EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32020R0465

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/465 tat-30 ta’ Marzu 2020 dwar miżuri ta’ emerġenza b’appoġġ għall-organizzazzjonijiet tal-produtturi tal-frott u l-ħxejjex fir-reġjuni Taljani tal-Emilia-Romagna, tal-Veneto, tat-Trentino-Alto Adige, tal-Lombardia, tal-Piemonte u tal-Friuli-Venezia Giulia, fid-dawl tal-ħsara kkaġunata lill-produzzjoni tagħhom mill-ispallut kannella rħami tal-Lvant (Halyomorpha halys)

C/2020/1849

ĠU L 98, 31.3.2020, p. 26–29 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2020

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2020/465/oj

31.3.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 98/26


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/465

tat-30 ta’ Marzu 2020

dwar miżuri ta’ emerġenza b’appoġġ għall-organizzazzjonijiet tal-produtturi tal-frott u l-ħxejjex fir-reġjuni Taljani tal-Emilia-Romagna, tal-Veneto, tat-Trentino-Alto Adige, tal-Lombardia, tal-Piemonte u tal-Friuli-Venezia Giulia, fid-dawl tal-ħsara kkaġunata lill-produzzjoni tagħhom mill-ispallut kannella rħami tal-Lvant (Halyomorpha halys)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 221(1) tiegħu,

Billi:

(1)

L-ispallut kannella rħami tal-Lvant (Halyomorpha halys) huwa insett li joriġina mill-Ażja, li ġie introdott fl-Unjoni b’mod aċċidentali, b’mod partikulari fir-reġjuni tat-Tramuntana tal-Italja, speċifikament fl-Emilia-Romagna, fil-Veneto, fit-Trentino-Alto Adige, fil-Lombardia, fil-Piemonte u fil-Friuli-Venezia Giulia (“ir-reġjuni milqutin”), permezz tal-kummerċ internazzjonali.

(2)

Fl-2019, l-ispallut kannella rħami tal-Lvant kkaġuna ħsarat serji lill-produzzjoni tal-frott u l-ħxejjex fir-reġjuni milqutin, billi infetta lil-lanġas, lill-ħawħ u lin-nuċiprisk, lit-tuffieħ, lill-kiwi, liċ-ċirasa u lill-berquq. Minħabba l-ħsara fuq il-frott u l-ħaxix, dawn ma jibqgħux tajbin la għall-konsum u lanqas għall-ipproċessar. Huwa stmat li t-telf għall-produtturi tal-frott u l-ħaxix fir-reġjuni milqutin, ikkaġunat mill-ispallut kannella rħami tal-Lvant, laħaq il-EUR 500 miljun għas-sena 2019 biss. Minħabba l-ispallut kannella rħami tal-Lvant, fl-2019 għadd ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi fir-reġjuni milqutin tilfu parti kbira mill-ħsad ta’ frott u ħaxix tagħhom, jew tilfu l-ħsad kollu tagħhom.

(3)

L-ispallut kannella rħami tal-Lvant ma jissodisfax il-kriterji tal-pest tal-kwarantina fl-Unjoni skont ir-Regolament (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), u ma tista’ ssir ebda miżura għall-qerda tiegħu fil-livell tal-Unjoni. Għaldaqstant, f’dan l-istadju, l-awtoritajiet Taljani ma jistgħu jieħdu ebda miżura fitosanitarja u protettiva xierqa.

(4)

Barra minn hekk, bħalissa kulma hemm disponibbli huma għodda limitati għall-protezzjoni tal-pjanti biex irażżnu effettivament lill-ispallut kannella rħami tal-Lvant. Iż-żunżan “Samurai” (Trissolcus japonicus u Trissolcus mitsukurii) bħala miżura alternattiva għat-trażżin bijoloġiku, ġie awtorizzat biss riċentement fl-Italja bħala insett antagonist, u f’dan l-istadju għadu mhux ċar jekk dan il-metodu bijoloġika ta’ trażżin tal-ispallut kannella rħami tal-Lvant huwiex effettiv.

