mal-Artikolu 24; |
|
(f) |
il-limitu ta' żmien, li għandu jiskadi mhux aktar tard mill-31 ta' Diċembru 2027, sa liema data għandhom jitlestew l-istadji kwalitattivi u kwantitattivi finali kemm għall-proġetti ta' investiment kif ukoll għar-riformi; |
|
(g) |
l-arranġamenti u l-iskeda ta' żmien għall-monitoraġġ u l-implimentazzjoni tal-Pjan għall-Ukrajna, inkluż l-involviment debitu tal-Verkhovna Rada, kif ukoll, fejn rilevanti, il-miżuri meħtieġa għall-konformità mal-Artikolu 35; |
|
(h) |
l-indikaturi għall-valutazzjoni tal-progress biex jinkisbu l-objettivi ġenerali u speċifiċi msemmija fl-Artikolu 3; |
|
(i) |
l-arranġamenti biex jingħata aċċess sħiħ mill-Kummissjoni għad-data rilevanti sottostanti; |
|
(j) |
informazzjoni dwar il-kontribuzzjonijiet attwali u ppjanati minn donaturi oħra u spjegazzjoni dwar il-miżuri ta' koordinazzjoni fl-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-Pjan għall-Ukrajna li jiżguraw li jinkisbu l-objettivi tiegħu; |
|
(k) |
analiżi tal-impatt tal-Pjan għall-Ukrajna fuq is-sitwazzjoni makroekonomika, li tqis is-sostenibbiltà tad-dejn tal-Ukrajna. |
Artikolu 20
Emendi għall-Pjan għall-Ukrajna
1. Fejn il-Pjan għall-Ukrajna, inkluż il-passi kwalitattivi u kwantitattivi rilevanti, ma jkunx għadu jista' jinkiseb mill-Ukrajna, parzjalment jew totalment, minħabba ċirkostanzi oġġettivi, l-awtoritajiet Ukreni, wara li kkonsultaw il-Verkhovna Rada, kull meta rilevanti, jistgħu jipproponu emendi għall-Pjan għall-Ukrajna.
2. Il-Kummissjoni tista', bi qbil mal-Ukrajna, tippreżenta proposta biex temenda d-deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kunsill imsemmija fl-Artikolu 19(1), b'mod partikolari biex tqis bidliet fiċ-ċirkostanzi li jippermettu żieda fl-ambizzjoni jew bidla fl-ammonti disponibbli, b'mod partikolari minħabba kontribuzzjonijiet addizzjonali mill-Istati Membri jew minn sorsi oħra kif imsemmi fl-Artikolu 6(4). Il-Kunsill jista' jitlob il-Kummissjoni tivvaluta jekk il-kundizzjonijiet stipulati f'dan il-paragrafu humiex issodisfati u biex tippreżenta, fejn xieraq, il-proposta rilevanti.
3. Meta l-Kummissjoni tqis li r-raġunijiet imressqa mill-Ukrajna jiġġustifikaw li jiġi emendat il-Pjan għall-Ukrajna, il-Kummissjoni għandha tivvaluta l-Pjan għall-Ukrajna emendat f'konformità mal-Artikolu 18 u għandha tippreżenta proposta għal emenda tad-deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kunsill imsemmija fl-Artikolu 19(1) mingħajr dewmien żejjed. Bħala regola, il-Kunsill għandu jaġixxi fi żmien xahar minn meta jirċievi l-proposta tal-Kummissjoni. Il-Kunsill, li jaġixxi b'maġġoranza kwalifikata, jista' jemenda l-proposta tal-Kummissjoni u jadotta l-proposta emendata permezz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni.
Artikolu 21
Tabella ta' valutazzjoni għall-Pjan għall-Ukrajna
1. Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi tabella ta' valutazzjoni għall-Pjan għall-Ukrajna (it-"Tabella ta' Valutazzjoni") li għandha turi l-progress li jkun sar fl-implimentazzjoni tal-Pjan għall-Ukrajna.
2. Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta att delegat skont l-Artikolu 41 biex tissupplimenta dan ir-Regolament billi tistabbilixxi l-elementi dettaljati tat-Tabella ta' Valutazzjoni bil-ħsieb li turi l-progress fl-implimentazzjoni tal-Pjan għall-Ukrajna kif imsemmi fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu.
3. It-Tabella ta' Valutazzjoni għandha tkun operazzjonali sal-1 ta’ Jannar 2025 u għandha tiġi aġġornata mill-Kummissjoni darbtejn fis-sena. It-Tabella ta' Valutazzjoni għandha tkun disponibbli għall-pubbliku online.
Artikolu 22
Ftehim ta' self u operazzjonijiet ta' għoti u ta' teħid b'self
1. Sabiex tiffinanzja l-appoġġ taħt il-Faċilità fil-forma ta' self, il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa, f'isem l-Unjoni, li tissellef il-fondi meħtieġa mis-swieq kapitali jew minn istituzzjonijiet finanzjarji f'konformità mal-Artikolu 220a tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046.
2. Mal-adozzjoni tad-deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kunsill imsemmija fl-Artikolu 19(1), il-Kummissjoni għandha tidħol fi ftehim ta' self mal-Ukrajna fir-rigward tal-ammont imsemmi fl-Artikolu 6(2). Il-ftehim ta' self għandu jistipula l-perjodu ta' disponibbiltà u t-termini dettaljati tal-appoġġ taħt il-Faċilità fil-forma ta' self, inkluż fir-rigward tas-sistemi ta' kontroll intern kif imsemmi fl-Artikolu 9(4), il-punti (a) u (c). Is-self għandu jkollu durata massima ta' 35 sena. Minbarra l-elementi stipulati fl-Artikolu 220(5) tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046, il-ftehim ta' self għandu jkun fih l-ammont ta' prefinanzjament u r-regoli dwar l-ikklerjar tal-prefinanzjament.
3. B'deroga mill-Artikolu 31(3), tar-Regolament (UE) 2021/947, l-assistenza finanzjarja pprovduta lill-Ukrajna fil-forma ta' self taħt il-Faċilità ma għandhiex tiġi appoġġata mill-Garanzija għall-Azzjoni Esterna.
4. L-ebda proviżjonament għas-self skont dan ir-Regolament ma għandu jkun kostitwit u, b'deroga mill-Artikolu 211(1) tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046, ma għandha tiġi stabbilita l-ebda rata ta' proviżjonament bħala perċentwal tal-ammont imsemmi fl-Artikolu 6(2) ta' dan ir-Regolament.
5. Il-ftehim ta' self għandu jsir disponibbli simultanjament, fuq talba, lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.
Artikolu 23
Sussidju għall-kostijiet tat-teħid b'self
1. B'deroga mill-Artikolu 220(5) tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 u soġġett għar-riżorsi disponibbli, il-Faċilità tista' ġġarrab il-kost tal-finanzjament, il-kost tal-ġestjoni tal-likwidità, u l-kost tas-servizz għall-kostijiet ġenerali amministrattivi relatati mal-għoti u t-teħid b'self ("is-sussidju għall-kostijiet tat-teħid b'self"), ħlief għall-kostijiet relatati mar-ripagament bikri tas-self. Għall-perjodu mill-1 ta' Jannar 2024 sal-31 ta' Diċembru 2027, is-sussidju għall-kostijiet tat-teħid b'self għandu jkun kopert skont il-Kapitolu V.
2. L-Ukrajna tista' titlob s-sussidju għall-kostijiet tat-teħid b'self imsemmi fil-paragrafu 1 kull sena. Il-Kummissjoni tista' tagħti sussidju għall-kostijiet tat-teħid b'self għal ammont li ma jaqbiżx il-limiti tal-approprjazzjonijiet disponibbli fil-baġit annwali.
Artikolu 24
Prefinanzjament
1. Soġġett għall-adozzjoni mill-Kunsill tad-deċiżjoni ta' implimentazzjoni msemmija fl-Artikolu 19(1), l-Ukrajna tista' titlob, bħala parti mill-Pjan għall-Ukrajna, pagament ta' prefinanzjament ta' ammont sa 7 % tal-appoġġ fil-forma ta' self ipprovdut skont il-Kapitolu III.
2. Il-Kummissjoni tista' tagħmel il-pagament ta' prefinanzjament wara l-approvazzjoni tal-Pjan għall-Ukrajna imsemmi fl-Artikolu 19 u d-dħul fis-seħħ tal-ftehim ta' self imsemmi fl-Artikolu 22. Il-pagamenti għandhom ikunu soġġetti għall-finanzjament disponibbli fis-swieq kapitali msemmija fl-Artikolu 22(1) u għar-rispett tal-prekundizzjoni stipulata fl-Artikolu 5(1).
3. Il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi dwar il-perjodu ta' żmien għall-iżborż tal-prefinanzjament, li jista' jiġi żborżat f'segment wieħed jew aktar.
Artikolu 25
Finanzjament tranżitorju eċċezzjonali
1. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 24, jekk il-Ftehim Qafas ma jiġix iffirmat jew il-Pjan għall-Ukrajna ma jiġix adottat sat-2 ta’ Marzu 2024, il-Kummissjoni tista' jiddeċiedi jipprovdi appoġġ limitat u eċċezzjonali lill-Ukrajna fil-forma ta' self għal perjodu sa sitt xhur li jibda mill-1 ta' Jannar 2024, soġġett għal progress sodisfaċenti fit-tħejjija tal-Pjan għall-Ukrajna, sabiex jingħata appoġġ lill-istabbiltà makrofinanzjarja tal-pajjiż, soġġett għal kundizzjonijiet li jridu jiġu maqbula f'Memorandum ta' Ftehim (MtQ) bejn il-Kummissjoni u l-Ukrajna, għar-rispett tal-prekundizzjoni stabbilita fl-Artikolu 5(1), għall-konformità mal-Artikolu 6 u għall-finanzjament disponibbli.
2. Il-MtQ għandu b'mod partikolari jistabbilixxi kundizzjonijiet ta' politika, ippjanar finanzjarju indikattiv u r-rekwiżiti ta' rappurtar, proporzjonati għat-tul ta' żmien tal-finanzjament. Il-kundizzjonijiet ta' politika għandhom jinkludu impenn għall-prinċipji ta' ġestjoni finanzjarja tajba b'enfasi fuq il-ġlieda kontra l-korruzzjoni, u kontra l-ħasil tal-flus, kif ukoll miżuri biex tittejjeb il-ġestjoni tad-dħul.
Il-MtQ għandu jiġi adottat u emendat permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 42.
3. L-ammont tal-appoġġ imsemmi fil-paragrafu 1 ma għandux jaqbeż l-EUR 1 500 000 000 kull xahar. Il-Kummissjoni għandha tidħol fi ftehim ta' self mal-Ukrajna, li għandu jikkonforma kif xieraq mal-Artikoli 22 u 23.
