EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32020R0594

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/594 tat-30 ta’ April 2020 li jawtorizza ftehimiet u deċiżjonijiet dwar miżuri ta’ stabbilizzazzjoni tas-suq fis-settur tas-siġar ħajjin u tal-florikultura, tal-basal, tal-għeruq u simili, tal-fjuri maqtugħin u tal-faxxina ornamentali

C/2020/2883

ĠU L 140, 4.5.2020, p. 17–20 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2020/594/oj

4.5.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 140/17


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/594

tat-30 ta’ April 2020

li jawtorizza ftehimiet u deċiżjonijiet dwar miżuri ta’ stabbilizzazzjoni tas-suq fis-settur tas-siġar ħajjin u tal-florikultura, tal-basal, tal-għeruq u simili, tal-fjuri maqtugħin u tal-faxxina ornamentali

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 222 tiegħu,

Billi:

(1)

L-Unjoni hija produttur ewlieni tas-siġar ħajjin u tal-florikultura; tal-basal, tal-għeruq u simili, tal-fjuri maqtugħin u tal-faxxina ornamentali (minn hawn ’il quddiem “pjanti u fjuri ħajjin”). Il-valur tal-produzzjoni totali tal-Unjoni fl-2019 ammonta għal EUR 20 biljun.

(2)

Madwar 85 % tal-produzzjoni tal-Unjoni ta’ pjanti u fjuri ħajjin hija destinata għas-suq intern, filwaqt li l-15 % li jifdal tiġi esportata lejn pajjiżi terzi.

(3)

Il-katina ta’ provvista fis-settur tal-pjanti u l-fjuri ħajjin hija interkonnessa ħafna u tiddependi fuq loġistika organizzata bla xkiel u effiċjenti sabiex tiġi żgurata sistema tas-suq li tiffunzjona għall-prodotti li fil-biċċa l-kbira tagħhom huma tat-tip li jitħassar malajr.

(4)

Barra minn hekk, il-produzzjoni u l-bejgħ tal-pjanti u l-fjuri ħajjin huma kkaratterizzati mill-istaġjonalità tagħhom. Il-biċċa l-kbira tal-pjanti u l-fjuri ħajjin huma prodotti fir-rebbiegħa għal okkażjonijiet speċifiċi, bħal Jum l-Omm jew l-Għid, u l-pjanti ta’ ġewwa huma prodotti speċifikament fi qsari ta’ daqs iżgħar biex jadattaw għad-domanda staġjonali. Normalment il-bejgħ jilħaq il-quċċata tiegħu fir-rebbiegħa. Għal xi wħud mis-subsetturi, bħal dak tal-pjanti annwali tal-imxietel tal-fjuri u tal-fjuri maqtugħin, 40 % sa 80 % tal-bejgħ iseħħ minn Marzu sa Ġunju.

(5)

Minħabba l-pandemija attwali tal-COVID-19 u r-restrizzjonijiet estensivi, stabbiliti fl-Istati Membri, fuq il-moviment tal-persuni, is-settur tal-pjanti u l-fjuri ħajjin għaddej minn tfixkil ekonomiku li qed iwassal għal diffikultajiet finanzjarji u problemi ta’ fluss tal-flus għall-produtturi.

(6)

It-tixrid tal-marda u l-miżuri fis-seħħ jillimitaw id-disponibbiltà tal-manodopera, b’mod partikolari għat-trasport, li jxekklu speċifikament l-istadji tal-produzzjoni, tal-ġbir, tal-irkantar u tal-bejgħ tal-pjanti u l-fjuri ħajjin.

(7)