(5)

L-organizzazzjonijiet tal-produtturi fis-settur tal-frott u l-ħaxix fir-reġjuni milqutin implimentaw miżuri preventivi (eż. bl-installazzjoni ta’ xbieki u nasab kontra l-insetti) sabiex jevitaw il-ħsarat lill-għelejjel tagħhom. Minkejja l-isforzi, dawk l-organizzazzjonijiet ta’ produtturi ġarrbu, b’mod simultanju, kostijiet għoljin għall-miżuri preventivi u telf fil-produzzjoni b’impatt negattivi sinifikanti fuq il-valur tal-produzzjoni kkummerċjalizzata tagħhom. Dan jolqot l-istabbiltà finanzjarja tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi u l-kapaċità tagħhom biex jimplimentaw programmi operattivi fis-snin ta’ wara, kif ukoll biex idaħħlu miżuri u azzjonijiet li jimmiraw l-infestazzjonijiet tal-pesti. Barra minn hekk, it-tnaqqis fil-valur tal-produzzjoni kkummerċjalizzata jxekkel l-aċċess tal-organizzazzjoni tal-produtturi għall-assistenza finanzjarja tal-Unjoni fis-settur tal-frott u l-ħaxix. It-tnaqqis fil-valur tal-produzzjoni kkummerċjalizzata kapaċi jwassal ukoll għal telf fir-rikonoxximent għall-organizzazzjonijiet tal-produtturi fis-settur tal-frott u l-ħxejjex fir-reġjuni milqutin, fejn il-valur fil-produzzjoni kkummerċjalizzata tagħhom jinżel taħt il-livell limitu minimu legali.

(6)

Il-kumplessità tas-sitwazzjoni fir-reġjuni milqutin b’riżultat tal-ħsarat lill-produzzjoni tal-frott u l-ħaxix, it-telf konsiderevoli ta’ dħul, u l-instabbiltà finanzjarja tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi fis-settur tal-frott u l-ħaxix fir-reġjuni milqutin, kif ukoll l-inkapaċità biex ikomplu jimplimentaw il-programmi operattivi tagħhom b’mod effiċjenti, jikkostitwixxu problema speċifika fit-tifsira tal-Artikolu 221 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013. Din il-problema speċifika ma tistax tiġi indirizzata b’miżuri meħudin skont l-Artikolu 219 jew 220 ta’ dak ir-Regolament, billi mhijiex marbuta ma’ tfixkil fis-suq eżistenti jew ma’ xi theddida preċiża kurrenti ta’ tali tfixkil. Lanqas ma hija marbuta ma’ miżuri li jiġġieldu t-tixrid tal-mard tal-annimali, jew ma’ telf fil-fiduċja tal-konsumaturi minħabba r-riskji għas-saħħa pubblika, tal-annimali jew tal-pjanti.

(7)

Għaldaqstant, hemm bżonn ta’ miżuri ta’ emerġenza biex itejbu l-aċċess għal fondi mutwi, u jeħtieġ li jiżdiedu l-livelli massimi tal-assistenza finanzjarja tal-Unjoni għall-organizzazzjonijiet tal-produtturi fir-reġjuni milqutin, sabiex il-problema speċifika tiġi solvuta fir-reġjuni milqutin. Tali miżuri se jiżguraw l-istabbiltà finanzjarja tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi fir-reġjuni milqutin, u se jżidu r-reżiljenza u l-kapaċità tagħhom biex ikampaw bil-ħsarat ikkaġunati mill-ispallut kannella rħami tal-Lvant, u biex jimplimentaw aktar miżuri ta’ prevenzjoni ta’ kriżi u miżuri ta’ ġestjoni f’dan ir-rigward.

(8)

