Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52008XG1213(02)

    Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-arkittetura: il-kontribut tal-kultura għall-iżvilupp sostenibbli

    ĠU C 319, 13.12.2008, p. 13–14 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    13.12.2008   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    C 319/13


    Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-arkittetura: il-kontribut tal-kultura għall-iżvilupp sostenibbli

    (2008/C 319/05)

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    1.   WAQT LI JIRREFERI:

    għat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea;

    għar-Riżoluzzjoni tal-Kunsill dwar il-kwalità arkitettonika fl-ambjent urban u rurali tat-12 ta' Frar 2001 (1), li tafferma li l-arkitettura hija element fundamentali tal-kultura u l-kwadru tal-ħajja ta' kull wieħed mill-pajjiżi tagħna;

    għall-Konklużjonijiet tal-Kunsill ta' l-24 ta' Mejju 2007 dwar il-kontribut tas-settur kulturali u kreattiv għall-kisba tal-objettivi ta' Lisbona (2), li jissottolinjaw li l-attivitajiet kulturali u l-industriji tal-kreattività, fosthom l-arkitettura, għandhom rwol primordjali biex iħajru l-innovazzjoni u t-teknoloġija u huma l-vetturi essenzjali ta' tkabbir sostenibbli fil-ġejjieni;

    kif ukoll għar-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-16 ta' Novembru 2007 dwar Aġenda Ewropea għall-Kultura (3) li, bħala estensjoni tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni ta' l-10 ta' Mejju 2007 (4), issemmi r-rwol trasversali tal-kultura;

    2.   WAQT LI JINNOTA:

    l-istrateġija ġdida tal-Unjoni Ewropea favur l-iżvilupp sostenibbli (5), adottata mill-Kunsill Ewropew tal-15 u s-16 ta' Ġunju 2006, li l-objettiv ġenerali tagħha huwa li jiġu identifikati u msaħħa l-azzjonijiet li jippermettu lill-UE ttejjeb b'mod kontinwu l-kwalità tal-ħajja tal-ġenerazzjonijiet preżenti u futuri, bil-ħolqien ta' komunitajiet sostenibbli, kapaċi li jimmaniġġaw u jużaw ir-riżorsi b'mod effiċjenti u li jisfruttaw il-potenzjal tal-innovazzjoni ekoloġika u soċjali tal-ekonomija, filwaqt li jiżguraw il-prosperità, il-protezzjoni ambjentali u l-koeżjoni soċjali;

    il-Karta ta' Leipzig dwar il-Bliet Ewropej Sostenibbli tal-Ministri responsabbli mill-iżvilupp urban fl-24 ta' Mejju 2007 (6), li tissottolinja l-importanza tal-kultura arkitettonika u tappella għall-adozzjoni ta' approċċ integrat fil-proċess tal-iżvilupp urban, li jinkludi d-dimensjoni ekonomika, dik soċjali, ekoloġika u kulturali tal-bliet, ibbażata fuq il-kooperazzjoni bejn il-livelli differenti tar-responsabbiltà amministrattiva u politika kif ukoll l-atturi pubbliċi u privati;

    3.   WAQT LI JILQA':

    il-ħidma tal-“Forum Ewropew ta' Politiki Arkitettoniċi” dwar il-kwistjonijiet tal-kwalità arkitettonika u l-iżvilupp sostenibbli;

    4.   JISSOTTOLINJA LI:

    l-arkitettura, dixxiplina ta' kreazzjoni kulturali u innovazzjoni, inkluża dik teknoloġika, tikkostitwixxi eżempju rimarkabbli ta' dak li l-kultura tista' tagħti lill-iżvilupp sostenibbli, b'kont meħud tal-impatt tagħha fuq id-dimensjoni kulturali tal-bliet, iżda wkoll fuq l-ekonomija, il-koeżjoni soċjali u l-ambjent;

    barra minn hekk l-arkitettura hija eżempju tal-karattru trasversali tal-kultura, peress li hija kkonċernata minn diversi politiki pubbliċi, u mhux biss mill-politiki kulturali;

