EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32023R0500

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2023/500 tas-7 ta’ Marzu 2023 li jimplimenta r-Regolament (UE) 2020/1998 li jikkonċerna miżuri restrittivi kontra l-ksur u l-abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem

ST/6755/2023/INIT

ĠU L 69I, 7.3.2023, p. 1–10 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2023/500/oj

7.3.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

LI 69/1


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2023/500

tas-7 ta’ Marzu 2023

li jimplimenta r-Regolament (UE) 2020/1998 li jikkonċerna miżuri restrittivi kontra l-ksur u l-abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2020/1998 tas-7 ta’ Diċembru 2020 dwar miżuri restrittivi kontra ksur u abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 14(1) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,

Billi:

(1)

Fis-7 ta’ Diċembru 2020, il-Kunsill adotta r-Regolament (UE) 2020/1998.

(2)

Fit-8 ta’ Diċembru 2020, fid-Dikjarazzjoni mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, f’isem l-Unjoni Ewropea, dwar ir-Reġim Globali ta’ Sanzjonijiet tal-UE b’rabta mad-Drittijiet tal-Bniedem, l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha affermaw mill-ġdid l-impenn qawwi tagħhom lejn il-promozzjoni u l-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem madwar id-dinja. Ir-Reġim Globali ta’ Sanzjonijiet tal-UE b’rabta mad-Drittijiet tal-Bniedem jenfasizza d-determinazzjoni tal-Unjoni li ssaħħaħ ir-rwol tagħha fl-indirizzar ta’ ksur u abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem madwar id-dinja. Il-kisba tat-tgawdija effettiva tad-drittijiet tal-bniedem minn kulħadd hija għan strateġiku tal-Unjoni. Ir-rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt u għad-drittijiet tal-bniedem huwa valur fundamentali tal-Unjoni u tal-politika estera u ta’ sigurtà komuni tagħha.

(3)

Fil-konklużjonijiet tiegħu tal-14 ta’ Novembru 2022, il-Kunsill esprima t-tħassib tiegħu dwar l-effett sproporzjonat li l-kunflitti armati qed ikomplu jkollhom fuq in-nisa u l-bniet madwar id-dinja, kif ukoll il-prevalenza tal-vjolenza sesswali u abbażi tal-ġeneru inkluż il-vjolenza sesswali b’rabta mal-kunflitt, offline u online. Huwa impenja ruħu għat-tisħiħ tal-isforzi biex tiġi miġġielda tali vjolenza sabiex tiġi żgurata responsabbiltà sħiħa u tiġi miġġielda l-impunità. Barra minn hekk, fil-konklużjonijiet tiegħu ta’ Ġunju 2014, il-Kunsill enfasizza li l-ġlieda kontra u l-eliminazzjoni ta’ kull forma ta’ vjolenza fuq in-nisa jeħtieġu politiki koordinati fil-livelli rilevanti kollha u approċċ komprensiv li għandu fil-mira l-kwistjonijiet ewlenin ta’ prevenzjoni, nuqqas ta’ rappurtar, protezzjoni, appoġġ għall-vittmi, u prosekuzzjoni tal-awturi tar-reati kif ukoll miżuri oħrajn. L-użu strateġiku ta’ miżuri restrittivi jsaħħaħ dan l-approċċ billi jżid il-pressjoni biex jiġu evitati aktar ksur u abbużi u, f’koordinazzjoni ma’ strumenti oħra tal-Unjoni fis-sett ta’ għodod għad-drittijiet tal-bniedem, jiġbed l-attenzjoni għal dan il-ksur u abbużi u dawk responsabbli.

(4)

F’dan il-kuntest, jenħtieġ li disa’ persuni u tliet entitajiet jiġu inklużi fil-lista ta’ persuni fiżiċi u ġuridiċi, entitajiet u korpi soġġetti għall-miżuri restrittivi stabbiliti fl-Anness I għar-Regolament (UE) 2020/1998.

