EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32021R0095

Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2021/95 tat-28 ta’ Jannar 2021 li jemenda r-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/592 dwar miżuri eċċezzjonali temporanji li jidderogaw minn ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill biex jiġi indirizzat it-tfixkil fis-suq fis-settur tal-frott u l-ħxejjex u fis-settur tal-inbid ikkawżat mill-pandemija tal-COVID-19 u l-miżuri marbuta magħha

C/2021/368

ĠU L 31, 29.1.2021, p. 198–200 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2021/95/oj

29.1.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 31/198


IR-REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/95

tat-28 ta’ Jannar 2021

li jemenda r-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/592 dwar miżuri eċċezzjonali temporanji li jidderogaw minn ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill biex jiġi indirizzat it-tfixkil fis-suq fis-settur tal-frott u l-ħxejjex u fis-settur tal-inbid ikkawżat mill-pandemija tal-COVID-19 u l-miżuri marbuta magħha

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 219(1) flimkien mal-Artikolu 228 tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/592 (2) introduċa għadd ta’ derogi għar-regoli eżistenti, fost l-oħrajn fis-settur tal-inbid, bil-għan li jipprovdu ftit nifs lill-produtturi tal-inbid u jgħinuhom ilaħħqu mal-impatt tal-pandemija tal-COVID-19. Madankollu, minkejja l-utilità ta’ dawk il-miżuri, is-suq tal-inbid ma rnexxilux jerġa’ jikseb il-bilanċ tiegħu bejn il-provvista u d-domanda u mhuwiex mistenni li jirkuprah fi żmien qasir jew medju minħabba l-pandemija li għaddejja bħalissa.

(2)

Barra minn hekk, il-miżuri adottati biex tiġi indirizzata l-pandemija tal-COVID-19 qed jitkomplew fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri u madwar id-dinja. Dawk il-miżuri jinkludu l-impożizzjoni ta’ restrizzjonijiet fir-rigward tad-daqs tal-laqgħat u ċ-ċelebrazzjonijiet soċjali, u fir-rigward tal-possibbiltajiet li wieħed jiekol u jixrob barra minn daru. Il-lockdowns għadhom qed jiġu imposti f’ċerti oqsma, flimkien mat-tħassir ta’ avvenimenti pubbliċi u festini privati. L-effett indirett ta’ dawn ir-restrizzjonijiet irriżulta fi tnaqqis ulterjuri fil-konsum tal-inbid fl-Unjoni u fi tnaqqis ikkonfermat fl-esportazzjoni tal-inbid lejn pajjiżi terzi. Barra minn hekk, l-inċertezza dwar id-durata tal-kriżi, li huwa mistenni li se testendi lil hinn mill-aħħar tas-sena 2020, qed tikkawża ħsara fit-tul lis-settur tal-inbid tal-Unjoni peress li l-konsum tal-inbid aktarx mhux se jirkupra u s-swieq tal-esportazzjoni se jintilfu. Din it-taħlita ta’ fatturi qed ikollha impatt negattiv sinifikanti fuq l-ipprezzar fis-suq tal-inbid tal-Unjoni. Il-ħażniet li kienu diġà f’livell rekord fil-bidu tas-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni 2019-2020 żdiedu. Fl-aħħar nett, il-ħsad għoli li jmiss tal-2020, li huwa mistenni li jaqbeż il-ħsad tal-2019 b’madwar 10 miljun ettolitru ta’ nbid, se jservi biss biex ikompli jaggrava s-sitwazzjoni.

(3)

Konsegwentement, minħabba d-durata twila tar-restrizzjonijiet imposti mill-Istati Membri biex jindirizzaw il-pandemija tal-COVID-19 u l-ħtieġa li jinżammu fis-seħħ ir-restrizzjonijiet, it-tfixkil ekonomiku serju fl-iżbokki ewlenin għall-inbid u l-effetti negattivi li jirriżultaw fuq id-domanda għall-inbid huma aggravati.