    5.   JIKKUNSIDRA LI:

    il-bliet Ewropej tal-lum jiltaqgħu ma' sfidi kbar: l-evoluzzjonijiet demografiċi u l-konsegwenzi tagħhom f'terminu ta' tqassim urban, il-kwistjonijiet ambjentali u l-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, il-preservazzjoni tal-koeżjoni soċjali, partikolarment f'kuntest ta' tibdil ekonomiku u kulturali, il-protezzjoni u l-valorizzazzjoni tal-patrimonju arkitettoniku u kulturali,

    ir-rispons li għandu jingħata għal dawn l-isfidi jgħaddi mill-iżvilupp urban sostenibbli, approċċ integrat u kreattiv li permezz tiegħu l-kultura, l-ekonomija, il-kwistjonijiet soċjali u l-ambjent ikollhom rwol ta' importanza indaqs,

    l-iżvilupp urban sostenibbli jimplika:

    l-għoti ta' attenzjoni partikolari għall-kwalità u d-diversità arkitettoniċi, komponenti tad-diversità kulturali, għall-preservazzjoni u l-valorizzazzjoni tal-patrimonju, u għall-identità unika tal-pajsaġġi naturali jew urbani,

    il-kontribut għal ġestjoni ta' proġetti li jiffavorixxu l-użu u r-rikonverżjoni tal-art u l-bini, partikolarment is-siti industrijali żdingati, il-kontroll tar-riżorsi enerġetiċi fil-kuntest tal-ġlieda kontra t-tibdl fil-klima u t-tnaqqis tat-tniġġiż,

    li jittieħed kont, permezz ta' approċċi arkitettoniċi u urbanistiċi innovattivi, tal-evoluzzjoni tal-modi ta' għajxien tal-abitanti, partikolarment il-kwistjonijiet ta' mobbiltà u ta' tibdil demografiku, u l-objettivi ta' koeżjoni u ta' taħlit soċjali, ta' djalogu interkulturali u ta' parteċipazzjoni ta' ċittadini,

    il-promozzjoni ta' kreazzjoni arkitettonika ta' kwalità, fattur ta' dinamiżmu ekonomiku u ta' attrazzjoni turistika tal-bliet,

    l-arkitettura għandha rwol ta' sintesi u ta' innovazzjoni fl-implimentazzjoni ta' żvilupp urban sostenibbli, billi tippermetti partikolarment,

    il-konċiljazzjoni tal-ħtiġiet xi kultant diverġenti li huma l-konservazzjoni tal-bini u tal-pajsaġġi u l-kreazzjoni kontemporanjza jew saħansitra l-aspirazzjonijiet leġittimi tal-abitanti u l-użu tat-tqassim urban,

    li jsir kontribut, bid-diversità, il-kwalità u l-kreattività tagħha, għall-arrikkiment kulturali u għall-kwalità tal-ħajja tal-abitanti, kif ukoll għad-dinamiżmu ekonomiku, kummerċjali u turistiku tal-bliet, partikolarment permezz tal-qafas ta' trawwim tal-impriżi żgħar u medji,

    l-iżvilupp urban sostenibbli finalment jirrappreżenta opportunità ta' kreazzjoni, innovazzjoni, tiġdid tal-iskritturi arkitettoniċi u ta' adozzjoni u interpretazzjoni mill-ġdid tal-prattiki tradizzjonali,

    6.   WAQT LI JINNOTA B'INTERESS:

    l-inizjattivi ta' bosta bliet Ewropej, partikolarment fil-qafas tal-“Kapitali Ewropej tal-Kultura”, li jimmiraw biex il-kultura, u b'mod partikolari l-arkitettura, ssir strument ewlieni tar-reġenerazzjoni tagħhom,

    it-tfaċċar ta'“bliet kreattivi”, li l-iżvilupp urban sostenibbli tagħhom huwa bbażat fuq fatturi ġodda ta' kompetittività, fosthom il-kwalità tal-infrastruttura urbana u l-interazzjoni bejn il-kultura u l-industrija,

    7.   JISTIEDNU LILL-ISTATI MEMBRI U LILL-KUMMISSJONI, FIL-QAFAS TAL-KOMPETENZI RISPETTIVI TAGĦHOM U FIR-RISPETT TAL-PRINĊIPJU TAS-SUSSIDJARJETÀ, BIEX:

    jieħdu kont tal-arkitettura u l-karatteristiċi tagħha, partikolarment id-dimensjoni kulturali tagħha, fil-politiki kollha pertinenti, l-aktar il-politiki ta' riċerka, ta' koeżjoni ekonomika u soċjali, ta' żvilupp sostenibbli u ta' edukazzjoni,