(5)

Għalhekk jenħtieġ li l-Anness I għar-Regolament (UE) 2020/1998 jiġi emendat skont dan,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness I għar-Regolament (UE) 2020/1998 huwa emendat kif jinsab fl-Anness għal dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fid-data tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-7 ta’ Marzu 2023.

Għall-Kunsill

Il-President

L. EDHOLM


(1)  ĠU L 410 I, 7.12.2020, p. 1.


ANNESS

L-entrati li ġejjin jiżdiedu mal-lista ta’ persuni fiżiċi u ġuridiċi, entitajiet u korpi li tinsab fit-taqsima A (“Persuni fiżiċi”) fl-Anness I għar-Regolament (UE) 2020/1998:

 

Ismijiet

(Trażlitterazzjoni bl-alfabett Latin)

Ismijiet

Informazzjoni ta’ identifikazzjoni

Raġunijiet għall-elenkar

Data tal-elenkar

“27.

Neda Mohammad NADEEM

نداء محمد ندیم

(Ortografija Pashto)

Pożizzjoni(jiet): Aġent Ministru tat-Taliban għall-Edukazzjoni Għolja

Nazzjonalità: Afgana

Ġeneru: raġel

Neda Mohammed Nadeem ilu l-aġent Ministru tat-Taliban għall-Edukazzjoni Għolja mit-22 ta’ Ottubru 2022.

Minn meta ħa l-kariga tiegħu, it-Taliban ippubblikaw digrieti li jipprojbixxu lin-nisa mill-edukazzjoni għolja fil-pajjiż kollu. Dawn id-digrieti jċaħħdu lin-nisa mid-dritt tagħhom għall-edukazzjoni kif ukoll mill-aċċess ugwali tagħhom għall-edukazzjoni, li tikser il-prinċipju tat-trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa.

Fil-kapaċità tiegħu bħala aġent Ministru tat-Taliban għall-Edukazzjoni Għolja, Neda Mohammed Nadeem huwa għalhekk responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem fl-Afganistan, b’mod partikolari għall-ksur mifrux tad-dritt tan-nisa għall-edukazzjoni u d-dritt għal trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa fil-qasam tal-edukazzjoni.

7.3.2023

28.

Sheikh Muhammad Khalid HANAFI

شیخ محمد خالد

(Ortografija Pashto)

Pożizzjoni(jiet): Aġent Ministru tat-Taliban għall-propagazzjoni tal-virtù u l-prevenzjoni tal-vizzji

Data tat-twelid: qrib l-1970

Post tat-twelid: Kolam Shaheed village, Doabi district, Nurestan province, Afghanistan

Nazzjonalità: Afgana

Ġeneru: raġel

Sheikh Muhammad Khalid Hanafi huwa l-aġent Ministru tat-Taliban għall-propagazzjoni tal-virtù u l-prevenzjoni tal-vizzji, li jissostitwixxi l-Ministru għall-affarijiet tan-nisa.

Minn meta ħa l-kariga tiegħu, it-Taliban ippubblikaw digrieti li jirrestrinġu l-libertà u d-dinjità tan-nisa u l-bniet fil-pajjiż kollu, irażżnu l-libertà tal-kelma u tal-espressjoni tagħhom, u imponew pieni ħorox u vjolenza fuq dawk li ma jirrispettawx l-ordnijiet tat-Taliban.

B’mod partikolari, matul iż-żmien tiegħu fil-kariga, ġew ippubblikati digrieti dwar il-ħiġab kif ukoll skedi ta’ żmien segregati skont il-ġeneru għall-użu ta’ spazji pubbliċi.

Fil-kapaċità tiegħu bħala aġent Ministru tat-Taliban għall-propagazzjoni tal-virtù u l-prevenzjoni tal-vizzji, Sheikh Muhammad Khalid Hanafi huwa responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem fl-Afganistan, b’mod partikolari għall-ksur mifrux tad-drittijiet tan-nisa, bħal-libertà tal-espressjoni tagħhom, kif ukoll id-dritt għal trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa.