(4)

Fid-dawl ta’ dan it-tfixkil tas-suq eċċezzjonalment qawwi u tal-akkumulazzjoni ta’ ċirkostanzi diffiċli li s-settur tal-inbid qed jaffaċċja, li għandu l-oriġini tiegħu fl-impożizzjoni mill-Istati Uniti ta’ tariffi fuq l-importazzjonijiet tal-inbejjed tal-Unjoni f’Ottubru 2019 u li issa qed ikompli bit-tneħħija tal-miżuri restrittivi li għaddejjin minħabba l-pandemija dinjija tal-COVID-19, l-operaturi fis-settur tal-inbid tal-Unjoni għadhom qed jiltaqgħu ma’ diffikultajiet eċċezzjonali. Għalhekk hija meħtieġa aktar għajnuna lis-settur tal-inbid.

(5)

L-implimentazzjoni kontinwa tal-miżuri biex tiġi indirizzata l-kriżi u ż-żidiet fil-kontribuzzjoni massima tal-Unjoni introdotti bir-Regolament Delegat (UE) 2020/592 urew li mhumiex biżżejjed biex titjieb is-sitwazzjoni finanzjarja tal-operaturi fis-settur tal-inbid. B’mod partikolari, dawk il-miżuri huma kruċjali biex jitneħħew mis-suq tal-Unjoni kwantitajiet ta’ nbid, li altrimenti jaffettwaw b’mod negattiv il-prezzijiet tas-suq, u biex jitjieb il-fluss tal-flus tal-operaturi permezz ta’ kontribuzzjoni finanzjarja proprja mnaqqsa għall-operazzjonijiet tagħhom. Madankollu, l-implimentazzjoni tar-Regolament Delegat (UE) 2020/592, kif emendat dan l-aħħar bir-Regolament Delegat (UE) 2020/1275 (3), uriet li l-iskadenza attwali tal-15 ta’ Ottubru 2020 stabbilita fl-Artikolu 10 tar-Regolament Delegat (UE) 2020/592, ma tippermettix li l-miżuri kollha meħtieġa jiġu implimentati b’mod effiċjenti mill-Istati Membri u mill-operaturi fis-settur tal-inbid. B’mod partikolari, minħabba s-sitwazzjoni sanitarja instabbli u ż-żmien imprevedibbli tar-restrizzjonijiet nazzjonali differenti imposti biex jikkontrollawha, kien diffiċli għall-Istati Membri biex jippjanaw u jintroduċu miżuri addizzjonali fil-programmi ta’ appoġġ tagħhom fis-settur tal-inbid sabiex l-operaturi jkunu jistgħu jibbenefikaw mill-miżuri u l-finanzjament miżjud sal-iskadenza tal-15 ta’ Ottubru 2020. L-estensjoni ta’ din l-iskadenza sal-15 ta’ Ottubru 2021 tippermetti lill-Istati Membri jintroduċu wħud mill-miżuri lejn tmiem l-istaġun, u tipprovdi lill-operaturi b’possibbiltajiet addizzjonali biex japplikaw għall-appoġġ. Tali estensjoni mhux biss tgħin biex jiġi indirizzat it-tfixkil attwali fis-suq, iżda tikkontribwixxi wkoll għall-prevenzjoni ta’ deterjorament ulterjuri tas-sitwazzjoni peress li l-pandemija tal-COVID-19 hija mistennija li tkompli wara tmiem is-sena 2020, u għalhekk matul parti sinifikanti tas-sena finanzjarja 2021.

(6)

Għalhekk, huwa meqjus neċessarju li l-applikazzjoni tal-miżuri stabbiliti fl-Artikoli 2, 3 u 4 u fl-Artikoli 5a sa 9 tar-Regolament Delegat (UE) 2020/592 tiġi estiża sal-15 ta’ Ottubru 2021.

(7)

Għaldaqstant, jenħtieġ li r-Regolament Delegat (UE) 2020/592 jiġi emendat skont dan.

