Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32012R0967

    Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 967/2012 tad- 9 ta’ Ottubru 2012 li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 282/2011 fir-rigward ta’ skemi speċjali għal persuni taxxabbli li mhumiex stabbiliti li huma fornituri ta’ servizzi ta’ telekomunikazzjonijiet, ta’ servizzi ta’ xandir jew servizzi elettroniċi lil persuni mhux taxxabbli

    ĠU L 290, 20.10.2012, p. 1–7 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2012/967/oj

    20.10.2012   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 290/1


    REGOLAMENT TAL-KUNSILL (UE) Nru 967/2012

    tad-9 ta’ Ottubru 2012

    li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 282/2011 fir-rigward ta’ skemi speċjali għal persuni taxxabbli li mhumiex stabbiliti li huma fornituri ta’ servizzi ta’ telekomunikazzjonijiet, ta’ servizzi ta’ xandir jew servizzi elettroniċi lil persuni mhux taxxabbli

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 397 tagħha,

    Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Europea,

    Billi:

    (1)

    Id-Direttiva 2006/112/KE tipprovdi li mill-1 ta’ Jannar 2015, it-telekomunikazzjoni, xandir u servizzi elettroniċi kollha għandhom jiġu ntaxxati fl-Istat Membru fejn huwa stabbilit il-klijent, jew għandu l-indirizz permanenti jew ir-residenza tas-soltu tiegħu (minn hawn ‘il quddiem “l-Istat Membru tal-konsum”) irrispettivament minn fejn il-persuna taxxabbli li tforni dawk is-servizzi hija stabbilita.

    (2)

    Sabiex tiġi ffaċilitata l-konformità mal-obbligi fiskali fejn dawn is-servizzi jiġu fornuti lil persuni mhux taxxabbli, twaqqfet skema speċjali għal persuni taxxabbli stabbiliti fil-Komunità iżda mhux fl-Istat Membru fejn is-servizzi huma fornuti (minn hawn ‘il quddiem “l-iskema tal-Unjoni”). L-iskema speċjali l-oħra, applikabbli għal persuni taxxabbli mhux stabbiliti fil-Komunità (minn hawn ‘il quddiem “skema mhux tal-Unjoni”) attwalment fis-seħħ, ġiet estiża biex tkopri dawk is-servizzi kollha. Dan ser jippermetti lil persuni taxxabbli mhux stabbiliti biex jinnominaw Stat Membru ta’ identifikazzjoni bħala punt uniku ta’ kuntatt elettroniku għall-identifikazzjoni tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) u d-dikjarazzjonijiet tal-VAT.

    (3)

    Persuna taxxabbli bi stabbilimenti f’aktar minn Stat Membru wieħed għandha, taħt l-iskema tal-Unjoni, tkun tista’ tinnomina kwalunkwe wieħed mill-Istati Membri kkonċernati bħala l-Istat Membru ta’ identifikazzjoni, ħlief jekk ikollha l-post tan-negozju tagħha fil-Komunità. F’dak il-każ l-Istat Membru ta’ identifikazzjoni huwa dak fejn il-persuna taxxabbli għandha n-negozju tagħha.

    (4)

    Sabiex jiġu evitati piżijiet sproporzjonati għall-persuni taxxabbli li jużaw l-iskema tal-Unjoni, għandu jiġi ċċarat kif tista’ ssir bidla fl-Istat Membru ta’ identifikazzjoni meta l-persuna taxxabbli tibdel l-istabbiliment fiss jew l-istabbiliment tan-negozju tagħha b’tali mod li l-bidla fl-Istat Membru ta’ identifikazzjoni tkun meħtieġa sabiex hija tkompli tuża l-iskema.

    (5)

    It-telekomunikazzjoni, ix-xandir u s-servizzi elettroniċi fornuti fi Stati Membri fejn persuna taxxabbli stabbilixxiet in-negozju tagħha jew għandha stabbiliment fiss m’huma koperti mill-ebda waħda mill-iskemi speċjali. Għandu jkun ċar li dawn il-fornimenti għandhom jiġu ddikjarati direttament lill-Istat Membru kkonċernat.

    (6)

    Peress li ż-żewġ skemi speċjali huma fakultattivi, persuna taxxabbli mhux stabbilita tista’ tiddeċiedi fi kwalunkwe mument li tieqaf tużahom. Huwa meħtieġ li jiġi ċċarat meta tali deċiżjonijiet jieħdu effett.

    (7)

    Madankollu, sabiex jiġi evitat piż żejjed għall-awtoritajiet tat-taxxa, persuna taxxabbli li tiddeċiedi li tieqaf tuża waħda mill-iskemi speċjali għandha, għal ċertu perijodu, tiġi rrifjutata d-dħul mill-ġdid f’dik l-iskema.

