Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32021R1417

Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2021/1417 tat-22 ta’ Ġunju 2021 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2016/1139 fir-rigward tal-ispeċifikazzjonijiet tal-obbligu ta’ ħatt l-art fir-rigward tas-salamun fil-Baħar Baltiku għall-perjodu 2021-2023

C/2021/4330

ĠU L 305, 31.8.2021, pp. 3–5 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2023

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2021/1417/oj

31.8.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 305/3


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/1417

tat-22 ta’ Ġunju 2021

li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2016/1139 fir-rigward tal-ispeċifikazzjonijiet tal-obbligu ta’ ħatt l-art fir-rigward tas-salamun fil-Baħar Baltiku għall-perjodu 2021-2023

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/1139 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Lulju 2016 li jistabbilixxi pjan pluriennali għall-istokkijiet tal-bakkaljaw, l-aringi u l-laċċ ikħal fil-Baħar Baltiku u s-sajd li jisfrutta dawk l-istokkijiet, li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2187/2005 u li jirrevoka r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1098/2007 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 7(1)(a),

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 (2) għandu l-għan li jelimina progressivament l-iskartar fis-sajd kollu tal-Unjoni permezz tal-implimentazzjoni ta’ obbligu ta’ ħatt l-art għall-qabdiet ta’ speċijiet soġġetti għal-limiti tal-qbid.

(2)

F’konformità mal-Artikolu 15(1)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, l-obbligu ta’ ħatt l-art japplika fis-sajd għas-salamun fil-Baħar Baltiku mill-1 ta’ Jannar 2015.

(3)

L-Artikolu 15(6) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni, fin-nuqqas ta’ pjanijiet pluriennali stabbiliti skont l-Artikolu 9 ta’ dan ir-Regolament, biex tadotta pjanijiet għall-iskartar li jkun fihom id-dettalji tal-implimentazzjoni tal-obbligu ta’ ħatt l-art għal perjodu inizjali ta’ tliet snin li jista’ jiġġedded għal perjodu ieħor ta’ tliet snin. Dawk il-pjanijiet għall-iskartar għandhom jiġu adottati abbażi tar-rakkomandazzjonijiet konġunti żviluppati mill-Istati Membri b’konsultazzjoni mal-Kunsilli Konsultattivi rilevanti.

(4)

Ir-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1396/2014 (3) waqqaf pjan ta’ skartar fil-Baħar Baltiku fir-rigward tas-sajd għas-salamun, għall-aringa, għal-laċċa kaħla u għall-bakkaljaw. Dak il-pjan ta’ skartar inkluda eżenzjoni mill-obbligu ta’ ħatt l-art partikolarment għas-salamun minħabba r-rati ta’ sopravivenza għoljin li ġew murija għal dan l-ispeċi kif previst fl-Artikolu 15(4)(b) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013. Ir-Regolament (UE) Nru 1396/2014 skada fil-31 ta’ Diċembru 2017. Din l-eżenzjoni għas-salamun Baltiku ġiet imġedda bir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2018/211 (4), li skada fil-31 ta’ Diċembru 2020.

(5)

Ir-Regolament (UE) 2016/1139 jistabbilixxi pjan pluriennali għall-istokkijiet mistada fil-Baħar Baltiku u jipprevedi d-dettalji għall-implimentazzjoni tal-obbligu ta’ ħatt l-art ta’ dawk l-istokkijiet, inkluż is-salamun. L-Artikolu 7(1)(a) ta’ dak ir-Regolament jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni biex tadotta atti delegati sabiex tissupplimenta dak ir-Regolament billi tispeċifika dettalji tal-obbligu ta’ ħatt l-art (żbark) relatat ma’ rati għoljin ta’ sopravivenza.

(6)

Id-Danimarka, il-Ġermanja, l-Estonja, il-Latvja, il-Litwanja, il-Polonja, il-Finlandja u l-Iżvezja għandhom interess ta’ ġestjoni dirett fis-sajd fil-Baħar Baltiku. Fit-12 ta’ Mejju 2020, dawk l-Istati Membri ppreżentaw rakkomandazzjoni konġunta (5) lill-Kummissjoni, wara li kkonsultaw mal-Kunsill Konsultattiv tal-Baħar Baltiku. Inkisbu kontribuzzjonijiet xjentifiċi mill-korpi xjentifiċi rilevanti. Ir-rakkomandazzjoni konġunta ġiet aġġornata fit-8 ta’ Settembru 2020 u fis-16 ta’ Marzu 2021.