Artikolu 26
Regoli dwar il-pagamenti, iż-żamma u t-tnaqqis ta' appoġġ finanzjarju mhux ripagabbli u self
1. Il-pagamenti tal-appoġġ finanzjarju mhux ripagabbli u tas-self lill-Ukrajna skont dan l-Artikolu għandhom isiru f'konformità mal-approprjazzjonijiet tal-baġit u soġġetti għall-finanzjament disponibbli. Il-pagamenti għandhom isiru f'pagamenti parzjali. Pagament parzjali jista' jiġi żborżat f'parti waħda jew iktar.
2. Kull tliet xhur, l-Ukrajna għandha tippreżenta talba debitament ġustifikata għall-pagament tal-appoġġ finanzjarju mhux ripagabbli u tal-appoġġ tas-self, bil-ħsieb li l-Kummissjoni tħallas dak l-appoġġ finanzjarju mhux ripagabbli u l-appoġġ għal self, abbażi tal-valutazzjoni deskritta fil-paragrafu 3.
3. Il-Kummissjoni għandha tivvaluta mingħajr dewmien żejjed jekk l-Ukrajna tkunx issodisfat il-prekundizzjoni stabbilita fl-Artikolu 5(1) u jekk tkunx kisbet b'mod sodisfaċenti l-passi kwalitattivi u kwantitattivi stipulati fid-deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kunsill imsemmija fl-Artikolu 19(1). It-twettiq sodisfaċenti tal-passi kwalitattivi u kwantitattivi għandu jippresupponi li l-miżuri relatati mal-passi li għalihom l-Ukrajna tkun laħqet livell sodisfaċenti ma jkunux treġġgħu lura mill-Ukrajna. Il-Kummissjoni tista' tkun assistita minn esperti fit-twettiq tal-valutazzjoni tagħha.
4. Meta l-Kummissjoni tagħmel valutazzjoni pożittiva tat-twettiq sodisfaċenti tal-passi kwalitattivi u kwantitattivi, hija għandha tippreżenta lill-Kunsill mingħajr dewmien żejjed proposta għal deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kunsill li tistabbilixxi l-issodisfar adegwat tal-kundizzjonijiet għall-pagamenti msemmija fil-paragrafu 3. Bħala regola, il-Kunsill għandu jaġixxi fi żmien tliet ġimgħat minn meta jirċievi dik il-proposta. Il-Kunsill, li jaġixxi b'maġġoranza kwalifikata, jista' jemenda l-proposta tal-Kummissjoni u jadotta l-proposta emendata permezz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni. Abbażi tad-deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kunsill, il-Kummissjoni għandha tadotta deċiżjoni li tawtorizza l-iżborż tal-parti tal-appoġġ finanzjarju mhux ripagabbli u tas-self li jikkorrispondi għal tali passi.
5. Meta l-Kummissjoni tagħmel valutazzjoni negattiva tat-twettiq tal-passi kwalitattivi u kwantitattivi skont l-iskeda ta' żmien indikattiva, hija għandha tinforma lill-Kunsill u lill-Parlament mingħajr dewmien żejjed u l-pagament tal-appoġġ finanzjarju mhux ripagabbli u tas-self li jikkorrispondi għal tali passi għandu jinżamm lura. Il-pagament miżmum lura għandu jiġi żborżat, f'konformità mal-paragrafu 4, biss meta l-Ukrajna tkun debitament iġġustifikat, bħala parti minn talba għal pagament sussegwenti, li tkun ħadet il-miżuri meħtieġa biex tiżgura l-issodisfar sodisfaċenti tal-passi kwalitattivi u kwantitattivi. Il-Kummissjoni għandha tiżviluppa metodoloġija għat-trattament tal-issodisfar parzjali tal-passi bħala gwida.
6. Fejn il-Kummissjoni tqis li l-Ukrajna ma tkunx ħadet il-miżuri meħtieġa fi żmien 12-il xahar mill-valutazzjoni negattiva inizjali msemmija fil-paragrafu 5, il-Kummissjoni għandha tinnotifika lill-Ukrajna b'dan. L-Ukrajna tista' tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha fi żmien xahrejn mill-komunikazzjoni tan-notifikazzjoni tal-Kummissjoni. Meta l-Kummissjoni tikkonkludi li l-Ukrajna ma tkunx ħadet il-miżuri meħtieġa, hija għandha tippreżenta proposta għal deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kunsill fejn tnaqqas l-ammont tal-appoġġ finanzjarju mhux ripagabbli u tas-self b'mod proporzjonali għall-parti li tikkorrispondi għall-passi kwalitattivi u kwantitattivi rilevanti. Bħala regola, il-Kunsill għandu jaġixxi fi żmien xahar minn meta jirċievi l-proposta tal-Kummissjoni. Il-Kunsill, li jaġixxi b'maġġoranza kwalifikata, jista' jemenda l-proposta tal-Kummissjoni u jadotta l-proposta emendata permezz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni.
7. Fil-każ ta’ każijiet identifikati ta’, jew tħassib serju fir-rigward ta’ irregolaritajiet, frodi, korruzzjoni u kunflitti ta’ interess li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni li ma jkunux ġew ikkoreġuti mill-Ukrajna, jew ksur serju ta’ obbligu li jirriżulta minn ftehimiet imsemmija fl-Artikoli 9, 10 u 22 ta’ dan ir-Regolament, inkluż abbażi tar-rapporti tal-Bord ta’ Verifika msemmija fl-Artikolu 36 ta’ dan ir-Regolament jew tal-informazzjoni pprovduta mill-OLAF, il-Kummissjoni tista' tnaqqas l-ammont tal-appoġġ finanzjarju mhux ripagabbli u tirkupra kwalunkwe ammont dovut lill-baġit tal-Unjoni, inkluż billi tikkumpensa f'konformità mal-Artikolu 102 tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046, jew tnaqqas l-ammont tas-self li jrid jiġi żborżat lill-Ukrajna kif imsemmi fil-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu, jew tistaqsi għal ripagament bikri tas-self.
8. B'deroga mill-Artikolu 116(2) tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046, l-iskadenza tal-pagament kif imsemmi fl-Artikolu 116(1), il-punt (a), ta’ dak ir-Regolament għandha tibda tgħodd mid-data tal-komunikazzjoni tad-deċiżjoni li tawtorizza l-iżborż lill-Ukrajna skont il-paragrafu 4 ta' dan l-Artikolu.
9. L-Artikolu 116(5) tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 ma għandux japplika għall-pagamenti li jsiru skont dan l-Artikolu u l-Artikolu 24 ta' dan ir-Regolament.
Artikolu 27
Trasparenza fir-rigward ta' persuni u entitajiet li jirċievu finanzjament għall-implimentazzjoni tal-Pjan għall-Ukrajna
1. L-Ukrajna għandha tippubblika data aġġornata dwar il-persuni u l-entitajiet, inkluż il-kuntratturi, li jirċievu ammonti ta' finanzjament li jaqbżu l-ekwivalenti ta' EUR 100 000 kumulattivi fuq perjodu ta' erba' 4 snin, għall-implimentazzjoni tar-riformi u l-investimenti speċifikati fil-Pjan għall-Ukrajna.
2. Għall-persuni u għall-entitajiet imsemmija fil-paragrafu 1, l-informazzjoni li ġejja għandha tiġi ppubblikata, f'format li jinqara mill-magni fuq paġna web, ikklassifikata skont il-fondi totali riċevuti, filwaqt li jiġu debitament ikkunsidrati r-rekwiżiti ta' kunfidenzjalità u ta' sigurtà, b'mod partikolari l-protezzjoni ta' data personali:
|
(a) |
fil-każ ta' persuna ġuridika, l-isem ġuridiku sħiħ tar-riċevitur u n-numru ta' identifikazzjoni tal-VAT jew in-numru ta' identifikazzjoni tat-taxxa, meta disponibbli, jew identifikatur uniku ieħor stabbilit fil-livell nazzjonali; |
|
(b) |
fil-każ ta' persuna fiżika, l-isem/ismijiet u l-kunjom/kunjomijiet tar-riċevitur; |
|
(c) |
l-ammont li rċieva r-riċevitur u r-riformi u l-investimenti taħt il-Pjan għall-Ukrajna li għall-implimentazzjoni tagħhom dan l-ammont jikkontribwixxi. |
3. L-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 2 ma għandhiex tiġi ppubblikata meta d-divulgazzjoni tirriskja li thedded id-drittijiet u l-libertajiet tal-persuni jew l-entitajiet ikkonċernati jew li tagħmel ħsara serja lill-interessi kummerċjali tar-riċevituri. Tali informazzjoni għandha tkun disponibbli lill-Kummissjoni u lill-Bord tal-Verifika.
4. L-Ukrajna għandha tittrażmetti elettronikament mill-inqas darba fis-sena lill-Kummissjoni, id-data dwar il-persuni u l-entitajiet imsemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, f'format li jinqara mill-magni, li għandu jiġi definit fil-Ftehim Qafas, kif imsemmi fl-Artikolu 9(4), il-punt (i).
KAPITOLU IV
PILASTRU II: QAFAS TA' INVESTIMENT GĦALL-UKRAJNA
Artikolu 28
Kamp ta' applikazzjoni u struttura
1. Taħt il-Qafas ta' Investiment għall-Ukrajna il-Kummissjoni għandha tipprovdi l-appoġġ tal-Unjoni lill-Ukrajna fil-forma ta' strumenti finanzjarji, garanziji baġitarji jew operazzjonijiet ta' taħlit, inkluż assistenza teknika marbuta mal-implimentazzjoni tal-Pilastru II.
2. Il-Kummissjoni għandha tkun appoġġata minn bord ta’ tmexxija fl-implimentazzjoni tal-Qafas ta' Investiment għall-Ukrajna (il-“Bord tat-Tmexxija”). Il-Bord tat-Tmexxija għandu jadotta r-regoli ta' proċedura tiegħu.
3. Il-Bord tat-Tmexxija għandu jinkludi rappreżentanti tal-Kummissjoni u ta' kull Stat Membru. L-awtoritajiet Ukreni għandhom jiġu mistiedna rappreżentanti tal-Ukrajna biex jattendu l-laqgħat tal-Bord tat-Tmexxija kif xieraq. Il-Parlament Ewropew u l-Verkhovna Rada għandu jkollhom status ta' osservaturi. Il-kontropartijiet li jimplimentaw il-Garanzija għall-Ukrajna u l-istrumenti finanzjarji appoġġati mill-Qafas ta' Investiment għall-Ukrajna, jistgħu jingħataw status ta' osservatur. Il-Kummissjoni għandha tippresiedi l-Bord tat-Tmexxija.
