Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62024TO0179

Digriet tal-Qorti Ġenerali (Is-Seba’ Awla) tat-23 ta’ Mejju 2025.
Novis Insurance Company, Novis Versicherungsgesellschaft, Novis Compagnia di Assicurazioni, Novis Poisťovňa a.s. vs Il-Kummissjoni Ewropea.
Rikors għal annullament – Sistema Ewropea tas-Superviżjoni Finanzjarja – Investigazzjoni ta’ ksur tad-dritt tal-Unjoni – Opinjoni formali tal-Kummissjoni dwar il-miżuri meħtieġa għall-konformità mad-dritt tal-Unjoni – Artikolu 17(4) tar-Regolament (UE) Nru 1094/2010 – Att li jista’ jiġi kkontestat – Nuqqas ta’ inċidenza diretta – Inammissibbiltà.
Kawża T-179/24.

Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section

ECLI identifier: ECLI:EU:T:2025:554

Edizzjoni Provviżorja

DIGRIET TAL-QORTI ĠENERALI (Is-Seba’ Awla)

23 ta’ Mejju 2025 (*)

“Rikors għal annullament – Sistema Ewropea tas-Superviżjoni Finanzjarja – Investigazzjoni ta’ ksur tad-dritt tal-Unjoni – Opinjoni formali tal-Kummissjoni dwar il-miżuri meħtieġa għall-konformità mad-dritt tal-Unjoni – Artikolu 17(4) tar-Regolament (UE) Nru 1094/2010 – Att li jista’ jiġi kkontestat – Nuqqas ta’ inċidenza diretta – Inammissibbiltà”

Fil-Kawża T‑179/24,

Novis Insurance Company, Novis Versicherungsgesellschaft, Novis Compagnia di Assicurazioni, Novis Poisťovňa a.s., stabbilita fi Bratislava (is-Slovakkja), irrappreżentata minn A. Börner, S. Henrich u S. Förster, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn B. Stromsky, D. Triantafyllou u P. Vanden Heede, bħala aġenti,

konvenuta,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Seba’ Awla),

komposta minn K. Kowalik-Bańczyk (Relatriċi), Presidenta, E. Buttigieg u G. Hesse, Imħallfin,

Reġistratur: V. Di Bucci,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura, b’mod partikolari:

–        l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà invokata mill-Kummissjoni permezz ta’ att separat ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑28 ta’ Ġunju 2024,

–        l-osservazzjonijiet tar-rikorrenti dwar l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid‑19 ta’ Awwissu 2024,

–        it-talba għal intervent tar-Repubblika Slovakka ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑23 ta’ Lulju 2024,

tagħti l-preżenti

Digriet

1        Permezz tar-rikors tagħha bbażat fuq l-Artikolu 263 TFUE, ir-rikorrenti, Novis Insurance Company, Novis Versicherungsgesellschaft, Novis Compagnia di Assicurazioni, Novis Poisťovňa a.s., titlob l-annullament tal-Opinjoni tal-Kummissjoni C(2022) 6455 final, tat‑13 ta’ Settembru 2022, indirizzat lin-Národná banka Slovenska, dwar il-miżuri neċessarji sabiex tikkonforma ruħha mad-Direttiva 2009/138/KE (iktar ’il quddiem l-“att ikkontestat”).

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

2        Ir-rikorrenti hija impriża ta’ assigurazzjoni għall-ħajja stabbilita fis-Slovakkja u suġġetta għas-superviżjoni tan-Národná banka Slovenska (il-Bank Nazzjonali Slovakk) (iktar ’il quddiem in-“NBS”).