    (8)

    Biex iżomm id-dettalji tar-reġistrazzjoni fil-bażijiet ta’ dejta tagħhom aġġornati, l-Istat Membru ta’ identifikazzjoni jistrieħ fuq l-informazzjoni li tasal mingħand il-persuna taxxabbli. Sabiex ikun żgurat li l-bażijiet ta’ dejta jiġu aġġornati mingħajr dewmien, huwa meħtieġ li jiġi stabbilit limitu ta’ żmien li fih il-persuna taxxabbli li qed tuża l-iskemi speċjali għandha tikkomunika kwalunkwe informazzjoni rilevanti dwar waqfien jew bidla fl-attivitajiet u dwar bidliet għal kwalunkwe informazzjoni rilevanti diġà pprovduta.

    (9)

    Jeħtieġ li jiġu allokat numru ta’ identifikazzjoni tal-VAT għal persuna taxxabbli mhux stabbilita li trid tagħmel użu mill-iskemi speċjali. Sabiex jiġi evitat l-użu retroattiv mhux intenzjonat minn persuni taxxabbli li huma diġà identifikati għall-finijiet tal-VAT, huwa meħtieġ li jiġi ċċarat minn liema mument għandhom japplikaw l-iskemi speċjali.

    (10)

    Sabiex jiġi evitat id-dubju dwar liema Stat Membru għandu l-ġurisdizzjoni, l-Istat Membru li jista’ jeskludi persuna taxxabbli milli tuża skema speċjali għandu jkun speċifikat. Iċ-ċirkostanzi li fihom dak l-Istat Membru għandu jieħu d-deċiżjoni tiegħu dwar l-esklużjoni għandhom ikunu speċifikati wkoll, kif ukoll minn liema mument dik id-Deċiżjoni tieħu effett.

    (11)

    Il-kunċett tal-waqfien ta’ persuna taxxabbli mhux stabbilita minn attivitajiet eliġibbli għal waħda mill-iskemi speċjali għandu jiġi ċċarat, bħalma għandu jiġi ċċarat ukoll il-kunċett ta’ nuqqas persistenti min-naħa ta’ persuna taxxabbli mhux stabbilita.

    (12)

    Sabiex tiġi promossal-konformità u jiġi evitat piż mhux meħtieġ għall-awtoritajiet tat-taxxa, persuna taxxabbli li hija eskluża minn waħda mill-iskemi speċjali minħabba nuqqas persistenti, għandha, għal ċertu perijodu, tiġi rrifjutata d-dħul fi kwalunkwe waħda mill-iskemi speċjali.

    (13)

    Għandu jiġi ċċarat li fejn persuna taxxabbli ttemm l-użu ta’ waħda mill-iskemi speċjali, hija eskluża minn waħda mill-iskemi speċjali, jew tibdel l-Istat Membru ta’ identifikazzjoni, l-obbligi fiskali kollha rigward il-perijodi ta’ dikjarazzjoni qabel dak it-tmiem, esklużjoni jew bidla għandhom jinħelsu mal-Istat Membru li kien l-Istat Membru ta’ identifikazzjoni qabel it-tmiem, esklużjoni jew bidla.

    (14)

    Kull perijodu ta’ dikjarazzjoni għandu jiġi ttrattat separatament sabiex jiġi ffaċilitat il-kontroll mill-Istati Membri tal-konsum u l-emendi għandhom isiru biss għad-dikjarazzjoni tal-VAT ikkonċernata.

    (15)

    Huwa xieraq, għal raġunijiet ta’ kontroll, li jkun rikjest minn persuni taxxabbli mhux stabbiliti li jissottomettu dikjarazzjonijiet tal-VAT lill-Istati Membri ta’ identifikazzjoni, anke fejn ma ġew fornuti ebda servizzi matul il-perijodu tad-dikjarazzjoni. Għandu jiġi ċċarat li l-ammont eżatt ta’ VAT irid jitniżżel mingħajr ebda tqarrib ‘il fuq jew ‘l isfel.

    (16)

    Huwa neċessarju, fir-rigward ta’ emendi għad-dikjarazzjonijiet tal-VAT, li jiġi stabbilit limitu ta’ żmien li fih id-dikjarazzjonijiet jistgħu jiġu sottomessi elettronikament lill-Istat Membru ta’ identifikazzjoni. L-Istati Membri tal-konsum għandhom, fi kwalunkwe każ, ikunu jistgħu jaċċettaw jew jitolbu l-informazzjoni rilevanti direttament mingħand il-persuna taxxabbli u jipproċessaw il-valutazzjonijiet tal-VAT skont ir-regoli nazzjonali tagħhom.

    (17)

    Fejn l-Istat Membru ta’ identifikazzjoni ma jkollux l-euro bħala l-munita tiegħu, il-persuni taxxabbli mhux stabbiliti għandhom ikunu marbuta bid-deċiżjoni ta’ dak l-Istat Membru fir-rigward tal-munita li d-dikjarazzjoni kollha tal-VAT taħt l-iskemi speċjali għandhom isiru fiha.