4. Il-Bord tat-Tmexxija għandu jipprovdi gwida strateġika u operazzjonali u appoġġ lill-Kummissjoni dwar aspetti differenti inkluż il-profili ta' riskju, il-forma ta' appoġġ, id-disinn ta' prodotti finanzjarji li għandhom jiġu applikati, u dwar setturi mhux eliġibbli. Għandu jfassal opinjonijiet dwar l-użu tal-appoġġ tal-Unjoni permezz tal-Garanzija għall-Ukrajna, strumenti finanzjarji u operazzjonijiet ta' taħlit inkluż il-livelli ta' konċessjonalità, filwaqt li jqis il-valutazzjonijiet tar-riskju rilevanti. Il-Bord tat-Tmexxija għandu, fejn possibbli, jadotta opinjonijiet b'kunsens.
5. Il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-appoġġ tal-Unjoni pprovdut skont il-Qafas ta' Investiment tal-Ukrajna jkun konsistenti mal-Pjan għall-Ukrajna u jikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tiegħu, u komplementari għall-appoġġ tal-Unjoni lill-Ukrajna mogħti skont programmi u strumenti oħra tal-Unjoni, u tqis il-promozzjoni tar-responsabbiltà soċjali korporattiva u l-imġiba responsabbli fin-negozju, b'mod partikolari billi jiġu rispettati linji gwida, prinċipji u l-konvenzjonijiet maqbula internazzjonalment dwar l-investiment.
6. Mill-inqas 15 % tal-garanziji pprovduti taħt il-Qafas ta’ Investiment għall-Ukrajna għandhom jintużaw biex jipprovdu appoġġ lill-intrapriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju, kif definit fl-Artikolu 2 tal-Anness tar-Rakkomandazzjoni 2003/361/KE, inkluż negozji ġodda, inkluż permezz ta’ għodod finanzjarji li għandhom l-objettiv li jnaqqsu r-riskju involut fl-operazzjonijiet ta’ self tal-banek Ukreni.
7. Għall-fini tal-Artikolu 209(2), il-punt (h), tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046, ir-rekwiżit dwar l-evalwazzjonijiet ex ante tal-istrumenti finanzjarji u l-garanziji baġitarji għandu jiġi ssodisfat mill-valutazzjonijiet pożittivi tal-Pjan għall-Ukrajna mill-Kummissjoni, imsemmija fl-Artikolu 19(1) ta’ dan ir-Regolament.
8. L-appoġġ taħt il-Qafas ta’ Investiment għall-Ukrajna għandu b’mod partikolari jservi l-implimentazzjoni tal-Pjan għall-Ukrajna, filwaqt li jikkomplementa s-sorsi ta’ finanzjament stabbiliti b’dan ir-Regolament.
9. Mill-inqas 20 % tal-ammont globali li jikkorrispondi għall-appoġġ taħt il-Qafas ta’ Investiment għall-Ukrajna u għall-investimenti skont il-Pjan għall-Ukrajna għandhom jikkontribwixxu, sa fejn hu possibli, f’pajjiż mifni bil-gwerra, għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u l-adattament għalih, għall-protezzjoni ambjentali, inkluż il-konservazzjoni tal-bijodiversità, u għat-tranżizzjoni ekoloġika.
10. Il-Kummissjoni għandha tirrapporta annwalment dwar l-implimentazzjoni tal-appoġġ taħt il-Qafas ta' Investiment għall-Ukrajna f'konformità mal-Artikolu 41(4) u (5) tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046. Għal dan il-għan, kull kontroparti tal-Garanzija għall-Ukrajna u kull entità fdata li timplimenta l-istrumenti finanzjarji għandhom jipprovdu fuq bażi annwali l-informazzjoni meħtieġa biex il-Kummissjoni tkun tista' tikkonforma mal-obbligi ta' rappurtar tagħha.
Artikolu 29
Kontribuzzjonijiet addizzjonali għall-Garanzija għall-Ukrajna u għall-istrumenti finanzjarji
1. L-Istati Membri, il-pajjiżi terzi, u l-partijiet terzi jistgħu jikkontribwixxu għall-Garanzija għall-Ukrajna, u għall-istrumenti finanzjarji stabbiliti taħt il-Qafas ta' Investiment għall-Ukrajna. Il-kontribuzzjonijiet għall-Garanzija għall-Ukrajna għandhom isiru f'konformità mal-Artikolu 218(2) tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046.
2. Il-kontribuzzjonijiet għall-Garanzija għall-Ukrajna għandhom iżidu l-ammont tal-Garanzija għall-Ukrajna mingħajr ma jwasslu għal obbligazzjonijiet kontinġenti addizzjonali għall-Unjoni.
3. Għall-kontribuzzjonijiet kollha msemmija fil-paragrafu 1, għandu jiġi konkluż ftehim ta' kontribuzzjoni bejn il-Kummissjoni, f'isem l-Unjoni, u l-kontributur. Għandu jkun fih, b'mod partikolari, dispożizzjonijiet li jikkonċernaw il-kundizzjonijiet ta' pagament. Il-Kummissjoni għandha tinforma simultanjament u mingħajr dewmien lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-ftehimiet ta' kontribuzzjoni konklużi.
Artikolu 30
L-implimentazzjoni tal-Garanzija għall-Ukrajna u istrumenti finanzjarji
1. Il-Garanzija għall-Ukrajna u l-istrumenti finanzjarji appoġġati taħt il-Qafas ta' Investiment tal-Ukrajna għandhom jiġu implimentati b'ġestjoni indiretta skont l-Artikolu 62(1), l-ewwel subparagrafu, il-punt (c), tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046.
2. Il-kontropartijiet eliġibbli għall-finijiet tal-Garanzija għall-Ukrajna u l-entitajiet fdati eliġibbli għall-fini tal-istrumenti finanzjarji għandhom ikunu dawk identifikati fl-Artikolu 208(4) tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046, inkluż dawk minn pajjiżi terzi li jikkontribwixxu għall-Garanzija għall-Ukrajna f'konformità mal-Artikolu 29 ta' dan ir-Regolament. Barra minn hekk, b'deroga mill-Artikolu 62(1), l-ewwel subparagrafu, il-punt (c), tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046, korpi rregolati minn dritt privat ta' Stat Membru, pajjiż sieħeb jew pajjiż terz li jkun ikkontribwixxa għall-Garanzija għall-Ukrajna f'konformità mal-Artikolu 29 ta' dan ir-Regolament, u li jipprovdu assigurazzjoni adegwata tal-kapaċità finanzjarja u operazzjonali tagħhom għandhom ikunu eliġibbli għall-fini tal-Garanzija għall-Ukrajna.
3. Il-Kummissjoni għandha tiżgura l-użu effettiv, effiċjenti, ibbażat fuq il-ħtiġijiet u ġust tar-riżorsi disponibbli fost il-kontropartijiet eliġibbli u, fejn rilevanti, entitajiet fdati eliġibbli, f'approċċ inklużiv, filwaqt li tippromwovi l-kooperazzjoni bejniethom u tieħu kont debitu tal-kapaċitajiet, il-valur miżjud, l-esperjenza u l-kapaċità tat-teħid tar-riskju tagħhom.
4. Il-Kummissjoni għandha tiżgura trattament ġust u trasparenti għall-kontropartijiet eliġibbli kollha u l-entitajiet fdati eliġibbli kollha u għandha tiżgura li jiġu evitati kunflitti ta' interess matul il-perjodu ta' implimentazzjoni tal-Qafas ta' Investiment għall-Ukrajna. Sabiex tiġi żgurata l-komplementarjetà, il-Kummissjoni tista' titlob informazzjoni rilevanti mingħand kontropartijiet eliġibbli għall-fini tal-Garanzija għall-Ukrajna jew mingħand entitajiet fdati eliġibbli għall-fini ta' strumenti finanzjarji dwar l-operazzjonijiet tagħhom li mhumiex appoġġati mill-UE.
Artikolu 31
Garanzija għall-Ukrajna
1. Il-Garanzija għall-Ukrajna ta' EUR 7 800 000 000 fi prezzijiet attwali għandha tiġi stabbilita biex tiggarantixxi operazzjonijiet li jappoġġaw l-objettivi tal-Faċilità. Il-Garanzija għall-Ukrajna għandha tkun indipendenti u awtonoma mill-Garanzija għall-Azzjoni Esterna u għandha tingħata bħala garanzija irrevokabbli, mingħajr kundizzjonijiet u fuq talba f'konformità mal-Artikolu 219(1) tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046.
2. Il-Garanzija għall-Ukrajna għandha tintuża biex tkopri r-riskji għat-tipi ta' operazzjonijiet li ġejjin li għandhom l-għan li jappoġġaw entitajiet sovrani, sottosovrani, mhux kummerċjali u kummerċjali, u s-settur privat:
|
(a) |
self, inkluż self fil-munita lokali; |
|
(b) |
garanziji; |
|
(c) |
kontrogaranziji; |
|
(d) |
strumenti tas-suq tal-kapital; |
|
(e) |
kwalunkwe forma oħra ta' finanzjament jew titjib tal-kreditu, assigurazzjoni, u parteċipazzjonijiet f'ekwità jew kważi ekwità. |
3. F'isem l-Unjoni, il-Kummissjoni għandha tikkonkludi ftehimiet ta’ Garanzija għall-Ukrajna mal-kontropartijiet eliġibbli sal-31 ta' Diċembru 2027. Il-Garanzija għall-Ukrajna tista' tingħata gradwalment.
Il-Kummissjoni għandha tipprovdi informazzjoni dwar il-firma ta' kull ftehim ta’ Garanzija għall-Ukrajna fir-rapporti msemmijin fl-Artikolu 28(10). Fuq talba tagħhom, dawk il-ftehimiet għandhom isiru disponibbli lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, mingħajr dewmien bla bżonn, filwaqt li titqies il-protezzjoni ta' informazzjoni kunfidenzjali u kummerċjalment sensittiva.
4. Meta tikkonkludi ftehimiet ta’Garanzija għall-Ukrajna, il-Kummissjoni għandha tqis kif xieraq il-parir u l-gwida tal-grupp ta' valutazzjoni tar-riskju tekniku kif imsemmi fl-Artiklu 33(8) tar-Regolament (UE) 2021/947 u tal-Bord tat-Tmexxija.
