This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62024TO0179
Digriet tal-Qorti Ġenerali (Is-Seba’ Awla) tat-23 ta’ Mejju 2025.
Novis Insurance Company, Novis Versicherungsgesellschaft, Novis Compagnia di Assicurazioni, Novis Poisťovňa a.s. vs Il-Kummissjoni Ewropea.
Rikors għal annullament – Sistema Ewropea tas-Superviżjoni Finanzjarja – Investigazzjoni ta’ ksur tad-dritt tal-Unjoni – Opinjoni formali tal-Kummissjoni dwar il-miżuri meħtieġa għall-konformità mad-dritt tal-Unjoni – Artikolu 17(4) tar-Regolament (UE) Nru 1094/2010 – Att li jista’ jiġi kkontestat – Nuqqas ta’ inċidenza diretta – Inammissibbiltà.
Kawża T-179/24.
Digriet tal-Qorti Ġenerali (Is-Seba’ Awla) tat-23 ta’ Mejju 2025.
Novis Insurance Company, Novis Versicherungsgesellschaft, Novis Compagnia di Assicurazioni, Novis Poisťovňa a.s. vs Il-Kummissjoni Ewropea.
Rikors għal annullament – Sistema Ewropea tas-Superviżjoni Finanzjarja – Investigazzjoni ta’ ksur tad-dritt tal-Unjoni – Opinjoni formali tal-Kummissjoni dwar il-miżuri meħtieġa għall-konformità mad-dritt tal-Unjoni – Artikolu 17(4) tar-Regolament (UE) Nru 1094/2010 – Att li jista’ jiġi kkontestat – Nuqqas ta’ inċidenza diretta – Inammissibbiltà.
Kawża T-179/24.
Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section
ECLI identifier: ECLI:EU:T:2025:554
Kawża T‑179/24
Novis Insurance Company, Novis Versicherungsgesellschaft, Novis Compagnia di Assicurazioni, Novis Poisťovňa a.s.
vs
Il‑Kummissjoni Ewropea
Digriet tal-Qorti Ġenerali (Is-Seba’ Awla) tat‑23 ta’ Mejju 2025
“Rikors għal annullament – Sistema Ewropea tas-Superviżjoni Finanzjarja – Investigazzjoni ta’ ksur tad-dritt tal-Unjoni – Opinjoni formali tal-Kummissjoni dwar il-miżuri meħtieġa għall-konformità mad-dritt tal-Unjoni – Artikolu 17(4) tar-Regolament (UE) Nru 1094/2010 – Att li jista’ jiġi kkontestat – Nuqqas ta’ inċidenza diretta – Inammissibbiltà”
Rikors għal annullament – Atti li jistgħu jiġu kkontestati – Kunċett – Atti li jipproduċu effetti legali vinkolanti – Opinjoni formali tal-Kummissjoni indirizzata lil awtorità nazzjonali dwar il-miżuri meħtieġa għall-konformità mad-dritt tal-Unjoni – Inklużjoni
(Artikolu 263 TFUE; Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1094/2010, Artikolu 17(4))
(ara l-punti 31 sa 33, u 35)
Rikors għal annullament – Persuni fiżiċi jew ġuridiċi – Atti li jikkonċernawhom direttament u individwalment – Inċidenza diretta –Kriterji – Opinjoni formali tal-Kummissjoni dwar il-miżuri meħtieġa għall-konformità mad-dritt tal-Unjoni indirizzata lil awtorità nazzjonali – Żamma tas-setgħa ta’ evalwazzjoni tal-imsemmija awtorità fir-rigward tal-irtirar jew le tal-awtorizzazzjoni tal-istituzzjoni finanzjarja li tkun kisret id-dritt tal-Unjoni – Rikors mill-imsemmija istituzzjoni kontra l-opinjoni formali – Nuqqas ta’ inċidenza diretta – Inammissibbiltà
(ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE; Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1094/2010, Artikolu 17(4))
(ara l-punti 46 sa 52, u 75)
Sunt
Adita b’rikors għal annullament, li hija ċaħdet bħala inammissibbli minħabba nuqqas ta’ inċidenza diretta tar-rikorrenti, il-Qorti Ġenerali tat għall-ewwel darba deċiżjoni dwar l-istatus kontenzjuż tal-opinjonijiet formali maħruġa mill-Kummissjoni Ewropea, indirizzati lil awtorità nazzjonali abbażi tal-Artikolu 17(4) tar-Regolament Nru 1094/2010 ( 1 ) u li jistabbilixxu l-miżuri meħtieġa għall-konformità mad-dritt tal-Unjoni. F’din l-okkażjoni, il-Qorti Ġenerali ppreċiżat in-natura ġuridika tal-atti adottati mill-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol (EIOPA) u mill-Kummissjoni abbażi ta’ dan l-Artikolu 17, u, b’hekk, il-punt dwar jekk dawn l-atti jistgħux ikunu s-suġġett ta’ rikors għal annullament.