    jiżviluppaw, fir-rigward tal-arkitettura, lil hinn min-normi tekniċi, approċċ f'termini ta' objettivi globali, ekonomiċi, soċjali, kulturali u ambjentali,

    jippromwovu l-innovazzjoni u l-esperimentazzjoni relatati mal-iżvilupp sostenibbli fil-kamp tal-arkitettura, l-urbaniżmu u l-pajsaġġ, partikolarment fil-qafas tal-linji politiċi u l-programmi Ewropej jew fl-okkażjoni ta' kummissjonijiet pubbliċi,

    itejbu l-għarfien, partikolarment dak dwar l-istatistika, tas-settur tal-arkitettura u tal-kontribut tiegħu għall-iżvilupp sostenibbli,

    iqajmu kuxjenza mal-pubbliku dwar ir-rwol tal-arkitettura u l-urbaniżmu fil-ħolqien ta' qafas ta' kwalità tal-ħajja u jippromwovu l-involviment tiegħu fl-iżvilupp urban sostenibbli,

    jeżaminaw il-fattibbiltà, f'kooperazzjoni mal-professjonisti u fir-rigward tal-esperjenza ta' numru ta' Stati Membri, partikolarment rigward l-esperjenza ta' numru ta' Stati Membri, ta' “avveniment ċentrali” annwali Ewropej iddedikat għall-arkitettura,

    jiżguraw flimkien is-segwitu tal-konklużjonijiet attwali u jwettqu l-bilanċ tal-implimentazzjoni tagħhom minn issa sal-2012,

    8.   JISTIEDEN LILL-ISTATI MEMBRI BIEX:

    jistinkaw biex l-arkitettura jkollha rwol ta' sintesi u ta' innovazzjoni fil-proċess ta' żvilupp sostenibbli u, dan, mill-fażi ta' konċepiment ta' proġett arkitettoniku, urbanistiku jew pajsaġġist jew ta' riabilitazzjoni ta' sit,

    jikkontribwixxu għall-iżvilupp tal-potenzjal ta' tkabbir ekonomiku u tal-impjiegi tal-arkitettura, industrija kulturali u kreattiva,

    jippromwovu l-edukazzjoni għall-arkitettura, inkluż għall-patrimonju, u għal kwadru ta' ħajja, partikolarment permezz tal-edukazzjoni artistika u kulturali,

    jippromwovu t-taħriġ inizjali u kontinwu tal-periti, tal-urbanisti u l-pajsaġġisti fil-qasam tal-iżvilupp sostenibbli,

    jagħtu attenzjoni għall-arkitettura fil-qafas tal-implimentazzjoni tas-“Sena Ewropea tal-Kreattività u l-Innovazzjoni (2009)”,

    jirrikorru, jekk meħtieġ, għall-metodu miftuħ ta' koordinazzjoni “kultura”,

    9.   JISTIEDEN LILL-KUMMISSJONI BIEX:

    tieħu kont tal-arkitettura fit-tħejjija tal-Green Paper tagħha dwar l-industriji kulturali u kreattivi,

    tassoċja n-netwerks ta' esperti u professjonisti tas-setturi pubbliċi u privati tal-arkitettura, bħal pereżempju l-“Forum Ewropew tal-Politiki Arkitettoniċi”, għall-ħidma u l-konsultazzjoni dwar il-kwistjonijiet u/jew is-suġġetti li jkunu jinvolvu l-arkitettura,

    tħeġġeġ, f'kooperazzjoni ma' dawn in-netwerks u n-netwerk Ewropew tal-iskejjel tal-arkitettura,

    l-informazzjoni u l-iskambju ta' prattiki tajbin u l-ħidma ta' riċerka bejn il-periti, is-sidien kontraenti u l-utenti,

    it-taħriġ ta' professjonisti żgħażagħ tal-arkitettura, l-urbaniżmu u l-pajsaġġ fil-qasam tal-iżvilupp sostenibbli, il-valorizzazzjoni tal-ħidma tagħhom, kif ukoll l-aċċess tagħhom għall-kummissjoni pubblika jew privata.


    (1)  ĠU C 73, 6.3.2001, p. 6.

    (2)  ĠU C 311, 21.12.2007, p. 7.

    (3)  ĠU C 143, 10.6.2008, p. 9.

    (4)  9496/07 u ADD 1.

    (5)  10117/06.

    (6)  http://www.eu2007.de/en/News/download_docs/Mai/0524-AN/075DokumentLeipzigCharta.pdf


    Top