5. Il-ftehimiet ta’ Garanzija għall-Ukrajna għandhom jinkludu, b'mod partikolari:
|
(a) |
regoli dettaljati dwar il-kopertura tal-Garanzija għall-Ukrajna,, l-investimenti annwali stmati, ir-rekwiżiti, l-eliġibbiltà, u l-proċeduri; |
|
(b) |
regoli dettaljati dwar l-għoti tal-Garanzija għall-Ukrajna, inkluż l-arranġamenti tagħha dwar il-kopertura u l-kopertura definita tagħha ta' portafolli u ta' proġetti ta' tipi speċifiċi ta' strumenti, kif ukoll analiżi tar-riskju tal-proġetti u tal-portafolli tal-proġetti, inkluż fil-livell settorjali, reġjonali u nazzjonali; |
|
(c) |
referenza għall-objettivi u l-iskop tal-Faċilità, valutazzjoni tal-ħtiġijiet u indikazzjoni tar-riżultati mistennija; |
|
(d) |
ir-remunerazzjoni tal-Garanzija għall-Ukrajna, li għandha tiġi stabbilita fuq termini konċessjonali li jirriflettu s-sitwazzjoni speċifika tal-Ukrajna mifnija bil-gwerra , filwaqt li jitqiesu l-profili tar-riskju rispettivi tal-programmi ta' investiment sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi; |
|
(e) |
ir-rekwiżiti għall-użu tal-Garanzija għall-Ukrajna, inkluż il-kundizzjonijiet ta' pagament, bħat-termini ta' żmien speċifiċi, l-imgħax li jrid jitħallas fuq l-ammonti dovuti, l-infiq u l-kostijiet tal-irkupru u, possibbilment, l-arranġamenti meħtieġa b'rabta mal-likwidità; |
|
(f) |
il-proċeduri tal-pretensjonijiet, inkluż, iżda mhux limitat għal, avvenimenti skattaturi u perjodi ta' stennija, u proċeduri rigward l-irkupru ta' pretensjonijiet; |
|
(g) |
obbligi ta' monitoraġġ, rappurtar, trasparenza, u evalwazzjoni; |
|
(h) |
proċeduri ta' ilmenti ċari u aċċessibbli għal partijiet terzi li jistgħu jiġu affettwati mill-implimentazzjoni ta' proġetti appoġġati mill-Garanzija għall-Ukrajna. |
6. Il-Grupp tal-BEI għandu jimplimenta operazzjonijiet fl-Ukrajna, bl-għan li jappoġġa entitajiet sovrani u entitajiet sottosovrani mhux kummerċjali Ukreni, koperti b'ammont minimu ddedikat indikattiv tal-Garanzija għall-Ukrajna ta' 25 % tal-ammont imsemmi fil-paragrafu 1, li għandu jingħata f'konformità mal-proċeduri stipulati f'dan ir-Regolament.
7. L-ammont iddedikat tal-Garanzija għall-Ukrajna msemmi fil-paragrafu 6 għandu jkun disponibbli għall-appoġġ tal-operazzjonijiet tal-Grupp tal-BEI li jkunu ġew approvati mill-Bord rilevanti tal-Grupp tal-BEI sal-31 ta' Diċembru 2025. Wara dik id-data, l-ammont iddedikat li jifdal tal-Garanzija għall-Ukrajna għandu jkun disponibbli għat-tipi kollha ta' operazzjonijiet imsemmijin fil-paragrafu 6 għall-kontropartijiet eliġibbli kollha soġġetti għall-paragrafu 3.
8. Il-Kummissjoni tista' tuża sa 30 % tal-ammont imsemmi fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu biex iżżid l-ammonti tal-garanzija pprovduti permezz ta' ftehimiet ta’ Garanzija għall-Azzjoni Esterna konklużi skont l-Artikolu 38 tar-Regolament (UE) 2021/947 soġġett għal dan li ġej:
|
(a) |
għall-fini ta' dan il-paragrafu, il-Garanzija għall-Ukrajna għandha tiġi implimentata permezz ta' emenda jew addendum għall-ftehimiet konklużi skont l-Artikolu 38 tar-Regolament (UE) 2021/947 mal-kontropartijiet eliġibbli magħżula skont l-Artikolu 35 ta’ dak ir-Regolament li jżid l-ammont tal-garanzija skont dawk il-ftehimiet u li għandu jiġi ffirmat fi żmien erba' xhur mid-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament; |
|
(b) |
il-kontropartijiet eliġibbli għandhom jużaw il-Garanzija għall-Ukrajna skont dan il-paragrafu għall-appoġġ tal-implimentazzjoni tal-operazzjonijiet fl-Ukrajna biss, u s-sejħiet ta' garanzija minn operazzjonijiet fl-Ukrajna biss huma eliġibbli għall-kopertura mill-Garanzija għall-Ukrajna skont dan il-paragrafu; |
|
(c) |
b'deroga mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 36(1) tar-Regolament (UE) 2021/947, l-operazzjonijiet koperti mill-Garanzija għall-Ukrajna skont dan il-paragrafu għandhom jikkostitwixxu portafoll separat tal-Garanzija għall-Ukrajna u ma għandhomx jitqiesu għall-finijiet tal-kalkolu tal-kopertura ta' 65 % imsemmija fl-Artikolu 36(1) tar-Regolament (UE) 2021/947; |
|
(d) |
il-kondiviżjoni tar-riskju fil-portafoll separat tal-Garanzija għall-Ukrajna għandha tiżgura l-allinjament tal-interessi bejn il-Kummissjoni u l-kontroparti eliġibbli f'konformità mal-Artikolu 209(2), il-punt (e), tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 u l-kontroparti għandha tikkontribwixxi permezz tar-riżorsi proprji tagħha għal dan il-portafoll f'konformità mal-Artikolu 219(4) ta’ dak ir-Regolament; |
|
(e) |
kontropartijiet għandhom jistabbilixxu kontabbiltà u rappurtar separati għall-implimentazzjoni tal-Garanzija għall-Ukrajna skont dan il-paragrafu; |
|
(f) |
l-Artikolu 32 ta’ dan ir-Regolament għandu japplika għall-proviżjonament tal-Garanzija għall-Ukrajna skont dan il-paragrafu li għandu jintuża esklużivament għall-kopertura tat-telf taħt il-Garanzija għall-Ukrajna; il-proviżjonament stabbilit skont l-Artikolu 31(5) tar-Regolament (UE) 2021/947 ma għandux jintuża għall-kopertura tal-operazzjonijiet taħt il-Garanzija għall-Ukrajna. |
9. Il-kontroparti eliġibbli għandha tapprova l-operazzjonijiet ta' finanzjament u ta' investiment skont ir-regoli u l-proċeduri tagħha stess u f'konformità mal-ftehim ta’ Garanzija għall-Ukrajna.
10. Il-perjodu massimu permess biex il-kontropartijiet eliġibbli jiffirmaw kuntratti ma' intermedjarji finanzjarji jew riċevituri finali għandu jkun ta' tliet snin wara l-konklużjoni tal-ftehim rilevanti ta’ Garanzija għall-Ukrajna, b'estensjonijiet possibbli meta jingħata ammont addizzjonali ta' garanzija u jiġi emendat il-ftehim ta’ Garanzija għall-Ukrajna.
11. Il-Garanzija għall-Ukrajna tista' tkopri:
|
(a) |
l-istrumenti tad-dejn, il-kapital u l-imgħax u l-ammonti dovuti kollha lill-kontroparti eliġibbli magħżula, iżda li din ma tkunx irċeviet f'konformità mat-termini tal-operazzjonijiet ta' finanzjament wara li jkun seħħ każ ta' inadempjenza; |
|
(b) |
l-investimenti ta' ekwità, l-ammonti investiti u l-kostijiet ta' finanzjament assoċjati tagħhom; |
|
(c) |
l-operazzjonijiet ta' finanzjament u ta' investiment l-oħra msemmija fil-paragrafu 2, l-ammonti użati u l-kostijiet ta' finanzjament assoċjati tagħhom; |
|
(d) |
l-ispejjeż u l-kostijiet ta' rkupru rilevanti kollha relatati ma' każ ta' inadempjenza, sakemm ma jkunux tnaqqsu mir-rikavati tal-irkupru. |
12. Għall-finijiet tal-kontabbiltà tal-Kummissjoni u tar-rappurtar annwali tagħha tar-riskji koperti mill-Garanzija għall-Ukrajna lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, u f'konformità mal-Artikolu 209(4) tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046, il-kontropartijiet eliġibbli li magħhom ikun ġie konkluż ftehim ta’ Garanzija għall-Ukrajna għandhom kull sena jipprovdu lill-Kummissjoni u lill-Qorti Ewropea tal-Awdituri r-rendikonti finanzjarji, awditjati minn awditur estern indipendenti, li jkun fihom, fost l-oħrajn, informazzjoni dwar:
|
(a) |
il-valutazzjoni tar-riskju tal-operazzjonijiet ta' finanzjament u ta' investiment tal-kontropartijiet eliġibbli, inkluż informazzjoni dwar l-obbligazzjonijiet tal-Unjoni mkejla f'konformità mar-regoli ta' kontabbiltà msemmija fl-Artikolu 80 tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 u l-Istandards Internazzjonali tal-Kontabbiltà għas-Settur Pubbliku; |
|
(b) |
l-obbligu finanzjarju pendenti għall-Unjoni li jirriżulta mill-Garanzija għall-Ukrajna pprovduta lill-kontropartijiet eliġibbli u l-operazzjonijiet ta' finanzjament u ta' investiment tagħhom, diżaggregati skont l-operazzjonijiet individwali. |
13. Il-kundizzjoni stipulata fl-Artikolu 219(4) tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 dwar il-kontribuzzjonijiet bir-riżorsi proprji għandha tapplika għal kull kontroparti eliġibbli allokata garanzija baġitarja taħt il-Qafas ta' Investiment għall-Ukrajna fuq bażi ta' portafoll.
14. Il-qafas ta' ġestjoni tar-riskju tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Sostenibbli Plus (EFSD+) imsemmi fl-Artikolu 33(7) tar-Regolament (UE) 2021/947, inkluż il-grupp tekniku ta' valutazzjoni tar-riskju msemmi fl-Artikolu 33(8) ta’ dak irRegolament għandhom japplikaw għall-Garanzija għall-Ukrajna filwaqt li jitqiesu l-objettivi u l-prinċipji tal-Faċilità. Il-valutazzjonijiet tar-riskju għall-Garanzija għall-Ukrajna għandhom ikunu indipendenti mill-valutazzjonijiet tar-riskju tal-EFSD+. Il-profil tar-riskju ġenerali tal-operazzjonijiet koperti mill-Garanzija għall-Ukrajna jista' jkun differenti mill-profil tar-riskju ġenerali tal-Garanzija għall-Azzjoni Esterna. Il-Kummissjoni għandha tiżgura li r-riskju involut mill-operazzjonijiet garantiti ma jaqbiżx il-kapaċità tal-baġit tal-Unjoni li jerfa' dawk ir-riskji kif determinata mir-riżorsi baġitarji disponibbli u r-rata ta' proviżjonament imsemmija fl-Artikolu 32(1) ta' dan ir-Regolament. Fil-qafas tar-rappurtar imsemmi fl-Artikolu 28(10) ta' dan ir-Regolament, il-Kummissjoni għandha tirrapporta kull sena lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-miżuri meħuda f'dan ir-rigward.