7.3.2023

29.

Alexander Georgievich FEDORINOV

Александр Георгиевич ФЕДОРИНОВ

(ortografija Russa)

Pożizzjoni(jiet): uffiċjal kmandant ta’ Moscow Police Station

Grad: Logutenent Kurunell

Nazzjonalità: Russa

Ġeneru: raġel

Il-Logutenent Kurunell Alexander Georgievich Fedorinov huwa uffiċjal kmandant ta’ Moscow Police Station.

Fil-kapaċità tiegħu bħala aġent kap tal-għassa tal-pulizija f’Marzu 2022, huwa awtorizza l-arrest u d-detenzjoni arbitrarji, kif ukoll it-tortura sussegwenti, ta’ dimostranti nisa kontra l-gwerra.

Għaldaqstant, Alexander Georgievich Fedorinov huwa responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem fir-Russja, b’mod partikolari għal tortura u trattament jew pieni krudili, inumani jew degradanti oħra, arresti jew detenzjonijiet arbitrarji kif ukoll vjolenza sesswali u abbażi tal-ġeneru sistematika.

7.3.2023

30.

Ivan RYABOV

Иван РЯБОВ

(Ortografija Russa)

Pożizzjoni(jiet): uffiċjal tal-pulizija f’Moscow Police Station

Nazzjonalità: Russa

Ġeneru: raġel

Ivan Ryabov huwa uffiċjal tal-pulizija f’Moscow Police Station.

Fuq l-ordnijiet tal-Logutenent Kurunell Alexander Georgievich Fedorinov, huwa żamm u ttortura b’mod arbitrarju dimostranti nisa kontra l-gwerra f’Marzu 2022. Il-vittmi jirrappurtaw li sawwathom, fgahom b’basktijiet tal-plastik u abbużahom fiżikament u verbalment għal sitt sigħat.

Għaldaqstant, Ivan Ryabov huwa responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem fir-Russja, b’mod partikolari għal tortura u trattament jew pieni krudili, inumani jew degradanti oħra, u arresti jew detenzjonijiet arbitrarji.

7.3.2023

31.

Nikolay Anatolevich KUZNETSOV

magħruf ukoll bħala Nikolaj Anatolevich Kuznetsov, Nikolaj Kuznetsov, Nikolay Kuznetsov

Николай Анатольевич Кузнецов

(Ortografija Russa)

Pożizzjoni(jiet): Membru tal-forzi armati tal-Federazzjoni Russa, kmandant tal-unità tal-forzi speċjali tad-diviżjoni ta’ Dzerzhinsky ta’ Rosgvardia (Federal Service of National Guard Troops of the Russian Federation)

Grad: Maġġur Ġeneral

Data tat-twelid: 13.4.1978

Nazzjonalità: Russa

Ġeneru: raġel

Numru tal-identità tat-taxxa: 645407737871

Il-Ġeneral Maġġur Nikolay Anatolevich Kuznetsov huwa membru tal-forzi armati tal-Federazzjoni Russa u kmandant tal-unità tal-forzi speċjali tad-diviżjoni ta’ Dzerzhinsky ta’ Rosgvardia (Federal Service of National Guard Troops of the Russian Federation).

L-unità ta’ Kuznetsov kienet parti mill-invażjoni illegali tal-Ukrajna mir-Russja u membri tal-unità tiegħu pparteċipaw b’mod sistematiku f’atti ta’ vjolenza sesswali u stupru fl-Ukrajna f’Marzu/April 2022.

L-iskala u s-severità tal-atti ta’ vjolenza sesswali u abbażi tal-ġeneru li qed iseħħu f’żoni tal-Ukrajna okkupati mir-Russja jindikaw “ippjanar fuq livell aktar sistematiku” u l-kmandanti Russi konxji tal-vjolenza sesswali mill-persunal militari fl-Ukrajna u, f’xi każijiet “inkoraġġew jew saħansitra ordnaw din il-vjolenza”.