L-għeluq obbligatorju tas-swieq ta’ barra, taċ-ċentri ta’ ġardinaġġ u tal-ħwienet speċjalizzati ta’ bejgħ bl-imnut, kif ukoll l-għeluq tal-istabbilimenti tal-ospitalità u l-kanċellazzjoni ta’ avvenimenti u festi, waqqaf ukoll l-operat tas-settur tal-pjanti u l-fjuri ħajjin. Il-ftuħ parzjali mill-ġdid taċ-ċentri ta’ ġardinaġġ u tal-ħwienet speċjalizzati ta’ bejgħ bl-imnut f’xi Stati Membri mhuwiex mistenni li jbiddel b’mod materjali din il-qagħda, peress li l-katina ta’ provvista hija interkonnessa ħafna u tiddependi minn loġistika li tiffunzjona u minn faċilitajiet ta’ ħażna limitati. Il-miżuri ta’ tbegħid soċjali huma mistennija li jibqgħu fis-seħħ fix-xhur li ġejjin u se jkomplu jaffettwaw kemm il-loġistika tat-trasport kif ukoll il-bejgħ peress li numru inqas ta’ konsumaturi jkunu jistgħu jidħlu fil-ħwienet. Barra minn hekk, avvenimenti kbar, bħall-fieri annwali tal-ġonna li jsiru fix-xhur li ġejjin, diġà ġew ikkanċellati, u avvenimenti soċjali oħra li normalment jitolbu tiżjin ta’ fjuri, bħal tiġijiet, qed jiġu kkanċellati wkoll.

(8)

Barra minn hekk, ix-xerrejja fl-Unjoni u fis-suq dinji qegħdin iħassru l-kuntratti, u qegħdin idewmu l-konklużjoni ta’ kuntratti ġodda huma u jistennew tnaqqis akbar fil-prezzijiet. L-esportazzjonijiet ukoll huma milqutin minn sfidi ta’ loġistika, billi l-bidu tal-pandemija tal-COVID-19 fiċ-Ċina wassal għal konġestjoni sinifikanti fil-portijiet, fiċ-Ċina u lil hinn. Il-perjodu ta’ żieda fit-tħassir totali jew parzjali tat-tbaħħir mistenni jissokta tal-inqas sa Ġunju 2020, u dan se jwassal għall-iskarsezza tal-kontejners, għal żieda sinifikanti fit-tariffi, u għall-posponiment tal-konsenji tal-esportaturi.

(9)

Dan l-iżbilanċ bejn il-provvista u d-domanda qiegħed iqajjem tfixkil ekonomiku għas-settur tal-pjanti u l-fjuri ħajjin. B’riżultat ta’ dak l-iżbilanċ, kien hemm tnaqqis qawwi fid-domanda għall-pjanti u l-fjuri ħajjin b’impatt immedjat u serju fuq is-suq. Id-domanda globali għall-prodotti tal-pjanti u l-fjuri ħajjin fis-suq tal-Unjoni naqset b’80 %. Il-kummerċ fl-irkanti ġie affettwat b’mod sinifikanti. L-irkant bi prezz uniformi, li jittratta 35 % tal-bejgħ kollu tal-Unjoni, irrapporta tnaqqis fid-dħul ta’ 85 % f’nofs Marzu 2020. Filwaqt li kien hemm xi rkupru fl-irkant bi prezz uniformi, id-dħul għadu 30 % inqas milli f’nofs April 2019. Fi Stati Membri oħra, bħall-Belġju u Franza, l-irkant u s-swieq bl-ingrossa għalqu. Barra minn hekk, f’ċerti Stati Membri, bħalma huma n-Netherlands, ġiet irrappurtata l-qerda fuq skala kbira ta’ pjanti tal-imxietel tal-fjuri, li ma jistgħux jinħażnu, u ta’ fjuri maqtugħin, li jitħassru u li huma staġjonali. Dan wassal għal tnaqqis qawwi fil-prezzijiet fuq l-irkant bi prezz uniformi. Matul il-ġimgħa bejn is-16 u t-22 ta’ Marzu 2020, meta kkollassa s-suq, il-prezzijiet kienu kważi 60 % inqas minn dak tal-istess ġimgħa fl-2019. Barra minn hekk, matul il-ġimgħat tat-23 sad-29 ta’ Marzu, tat-30 ta’ Marzu sal-5 ta’ April, u tas-6 sat-12 ta’ April 2020, il-prezzijiet kienu għadhom 36 % sa 23 % inqas meta mqabbla mal-istess ġimgħat fl-2019.

(10)

Minħabba ċ-ċirkostanzi msemmija hawn fuq, dawn l-avvenimenti jiġu kkwalifikati bħala perjodu ta’ żbilanċ serju fis-suq.