Artikolu 32
Proviżjonament
1. Ir-rata ta' proviżjonament għall-Garanzija għall-Ukrajna inizjalment għandha tkun ta' 70 %.
B'deroga mill-Artikolu 211(2) tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 fir-rigward tal-perjodu ta’ żmien li għalih għandu jiġi kkostitwit il-proviżjonament globali, il-proviżjonament għandu jiġi kkostitwit sal-31 ta' Diċembru 2027 u jkun ugwali għall-ammont ta' proviżjonament li jikkorrispondi għall-Garanzija għall-Ukrajna mogħtija u jista' jiġi kkostitwit gradwalment biex jirrifletti l-progress fl-għażla u l-implimentazzjoni tal-operazzjonijiet ta' finanzjament u ta' investiment li jappoġġaw l-objettivi tal-Faċilità.
2. Ir-rata ta' proviżjonament għandha tiġi rieżaminata mill-inqas darba fis-sena wara d-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament. Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill bir-riżultati ta' dak ir-rieżami.
3. Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta att delegat f'konformità mal-Artikolu 41 ta’ dan ir-Regolament biex temenda r-rata ta' proviżjonament filwaqt li tapplika l-kriterji stipulati fl-Artikolu 211(2) tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046, u, fejn rilevanti, iżżid jew tnaqqas l-ammont massimu ta' Garanzija għall-Ukrajna msemmi fl-Artikolu 31(1) ta' dan ir-Regolament b'mhux aktar minn 30 %. Il-Kummissjoni tista' żżid l-ammont massimu tal-Garanzija għall-Ukrajna biss jekk titnaqqas ir-rata ta' proviżjonament. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 31(3) ta' dan ir-Regolament, il-Kummissjoni tista' tipprevedi li l-ammont miżjud tal-Garanzija għall-Ukrajna għandu jkun disponibbli għall-iffirmar tal-ftehimiet ta’ garanzija gradwalment fuq tliet snin.
4. B'deroga mill-Artikolu 213 tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046, ir-rata ta' proviżjonament effettiva ma għandhiex tapplika għall-proviżjonament imwarrab fil-fond ta' proviżjonament komuni fir-rigward tal-Garanzija għall-Ukrajna.
Artikolu 33
Mekkaniżmu ta' lmentar u ta' rimedju
1. Fid-dawl tal-ilmentar possibbli ta' partijiet terzi, inklużi komunitajiet u individwi affettwati minn proġetti appoġġati mill-Garanzija għall-Ukrajna, il-Kummissjoni u d-Delegazzjoni tal-Unjoni fl-Ukrajna għandhom jippubblikaw fuq is-siti web tagħhom referenzi diretti għall-mekkaniżmi tal-ilmenti tal-kontropartijiet rilevanti li kkonkludew ftehimiet ta’ Garanzija għall-Ukrajna mal-Kummissjoni. Il-Kummissjoni għandha tipprovdi wkoll il-possibbiltà li tirċievi direttament l-ilmenti relatati mal-indirizzar ta' lmentar mill-kontropartijiet eliġibbli. Il-Kummissjoni għandha tqis dik l-informazzjoni li tirċievi permezz ta' kwalunkwe mekkaniżmu tal-ilmenti fid-dawl ta' kooperazzjoni futura ma' dawk il-kontropartijiet.
2. Kull meta jkun possibli, filwaqt li titqies il-protezzjoni ta' informazzjoni kunfidenzjali u kummerċjalment sensittiva, il-Kummissjoni għandha tippubblika fil-web portal tagħha informazzjoni dwar l-operazzjonijiet ta' finanzjament u ta' investiment u l-elementi essenzjali tal-ftehimiet ta’ Garanzija għall-Ukrajna, inkluża informazzjoni dwar l-identità legali tal-kontropartijiet eliġibbli, il-benefiċċji tal-iżvilupp mistennija u l-proċeduri ta' lmenti.
3. F'konformità mal-politiki tagħhom dwar it-trasparenza u r-regoli tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data u dwar l-aċċess għad-dokumenti u l-informazzjoni, il-kontropartijiet eliġibbli għandhom iqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-pubbliku fuq is-siti web tagħhom l-informazzjoni relatata mal-operazzjonijiet kollha ta' finanzjament u ta' investiment koperti mill-Garanzija għall-Ukrajna, b'mod partikolari informazzjoni relatata mal-mod li bih dawk l-operazzjonijiet jikkontribwixxu għall-kisba tal-objettivi u r-rekwiżiti ta' dan ir-Regolament. Fejn possibbli, tali informazzjoni għandha tkun diżaggregata fil-livell ta' proġett. Tali informazzjoni għandha dejjem tqis il-protezzjoni ta' informazzjoni kunfidenzjali u kummerċjalment sensittiva. Il-kontropartijiet eliġibbli għandhom jippubbliċizzaw ukoll l-appoġġ tal-Unjoni fl-informazzjoni kollha li jippubblikaw dwar l-operazzjonijiet ta' finanzjament u ta' investiment koperti mill-Garanzija għall-Ukrajna f'konformità ma' dan ir-Regolament.
KAPITOLU V
PILASTRU III: ASSISTENZA GĦALL-ADEŻJONI MAL-UNJONI U MIŻURI TA' APPOĠĠ RELATATI
Artikolu 34
Assistenza għall-adeżjoni mal-Unjoni u miżuri ta' appoġġ relatati
1. L-assistenza skont dan il-Kapitolu għandha tappoġġa lill-Ukrajna biex tikseb l-objettivi stipulati fl-Artikolu 3. B'mod partikolari, l-assistenza pprovduta skont dan il-Kapitolu għandu jkollha l-għan li tappoġġa l-allinjament progressiv tal-Ukrajna mal-"acquis" tal-Unjoni bil-ħsieb ta' sħubija futura fl-Unjoni, u b'hekk tikkontribwixxi għall-istabbiltà, is-sigurtà, il-paċi u l-prosperità reċiproċi. Tali appoġġ għandu jinkludi t-tisħiħ tal-istat tad-dritt, inkluż l-indipendenza tal-ġudikatura, id-demokrazija, ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni, it-tisħiħ tal-effikaċja tal-amministrazzjoni pubblika, kapaċitajiet istituzzjonali, deċentralizzazzjoni, l-appoġġ għat-trasparenza, ir-riformi strutturali, il-politiki settorjali u l-governanza tajba fil-livelli kollha u jikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tal-Pjan għall-Ukrajna.
2. L-assistenza skont dan il-Kapitolu għandha tiġi pprovduta wkoll biex jiġi żgurat li jissaħħu l-kapaċitajiet tal-partijiet ikkonċernati, inkluż is-sħab soċjali, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-awtoritajiet lokali u reġjonali, inkluż permezz tal-ġemellaġġi u ġemellaġġi bejn il-bliet, kif ukoll permezz tal-promozzjoni ta' kooperazzjoni bejn il-pari u programmi integrati fi sħubijiet bejn il-bliet u r-reġjuni fl-Unjoni u dawk fl-Ukrajna, fejn rilevanti.
3. L-assistenza skont dan il-Kapitolu għandha ssaħħaħ ukoll il-kapaċitajiet għall-prevenzjoni tal-kunflitti u l-konsolidazzjoni tal-paċi u tindirizza l-ħtiġijiet ta' qabel u ta' wara l-kriżi, inkluż permezz ta' miżuri u proċessi għall-bini tal-fiduċja li jippromwovu l-ġustizzja, it-tfittxija tal-verità, ir-riabilitazzjoni komprensiva wara kunflitt għal soċjetà inklużiva u paċifika, kif ukoll il-ġbir ta' evidenza ta' delitti mwettqa matul il-gwerra. Il-finanzjament għal inizjattivi u korpi involuti fl-appoġġ u l-infurzar tal-ġustizzja internazzjonali fl-Ukrajna jista' jiġi pprovdut skont dan il-Kapitolu.
4. L-assistenza skont dan il-Kapitolu għandha tappoġġa l-ħolqien u t-tisħiħ ta' awtoritajiet Ukreni li jkunu responsabbli biex jiggarantixxu l-użu xieraq tal-fondi, il-verifika u l-ġlieda effettiva kontra l-ġestjoni ħażina tal-finanzjament pubbliku, b'mod partikolari l-frodi, il-forom kollha tal-korruzzjoni inkluż il-korruzzjoni f'livell għoli, il-kunflitti ta' interess u l-irregolaritajiet imġarrba fir-rigward ta' kwalunkwe ammont li jintefaq biex jinkisbu l-objettivi tal-Faċilità, kif ukoll biex jingħata appoġġ għall-isforzi ta' deoligarkizzazzjoni.
5. Is-sussidju għall-kostijiet tat-teħid b'self kif imsemmi fl-Artikolu 23 għandu jiġi ffinanzjat taħt dan il-Kapitolu.
6. Għas-snin mill-2024 sal-2027, l-appoġġ skont dan il-Kapitolu għandu jiffinanzja:
|
(a) |
il-proviżjonament tal-garanziji baġitarji, li mhuwiex kopert mill-pakkett finanzjarju msemmi fl-Artikolu 50 tar-Regolament (UE) 2021/947 f'konformità mar-regoli stipulati fl-Artikolu 31(8) ta' dak ir-Regolament, għall-obbligazzjonijiet finanzjarji tal-mandat ta' self estern fl-Ukrajna kopert skont l-Artikolu 12(1) tad-Deċiżjoni (UE) 2022/1628 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (41)relatati mal-ammonti ta' self żborżati wara l-15 ta' Lulju 2022 sa EUR 1,586 biljun; |
|
(b) |
is-sussidju tar-rata tal-imgħax għas-self ta' assistenza makrofinanzjarja skont
|
|
(c) |
b'deroga mill-Artikolu 31(1) tar-Regolament (UE) 2021/947, il-proviżjonament imħallas ta' 9 % għall-assistenza finanzjarja li tkun għadha ma ġietx impenjata fi tmiem l-2023, imsemmi fl-Artikolu 11(1) tad-Deċiżjoni (UE) 2022/1628. |
KAPITOLU VI
PROTEZZJONI TAL-INTERESSI FINANZJARJI TAL-UNJONI
Artikolu 35
Protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni
1. Fl-implimentazzjoni tal-Faċilità, il-Kummissjoni u l-Ukrajna għandhom jieħdu l-miżuri xierqa kollha biex jipproteġu l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, filwaqt li jqisu l-prinċipju tal-proporzjonalità u l-kundizzjonijiet speċifiċi li skonthom ser topera l-Faċilità, il-prekundizzjoni stipulata fl-Artikolu 5(1) u l-kundizzjonijiet stipulati fil-Ftehim Qafas u fil-ftehimiet speċifiċi ta' finanzjament jew self, b'mod partikolari fir-rigward tal-prevenzjoni, id-detezzjoni u l-korrezzjoni ta' frodi, korruzzjoni, jew kwalunkwe attività illegali oħra li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, kunflitti ta' interess u irregolaritajiet, kif ukoll l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta' reati li jaffettwaw il-fondi pprovduti taħt il-Faċilità. L-Ukrajna għandha timpenja ruħha li tagħmel progress lejn sistemi ta' kontroll intern effettivi u effiċjenti u tiżgura li l-ammonti mħallsa indebitament jew użati ħażin ikunu jistgħu jiġu rkuprati. L-Ukrajna għandha timpenja ruħha wkoll li tiżgura li l-awtoritajiet kompetenti Ukreni jittrattaw, mingħajr dewmien, talbiet għal assistenza legali reċiproka u talbiet għal estradizzjoni mill-UPPE u mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri rigward reati kriminali li jaffettwaw il-fondi taħt il-Faċilità.