    (18)

    Mingħajr ma jiġu affettwati r-regoli nazzjonali tal-Istati Membri ta’ konsum dwar il-kumpens għal ħlasi żejda u għall-fini uniku li tiġi żgurata amministrazzjoni effiċjenti tal-iskemi speċjali mill-Istat Membru ta’ identifikazzjoni u li jiġi evitat piz amministrattiv eċċessiv kemm fuq dak l-Istat Membru kif ukoll l-Istati Membri ta’ konsum, għandu jiġi żgurat li l-persuni taxxabbli ma jkunux jistgħu jallokaw ammonti ta’ VAT imħallas lil aktar minn dikjarazzjoni waħda, kemm jekk mill-bidu jew permezz ta’ aġġustament sussegwenti.

    (19)

    Fil-każ ta’ nuqqas ta’ ħlas, ħlas insuffiċjenti jew ħlas żejjed magħmul minn persuni taxxabbli mhux stabbiliti u fir-rigward tal-imgħax, pieni u spejjeż inċidentali oħra, huwa importanti li jiġu speċifikati l-obbligi rispettivi tal-Istat Membru ta’ identifikazzjoni u l-Istati Membri tal-konsum sabiex jiġi iffaċilitat il-ġbir tal-VAT u jiġi żgurat li jitħallas l-ammont dovut fir-rigward tas-servizzi fornuti taħt l-iskemi speċjali.

    (20)

    Ir-reġistri miżmuma mill-persuni taxxabbli mhux stabbiliti jeħtiġilhom ikunu ddettaljati biżżejjed biex jippermettu lill-awtoritajiet tat-taxxa tal-Istat Membru tal-konsum jivverifikaw jekk id-dikjarazzjoni tal-VAT hix korretta. Għalhekk ghandu jkun speċifikat liema informazzjoni, bħala minimu, hi meħtieġa li tinżamm f’dawn ir-reġistri.

    (21)

    Biex jiffaċilita l-implimentazzjoni tal-iskemi speċjali u bil-ħsieb li jippermettu li servizzi fornuti mill-1 ta’ Jannar 2015 ikunu koperti minn dawk l-iskemi, għandu jkun possibbli għal persuni taxxabbli mhux stabbiliti li jippreżentaw id-dettalji tar-reġistrazzjoni tagħhom lill-Istat Membru nnominat minnhom bħala Stat Membru ta’ identifikazzjoni mill-1 ta’ Ottubru 2014.

    (22)

    Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 282/2011 (2) għandu jiġi emendat skont dan,

    ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 282/2011, it-Taqsima 2 tal-Kapitolu XI tinbidel b’dan li ġej:

    TAQSIMA 2

    Skemi speċjali għal persuni taxxabbli mhux stabbiliti li huma fornituri tas-servizzi ta’ telekomunikazzjonijiet, servizzi ta’ xandir jew servizzi elettroniċi lil persuni mhux taxxabbli (l-Artikoli 358 sa 369k tad-Direttiva 2006/112/KE)

    Sottotaqsima 1

    Definizzjoijiet

    Artikolu 57a

    Għall-finijiet ta’ din it-Taqsima, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

    (1)

    ‘skema mhux tal-Unjoni’ tfisser l-iskema speċjali għal servizzi ta’ telekomunikazzjoni, servizzi ta’ xandir jew servizzi elettroniċi fornuti minn persuni taxxabbli li mhumiex stabbiliti fil-Komunità previsti fit-Taqsima 2 tal-Kapitolu 6 tat-Titolu XII tad-Direttiva 2006/112/KE;

    (2)

    ‘skema tal-Unjoni’ tfisser l-iskema speċjali għal servizzi ta’ telekomunikazzjoni, servizzi ta’ xandir jew servizzi elettroniċi fornuti minn persuni taxxabbli stabbiliti fil-Komunità iżda mhux stabbilita fl-Istat Membru tal-konsum previst fit-Taqsima 3 tal-Kapitolu 6 tat-Titolu XII tad-Direttiva 2006/112/KE;

    (3)

    ‘skema speċjali’ tfisser ‘l-iskema mhux tal-Unjoni’ u/jew ‘l-iskema tal-Unjoni’ skont kif jirrikjedi l-kuntest;

    (4)

    ‘persuna taxxabbli’ tfisser persuna taxxabbli mhux stabbilita fil-Komunità kif definit fil-punt (1) tal-Artikolu 358a tad-Direttiva 2006/112/KE jew persuna taxxabbli mhux stabbilita fl-Istat Membru tal-konsum kif definit fil-punt (1) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 369a ta’ dik id-Direttiva.

    Sottotaqsima 2

    Applikazzjoni tal-iskema tal-Unjoni

    Artikolu 57b

    Meta persuna taxxabbli li tuża l-iskema tal-Unjoni tkun stabbilixxiet in-negozju tagħha fil-Komunità, l-Istat Membru fejn huwa stabbilit il-post tan-negozju għandu jkun l-Istat Membru ta’ identifikazzjoni.