Ir-rikorrenti, il-kumpannija Novis Insurance Company, Novis Versicherungsgesellschaft, Novis Compagnia di Assicurazioni, Novis Poisťovňa a.s., kienet, fi żmien il-fatti tal-kawża, impriża ta’ assigurazzjoni għall-ħajja stabbilita fis-Slovakkja u kienet suġġetta għas-superviżjoni tan-Národná banka Slovenska (il-Bank Nazzjonali Slovakk, iktar ’il quddiem in-“NBS”). L-EIOPA kienet wettqet investigazzjoni intiża sabiex tiddetermina jekk in-NBS kienx eżerċita s-setgħat ta’ superviżjoni tiegħu fir-rigward tar-rikorrenti skont id-Direttiva Solvenza II ( 2 ). Fi tmiem din l-investigazzjoni, l-EIOPA adottat rakkomandazzjoni, indirizzata lin-NBS, dwar il-miżuri neċessarji sabiex jikkonforma ruħu mad-Direttiva Solvenza II ( 3 ), li kienet is-suġġett ta’ rikors għal annullament ippreżentat mir-rikorrenti quddiem il-Qorti Ġenerali u rreġistrat bin-numru tal-Kawża T‑204/24.
Fit‑13 ta’ Settembru 2022, il-Kummissjoni adottat opinjoni formali, indirizzata lin-NBS, dwar il-miżuri neċessarji sabiex jikkonforma ruħu mad-Direttiva Solvenza II (iktar ’il quddiem l-“att ikkontestat”) ( 4 ). Permezz ta’ din l-opinjoni formali, il-Kummissjoni qieset li, sakemm din l-awtorità nazzjonali ma tkunx adottat miżuri ta’ superviżjoni li jtemmu l-ksur b’mod strutturali u dejjiemi, hija kienet ser tkompli tikser id-dritt tal-Unjoni. Hija kkonstatat ksur persistenti tad-dritt tal-Unjoni min-NBS u esponiet il-miżuri li kellhom jittieħdu minn dan tal-aħħar sabiex iwaqqaf dan il-ksur. Skont il-Kummissjoni, kienet meħtieġa l-adozzjoni fil-konfront tar-rikorrenti, f’terminu ta’ erba’ xhur, ta’ deċiżjoni definittiva li tinkludi miżuri ta’ superviżjoni ta’ natura li jiżguraw l-osservanza tad-dritt tal-Unjoni, bħal deċiżjoni ta’ rtirar tal-awtorizzazzjoni tagħha.
Wara din l-opinjoni formali, in-NBS irtira l-awtorizzazzjoni tar-rikorrenti.
Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti Ġenerali
Adita b’eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mill-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali eżaminat, fl-ewwel lok, jekk l-att ikkontestat kienx jikkostitwixxi att li jista’ jkun is-suġġett ta’ rikors għal annullament skont l-Artikolu 263 TFUE.
Il-Qorti Ġenerali fakkret li r-rikors għal annullament huwa miftuħ fir-rigward tal-miżuri jew tad-dispożizzjonijiet li huma intiżi li jipproduċu effetti legali vinkolanti. Għalkemm bħala prinċipju dan ma huwiex il-każ tal-opinjonijiet, l-impossibbiltà li jiġi ppreżentat rikors għal annullament kontra opinjoni ma tgħoddx jekk l-att ikkontestat, mill-kontenut tiegħu, ma jikkostitwixxix opinjoni vera.
F’dan ir-rigward, sabiex jiġi ddeterminat jekk att ikkontestat jipproduċix effetti legali vinkolanti, għandu jsir riferiment għas-sustanza ta’ dan l-att u l-effetti tiegħu għandhom jiġu evalwati fid-dawl ta’ kriterji oġġettivi, bħalma huwa l-kontenut tal-imsemmi att, filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni, fejn xieraq, il-kuntest tal-adozzjoni tiegħu kif ukoll is-setgħat tal-istituzzjoni, tal-korp jew tal-organu tal-Unjoni li jkunu adottawh. B’mod komplementari, il-kriterju suġġettiv marbut mal-intenzjoni tal-awtur tal-att jista’ wkoll jittieħed inkunsiderazzjoni.
Fir-rigward tal-kuntest tal-adozzjoni tal-att ikkontestat u tas-setgħat tal-awtur tiegħu, il-Qorti Ġenerali osservat li l-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 1094/2010 jistabbilixxi “mekkaniżmu fi tliet stadji” meta awtorità nazzjonali tiġi kkritikata, fil-prattiki ta’ superviżjoni tagħha, b’nuqqas ta’ applikazzjoni jew b’applikazzjoni inkorretta jew insuffiċjenti tad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari tad-Direttiva Solvenza II.