Fil-kapaċità tiegħu bħala kmandant tal-unità, Kuznetsov huwa responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem fl-Ukrajna, inkluż vjolenza sesswali u abbażi tal-ġeneru sistematika.

7.3.2023

32.

Ramil Rakhmatulovich IBATULLIN

Рамиль Рахматуллович Ибатуллин

(Ortografija Russa)

Pożizzjoni(jiet): Membru tal-forzi armati tal-Federazzjoni Russa, eks kmandant tan-90th guards tank division

Grad: Kurunell

Data tat-twelid: 22.10.1976

Nazzjonalità: Russa

Ġeneru: raġel

Numru tal-identità tat-taxxa: 631409144707

Numru tal-persunal tal-forzi armati Russi: U-927425

Il-Kurunell Ramil Rakhmatulovich Ibatullin serva fit-truppi ta’ okkupazzjoni Russi fir-reġjun ta’ Donbas (2014-2017) u ħa sehem fl-invażjoni illegali tal-Ukrajna mir-Russja bħala kmandant tan-90th guards tank division.

F’Marzu 2022, id-diviżjoni taħt il-kmand tiegħu ħadet sehem fl-offensiva kontra Chernihiv u Kiev. Matul l-offensiva, il-membri tad-diviżjoni tiegħu wettqu atti ta’ vjolenza sesswali u abbażi tal-ġeneru kontra l-popolazzjoni ċivili Ukrena.

Wara li dawn il-fatti saru pubbliċi, il-Ministeru Russu għad-Difiża ippromwova lil Ibatullin fil-grad ta’ kurunell.

L-awtoritajiet Ukreni akkużaw lil diversi membri tatan-90th guards tank division b’allegazzjonijiet ta’ vjolenza sesswali u abbażi tal-ġeneru, inkluż l-istupru ta’ mara tqila qrib Kiev, il-qtil ta’ persuna ċivili wara li stupraw ripetutament lil martu fil-preżenza ta’ tifel żgħir, kif ukoll il-parteċipazzjoni ta’ membri ta’ din id-diviżjoni fi stupri minn diversi persuni fuq l-istess vittma.

L-iskala u s-severità tal-atti ta’ vjolenza sesswali u abbażi tal-ġeneru li qed iseħħu f’żoni tal-Ukrajna okkupati mir-Russja jindikaw “ippjanar fuq livell aktar sistematiku” u l-kmandanti Russi konxji tal-vjolenza sesswali mill-persunal militari fl-Ukrajna u, f’xi każijiet, li “inkoraġġew jew saħansitra ordnaw din il-vjolenza”.

Għaldaqstant, Ibatullin huwa responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem fl-Ukrajna, inkluż għal vjolenza sesswali u abbażi tal-ġeneru sistematika.

7.3.2023

33.

Gatluak Nyang HOTH

 

Pożizzjoni(jiet): Kummissjarju tal-kontea għall-kontea ta’ Mayiandit

Nazzjonalità: Sud Sudaniż

Ġeneru: raġel

Gatluak Nyang Hoth ilu l-kummissarju tal-kontea għall-kontea ta’ Mayiandit (Unity State, is-Sudan t’Isfel) minn Frar 2021.

F’din il-pożizzjoni, huwa kkmanda milizzji allinjati mal-gvern biex iwettqu attakki fin-Nofsinhar ta’ Unity State, bejn Frar u Mejju 2022. Matul dan il-perjodu, it-truppi taħt il-kmand tiegħu għamlu użu mifrux u sistematiku tal-vjolenza sesswali bħala tattika tal-gwerra u strumentalizzawha bħala premju u intitolament għall-irġiel li jipparteċipaw fil-kunflitt.