    Meta persuna taxxabbli li tuża l-iskema tal-Unjoni tkun stabbilixxiet in-negozju tagħha barra mill-Komunità iżda jkollha aktar minn stabbiliment wieħed fiss fil-Komunità, hija tista’ tagħżel kwalunkwe Stat Membru fejn ikollha stabbiliment fiss bħala l-Istat Membru ta’ identifikazzjoni, f’konformità mat-tieni paragrafu tal-Artikolu 369a tad-Direttiva 2006/112/KE.

    Sottotaqsima 3

    Kamp ta’ applikazzjoni tal-iskema tal-Unjoni

    Artikolu 57c

    L-iskema tal-Unjoni ma tapplikax għal servizzi ta’ telekomunikazzjoni, ta’ xandir jew servizzi elettroniċi fornuti fi Stat Membru fejn il-persuna taxxabbli stabbilixxiet in-negozju tagħha jew għandha stabbiliment fiss. Il-fornimenti ta’ dawk is-servizzi għandhom jiġu ddikjarati lill-awtoritajiet tat-taxxa kompetenti ta’ dak l-Istat Membru f’dikjarazzjoni tal-VAT kif previst fl-Artikolu 250 tad-Direttiva 2006/112/KE.

    Sottotaqsima 4

    Identifikazzjoni

    Artikolu 57d

    Meta persuna taxxabbli tinforma lill-Istat Membru ta’ identifikazzjoni li hija għandha l-intenzjoni tuża waħda mill-iskemi speċjali, dik l-iskema speċjali għandha tapplika mill-ewwel jum tat-trimestru sussegwenti.

    Madankollu, meta jseħħ l-ewwel forniment ta’ servizzi li għandhom ikunu koperti b’dik l-iskema speċjali qabel id-data msemmija fl-ewwel paragrafu, l-iskema speċjali għandha tibda tapplika mid-data ta’ dak l-ewwel forniment, dment li l-persuna taxxabbli tinforma lill-Istat Membru ta’ identifikazzjoni dwar il-bidu tal-attivitajiet tagħha li għandhom ikunu koperti mill-iskema mhux aktar tard mill-għaxar jum tax-xahar wara dak l-ewwel forniment.

    Artikolu 57e

    L-Istat Membru ta’ identifikazzjoni għandu jidentifika l-persuna taxxabbli li tuża l-iskema tal-Unjoni permezz tan-numru ta’ identifikazzjoni tagħha tal-VAT kif imsemmi fl-Artikoli 214 u 215 tad-Direttiva 2006/112/KE.

    Artikolu 57f

    1.   Meta persuna taxxabbli li tuża l-iskema tal-Unjoni ma tibqax tissodisfa l-kondizzjonijiet tad-definizzjoni stipulata fil-punt (2) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 369a tad-Direttiva 2006/112/KE, l-Istat Membru li fih hija ġiet identifikata ma għandux jibqa’ l-Istat Membru ta’ identifikazzjoni. Meta dik il-persuna taxxabbli tkun għadha tissodisfa l-kondizzjonijiet biex tuża dik l-iskema speċjali, hija għandha, biex tkompli tuża dik l-iskema, tindika bħala l-Istat Membru ta’ identifikazzjoni l-ġdid l-Istat Membru ieħor li fih tkun stabbilixxiet in-negozju tagħha jew, jekk hija ma tkunx stabbilixxiet in-negozju tagħha fil-Komunità, Stat Membru li fih hija għandha stabbiliment fiss.

    2.   Fejn l-Istat Membru ta’ identifikazzjoni jinbidel f’konformità mal-paragrafu 1, dik il-bidla għandha tapplika mid-data li fiha l-persuna taxxabbli ma tibqax ikollha stabbiliment ta’ negozju jew stabbiliment fiss fl-Istat Membru li qabel kien indikat bħala l-Istat Membru ta’ identifikazzjoni.

    Artikolu 57g

    Persuna taxxabbli li tuża skema speċjali tista’ ttemm l-użu ta’ dik l-iskema speċjali anke jekk hija tkompli tipprovdi servizzi li jistgħu jkunu eliġibbli għal dik l-iskema speċjali. Il-persuna taxxabbli għandha tinforma lill-Istat Membru ta’ identifikazzjoni mill-inqas 15-il jum qabel tmiem it-trimestru qabel dak li fih hija biħsiebha tieqaf tuża l-iskema. It-tmiem għandu jkun effettiv mill-ewwel jum tat-trimestru li jmiss.

    L-obbligi tal-VAT relatati mal-fornimenti ta’ servizzi ta’ telekomunikazzjoni, ta’ xandir jew servizzi elettroniċi li jirriżultaw wara d-data meta t-tmiem sar effettiv għandhom jinħelsu direttament mal-awtoritajiet fiskali tal-Istat Membru tal-konsum ikkonċernat.