2. Il-ftehimiet imsemmija fl-Artikoli 9, 10 u 22 għandhom jipprevedu l-obbligi tal-Ukrajna li:
|
(a) |
tivverifika regolarment li l-finanzjament ipprovdut ikun intuża f'konformità mar-regoli applikabbli, b'mod partikolari fir-rigward tal-prevenzjoni, id-detezzjoni u l-korrezzjoni ta' frodi, korruzzjoni, kunflitti ta' interess u irregolaritajiet jew kwalunkwe attività illegali oħra li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni; |
|
(b) |
tipproteġi l-informaturi; |
|
(c) |
tieħu miżuri xierqa biex tipprevjeni, tidentifika u tikkoreġi l-frodi, il-korruzzjoni, il-kunflitti ta' interess u l-irregolaritajiet, kif ukoll tinvestiga u tħarrek reati kriminali li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, biex tidentifika u tevita finanzjament doppju u tieħu azzjonijiet legali biex tirkupra fondi li jkunu ġew miżapproprjati, inkluż fir-rigward ta' kwalunkwe miżura għall-implimentazzjoni ta' riformi u proġetti ta' investiment taħt il-Pjan għall-Ukrajna u tieħu miżuri xierqa biex tittratta mingħajr dewmien it-talbiet għal assistenza legali reċiproka mill-UPPE u l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri b'rabta mar-reati kriminali li jaffettwaw il-fondi pprovduti taħt il-Faċilità; |
|
(d) |
takkumpanja talba għal pagament kif stipulat fil-Kapitolu III b'dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni li l-fondi ntużaw f'konformità mal-prinċipju ta' ġestjoni finanzjarja tajba u għall-iskop maħsub tagħhom u ġew ġestiti b'mod xieraq b'mod partikolari f'konformità mar-regoli Ukreni kkomplementati minn standards internazzjonali, dwar il-prevenzjoni, id-detezzjoni u l-korrezzjoni ta' irregolaritajiet, frodi, korruzzjoni u kunflitti ta' interess; |
|
(e) |
għall-fini tal-paragrafu 1, b'mod partikolari għall-kontrolli fuq l-użu ta’ fondi b’rabta mal-implimentazzjoni ta’ riformi u investimenti skont il-Pjan għall-Ukrajna, tiżgura l-ġbir ta', u l-aċċess għal, f’konformità mal-prinċipji tal-protezzjoni tad-data tal-Unjoni u mar-regoli applikabbli dwar il-protezzjoni tad-data, data adegwata dwar persuni u entitajiet li jirċievu finanzjament, inkluż informazzjoni dwar is-sjieda benefiċjarja, għall-implimentazzjoni tal-miżuri tal-Pjan għall-Ukrajna; |
|
(f) |
tawtorizza b'mod ċar lill-Kummissjoni, lill-OLAF u lill-Qorti Ewropea tal-Awdituri biex jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom kif previst fl-Artikolu 129(1) tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046, bl-applikazzjoni tal-prinċipju tal-proporzjonalità; |
|
(g) |
tiżgura li l-awtoritajiet kompetenti Ukreni jirrapportaw lill-UPPE kwalunkwe mġiba kriminali li taffettwa l-fondi pprovduti taħt il-Faċilità li tista' taqa' fil-kompetenza tiegħu. |
3. Il-Kummissjoni għandha tagħmel ħilitha biex tagħmel disponibbli għall-Ukrajna sistema integrata u interoperabbli ta' informazzjoni u monitoraġġ li tinkludi għodda unika għall-estrazzjoni tad-data u għall-valutazzjoni tar-riskju biex taċċessa u tanalizza d-data rilevanti, f'konformità prinċipji tal-protezzjoni tad-data tal-Unjoni u mar-regoli applikabbli dwar il-protezzjoni tad-data, inkluż id-data elenkata fil-paragrafu 2, il-punt (e). Fejn tali sistema tkun disponibbli, l-Ukrajna għandha tuża u ddaħħal id-data rilevanti fis-sistema, inkluż b’assistenza mogħtija skont il-Kapitolu V.
4. Il-ftehimiet imsemmija fl-Artikoli 9, 10 u 22 għandhom jipprevedu wkoll id-dritt tal-Kummissjoni li tnaqqas b'mod proporzjonat l-appoġġ ipprovdut taħt il-Faċilità u li tirkupra kwalunkwe ammont minfuq biex jinkisbu l-objettivi tal-Faċilità jew li titlob ripagament bikri tas-self, f'każijiet ta' irregolaritajiet, frodi, korruzzjoni jew kunflitti ta' interess li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni li ma jkunux ġew rettifikati mill-Ukrajna, jew ksur serju ta' obbligu li jirriżulta minn tali ftehimiet. Meta tkun qed tiddeċiedi dwar l-ammont tal-irkupru u t-tnaqqis, jew dwar l-ammont li għandu jitħallas lura kmieni, il-Kummissjoni għandha tirrispetta l-prinċipju tal-proporzjonalità u għandha tqis is-serjetà tal-irregolarità, tal-frodi, tal-korruzzjoni jew tal-kunflitti ta' interess li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, jew ta' ksur ta' obbligu. L-Ukrajna għandha tingħata l-opportunità li tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha qabel ma jsir it-tnaqqis jew qabel ma jintalab ir-ripagament bikri.
5. Il-persuni u l-entitajiet li jimplimentaw il-fondi pprovduti taħt il-Faċilità għandhom jirrapportaw kwalunkwe każ suspettat jew reali ta' frodi, korruzzjoni, kunflitt ta' interess u irregolaritajiet jew kwalunkwe attività illegali oħra li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni mingħajr dewmien, lill-Bord tal-Verifika msemmi fl-Artikolu 36, lill-Kummissjoni, lill-OLAF, u fejn applikabbli, lill-UPPE. Dawk il-persuni u l-entitajiet għandhom ikunu jistgħu jirrapportaw dawk il-każijiet b'mod effettiv permezz tal-mezzi xierqa.
Artikolu 36
Bord tal-Verifika
1. Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi Bord tal-Verifika qabel il-preżentazzjoni tal-ewwel talba għal pagament mill-Ukrajna.
2. Il-Bord tal-Verifika għandu jkun magħmul minn membri indipendenti maħtura mill-Kummissjoni. Rappreżentanti tal-Istati Membri u donaturi oħra jistgħu jiġu mistiedna mill-Kummissjoni biex jipparteċipaw fl-attivitajiet tal-Bord tal-Verifika. Donaturi oħra li jikkontribwixxu għall-Faċilità jistgħu jiġu mistiedna mill-Kummissjoni biex jaħtru osservaturi fil-Bord tal-Verifika.
3. Il-Bord tal-Verifika għandu jeżerċita l-funzjonijiet tiegħu f'oġġettività sħiħa u jopera f'konformità mal-aħjar prattiki u standards internazzjonali applikabbli. Għandu jaġixxi mingħajr preġudizzju għas-setgħat tal-Kummissjoni, l-OLAF, il-Qorti Ewropea tal-Awdituri u l-UPPE.
4. Il-Bord tal-Verifika għandu jiżgura djalogu u kooperazzjoni regolari mal-Qorti Ewropea tal-Awdituri, kif ukoll mal-Kamra tal-Kontabbiltà tal-Ukrajna u istituzzjonijiet oħra, kif rilevanti.
5. Fit-twettiq ta' dmirijiethom, il-Bord tal-Verifika, il-membri tiegħu u l-persunal tiegħu la għandhom ifittxu u lanqas jieħdu struzzjonijiet mingħand il-gvern Ukren jew xi istituzzjoni, korp, uffiċċju jew aġenzija Ukrena. Għandhom japplikaw garanziji b'saħħithom ta' indipendenza għall-għażla tal-persunal, il-ġestjoni u l-baġit tiegħu.
6. Il-Bord tal-Verifika għandu jassisti lill-Kummissjoni fil-ġlieda kontra l-ġestjoni ħażina tal-finanzjament tal-Unjoni taħt il-Faċilità u, b'mod partikolari l-frodi, il-korruzzjoni, il-kunflitti ta' interess u l-irregolaritajiet li jitwettqu fir-rigward ta' kwalunkwe ammont li jintefaq biex jinkisbu l-objettivi tal-Faċilità.
7. Għal dan l-għan, il-Bord ta' Verifika għandu jirrapporta regolarment lill-Kummissjoni, u jibgħat lill-Kummissjoni mingħajr dewmien kull informazzjoni li jikseb jew li jiġi mgħarraf biha, dwar kull każ identifikat, jew tħassib serju fir-rigward ta' ġestjoni ħażina tal-finanzjament pubbliku mwettaq fir-rigward ta' kwalunkwe ammont li jintefaq biex jintlaħqu l-objettivi tal-Faċilità. Il-Kummissjoni għandha żżomm lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill infurmati fil-ħin dwar is-sejbiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-Bord tal- Verifika.
Barra minn hekk, il-Bord tal-Verifika għandu jadotta rakkomandazzjonijiet lill-Ukrajna dwar il-każijiet kollha fejn, fil-fehma tiegħu, l-awtoritajiet kompetenti tal-Ukrajna ma jkunux ħadu l-passi meħtieġa biex jipprevjenu, jidentifikaw u jikkoreġu l-frodi, il-korruzzjoni, il-kunflitti ta' interess u l-irregolaritajiet li affettwaw jew jirriskjaw serjament li jaffettwaw il-ġestjoni finanzjarja tajba tan-nefqa ffinanzjata taħt il-Faċilità u fil-każijiet kollha fejn jidentifika dgħufijiet li jaffettwaw it-tfassil u l-funzjonament tas-sistema ta' kontroll stabbilita mill-awtoritajiet Ukreni. L-Ukrajna għandha timplimenta tali rakkomandazzjonijiet mingħajr dewmien żejjed, jew tipprovdi ġustifikazzjoni għaliex ma għamlitx dan.
Ir-rapporti tal-Bord tal-Verifika u l-informazzjoni mingħandu għandhom jintbagħtu wkoll lill-OLAF u jistgħu jiġu kondiviżi mal-awtoritajiet Ukreni rilevanti, speċjalment f'każijiet fejn tali awtoritajiet ikollhom bżonn jieħdu passi biex jipprevjenu, jidentifikaw u jikkoreġu l-frodi, il-korruzzjoni, kunflitti ta' interess, irregolaritajiet jew kwalunkwe attività illegali oħra li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, kif ukoll biex jinvestigaw u jħarrku reati li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni.