(8)

Għal raġunijiet imperattivi ta’ urġenza, b’mod partikolari meta wieħed iqis it-tfixkil kontinwu fis-suq, l-effetti qawwija tagħha fuq is-settur tal-inbid tal-Unjoni u l-kontinwazzjoni tagħha u d-deterjorament probabbli tagħha, jeħtieġ li tittieħed azzjoni immedjata u li tiġi żgurata b’mod urġenti l-implimentazzjoni kontinwa tal-miżuri diġà fis-seħħ bil-għan li jittaffew dawk l-effetti negattivi. Il-posponiment ta’ azzjoni immedjata jista’ jkun theddida li tiggrava t-tfixkil fis-suq fis-settur tal-inbid, u dan kieku jkun ta’ detriment għall-kundizzjonijiet tal-produzzjoni u l-kundizzjonijiet tas-suq f’dak is-settur. Fid-dawl ta’ dan, dan ir-Regolament jenħtieġ li jiġi adottat skont il-proċedura ta’ urġenza stabbilita fl-Artikolu 228 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013.

(9)

Fid-dawl tal-ħtieġa li tittieħed azzjoni immedjata, biex jiġi evitat tfixkil fl-implimentazzjoni tal-miżuri li jindirizzaw il-kriżi fis-settur tal-inbid tal-Unjoni u biex tiġi żgurata tranżizzjoni bla xkiel bejn is-sentejn finanzjarji, jenħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u japplika b’mod retroattiv mis-16 ta’ Ottubru 2020,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Emendi għar-Regolament Delegat (UE) 2020/592

Ir-Regolament Delegat (UE) 2020/592 huwa emendat kif ġej:

(1)

L-Artikolu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 2

Derogi mill-Artikolu 43 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013

B’deroga mill-Artikolu 43 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, il-miżuri stabbiliti fl-Artikoli 3 u 4 ta’ dan ir-Regolament jistgħu jiġu ffinanzjati taħt il-programmi ta’ appoġġ għas-settur tal-inbid permezz ta’ ħlasijiet bil-quddiem jew ħlasijiet tul is-snin finanzjarji 2020 u 2021.”;

(2)

fl-Artikolu 7, il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.   B’deroga mill-Artikolu 47(1) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, tul is-snin finanzjarji 2020 u 2021, “ħsad ekoloġiku” tfisser il-qerda jew it-tneħħija totali ta’ għenieqed ta’ għeneb waqt li jkunu għadhom fl-istadju li ma jkunux għadhom saru, fl-azjenda kollha jew f’parti mill-azjenda, diment li l-ħsad ekoloġiku jsir fi rqajja’ sħaħ tal-art.”;

(3)

L-Artikolu 10 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 10

Applikazzjoni tal-kontribuzzjoni tal-Unjoni miżjuda temporanjament

L-Artikoli 5a, 6, 7(2), 8 u 9 għandhom japplikaw għall-operazzjonijiet magħżula mill-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament sa mhux aktar tard mill-15 ta’ Ottubru 2021.”.

Artikolu 2

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mis-16 ta’ Ottubru 2020.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-28 ta’ Jannar 2021.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671.

(2)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/592 tat-30 ta’ April 2020 dwar miżuri eċċezzjonali temporanji li jidderogaw minn ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill biex jiġi indirizzat it-tfixkil fis-suq fis-settur tal-frott u l-ħxejjex u fis-settur tal-inbid ikkawżat mill-pandemija tal-COVID-19 u miżuri marbuta magħha (ĠU L 140, 4.5.2020, p. 6).

(3)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/1275 tas-6 ta’ Lulju 2020 li jemenda r-Regolament Delegat (UE) 2020/592 dwar miżuri eċċezzjonali temporanji li jidderogaw minn ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill biex jiġi indirizzat it-tfixkil fis-suq fis-settur tal-frott u l-ħxejjex u fis-settur tal-inbid ikkawżat mill-pandemija tal-COVID-19 u miżuri marbuta magħha (ĠU L 300, 14.9.2020, p. 26).


Top