    Meta persuna taxxabbli ttemm l-użu ta’ skema speċjali, f’konformità mal-ewwel paragrafu, din tkun eskluża milli tuża dik l-iskema fi kwalunkwe Stat Membru għal żewġ trimestri mid-data tat-tmiem.

    Sottotaqsima 5

    Obbligi ta’ rapportar

    Artikolu 57h

    1.   Persuna taxxabbli għandha, mhux aktar tard mill-għaxar jum tax-xahar ta’ wara, tinforma lill-Istat Membru ta’ identifikazzjoni b’mezzi elettroniċi dwar:

    waqfien tal-attivitajiet tagħha koperti minn skema speċjali;

    kwalunkwe bidla tal-attivitajiet tagħha koperti minn skema speċjali b’tali mod li hija ma tibqax tissodisfa l-kondizzjonijiet meħtieġa biex tuża dik l-iskema speċjali; u

    kwalunkwe bidla tal-informazzjoni pprovduta preċedentement lill-Istat Membru ta’ identifikazzjoni.

    2.   Meta l-Istat Membru ta’ identifikazzjoni jinbidel f’konformità mal-Artikolu 57f, il-persuna taxxabbli għandha tinforma liż-żewġ Stati Membri rilevanti bil-bidla mhux aktar tard mill-għaxar jum tax-xahar wara l-bidla tal-istabbiliment. Hija għandha tikkomunika lill-Istat Membru ta’ identifikazzjoni l-ġdid id-dettalji tar-reġistrazzjoni kif meħtieġ meta persuna taxxabbli tagħmel użu minn skema speċjali għall-ewwel darba.

    Sottotaqsima 6

    Esklużjoni

    Artikolu 58

    Meta tal-anqas wieħed mill-kriterji għall-esklużjoni stabbiliti fl-Artikoli 363 jew 369e tad-Direttiva 2006/112/KE japplika għal persuna taxxabbli li tuża waħda mill-iskemi speċjali, l-Istat Membru ta’ identifikazzjoni għandu jeskludi lil dik il-persuna taxxabbli minn dik l-iskema.

    L-Istat Membru ta’ identifikazzjoni biss jista’ jeskludi persuna taxxabbli milli tuża waħda mill-iskemi speċjali.

    L-Istat Membru ta’ identifikazzjoni għandu jibbaża d-deċiżjoni tiegħu dwar l-esklużjoni fuq kwalunkwe informazzjoni disponibbli, inkluża l-informazzjoni pprovduta minn kwalunkwe Stat Membru ieħor.

    L-esklużjoni għandha tkun effettiva mill-ewwel jum tat-trimestru wara l-jum meta d-deċiżjoni dwar l-esklużjoni tkun intbagħtet b’mezzi elettroniċi lill-persuna taxxabbli.

    Madanakollu meta l-esklużjoni tkun dovuta għal bidla fil-post tan-negozju jew tal-istabbilitment fiss, l-esklużjoni għandha tkun effettiva mid-data ta’ dik il-bidla.

    Artikolu 58a

    Persuna taxxabbli li tuża skema speċjali li, għal perijodu ta’ tmien trimestri konsekuttivi, ma tkun għamlet ebda forniment ta’ servizzi koperti minn dik l-iskema fl-ebda Stat Membru tal-konsum, għandha tkun preżunta li waqfet mill-attivitajiet taxxabbli tagħha skont it-tifsira tal-punt (b) tal-Artikolu 363 jew il-punt (b) tal-Artikolu 369e tad-Direttiva 2006/112/KE rispettivament. Dan il-waqfien ma jipprekludix lill-persuna milli tuża skema speċjali jekk terġa’ tibda l-attivitajiet tagħha koperti minn kwalunkwe skema.

    Artikolu 58b

    1.   Meta persuna taxxabbli hija eskluża minn waħda mill-iskemi speċjali għal nuqqas persistenti ta’ konformità mar-regoli dwar dik l-iskema, dik il-persuna taxxabbli tibqa’ eskluża milli tuża kwalunkwe waħda minn dawk l-iskemi fi kwalunkwe Stat Membru għal tmien trimestri wara t-trimestru li matulu l-persuna taxxabbli tkun ġiet eskluża.

    2.   Persuna taxxabbli għandha titqies li b’mod persistenti ma kkonformatx mar-regoli relatati ma’ waħda mill-iskemi speċjali, skont it-tifsira tal-punt (d) tal-Artikolu 363 jew il-punt (d) tal-Artikolu 369e tad-Direttiva 2006/112/KE, mill-inqas fil-każijiet li ġejjin:

    (a)

    fejn tfakkiriet skont l-Artikolu 60a inħarġu għaliha mill-Istat Membru ta’ identifikazzjoni, għal tliet trimestri immedjatament preċedenti u d-dikjarazzjoni tal-VAT ma tkunx ġiet ippreżentata għal kull wieħed minn dawn it-trimestri fi żmien għaxart ijiem wara li t-tfakkira tkun inbagħtet;