Fil-kapaċità tiegħu bħala kummissarju tal-kontea, Hoth huwa għalhekk responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem fis-Sudan t’Isfel, inkluż għal vjolenza sesswali u abbażi tal-ġeneru sistematika u mifruxa.

7.3.2023

34.

Gordon Koang BIEL

Magħruf ukoll bħala Gordon Koang Char BIEL, Koang Biel CHAR, Koang NYALUALGO

 

Pożizzjoni(jiet): Kummissarju tal-kontea għall-kontea ta’ Koch

Post tat-twelid: is-Sudan t’Isfel

Nazzjonalità: Sud Sudaniż

Ġeneru: raġel

Gordon Koang Biel ilu l-kummissarju tal-kontea għall-kontea ta’ Koch (Unity State, is-Sudan t’Isfel) minn Frar 2021.

F’din il-pożizzjoni, huwa kkmanda milizzji allinjati mal-gvern biex iwettqu attakki fin-Nofsinhar ta’ Unity State, bejn Frar u Mejju 2022. Matul dan il-perjodu, it-truppi taħt il-kmand tiegħu għamlu użu mifrux u sistematiku tal-vjolenza sesswali bħala tattika tal-gwerra u strumentalizzawha bħala premju u intitolament għall-irġiel li jipparteċipaw fil-kunflitt.

Fil-kapaċità tiegħu bħala kummissarju tal-kontea, Biel huwa għalhekk responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem fis-Sudan t’Isfel, inkluż għal vjolenza sesswali u abbażi tal-ġeneru sistematika u mifruxa.

7.3.2023

35.

Toe UI

 

Pożizzjoni(jiet): Viċi Ministru għall-Affarijiet Interni

Grad: Maġġur Ġeneral

Nazzjonalità: Myanmar/Burma

Ġeneru: raġel

Il-Ġeneral Maġġur Toe Ui ġie appuntat Viċi Ministru għall-Affarijiet Interni fit-3 ta’ Frar 2023. Huwa l-viċi kmandant preċedenti ta’ Office of the Chief of Military Security Affairs (OCMSA). OCMSA huwa responsabbli għall-ġestjoni taċ-ċentri ta’ detenzjoni u interrogazzjoni fil-Myanmar/Burma u nkarigat bil-ġbir ta’ intelligence.

Il-persunal tal-OCMSA taħt l-awtorità ta’ Ui juża nudità sfurzata, stupru, xokkijiet elettriċi, ħruq ta’ ġenitali u vjolenza eċċessiva matul id-detenzjoni arbitrarja u l-interrogazzjoni ta’ rġiel, nisa u membri tal-komunità LGBTIQ.

Fil-kapaċità tiegħu bħala viċi kmandant, il-Maġġur Ġenerali Toe Ui huwa responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem fil-Myanmar/Burma, inkluż detenzjonijiet arbitrarji u tortura, kif ukoll għal vjolenza sesswali u abbażi tal-ġeneru sistematika u mifruxa.”

7.3.2023”

L-entrati li ġejjin jiżdiedu mal-lista ta’ persuni fiżiċi u ġuridiċi, entitajiet u korpi li tinsab fit-taqsima B (“Persuni ġuridiċi, entitajiet u korpi”) fl-Anness I tar-Regolament (UE) 2020/1998:

 

Ismijiet

(Trażlitterazzjoni bl-alfabett Latin)

Ismijiet

Informazzjoni ta’ identifikazzjoni

Raġunijiet għall-elenkar

Data tal-elenkar

“13.

Qarchak Prison

magħruf ukoll bħala Gharchak Prison, Zendân-e-Qarchak, Qarchak Women’s Prison, Shahr-e Rey Prison

زندان قرچک

(Ortografija Farsi)

Post tar-reġistrazzjoni: Varamin County, Tehran province, Iran

Data tar-reġistrazzjoni: 2010

Qarchak Prison huwa wieħed mill-faċilitajiet ta’ detenzjoni għan-nisa tar-reġim Iranjan fil-Kontea ta’ Varamin (il-provinċja ta’ Teheran).