(11)

Biex is-settur tal-pjanti u l-fjuri ħajjin jiġi megħjun isib bilanċ f’dan il-perjodu ta’ żbilanċ serju fis-suq, jixraq li tiġi awtorizzata l-adozzjoni ta’ ftehimiet u deċiżjonijiet tal-bdiewa, tal-assoċjazzjonijiet tal-bdiewa, tal-assoċjazzjonijiet ta’ tali assoċjazzjonijiet, tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi rikonoxxuti, tal-assoċjazzjonijiet ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi rikonoxxuti, u tal-organizzazzjonijiet interprofessjonali rikonoxxuti fis-settur tal-pjanti u l-fjuri ħajjin għal perjodu ta’ sitt xhur. Dawk il-miżuri jinkludu: (i) l-irtirar mis-suq jew id-distribuzzjoni b’xejn; (ii) il-promozzjoni konġunta; u (iii) l-ippjanar temporanju tal-produzzjoni.

(12)

Tali ftehimiet u deċiżjonijiet jistgħu jinkludu: (i) l-irtirar kollettiv mis-suq għal qerda ordnata ta’ pjanti u fjuri ħajjin; (ii) il-miżuri ta’ promozzjoni li jistiednu lill-konsumaturi biex jixtru pjanti u fjuri ħajjin; u (iii) l-ippjanar kollettiv tal-produzzjoni biex jiġi kkoordinat it-tħawwil ta’ pjanti u fjuri ħajjin fid-dawl tat-tneħħija fil-ġejjieni tar-restrizzjonijiet.

(13)

Jenħtieġ li kwalunkwe ftehim jew deċiżjoni tiġi temporanjament awtorizzata għal perjodu ta’ sitt xhur. Peress li dan huwa l-perjodu meta l-biċċa l-kbira tal-pjanti u l-fjuri ħajjin se jinġabru u jitqiegħdu fis-suq, dan huwa l-perjodu li fih il-miżuri huma mistennija li jkollhom l-aktar impatt sinifikanti.

(14)

F’konformità mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 222(1) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, għandha tingħata awtorizzazzjoni jekk din ma tfixkilx il-funzjonament tas-suq intern, u jekk il-ftehimiet u d-deċiżjonijiet ikunu strettament immirati biex jistabbilizzaw is-settur. Dawn il-kundizzjoni speċifiċi jeskludu ftehimiet u deċiżjonijiet li direttament jew indirettament iwasslu għat-tqassim tas-swieq, għad-diskriminazzjoni msejsa fuq in-nazzjonalità jew għall-iffissar tal-prezzijiet. Jekk il-ftehimiet u d-deċiżjonijiet ma jissodisfawx dawn il-kundizzjonijiet, jew ma jibqgħux jissodisfaw dawn il-kundizzjonijiet, l-Artikolu 101(1) tat-Trattat japplika għal dawn il-ftehimiet u d-deċiżjonijiet.

(15)

Jenħtieġ li din l-awtorizzazzjoni prevista f’dan ir-Regolament tkopri t-territorju tal-Unjoni, peress li l-iżbilanċ serju fis-suq huwa komuni għall-Unjoni kollha.

(16)

Sabiex l-Istati Membri jkunu f’qagħda li jivvalutaw jekk il-ftehimiet u d-deċiżjonijiet ifixklux jew le l-funzjonament tas-suq intern, u jekk humiex strettament immirati biex jistabbilizzaw is-settur tal-pjanti u l-fjuri ħajjin, jenħtieġ li tingħata informazzjoni lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru, inkluż lill-awtoritajiet tal-kompetizzjoni ta’ dak l-istat, li għandhom l-ogħla sehem tal-volum stmat tal-produzzjoni tal-pjanti u l-fjuri ħajjin kopert minn dawk il-ftehimiet jew id-deċiżjonijiet, dwar il-ftehimiet konklużi u d-deċiżjonijiet meħudin, u dwar il-volum ta’ produzzjoni u l-perjodu taż-żmien li jkopru.

(17)

Minħabba li l-iżbilanċ serju tas-suq qed iseħħ matul il-perjodu meta jsir il-maġġoranza tal-bejgħ tas-settur tal-pjanti u l-fjuri ħajjin, jenħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu.