    (b)

    fejn it-tfakkiriet skont l-Artikolu 63a jkunu inħarġu għaliha mill-Istat Membru ta’ identifikazzjoni, għal tliet trimestri immedjatament preċedenti u l-ammont sħiħ tal-VAT iddikjarat ma jkunx ġie mħallas minnha għal kull wieħed minn dawn it-trimestri fi żmien għaxart ijiem wara li tkun inbagħtet it-tfakkira, ħlief fejn l-ammont mhux imħallas li jibqa’ hu anqas minn EUR 100 għal kull trimestru;

    (c)

    meta wara talba mill-Istat Membru ta’ identifikazzjoni jew l-Istat Membru ta’ konsum u xahar wara tfakkira sussegwenti mill-Istat Membru ta’ identifikazzjoni, tkun naqset li tagħmel disponibbli elettronikament ir-reġistri msemmijin fl-Artikoli 369 u 369k tad-Direttiva 2006/112/KE.

    Artikolu 58c

    Persuna taxxabbli li tkun ġiet eskluża minn waħda mill-iskemi speċjali għandha twettaq l-obbligi kollha tal-VAT relatati ma’ fornimenti ta’ servizzi ta’ telekomunikazzjoni, ta’ xandir jew servizzi elettroniċi li jirriżultaw wara d-data meta l-esklużjoni ssir effettiva direttament mal-awtoritajiet fiskali tal-Istat Membru tal-konsum ikkonċernat.

    Sottotaqsima 7

    Dikjarazzjoni tal-VAT

    Artikolu 59

    1.   Kwalunkwe perijodu ta’ dikjarazzjoni fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 364 jew l-Artikolu 369f tad-Direttiva 2006/112/KE jkun perijodu ta’ dikjarazzjoni separat.

    2.   Meta, f’konformità mat-tieni paragrafu tal-Artikolu 57d, skema speċjali tapplika mid-data tal-ewwel forniment, il-persuna taxxabbli għandha tissottometti dikjarazzjoni tal-VAT separata għat-trimestru li matulu jkun seħħ l-ewwel forniment.

    3.   Meta persuna taxxabbli tkun ġiet irreġistrata taħt kull waħda mill-iskemi speċjali waqt xi perijodu ta’ dikjarazzjoni, hija għandha tissottometti dikjarazzjonijiet tal-VAT u tagħmel il-ħlasijiet korrispondenti lill-Istat Membru ta’ identifikazzjoni għal kull waħda miż-żewġ skemi fir-rigward tal-fornimenti li seħħew u l-perijodi koperti minn dik l-iskema.

    4.   Fejn jinbidel l-Istat Membru ta’ identifikazzjoni skont l-Artikolu 57f wara l-ewwel jum tat-trimestru inkwistjoni, il-persuna taxxabbli għandha tissottometti d-dikjarazzjonijiet tal-VAT u tagħmel il-ħlasijiet korrispondenti kemm lill-Istat Membru ta’ identifikazzjoni ta’ qabel kif ukoll lill-ġdid li jkopru l-fornimenti li saru matul il-perijodi rispettivi li fihom l-Istati Membri kienu Stat Membru ta’ identifikazzjoni.

    Artikolu 59a

    Fejn persuna taxxabbli li qed tuża skema speċjali ma pprovdiet l-ebda servizzi fl-ebda Stat Membru ta’ konsum taħt dik l-iskema speċjali matul perijodu ta’ dikjarazzjoni, hija għandha tippreżenta dikjarazzjoni tal-VAT li tindika li ma saru l-ebda fornimenti matul dak il-perijodu (dikjarazzjoni tal-VAT b’valur żero).

    Artikolu 60

    Ammonti fuq id-dikjarazzjoni tal-VAT skont l-iskemi speċjali ma għandhomx jitqarrbu ‘l fuq jew ‘l isfel sal-eqreb unità monetarja sħiħa. L-ammont eżatt tat-taxxa tal-VAT għandu jiġi rapportat u mħallas.

    Artikolu 60a

    L-Istat Membru ta’ identifikazzjoni għandu jfakkar, b’mezzi elettroniċi, lill-persuni taxxabbli li naqsu milli jissottomettu dikjarazzjoni tal-VAT skont l-Artikolu 364 jew l-Artikolu 369f tad-Direttiva 2006/112/KE, dwar l-obbligu tagħhom li jissottomettu tali dikjarazzjoni. L-Istat Membru ta’ identifikazzjoni għandu joħroġ it-tfakkira fl-għaxar jum wara dak li fih kellha tiġi sottomessa d-dikjarazzjoni, u għandu jinforma b’mezzi elettroniċi lill-Istati Membri l-oħrajn li t-tfakkira nħarġet.

    Kwalunkwe tfakkira u pass sussegwenti li jittieħdu biex tiġi vvalutata u biex tinġabar il-VAT ikunu r-responsabbiltà tal-Istat Membru tal-konsum ikkonċernat.