8. Il-Bord tal-Verifika għandu jkollu aċċess għall-informazzjoni, il-bażijiet ta’ data u r-reġistri meħtieġa biex iwettaq il-kompiti tiegħu. Il-Ftehim Qafas għandu jiddefinixxi r-regoli u d-dettalji għall-aċċess għal informazzjoni rilevanti mill-Bord tal-Verifika u għall-għoti ta' informazzjoni rilevanti mill-Ukrajna lill-Bord tal-Verifika.
9. Il-funzjonament tal-Bord tal-Verifika għandu jiġi ffinanzjat skont il-Kapitolu V.
Artikolu 37
Djalogu dwar il-Faċilità għall-Ukrajna
1. Il-Kummissjoni għandha torganizza, mill-inqas kull erba' xhur, djalogu mal-kumitati kompetenti tal-Parlament Ewropew, kif rilevanti, biex tiddiskuti:
|
(a) |
l-istat tal-progress fl-implimentazzjoni tal-Faċilità, b'mod partikolari l-Pjan għall-Ukrajna u l-investimenti u r-riformi relatati, inkluż riformi li jappoġġaw l-allinjament progressiv tal-Ukrajna mar-regoli, il-valuri, l-istandards, il-politiki u l-prattiki tal-Unjoni ("l-acquis"); |
|
(b) |
il-valutazzjoni tal-Pjan għall-Ukrajna, inkluż valutazzjoni negattiva possibbli; |
|
(c) |
is-sejbiet ewlenin tar-rapporti msemmija fl-Artikolu 36(7); |
|
(d) |
is-sejbiet ewlenin tar-rapport imsemmi fl-Artikolu 39(4); |
|
(e) |
il-proċeduri ta' pagament, żamma u tnaqqis, fejn applikabbli, inkluż kwalunkwe osservazzjoni ppreżentata biex jiġi żgurat it-twettiq sodisfaċenti tal-kundizzjonijiet; u |
|
(f) |
kwalunkwe informazzjoni rilevanti oħra pprovduta mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-Faċilità. |
2. Il-Parlament Ewropew jista' jesprimi l-fehmiet tiegħu f'riżoluzzjonijiet fir-rigward tal-kwistjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1.
3. Il-Kummissjoni għandha tqis kwalunkwe element li jirriżulta mill-fehmiet espressi permezz tad-Djalogu dwar il-Faċilità għall-Ukrajna, inkluż ir-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew, fejn rilevanti.
KAPITOLU VII
PROGRAMMI TA' ĦIDMA, MONITORAĠĠ, RAPPURTAR U EVALWAZZJONI
Artikolu 38
Programmi ta' ħidma
1. L-appoġġ taħt il-Faċilità għandu jiġi implimentat permezz ta’ programmi ta' ħidma kif imsemmi fl-Artikolu 110 tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046. Il-programmi ta’ ħidma għandhom jiġu adottati permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 42 ta’ dan ir-Regolament, bl-eċċezzjoni ta' operazzjonijiet ipprovduti abbażi tal-Artikoli 23(2) u 34(6) ta’ dan ir-Regolament.
2. L-assistenza skont il-Kapitolu V tista' tiġi implimentata wkoll permezz ta' programmi ta' ħidma speċifiċi fejn l-implimentazzjoni ta' dik l-assistenza ma tkunx teħtieġ il-konklużjoni tal-ftehimiet imsemmija fl-Artikoli 9 u 10.
Artikolu 39
Monitoraġġ u rappurtar
1. Il-Kummissjoni għandha timmonitorja l-implimentazzjoni tal-Faċilità u tivvaluta jekk inkisbux l-objettivi stipulati fl-Artikolu 3. Il-monitoraġġ ta’ dik l-implimentazzjoni għandu jkun immirat u proporzjonat għall-attivitajiet imwettqin taħt il-Faċilità.
2. Il-ftehimiet ta' finanzjament imsemmija fl-Artikolu 10 u l-ftehim ta' self imsemmi fl-Artikolu 22 għandhom jistipulaw regoli u proċeduri biex l-Ukrajna tirrapporta lill-Kummissjoni għall-fini tal-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu. Għall-fini ta' tali rappurtar, jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti Ukreni jagħmlu użu minn konsultazzjoni regolari mal-Verkhovna Rada, u partijiet ikkonċernati oħra inkluż awtoritajiet reġjonali, lokali, urbani u awtoritajiet pubbliċi oħra, kif ukoll mas-sħab soċjali u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili kif stabbilit fl-Artikolu 14.
3. L-appoġġ tal-Unjoni pprovdut taħt il-Qafas ta' Investiment għall-Ukrajna għandu jiġi rrapportat f'konformità mal-Artikolu 28(10).
4. Il-Kummissjoni għandha tipprovdi fl-istess waqt rapport annwali lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-progress biex jinkisbu l-objettivi ta' dan ir-Regolament, ikkomplementat minn preżentazzjonijiet kull tliet xhur dwar is-sitwazzjoni attwali tal-implimentazzjoni tal-Faċilità.
5. Il-Kummissjoni għandha tipprovdi r-rapport msemmi fil-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu lill-kumitat imsemmi fl-Artikolu 42.
Artikolu 40
Evalwazzjoni tal-Faċilità
1. Il-Kummissjoni għandha tipprovdi lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport ta' evalwazzjoni interim indipendenti dwar l-implimentazzjoni tal-Faċilità sal-31 ta' Diċembru 2026, u rapport ta' evalwazzjoni ex post indipendenti sal-31 ta’ Diċembru 2031.
2. Ir-rapporti ta' evalwazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandhom, b'mod partikolari, jivvalutaw sa liema punt inkisbu l-objettivi tal-Faċilità, l-effiċjenza tal-użu tar-riżorsi pprovduti taħt il-Faċilità, il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni u l-valur miżjud Ewropew. Huma għandhom iqisu wkoll jekk l-objettivi u l-attivitajiet għadhomx kollha rilevanti.
3. Fejn xieraq, il-Kummissjoni għandha tippreżenta proposti li jqisu r-riżultati tar-rapporti tal-evalwazzjoni msemmija fil-paragrafu 1.
4. Ir-rapport tal-evalwazzjoni ex post għandu jikkonsisti minn valutazzjoni globali tal-Faċilità u għandu, sa fejn ikun possibbli, jinkludi informazzjoni dwar l-impatt tagħha fuq perjodu twil.
5. L-evalwazzjoni ex post għandha tuża l-prinċipji ta' prattika tajba tal-Kumitat ta' Għajnuna għall-Iżvilupp tal-OECD, u tfittex li taċċerta jekk ikunux intlaħqu l-objettivi u tfassal rakkomandazzjonijiet bil-ħsieb li jittejbu l-attivitajiet futuri.
Il-Kummissjoni għandha tikkomunika s-sejbiet u l-konklużjonijiet tal-evalwazzjonijiet flimkien mal-osservazzjonijiet u s-segwitu tagħha, lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Istati Membri. Dawk l-evalwazzjonijiet ex post jistgħu jiġu diskussi fuq talba tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill jew tal-Istati Membri. Ir-riżultati għandhom jikkontribwixxu għat-tħejjija ta' programmi u attivitajiet u għall-allokazzjoni ta' riżorsi. Dawk l-evalwazzjonijiet u s-segwitu għandhom ikunu disponibbli għall-pubbliku.
Il-Kummissjoni għandha, sa fejn ikun xieraq, tinvolvi lill-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha, inkluż il-benefiċċjarji, is-sħab soċjali, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-awtoritajiet lokali u reġjonali fil-proċess ta' evalwazzjoni tal-finanzjament mill-Unjoni pprovdut taħt il-Faċilità, u tista', fejn xieraq, tfittex li twettaq evalwazzjonijiet konġunti mal-Istati Membri u ma' sħab oħra bl-involviment mill-qrib tal-Ukrajna.
KAPITOLU VIII
DISPOŻIZZJONIJIET FINALI
Artikolu 41
Eżerċizzju tad-delega
1. Is-setgħa ta' adozzjoni ta' atti delegati hija mogħtija lill-Kummissjoni suġġett għall-kondizzjonijiet stabbiliti f'dan l-Artikolu.
2. Is-setgħa ta' adozzjoni ta' atti delegati msemmija fl-Artikoli 21 u 32 għandha tingħata lill-Kummissjoni għal perjodu ta' żmien indeterminat minn sebat ijiem wara d-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament.
3. Id-delega ta' setgħa msemmija fl-Artikoli 21 u 32 tista' tiġi revokata fi kwalunkwe mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni li tirrevoka għandha ttemm id-delega tas-setgħa speċifikata f'dik id-deċiżjoni. Għandha ssir effettiva fil-jum wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f'data aktar tard speċifikata fiha. Ma għandha taffettwa l-validità tal-ebda att delegat li jkun diġà fis-seħħ.
4. Qabel ma tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta esperti nnominati minn kull Stat Membru skont il-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta' April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet.
5. Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.
6. Att delegat adottat skont l-Artikoli 21 u 32 għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġix espressa oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien xahrejn min-notifika ta' dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perjodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex sejrin joġġezzjonaw. Dak il-perjodu għandu jiġi estiż b'xahrejn fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.
Artikolu 42
Proċedura ta' kumitat
1. Il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna minn kumitat. Dak il-kumitat għandu jkun kumitat fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.
2. Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.
3. Fir-rigward tal-atti ta' implimentazzjoni msemmija fl-Artikolu 11(2), meta l-kumitat ma jagħti ebda opinjoni, il-Kummissjoni m'għandhiex tadotta l-abbozz ta' att ta' implimentazzjoni, u għandu japplika l-Artikolu 5(4), it-tielet subparagrafu, tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.
4. Fejn l-opinjoni tal-kumitat tkun trid tinkiseb permezz ta' proċedura bil-miktub, dik il-proċedura għandha tittermina mingħajr riżultat fejn, fil-limitu ta' żmien permess għall-għoti tal-opinjoni, il-president tal-kumitat hekk jiddeċiedi jew maġġoranza sempliċi tal-membri tal-kumitat jitolbu li jsir hekk.
Artikolu 43
Informazzjoni, komunikazzjoni u pubbliċità
1. Il-Kummissjoni tista' tinvolvi ruħha f'attivitajiet ta' komunikazzjoni biex tiżgura l-viżibbiltà tal-finanzjament tal-Unjoni għall-appoġġ finanzjarju previst fil-Pjan għall-Ukrajna, inkluż permezz ta' attivitajiet konġunti ta' komunikazzjoni mal-Ukrajna. Il-Kummissjoni tista', kif xieraq, tiżgura li l-appoġġ taħt il-Faċilità jiġi kkomunikat u rikonoxxut permezz ta' dikjarazzjoni ta' finanzjament.