Huwa għalhekk li, fl-ewwel stadju, l-EIOPA tinvestiga, jekk ikun hemm lok, dwar l-allegat ksur jew nuqqas ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni ( 5 ). Fi tmiem din l-investigazzjoni, l-EIOPA tista’ tindirizza “rakkomandazzjoni […] li tistabbilixxi l-azzjoni meħtieġa sabiex tikkonforma mal-liġi tal-Unjon ” lill-awtorità nazzjonali kkonċernata ( 6 ).
Fit-tieni stadju, jekk l-awtorità nazzjonali kkonċernata ma tikkonformax mad-dritt tal-Unjoni fi żmien xahar minn meta tirċievi r-rakkomandazzjoni tal-EIOPA, il-Kummissjoni tista’ toħroġ “opinjoni formali li tirrikjedi li [din] l-awtorità [...] tieħu l-azzjoni meħtieġa biex tikkonforma mal-liġi tal-Unjoni” ( 7 ).
Fit-tielet stadju, jekk l-awtorità nazzjonali kkonċernata ma tikkonformax ruħha mal-opinjoni formali maħruġa mill-Kummissjoni fit-terminu stabbilit minn din l-opinjoni u jekk ċerti kundizzjonijiet ikunu ssodisfatti, l-EIOPA tista’ tadotta fir-rigward tal-istituzzjoni finanzjarja kkonċernata “deċiżjoni individwali indirizzata lil istituzzjoni finanzjarja li tesiġi minnha l-azzjoni kollha meħtieġa sabiex tikkonforma mal-obbligi tagħha taħt il-liġi tal-Unjoni, inkluż il-waqfien ta’ kwalunkwe prattika” ( 8 ).
B’hekk, mill-formulazzjoni tal-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 1094/2010 jirriżulta li r-rakkomandazzjonijiet maħruġa mill-EIOPA abbażi tal-Artikolu 17(3) sempliċement “jistabbilixxu” l-miżuri li għandhom jittieħdu, filwaqt li l-opinjonijiet formali maħruġa mill-Kummissjoni abbażi tal-Artikolu 17(4) u d-deċiżjonijiet individwali adottati mill-EIOPA abbażi tal-Artikolu 17(6) “jeżiġu” mid-destinatarji rispettivi tagħhom li jieħdu l-miżuri neċessarji.
Barra minn hekk, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 17(7) tar-Regolament Nru 1094/2010 jipprevedi li, meta jieħdu miżura fir-rigward ta’ kwistjonijiet li huma s-suġġett ta’ opinjoni formali maħruġa mill-Kummissjoni jew ta’ deċiżjoni individwali tal-EIOPA, l-awtoritajiet nazzjonali kkonċernati “għandhom jikkonformaw mal-opinjoni formali jew mad-deċiżjoni, skont il-każ”. Madankollu, la din id-dispożizzjoni u lanqas xi dispożizzjoni oħra ta’ dan ir-regolament ma jipprevedu li dawn l-awtoritajiet huma obbligati jikkonformaw ruħhom mar-rakkomandazzjonijiet maħruġa mill-EIOPA.
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li r-rakkomandazzjonijiet maħruġa mill-EIOPA abbażi tal-Artikolu 17(3) tar-Regolament Nru 1094/2010 huma sempliċi rakkomandazzjonijiet u ma humiex intiżi li jipproduċu huma stess effetti legali vinkolanti fir-rigward tal-awtorità nazzjonali kkonċernata jew tal-istituzzjoni finanzjarja kkonċernata. Mill-banda l-oħra, l-opinjonijiet formali maħruġa mill-Kummissjoni abbażi tal-Artikolu 17(4) tal-imsemmi regolament u d-deċiżjonijiet individwali adottati mill-EIOPA abbażi tal-Artikolu 17(6) tal-istess regolament jipproduċu effetti legali vinkolanti fir-rigward tad-destinatarji tagħhom.
F’dawn iċ-ċirkustanzi, u fid-dawl ukoll tal-kontenut tal-att ikkontestat, tal-formulazzjoni tiegħu u tal-intenzjoni tal-awtur tiegħu, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet, f’dan il-każ, li l-att ikkontestat kien jipproduċi effetti legali vinkolanti fir-rigward tan-NBS, sa fejn kien jobbligah jadotta fir-rigward tar-rikorrenti, f’terminu ta’ erba’ xhur, deċiżjoni definittiva li tinkludi miżuri ta’ superviżjoni ta’ natura li jiżguraw l-osservanza tad-dritt tal-Unjoni. Għaldaqstant, kuntrarjament għal dak li kienet qiegħda ssostni l-Kummissjoni, dan l-att seta’ jkun is-suġġett ta’ rikors għal annullament skont l-Artikolu 263 TFUE.