    Minkejja kwalunkwe tfakkira li tkun inħarġet, u kwalunkwe passi meħuda, minn Stat Membru tal-konsum, il-persuna taxxabbli għandha tissottometti d-dikjarazzjoni tal-VAT lill-Istat Membru ta’ identifikazzjoni.

    Artikolu 61

    1.   Bidliet fiċ-ċifri li jinsabu f’dikjarazzjoni tal-VAT, wara li tiġi sottomessa, għandhom isiru biss permezz ta’ emendi għal dik id-dikjarazzjoni u mhux permezz ta’ aġġustamenti għal dikjarazzjoni sussegwenti.

    2.   L-emendi mesmmija fil-paragrafu 1 għandhom jiġu ppreżentati elettronikament lill-Istat Membru ta’ identifikazzjoni fi żmien tliet snin mid-data meta d-dikjarazzjoni inizjali kienet meħtieġa li tiġi ppreżentata.

    Madankollu, ir-regoli ta’ Stat Membru tal-konsum dwar il-valutazzjonijiet u l-emendi ma għandhomx jiġu affettwati.

    Artikolu 61a

    Meta persuna taxxabbli:

    (a)

    ttemm l-użu ta’ waħda mill-iskemi;

    (b)

    tiġi eskluża minn waħda mill-iskemi; jew

    (c)

    tbiddel l-Istat Membru ta’ identifikazzjoni f’konformità mal-Artikolu 57f,

    hija għandha tissottometti d-dikjarazzjoni tal-VAT finali u l-ħlas korrispondenti, kif ukoll kwalunkwe korrezzjonijiet jew sottomissjonijiet li jkunu tard ta’ dikjarazzjonijiet preċedenti, u ħlasijiet korrispondenti, lill-Istat Membru li kien l-Istat Membru ta’ identifikazzjoni qabel it-tmiem, l-esklużjoni jew il-bidla.

    Sottotaqsima 8

    Munita

    Artikolu 61b

    Meta Stat Membru ta’ identifikazzjoni li l-munita tiegħu ma tkunx l-euro jiddeċiedi li d-dikjarazzjoni tal-VAT trid issir fil-munita nazzjonali tiegħu, dik id-deċiżjoni għandha tapplika għad- dikjarazzjonijiet tal-VAT tal-persuni taxxabbli kollha li qed jużaw l-iskemi speċjali.

    Sottotaqsima 9

    Ħlasijiet

    Artikolu 62

    Mingħajr preġudizzju għat-tielet paragrafu tal-Artikolu 63a, u l-Artikolu 63b, persuna taxxabbli għandha tagħmel kwalunkwe ħlas lill-Istat Membru ta’ identifikazzjoni.

    Ħlasijiet tal-VAT li jsiru mill-persuna taxxabbli skont l-Artikolu 367 jew l-Artikolu 369i tad-Direttiva 2006/112/KE għandhom ikunu speċifiċi għad-dikjarazzjoni tal-VAT sottomessa skont l-Artikolu 364 jew l-Artikolu 369f ta’ dik id-Direttiva. Kwalunkwe aġġustament sussegwenti għall-ammonti mħallsa għandu jsir mill-persuna taxxabbli permezz ta’ referenza għal dik id-dikjarazzjoni biss u ma jistax jiġi allokat lil dikjarazzjoni oħra, jew aġġustat f’dikjarazzjoni sussegwenti. Kull ħlas għandu jirreferi għan-numru ta’ referenza ta’ dik id-dikjarazzjoni speċifika.

    Artikolu 63

    L-Istat Membru ta’ identifikazzjoni li jirċievi ħlas żejjed minn dak li jirriżulta mid-dikjarazzjoni tal-VAT sottomessa skont l-Artikolu 364 jew l-Artikolu 369f tad-Direttiva 2006/112/KE għandu jirrimborsal-ħlas żejjed direttament lill-persuna taxxabbli kkonċernata.

    Meta Stat Membru ta’ identifikazzjoni jkun irċieva ammont fir-rigward ta’ dikjarazzjoni tal-VAT li sussegwentement irriżulta skorrett, u dak l-Istat Membru diġà qassam dak l-ammont lill-Istati Membri tal-konsum, dawk l-Istati Membri tal-konsum għandhom iħallsu lura kull wieħed il-parti rispettiva ta’ kull ħlas żejjed direttament lill-persuna taxxabbli.

    Madanakollu, meta l-ħlas żejjed huwa relatat ma’ perijodi sa u li jinkludu l-aħħar perijodu ta’ dikjarazzjoni fl-2018, l-Istat Membru ta’ identifikazzjoni għandu jħallas lura il-porzjon rilevanti tal-parti tal-ammont korrispondenti li nżammet f’konformità mal-Artikolu 46 (3) tar-Regolament (UE) Nru 904/2010 u l-Istat Membru ta’ konsum għandu jħallas lura d-differenza bejn l-ammont żejjed imħallas u l-ammont imħallas lura mill-Istat Membru ta’ identifikazzjoni.