2. Ir-riċevituri tal-finanzjament tal-Unjoni għandhom jirrikonoxxu l-oriġini u jiżguraw il-viżibbiltà tal-finanzjament tal-Unjoni, inkluż, fejn applikabbli, billi jesponu l-emblema tal-Unjoni u dikjarazzjoni xierqa dwar il-finanzjament li jkollha l-kliem "finanzjat mill-Unjoni Ewropea – Faċilità għall-Ukrajna" jew "kofinanzjat mill-Unjoni Ewropea – Faċilità għall-Ukrajna", b'mod partikolari meta jkunu qed jippromwovu l-attivitajiet u r-riżultati tagħhom, billi jipprovdu informazzjoni mmirata koerenti, effettiva u proporzjonata lil diversi udjenzi, inkluż il-media u l-pubbliku.
3. Il-Kummissjoni għandha timplimenta attivitajiet ta' informazzjoni u ta' komunikazzjoni relatati mal-Faċilità, mal-attivitajiet meħuda taħt il-Faċilità u mar-riżultati miksuba. Ir-riżorsi finanzjarji allokati għall-Faċilità għandhom jikkontribwixxu wkoll għall-komunikazzjoni korporattiva dwar il-prijoritajiet politiċi tal-Unjoni, sakemm dawn ikunu relatati mal-objettivi msemmijin fl-Artikolu 3.
4. L-informazzjoni, il-komunikazzjoni u l-pubbliċità għandhom jiġu pprovduti f'format aċċessibbli.
Artikolu 44
Dħul fis-seħħ
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Strasburgu, id-29 ta’ Frar 2024.
Għall-Parlament Ewropew
Il-President
R. METSOLA
Għall-Kunsill
Il-President
M. MICHEL
(1) Għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali.
(2) Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tas-27 ta’ Frar 2024 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-28 ta’ Frar 2024.
(3) Ir-Regolament (UE) 2022/2463 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta' Diċembru 2022 li jistabbilixxi strument għall-għoti ta' appoġġ lill-Ukrajna għall-2023 (assistenza makrofinanzjarja +) (ĠU L 322, 16.12.2022, p. 1).
(4) Ir-Regolament (UE) 2021/947 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Ġunju 2021 li jistabbilixxi l-Istrument ta' Viċinat, ta' Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta' Kooperazzjoni Internazzjonali – Ewropa Globali, li jemenda u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 466/2014/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar ir-Regolament (UE) 2017/1601 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 480/2009 (ĠU L 209, 14.6.2021, p. 1).
(5) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2021/509 tat-22 ta’ Marzu 2021 li tistabbilixxi Faċilità Ewropea għall-Paċi, u li tħassar id-Deċiżjoni (PESK) 2015/528, (ĠU L 102, 24.3.2021, p. 14).
(6) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2022/1968 tas-17 ta’ Ottubru 2022 dwar Missjoni ta’ Assistenza Militari tal-Unjoni Ewropea b’appoġġ għall-Ukrajna (EUMAM Ukraine) (ĠU L 270, 18.10.2022, p. 85).
(7) Id-Deċiżjoni Nru 1313/2013/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 dwar Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 924).
(8) Ir-Regolament (UE) 2021/1529 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Settembru 2021 li jistabbilixxi l-Istrument għall-Assistenza ta’ Qabel l-Adeżjoni (IPA III) (ĠU L 330, 20.9.2021, p. 1).
(9) Ir-Regolament tal-Kunsill (Euratom) 2021/948 tas-27 ta’ Mejju 2021 li jistabbilixxi Strument Ewropew għall-Kooperazzjoni Internazzjonali dwar is-Sikurezza Nukleari li jikkomplementa l-Istrument ta’ Viċinat, ta’ Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta’ Kooperazzjoni Internazzjonali — Ewropa Globali abbażi tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, u li jħassar ir-Regolament (Euratom) Nru 237/2014 (ĠU L 209, 14.6.2021, p. 79).
(10) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1257/96 tal-20 ta’ Ġunju 1996 rigward l-għajnuna umanitarja (ĠU L 163, 2.7.1996, p. 1).
(11) Ir-Regolament (UE) 2021/695 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ April 2021 li jistabbilixxi Orizzont Ewropa — il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni, li jistabbilixxi r-regoli tiegħu għall-parteċipazzjoni u d-disseminazzjoni, u li jħassar ir-Regolamenti (UE) Nru 1290/2013 u (UE) Nru 1291/2013 (ĠU L 170, 12.5.2021, p. 1).
(12) Ir-Regolament tal-Kunsill (Euratom) 2021/765 tal-10 ta’ Mejju 2021 li jistabbilixxi l-Programm ta' Riċerka u Taħriġ tal-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika għall-perijodu 2021-2025 li jikkumplimenta Orizzont Ewropa – il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni u li jħassar ir-Regolament (Euratom) 2018/1563 (ĠU L 167 I,12.5.2021, p.81).
(13) Ir-Regolament (UE) 2021/694 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2021 li jistabbilixxi l-Programm Ewropa Diġitali u li jħassar id-Deċiżjoni (UE) 2015/2240 (ĠU L 166, 11.5.2021, p. 1).
(14) Ir-Regolament (UE) 2021/847 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2021 li jistabbilixxi l-programm “Fiscalis” għall-kooperazzjoni fil-qasam tat-tassazzjoni u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1286/2013 (ĠU L 188, 28.5.2021, p. 1).
(15) Ir-Regolament (UE) 2021/444 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 2021 li jistabbilixxi l-programm Dwana għall-kooperazzjoni fil-qasam tad-dwana u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1294/2013 (ĠU L 87, 15.3.2021, p. 1).
(16) Ir-Regolament (UE) 2021/817 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2021 li jistabbilixxi Erasmus+: il-Programm tal-Unjoni għall-edukazzjoni u t-taħriġ, iż-żgħażagħ u l-isport u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1288/2013 (ĠU L 189, 28.5.2021, p. 1).
(17) Ir-Regolament (UE) 2021/522 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Marzu 2021 li jistabbilixxi Programm għall-azzjoni tal-Unjoni fil-qasam tas-saħħa (“il-Programm l-UE għas-Saħħa”) għall-perjodu 2021–2027, u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 282/2014 (ĠU L 107, 26.3.2021, p. 1).
(18) Ir-Regolament (UE) 2021/818 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2021 li jistabbilixxi l-Programm Ewropa Kreattiva (2021 sa 2027) u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1295/2013 (ĠU L 189, 28.5.2021, p. 34).
(19) Ir-Regolament (UE) 2021/783 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2021 li jistabbilixxi Programm għall-Ambjent u l-Azzjoni Klimatika (LIFE), u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1293/2013 (ĠU L 172, 17.5.2021, p. 53).
(20) Ir-Regolament (UE) 2021/690 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ April 2021 li jistabbilixxi programm għas-suq intern, il-kompetittività tal-intrapriżi, inklużi l-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju, il-qasam tal-pjanti, l-annimali, l-ikel u l-għalf, u l-istatistika Ewropea (Programm tas-Suq Uniku) u li jħassar ir-Regolamenti (UE) Nru 99/2013, (UE) Nru 1287/2013, (UE) Nru 254/2014 u (UE) Nru 652/2014 (ĠU L 153, 3.5.2021, p. 1).
(21) Ir-Regolament (UE) 2021/1153 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Lulju 2021 li jistabbilixxi l-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa u li jħassar ir-Regolamenti (UE) Nru 1316/2013 u (UE) Nru 283/2014 (ĠU L 249, 14.7.2021, p. 38).
(22) Ir-Regolament (UE) 2021/785 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2021 li jistabbilixxi l-Programm tal-Unjoni Kontra l-Frodi u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 250/2014 (ĠU L 172, 17.5.2021, p. 110).
(23) ĠU L 161, 29.5.2014, p. 3.
(24) ĠU L 33, 7.2.1994, p. 13.
(25) ĠU L 282, 19.10.2016, p. 4.
(26) ĠU L 309, 13.12.1993, p. 3.
(27) ĠU L 83, 19.3.1998, p. 3.
(28) Ir-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Frar 2021 li jistabbilixxi l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (ĠU L 57, 18.2.2021, p. 17).
(29) ĠU L 23, 27.1.2010, p. 35.
(30) Ir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2020/2093 tas-17 ta’ Diċembru 2020 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin mill-2021 sal-2027 (ĠU L 433, I, 22.12.2020, p. 11).
(31) ĠU L 433 I, 22.12.2020, p. 28.
(32) Ir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014 (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1).
(33) ĠU L 123, 12.5.2016, p. 1.
(34) Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2003/361/KE tas-6 ta’ Mejju 2003 dwar id-definizzjoni ta’ intrapriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju (ĠU L 124, 20.5.2003, p. 36).
(35) Ir-Regolament (KE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Settembru 2013 dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) u li jħassar ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 1073/1999 u r-Regolament tal-Kunsill (Euratom) Nru 1074/1999 (ĠU L 248 18.9.2013, p. 1).
(36) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2988/95 tat-18 ta’ Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea (ĠU L 312, 23.12.1995, p. 1).
(37) Ir-Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 2185/96 tal-11 ta’ Novembru 1996 dwar il-verifiki u l-ispezzjonijiet fuq il-post imwettqa mill-Kummissjoni sabiex tipproteġi l-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea kontra l-frodi u irregolarijiet oħra (ĠU L 292, 15.11.1996, p. 2).
(38) Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/1939 tat-12 ta’ Ottubru 2017 li jimplimenta kooperazzjoni msaħħa dwar l-istabbiliment tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (“l-UPPE”) (ĠU L 283, 31.10.2017, p. 1).
(39) Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).
(40) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/427/UE tas-26 ta’ Lulju 2010 li tistabbilixxi l-organizzazzjoni u l-funzjonament tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (ĠU L 201, 3.8.2010, p. 30).
(41) Id-Deċiżjoni (UE) 2022/1628 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Settembru 2022 li tipprovdi assistenza makrofinanzjarja eċċezzjonali lill-Ukrajna, li ssaħħaħ il-fond ta’ proviżjonament komuni permezz ta’ garanziji mill-Istati Membri u permezz ta’ proviżjonament speċifiku għal xi obbligazzjonijiet finanzjarji relatati mal-Ukrajna ggarantiti skont id-Deċiżjoni 466/2014/UE, u li temenda d-Deċiżjoni (UE) 2022/1201 (ĠU L 245, 22.9.2022, p. 1).
(42) Id-Deċiżjoni (UE) 2022/1201 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Lulju 2022 li tipprovdi assistenza makrofinanzjarja eċċezzjonali lill-Ukrajna (ĠU L 186, 13.7.2022, p. 1).
ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/792/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)