Fit-tieni lok, il-Qorti Ġenerali eżaminat jekk ir-rikorrenti kellhiex locus standi u, b’mod partikolari, jekk l-att ikkontestat kellux direttament inċidenza fuqha. Hija fakkret li l-kundizzjoni li persuna fiżika jew ġuridika għandha tkun direttament ikkonċernata mill-miżura li tkun is-suġġett tar-rikors tagħha teħtieġ li żewġ kundizzjonijiet jiġu ssodisfatti kumulattivament, jiġifieri li din il-miżura, minn naħa, tkun ta’ inċidenza diretta fuq is-sitwazzjoni legali ta’ din il-persuna u, min-naħa l-oħra, ma tħalli l-ebda setgħa ta’ evalwazzjoni lid-destinatarji inkarigati mill-implimentazzjoni tagħha, peress li din l-implimentazzjoni jkollha natura purament awtomatika u tirriżulta unikament mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, mingħajr applikazzjoni ta’ regoli intermedjarji oħra.
F’dan il-każ, l-att ikkontestat kien jimponi fuq in-NBS l-obbligu li jadotta fir-rigward tar-rikorrenti, f’terminu ta’ erba’ xhur, deċiżjoni definittiva li tinkludi miżuri ta’ superviżjoni ta’ natura li jiżguraw l-osservanza tad-dritt tal-Unjoni. Minn dan isegwi li dan l-att ma kienx iħalli setgħa ta’ evalwazzjoni lin-NBS f’dak li jirrigwarda l-prinċipju stess tal-adozzjoni ta’ deċiżjoni u ta’ miżuri ta’ superviżjoni f’terminu stabbilit.
Mill-banda l-oħra, il-Qorti Ġenerali qieset li l-att ikkontestat kien iħalli bla dubju setgħa ta’ evalwazzjoni lin-NBS f’dak li jirrigwarda n-natura tal-miżuri ta’ superviżjoni li għandhom jiġu adottati. Fil-fatt, dan l-att la kien jimponi u lanqas ma kien jipprojbixxi lin-NBS milli jieħu miżura speċifika. B’mod partikolari, il-Kummissjoni ma imponietx fuq in-NBS li jirtira l-approvazzjoni tar-rikorrenti. F’dan il-kuntest, is-setgħa ta’ evalwazzjoni tan-NBS kienet limitata biss mid-dispożizzjonijiet legali applikabbli, li jippermettu, f’ċerti każijiet, u jimponu, f’każijiet oħra, li l-awtorità superviżorja tal-Istat Membru ta’ oriġini tirtira l-awtorizzazzjoni ta’ impriża ta’ assigurazzjoni jew ta’ riassigurazzjoni.
Minn dan il-Qorti Ġenerali iddeduċiet li n-NBS żamm setgħa ta’ evalwazzjoni fid-definizzjoni tal-miżuri li kellhom jittieħdu fir-rigward tar-rikorrenti u li, għaldaqstant, kienu biss il-miżuri meħuda min-NBS li setgħu jinċidu direttament fuq ir-rikorrenti. B’hekk, ma kinitx teżistx rabta diretta bejn l-att ikkontestat u l-effetti tal-miżuri ta’ implimentazzjoni meħuda sussegwentement min-NBS fir-rigward tar-rikorrenti. Minn dan il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li, tal-inqas, it-tieni kriterju kumulattiv meħtieġ, skont il-kundizzjoni dwar l-inċidenza diretta tar-rikorrenti, ma kienx issodisfatt f’dan il-każ, b’tali mod li din il-kundizzjoni ma kinitx issodisfatta. Għaldaqstant, hija ċaħdet ir-rikors bħala inammissibbli.
( 1 ) Regolament (UE) Nru 1094/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑24 ta’ Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol), u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/79/KE (ĠU 2010, L 2010, p. 48).
( 2 ) Direttiva 2009/138/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2009 dwar il-bidu u l-eżerċizzju tan-negozju tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni (Solvenza II) (ĠU 2009, L 335, p. 1, rettifiki fil-ĠU 2016, L 262, p. 34, fil-ĠU 2019, L 316, p. 107 u fil-ĠU 2022, L 108, p. 69).
( 3 ) Fis-sens tal-Artikolu 17(3) tar-Regolament Nru 1094/2010.
( 4 ) Fis-sens tal-Artikolu 17(4) tar-Regolament Nru 1094/2010.
( 5 ) Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 17(2) tar-Regolament Nru 1094/2010.
( 6 ) Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 17(3) tar-Regolament Nru 1094/2010.
( 7 ) Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 17(4) tar-Regolament Nru 1094/2010.
( 8 ) Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 17(6) tar-Regolament Nru 1094/2010.