Id-detenuti jinkludu priġunieri politiċi u parteċipanti fi protesti paċifiċi favur id-demokrazija kif ukoll nisa tqal u ommijiet bit-tfal. Il-kundizzjonijiet tal-għajxien f’Qarchak Prison huma deplorevoli u inumani.

Detenuti nisa f’Qarchak Prison huma soġġetti għal tortura, stupru u forom oħra ta’ vjolenza sesswali. Dawn jinżammu f’ċelel iffullati żżejjed, mingħajr aċċess għal ilma tax-xorb nadif, ikel u assistenza medika, li jammontaw għal trattament krudili, inuman jew degradanti. Il-priġunieri rilaxxati jirrappurtaw każijiet ta’ abbuż sesswali mill-gwardji tal-ħabs u l-persunal tas-sigurtà. Id-dimostranti nisa li jintbagħtu f’Qarchak Prison spiss ikunu mhedda bi stupru biex dawn jistqarru konfessjonijiet.

Għaldaqstant, Qarchak Prison huwa responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iran, inkluż għal tortura u trattament krudili, inuman jew degradanti ieħor kif ukoll vjolenza sesswali u abbażi tal-ġeneru sistematika.

7.3.2023

14.

Syrian Republican Guard

 

Post tar-reġistrazzjoni: Syria

Individwi assoċjati: Maġġur Ġeneral Shoaeb Suleiman (kmandant),

Brigadier Ġeneral Mohamed Qasem (viċi kmandant),

Ġeneral Malik Aliaa (kmandant suprem),

Il-Maġġur Ġeneral Issam Zahreddine, Mohammad Nayouf, Rukin Mohamed Kaddor (kmandanti),

il-President Bashar Al-Assad

Syrian Republican Guard hija entità responsabbli għas-sigurtà tal-uffiċjali u parti mill-forzi tas-sigurtà Sirjani.

Fit-tmexxija tagħha, il-vjolenza sesswali u abbażi tal-ġeneru kontra n-nisa hija mifruxa, b’mod partikolari matul il-kunflitt Sirjan li għaddej. Il-vittmi rrappurtaw stupri vjolenti u tortura wara arresti arbitrarji u matul detenzjoni arbitrarja.

Syrian Republican Guard hija parti minn approċċ sistematiku mir-reġim Sirjan biex juża l-vjolenza sesswali u abbażi tal-ġeneru biex irażżan u jintimida lill-poplu Sirjan, b’mod partikolari n-nisa u l-bniet.

Għaldaqstant, Syrian Republican Guard hija responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem fis-Sirja, inkluż għal tortura u trattament jew pieni krudili, inumani jew degradanti oħra, arresti jew detenzjonijiet arbitrarji kif ukoll vjolenza sesswali u abbażi tal-ġeneru mifruxa.

7.3.2023

15.

Office of the Chief of Military Security Affairs (OCMSA)

 

Post tar-reġistrazzjoni: Naypyitaw, Myanmar/Burma

L-Office of the Chief of Military Security Affairs (OCMSA) huwa responsabbli għall-ġestjoni taċ-ċentri ta’ detenzjoni u interrogazzjoni fil-Myanmar/Burma u inkarigat bil-ġbir ta’ intelligence.

Il-persunal tal-OCMSA juża nudità sfurzata, stupru, xokkijiet elettriċi, ħruq ta’ ġenitali u vjolenza eċċessiva matul id-detenzjoni arbitrarja u l-interrogazzjoni ta’ rġiel, nisa u membri tal-komunità LGBTIQ.

Għaldaqstant, l-OCMSA huwa responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem fil-Myanmar/Burma, inkluż detenzjonijiet arbitrarji u tortura, kif ukoll għal vjolenza sesswali u abbażi tal-ġeneru sistematika u mifruxa.

7.3.2023”


Top