(7)

Ir-rakkomandazzjoni konġunta emendata tissuġġerixxi li l-eżenzjoni mill-obbligu ta’ ħatt l-art għas-salamun li jinqabad b’ċerti rkapti passivi previsti bir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2018/211 jenħtieġ li jibqgħu japplikaw wara l-31 ta’ Diċembru 2020. Dan jipprovdi inċentiv biex jintużaw irkapti aktar selettivi u b’impatt baxx meta jsir is-sajd għal speċijiet oħrajn għajr għas-salamun. Barra minn hekk, l-eżenzjoni potenzjalment tista’ tnaqqas il-qabdiet inċidentali ta’ għasafar u mammiferi. F’ċerti reġjuni se tiffaċilita l-ġestjoni tal-kwota u tippermetti l-protezzjoni tal-istokkijiet tas-salamun selvaġġ billi jiġi rilaxxat is-salamun selvaġġ li jinqabad u jinżamm biss is-salamun imrobbi. Madankollu, jenħtieġ li l-kavetti/nases ma jibqgħux jiġu eżentati u fir-rigward tan-nases pontun, jenħtieġ li jiġu inklużi biss dawk li magħhom ikun hemm imqabbda borża mingħajr għoqiedi (“Vittjanpåse”). Barra minn hekk, ir-rakkomandazzjoni konġunta tissuġġerixxi li l-eżenzjoni jenħtieġ li tkun limitata għal 8 % tal-qabdiet annwali mill-kwota tas-salamun ta’ kull Stat Membru sabiex jitnaqqas aktar kwalunkwe impatt negattiv potenzjali ta’ dik l-eżenzjoni fuq l-istokk. Finalment, fil-kuntest tal-konsultazzjoni mal-Grupp ta’ Esperti tas-Sajd u l-Akkwakultura ġie indikat li, kif imsemmi fir-rakkomandazzjoni konġunta, jenħtieġ li l-eżenzjoni tkopri s-salamun li jinqabad fis-sajd kollu bl-użu ta’ rkapti passivi rilevanti.

(8)

Il-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd (STECF) rieżamina l-evidenza xjentifika pprovduta mar-rakkomandazzjoni konġunta (6). L-STECF fakkar il-valutazzjoni preċedenti tiegħu (7) li kienet saret għax-xbieki nassa u għax-xbieki fyke, filwaqt li fakkar li kienet meħtieġa iktar informazzjoni sabiex jikkonferma s-suppożizzjonijiet ta’ sopravivenza għal kavetti/nases u tax-xbieki mirfuda f’post fiss. Fuq dik il-bażi, ir-rakkomandazzjoni konġunta aġġornata ma għadhiex tinkludi l-kavetti/nases. Barra minn hekk, l-Istati Membri spjegaw li d-data ppreżentata preċedentement kienet tinkludi x-xbieki mirfuda f’post fiss, filwaqt li x-xbieki mirfuda f’post fiss ma kinux jissemmew b’mod espliċitu fl-istudju rilevanti, u li kienu qed jitwettqu aktar studji. Għaldaqstant, l-Istati Membri impenjaw ruħhom li jippreżentaw aktar informazzjoni fir-rigward tar-rati ta’ sopravivenza għas-salamun li jinqabad fix-xbieki mirfuda f’post fiss qabel l-iskadenza ta’ dan l-att delegat. Jenħtieġ li l-eżenzjoni tibqa’ tapplika, meta wieħed iqis li fil-valutazzjoni preċedenti tiegħu, l-STECF iddikjara li x-xbieki mirfuda f’post fiss joperaw b’mod simili għax-xbieki nassa u għax-xbieki fyke u li l-Istati Membri impenjaw ruħhom fir-rakkomandazzjoni konġunta li jwettqu iktar riċerka. Fir-rigward tan-nases pontun, l-STECF innota li dawk li magħhom ikun hemm imqabbda borża mingħajr għoqiedi kellhom il-potenzjal li jkunu aktar ġentili minn dawk ta’ mingħajr din il-borża. Ir-riżultati juru li r-rata ta’ sopravivenza tas-salamun li jinqabad min-nases pontun li magħhom ikun hemm imqabbda borża mingħajr għoqiedi kienet ta’ 52 %, għalkemm ir-rata ta’ sopravivenza tista’ potenzjalment tkun ogħla b’mod sinifikanti skont iċ-ċirkostanzi ambjentali. Qed jitwettqu aktar proġetti ta’ riċerka.

(9)

Il-miżuri li ġew issuġġeriti fir-rakkomandazzjoni konġunta jikkonformaw mal-Artikolu 15(4)(b) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 u għaldaqstant, jistgħu jiddaħħlu f’dan ir-Regolament b’konformità mal-Artikolu 18(3) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 u mal-Artikolu 7(1)(a) tar-Regolament (UE) 2016/1139. Madankollu, abbażi tal-valutazzjoni tal-STECF, jenħtieġ li din l-eżenzjoni tkun temporanja biss, u jenħtieġ li l-Istati Membri kkonċernati jipprovdu fi żmien xieraq qabel l-iskadenza ta’ dan ir-Regolament, l-informazzjoni addizzjonali rilevanti u d-data ssuġġerita mill-STECF.