    L-Istati Membri tal-konsum għandhom jinformaw b’mezzi elettroniċi lill-Istat Membru ta’ identifikazzjoni dwar l-ammont ta’ dawk il-ħlasijiet lura.

    Artikolu 63a

    Meta persuna taxxabbli tissottometti dikjarazzjoni tal-VAT skont l-Artikolu 364 jew l-Artikolu 369f tad-Direttiva 2006/112/KE, iżda ma sar ebda ħlas jew il-ħlas huwa inqas minn dak li jirriżulta mid-dikjarazzjoni, l-Istat Membru ta’ identifikazzjoni għandu, b’mezzi elettroniċi, fl-għaxar jum wara l-aħħar jum li fih kellu jsir il-ħlas skont l-Artikolu 367 jew l-Artikolu 369i tad-Direttiva 2006/112/KE, ifakkar lill-persuna taxxabbli dwar kwalunkwe ħlas tal-VAT dovut.

    L-Istat Membru ta’ identifikazzjoni għandu jinforma b’mezzi elettroniċi lill-Istati Membri tal-konsum li t-tfakkira ntbagħtet.

    Kwalunkwe tfakkira sussegwenti u l-passi li jittieħdu biex tinġabar il-VAT għandha tkun ir-responsabbiltà tal-Istat Membru tal-konsum ikkonċernat. Meta tali tfakkiriet sussegwenti jkunu nħarġu minn Stat Membru ta’ konsum, il-VAT korrispondenti għandha titħallas lil dak l-Istat Membru.

    L-Istat Membru ta’ konsum għandu jinforma, b’mezzi elettroniċi, lill-Istat Membru ta’ identifikazzjoni li nħarġet tfakkira.

    Artikolu 63b

    Meta l-ebda dikjarazzjoni tal-VAT ma tiġi sottomessa, jew meta d-dikjarazzjoni tal-VAT tkun ġiet sottomessa tard jew tkun inkompluta jew tkun skorretta, jew meta l-ħlas tal-VAT ikun tard, kwalunkwe mgħax, piena jew kwalunkwe piż ieħor għandu jiġi kkalkulat u vvalutat mill-Istat Membru tal-konsum. Il-persuna taxxabbli għandha tħallas tali mgħax, piena jew kull piż ieħor direttament lill-Istat Membru tal-konsum.

    Sottotaqsima 10

    Reġistri

    Artikolu 63c

    1.   Sabiex jitqiesu bħala dettaljati biżżejjed skont it-tifsira tal-Artikoli 369 u 369k tad-Direttiva 2006/112/KE, ir-reġistri miżmuma mill-persuna taxxabbli għandu jkun fihom l-informazzjoni segwenti:

    (a)

    l-Istat Membru tal-konsum fejn hu pprovdut is-servizz;

    (b)

    it-tip ta’ servizz ipprovdut;

    (c)

    id-data tal-forniment tas-servizz;

    (d)

    l-ammont taxxabbli b’indikazzjoni tal-munita użata;

    (e)

    kull żjieda jew tnaqqis sussegwenti tal-ammont taxxabbli;

    (f)

    ir-rata ta’ VAT applikata;

    (g)

    l-ammont ta’ VAT li għandu jitħallas b’indikazzjoni tal-munita użata;

    (h)

    id-data u l-ammont ta’ ħlasijiet riċevuti;

    (i)

    kwalunkwe ħlas fuq il-kont riċevut qabel il-forniment tas-servizz;

    (j)

    fejn tinħareġ irċevuta, l-informazzjoni li tinsab fuq l-irċevuta;

    (k)

    l-isem tal-klijent, fejn ikun magħruf għall-persuna taxxabbli;

    (l)

    l-informazzjoni użata biex jiġi ddeterminat il-post fejn il-klijent huwa stabbilit jew għandu l-indirizz permanenti tiegħu jew jirrisjedi normalment.

    2.   L-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha tiġi rreġistrata mill-persuna taxxabbli b’tali mod li tista’ tkun disponibbli b’mezzi elettroniċi mingħajr dewmien u għal kull servizz provdut.”

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Huwa għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2015.

    Madankollu, l-Istati Membri għandhom jippermettu lil persuni taxxabbli mhux stabbiliti jissottomettu l-informazzjoni meħtieġa taħt l-Artikolu 360 jew l-Artikolu 369c tad-Direttiva 2006/112/KE għar-reġistrazzjoni taħt l-iskemi speċjali għal persuni taxxabbli li mhumiex stabbiliti li huma fornituri tas-servizzi ta’ telekomunikazzjoni, servizzi ta’ xandir jew servizzi elettroniċi lil persuni mhux taxxabbli mill-1 ta’ Ottubru 2014.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fil-Lussemburgu, id-9 ta’ Ottubru 2012.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    V. SHIARLY


    (1)  ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1.

    (2)  ĠU L 77, 23.3.2011, p. 1.


    Top