L-użu ta’ fondi mutwi bħala miżuri ta’ prevenzjoni ta’ kriżi u ta’ ġestjoni mill-organizzazzjonijiet tal-produtturi fir-reġjuni milqutin, huwa mezz ta’ kif tittaffa l-ħsara lill-produzzjoni tagħhom tal-frott u l-ħaxix, u ta’ kif jittaffa t-telf tad-dħul tagħhom. Għaldaqsant, jenħtieġ li jittejjeb l-aċċess għall-fondi mutwi għall-organizzazzjonijet tal-produtturi fis-settur tal-frott u l-ħaxix fir-reġjuni milqutin. Bħalissa l-assistenza finanzjarja tal-Unjoni tkopri biss il-kostijiet amministrattivi tal-ħolqien ta’ fond mutwu, u tal-rikostituzzjoni ta’ fond mutwu wara l-ħlas tal-kumpens lill-membri produtturi li jġarrbu tnaqqis gravi fid-dħul tagħhom minħabba kundizzjonijiet negattivi tas-suq. Biex tiġi indirizzata l-ħsara kkaġunata mill-ispallut kannella rħami tal-Lvant fir-reġjuni milqutin, l-assistenza finanzjarja tal-Unjoni jenħtieġ li tkopri wkoll il-kapital inizjali tal-fond mutwu. Madankollu, l-assistenza finanzjarja tal-Unjoni għall-kapital inizjali ta’ fond mutwu prevista għal dan il-għan jenħtieġ li tkun iddedikata lill-kumpens għad-dħul mitluf tal-membri produtturi, minħabba l-ħsarat ikkaġunati mill-ispallut kannella rħami tal-Lvant.

(9)

Il-livell massimu ta’ 4,6 % ta’ assistenza finanzjarja tal-Unjoni ddedikata lil miżuri ta’ kriżi u prevenzjoni fi programmi operattivi tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi fis-settur tal-frott u l-ħaxix fir-reġjuni milqutin skont l-Artikolu 34(2) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 jenħtieġ li jiżdied b’0,4 % tal-valur tal-produzzjoni kkummerċjalizzata, sa 5 % tal-valur tal-produzzjoni kkummerċjalizzata, sabiex jittejjeb l-aċċess ta’ dawk l-organizzazzjonijiet tal-prodotturi għall-fondi mutwi u għal miżuri oħra ta’ kriżi u prevenzjoni, kif ukoll biex tissaħħaħ l-istabbiltà finanzjarja tagħhom. Billi l-assoċjazzjonijiet ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi mhumiex ikkonċernati mill-problema speċifika, mhuwiex meħtieġ li jiżdied il-limitu massimu stipulat fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 34(2) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013.

(10)

B’riżultat taż-żieda tal-limitu massimu ta’ 4,6 % b’0,4 %, il-limitu massimu tal-assistenza finanzjarja tal-Unjoni għal miżuri ta’ kriżi u prevenzjoni jenħtieġ li jiżdied sa 0,9 % tal-valur tal-produzzjoni kkummerċjalizzata ta’ dawk l-organizzazzjonijiet tal-produtturi, minflok iż-0,5 % attwali tal-valur tal-produzzjoni kkummerċjalizzata kif stipulat fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 34(2) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013. Dak il-valur addizzjonali ta’ 0,4 % tal-produzzjoni kkummerċjalizzata jenħtieġ li jintuża għal miżuri li jrażżnu lill-ispallut kannella rħami tal-Lvant. Jeħtieġ li tissaħħaħ l-istabbiltà finanzjarja tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi fis-settur tal-frott u l-ħaxix fir-reġjuni milqutin, kif ukoll li tissaħħaħ ir-reżiljenza tagħhom, u li tittejjeb l-kapaċità tagħhom biex jimplimentaw programmi operattivi approvati fis-snin ta’ wara.

(11)

Fid-dawl tal-instabbiltà finanzjarja tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi fis-settur tal-frott u l-ħaxix fir-reġjuni milqutin, u filwaqt li titqies il-ħtieġa li jiġu implimentati miżuri addizzjonali biex irażżnu lill-ispallut kannella rħami tal-Lvant, il-limitu tal-assistenza finanzjarja tal-Unjoni ta’ 50 %, kif imsemmi fl-Artikolu 34(1) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, jenħtieġ li jiżdied sa 60 % għall-miżuri kollha fil-programmi operattivi li jimmiraw l-ispallut kannella rħami tal-Lvant fir-reġjuni milqutin.

(12)

Fid-dawl tal-implimentazzjoni ta’ programmi operattivi skont is-snin kalendarji, u filwaqt li jitqies li l-kalkolu tal-valur tal-produzzjoni kkummerċjalizzata li jiddetermina l-ammont ta’ assistenza finanzjarja tal-Unjoni jibbaża fuq is-sena kalendarju ta’ qabel, jenħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ l-għada tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċċjali tal-Unjoni Ewropea.