(10)

Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, il-perjodu ta’ dan ir-Regolament jenħtieġ li jkun limitat għal tliet snin sabiex tiġi żgurata valutazzjoni aġġornata tal-eżenzjoni u tal-iżvilupp tas-sajd ikkonċernat.

(11)

Peress li l-eżenzjoni mogħtija bir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2018/211 skadiet fil-31 ta’ Diċembru 2020, sabiex tiġi żgurata l-kontinwità legali, dan ir-Regolament jenħtieġ li japplika b’effett mill-1 ta’ Jannar 2021. Għal raġunijiet ta’ ċertezza tad-dritt u bħala kwistjoni ta’ urġenza, jenħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni

Dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli u japplika l-obbligu ta’ ħatt l-art relatat mas-salamun li jinqabad fil-Baħar Baltiku għall-perjodu 2021-2023.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, għandha tapplika d-definizzjoni li ġejja:

 

“Baħar Baltiku” tfisser id-diviżjonijiet ICES IIIb, IIIc u IIId, kif speċifikat fl-Artikolu 4(2)(b) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013.

Artikolu 3

Eżenzjoni għall-ispeċijiet b’rati ta’ sopravivenza għoljin

1.   L-eżenzjoni għall-ispeċijiet bir-rati ta’ soppravivenza għoljin imsemmija fl-Artikolu 15(4)(b) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 għandha tapplika għas-salamun li jinqabad bix-xbieki fyke, bix-xbieki mirfuda f’post fiss u bit-tipi l-oħrajn kollha ta’ xbieki nassa, ħlief in-nases pontun li magħhom ma jkunx hemm imqabbda borża mingħajr għoqiedi.

2.   L-eżenzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha tkun limitata għal mhux iktar minn 8 % tal-qabdiet annwali totali tas-salamun mill-kwota tas-salamun ta’ kull Stat Membru.

3.   Is-salamun li jinqabad f’konformità mal-eżenzjoni stabbilita fil-paragrafu 1 għandu jiġi rilaxxat immedjatament lura fil-baħar.

Artikolu 4

Dispożizzjonijiet finali

Sal-1 ta’ Mejju 2023, l-Istati Membri b’interess ta’ ġestjoni dirett għandhom jippreżentaw lill-Kummissjoni informazzjoni xjentifika addizzjonali li tippermetti valutazzjoni tar-rappreżentanza u l-kwalità tal-istima tas-sopravivenza tas-salamun skartat wara li jinqabad bix-xbieki mirfud f’post fiss u bin-nases pontun li magħhom ikun hemm imqabbda borża mingħajr għoqiedi, inkluża l-informazzjoni dwar il-mortalità ta’ wara r-rilaxx.

Artikolu 5

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2021 sal-31 ta’ Diċembru 2023. Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-22 ta’ Ġunju 2021.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 191, 15.7.2016, p. 1.

(2)  Ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-Politika Komuni tas-Sajd tal-11 ta’ Diċembru 2013, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1954/2003 u (KE) Nru 1224/2009 u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 u (KE) Nru 639/2004 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/585/KE (ĠU L 354, 28.12.2013, p. 22).

(3)  Ir-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1396/2014 tal-20 ta’ Ottubru 2014 li jwaqqaf pjan ta’ skartar fil-Baħar Baltiku (ĠU L 370, 30.12.2014, p. 40).

(4)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2018/211 tal-21 ta’ Novembru 2017 li jistabbilixxi pjan ta’ skartar tal-ħut fir-rigward tas-salamun fil-Baħar Baltiku (ĠU L 41, 14.2.2018, p. 1).

(5)   “BALTFISH High Level Group Joint Recommendation on a derogation from the landing obligation in the Baltic Sea establishing a discard plan as regards salmon in the Baltic Sea (ICES Subdivisions 22-32)”, trażmess fit-12 ta’ Mejju 2020. Il-verżjonijiet aġġornati tat-8 ta’ Settembru 2020 (mibgħuta fil-15 ta’ Settembru 2020), u tas-16 ta’ Marzu 2021.

(6)  https://stecf.jrc.ec.europa.eu/documents/43805/2694823/STECF+20-04+-+Eval+JRs+LO+and+TM+Reg.pdf/6176f9ad-0855-4985-b7de-64685862b6cb

(7)  https://stecf.jrc.ec.europa.eu/documents/43805/812327/STECF+PLEN+14-02.pdf/e29cf181-8d63-40ef-8050-6d980b12528f?version=1.4&download=true.


Top