(18)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat għall-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq Agrikoli,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 152(1a), 209(1) u 210(1) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, il-bdiewa, l-assoċjazzjonijiet tal-bdiewa, l-assoċjazzjonijiet ta’ tali assoċjazzjonijiet, l-organizzazzjonijiet tal-produtturi rikonoxxuti, l-assoċjazzjonijiet tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi rikonoxxuti, u l-organizzazzjonijiet interprofessjonali rikonoxxuti fis-settur tas-siġar ħajjin u tal-florikultura; tal-basal, tal-għeruq u simili, tal-fjuri maqtugħin u tas-settur tal-faxxina ornamentali, minn hawn ’il quddiem “is-settur tal-pjanti u l-fjuri ħajjin”, b’dan huma awtorizzati li jikkonkludu ftehimiet volontarji, u jieħdu deċiżjonijiet komuni dwar l-irtirar mis-suq u d-distribuzzjoni bla ħlas, il-promozzjoni konġunta u l-ippjanar temporanju tal-produzzjoni tul perjodu ta’ sitt xhur, li jibda mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-ftehimiet u d-deċiżjonijiet imsemmija fl-Artikolu 1 ma jfixklux il-funzjonament tajjeb tas-suq intern, u jkunu strettament immirati lejn l-istabbilizzazzjoni tas-settur tal-pjanti u l-fjuri ħajjin.

Artikolu 3

Il-kamp ta’ applikazzjoni ġeografiku ta’ din l-awtorizzazzjoni huwa t-territorju tal-Unjoni.

Artikolu 4

1.   Mal-adozzjoni tal-ftehimiet jew tad-deċiżjonijiet imsemmija fl-Artikolu 1 , il-bdiewa, l-assoċjazzjonijiet tal-bdiewa, l-assoċjazzjonijiet ta’ tali assoċjazzjonijiet, l-organizzazzjonijiet tal-produtturi rikonoxxuti, l-assoċjazzjonijiet tal-organizzazzjonijiet interprofessjonali rikonoxxuti, u l-organizzazzjonijiet interprofessjonali rikonoxxuti kkonċernati, għandhom jikkomunikaw dawk il-ftehimiet jew id-deċiżjonijiet lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru li għandu l-ogħla sehem tal-volum stmat tal-produzzjoni ta’ pjanti u ffjuri ħajjin kopert minn dawk il-ftehimiet jew id-deċiżjonijiet, billi jindikaw dawn li ġejjin:

(a)

il-volum tal-produzzjoni stmat kopert;

(b)

il-perjodu ta’ żmien mistenni għall-implimentazzjoni.

2.   Sa mhux aktar tard minn 25 jum wara tmiem il-perjodu ta’ sitt xhur imsemmi fl-Artikolu 1, il-bdiewa, l-assoċjazzjonijiet tal-bdiewa, l-assoċjazzjonijiet ta’ tali assoċjazzjonijiet, l-organizzazzjonijiet tal-produtturi rikonoxxuti, l-assoċjazzjonijiet tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi rikonoxxuti, u l-organizzazzjonijiet interprofessjonali rikonoxxuti kkonċernati għandhom jikkomunikaw il-volum tal-produzzjoni ta’ pjanti u fjuri ħajjin tabilħaqq kopert mill-ftehimiet jew mid-deċiżjonijiet lill-awtoritajiet kompetenti msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu.

3.   F’konformità mar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 2017/1185 (2), l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni b’dan li ġej:

(a)

sa mhux aktar tard minn ħamest ijiem wara tmiem kull xahar, il-ftehimiet u d-deċiżjonijiet ikkomunikati lilhom f’konformità mal-paragrafu 1 matul dak il-perjodu;

(b)

sa mhux aktar tard minn 30 jum wara tmiem il-perjodu ta’ sitt xhur imsemmi fl-Artikolu 1, ħarsa ġenerali lejn il-ftehimiet u d-deċiżjonijiet implimentati matul dak il-perjodu.

Artikolu 5

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-30 ta’ April 2020.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671.

(2)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/1185 tal-20 ta’ April 2017 li jistabbilixxi regoli għall-applikazzjoni tar-Regolamenti (UE) Nru 1307/2013 u (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tan-notifiki lill-Kummissjoni tal-informazzjoni u d-dokumenti u li jemendaw u jħassru diversi Regolamenti tal-Kummissjoni (ĠU L 171, 4.7.2017, p. 113).


Top