(13)

Jenħtieġ li dan ir-Regolament japplika mill-1 ta’ Jannar 2020. Dan huwa meħtieġ billi l-miżuri ta’ emerġenza jikkonċernaw il-livell u l-kamp ta’ applikazzjoni tal-assistenza finanzjarja tal-Unjoni għall-organizzazzjonijiet tal-produtturi milqutin mill-ħsarat lill-produzzjoni ta’ frott u ħaxix ikkaġunati mill-ispallut kannella rħami tal-Lvant. Dawn l-organizzazzjonijiet tal-produtturi jridu jibdew japplikaw dawn il-miżuri fil-programmi operattivi tagħhom minn Jannar 2020 ’il quddiem, sabiex ikunu jistgħu jindirizzaw urġentement il-ħsarat lill-produzzjoni ta’ frott u ħaxix tagħhom ikkaġunati mill-ispallut kannella rħami tal-Lvant, u sabiex jiżguraw il-kontinwità tal-programmi operattivi tagħhom, kif ukoll l-istabbiltà u l-vijabbiltà ekonomika tagħhom diġà fl-2020.

(14)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat tal-Ġestjoni għall-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq Agrikoli u Prodotti Ortikulturali,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Kamp ta’ applikazzjoni

Dan ir-Regolament japplika għall-organizzazzjonijiet tal-produtturi rikonoxxuti li joperaw fir-reġjuni Taljani tal-Emilia-Romagna, tal-Veneto, tat-Trentino-Alto Adige, tal-Lombardia, tal-Piemonte u tal-Friuli-Venezia Giulia, li l-produzzjoni tagħhom ta’ frott u ħaxix fl-2019 intlaqtet mill-ispallut kannella rħami tal-Lvant (Halyomorpha halys).

Artikolu 2

Miżuri ta’ emerġenza biex tissolva l-problema speċifika tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi fir-reġjuni milqutin

1.   L-assistenza finanzjarja tal-Unjoni lil fondi mutwi kif imsemmi fil-punt (d) tal-Artikolu 33(3) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 għandha tkopri wkoll l-appoġġ għall-kapital inizjali tal-fondi mutwi. L-assistenza finanzjarja għandha tkun iddedikata lill-kumpens tal-membri produtturi għad-dħul mitluf minħabba l-ħsarat ikkaġunati lill-produzzjoni ta’ frott u ħaxix mill-ispallut kannella rħami tal-Lvant (Halyomorpha halys) fir-reġjuni msemmija fl-Artikolu 1.

2.   Il-livell massimu ta’ 4,6 % tal-valur tal-produzzjoni kkummerċjalizzata msemmi fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 34(2) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 għandu jiżdied b’0,4 %, u l-ammont korrispondenti għaż-0,4 % addizzjonali għandu jintuża għal miżuri ta’ prevenzjoni u ġestjoni ta’ kriżi, immirati li jindirizzaw il-ħsarat ikkaġunati mill-ispallut kannella rħami tal-Lvant (Halyomorpha halys) fir-reġjuni msemmija fl-Artikolu 1.

3.   Wara talba mill-organizzazzjonijiet tal-produtturi, il-limitu ta’ 50 % ta’ assistenza finanzjarja tal-Unjoni msemmi fl-Artikolu 34(1) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 għandu jiżdied sa 60 % għal miżuri li jimmiraw l-ispallut kannella rħami tal-Lvant (Halyomorpha halys) fi programmi operattivi tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi li joperaw fir-reġjuni msemmija fl-Artikolu 1.

Artikolu 3

Dħul fis-seħħ u d-data tal-applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2020 sal-31 ta’ Diċembru 2020.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-30 ta’ Marzu 2020.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671.

(2)  Ir-Regolament (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ottubru 2016 dwar il-miżuri protettivi kontra pesti tal-pjanti, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 228/2013, (UE) Nru 652/2014 u (UE) Nru 1143/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 69/464/KEE, 74/647/KEE, 93/85/KEE, 98/57/KE, 2000/29/KE, 2006/91/KE u 2007/33/KE (ĠU L 317, 23.11.2016., p. 4).


Top