3        Fis‑17 ta’ Marzu 2022, l-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol (EIOPA) fetħet investigazzjoni skont l-Artikolu 17(2) tar-Regolament (UE) Nru 1094/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑24 ta’ Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/79/KE (ĠU 2010, L 331, p. 48). Din l-investigazzjoni kienet intiża sabiex jiġi ddeterminat jekk in-NBS kienx eżerċita s-setgħat ta’ superviżjoni tiegħu fir-rigward tar-rikorrenti skont id-Direttiva 2009/138/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑25 ta’ Novembru 2009 dwar il-bidu u l-eżerċizzju tan-negozju tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni (Solvenza II) (ĠU 2009, L 335, p. 1, rettifiki fil-ĠU 2016, L 262, p. 34, fil-ĠU 2019, L 316, p. 107 u fil-ĠU 2022, L 108, p. 69).

4        Fis‑16 ta’ Mejju 2022, l-EIOPA adottat, abbażi tal-Artikolu 17(3) tar-Regolament Nru 1094/2010, rakkomandazzjoni, indirizzata lin-NBS, dwar il-miżuri neċessarji sabiex jikkonforma ruħu mad-Direttiva 2009/138. Din ir-rakkomandazzjoni kienet is-suġġett ta’ rikors għal annullament ippreżentat mir-rikorrenti quddiem il-Qorti Ġenerali u rreġistrat bin-numru tal-Kawża T‑204/24.

5        F’din l-okkażjoni, l-EIOPA kkonstatat ksur tad-dritt tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari ta’ regoli li jirriżultaw mid-Direttiva 2009/138, mir-rikorrenti u min-NBS u fformulat żewġ rakkomandazzjonijiet indirizzati lin-NBS u li jesponu l-miżuri li għandhom jittieħdu minnha sabiex jitwaqqaf dan il-ksur. Dawn il-miżuri kienu jikkonsistu, essenzjalment, fl-eżami mill-ġdid, f’terminu ta’ 45 jum, tas-sitwazzjoni tar-rikorrenti u fl-adozzjoni, fir-rigward ta’ din tal-aħħar, ta’ strateġija “globali/integrata” li twassal jew għar-rimedju tal-ksur kollu jew għal deċiżjoni ta’ rtirar tal-awtorizzazzjoni tagħha.

6        Fit‑13 ta’ Settembru 2022, il-Kummissjoni Ewropea adottat, abbażi tal-Artikolu 17(4) tar-Regolament Nru 1094/2010, l-att ikkontestat.

7        Fl-att ikkontestat, qabel kollox, il-Kummissjoni fakkret u ġabret fil-qosor il-kontenut tar-rakkomandazzjoni tal-EIOPA tas‑16 ta’ Mejju 2022 (paragrafi 21 sa 28 tal-att ikkontestat).

8        Sussegwentement, il-Kummissjoni eżaminat il-miżuri previsti min-NBS fir-rigward tar-rikorrenti (paragrafi 29 sa 40 tal-att ikkontestat). Hija qieset li, sakemm din l-awtorità nazzjonali ma tkunx adottat miżuri ta’ superviżjoni li jtemmu l-ksur b’mod strutturali u fit-tul, inkluż, jekk dan ikun xieraq jew obbligatorju, irtirar tal-awtorizzazzjoni tar-rikorrenti skont l-Artikolu 144 tad-Direttiva 2009/138, l-imsemmija awtorità nazzjonali tkompli tikser id-dritt tal-Unjoni (paragrafu 41 tal-att ikkontestat).

9        Fl-aħħar nett, fil-konklużjoni li tinsab fil-punti 42 sa 45 tal-att ikkontestat, il-Kummissjoni indikat dan li ġej:

“42.      [I]l-Kummissjoni tqis li, sabiex tikkonforma mad-dritt tal-Unjoni, […] in-NBS għandu jagħmel sforzi supplimentari sabiex jimplimenta l-miżuri previsti fil-ħin.

43.      B’mod partikolari, konformement mal-istrateġija ta’ intervent integrata li hija ħabbret, in-NBS għandu jikkonkludi l-proċedura ta’ sanzjoni […] f’terminu ta’ erba’ xhur […], billi jadotta fir-rigward [tar-rikorrenti] miżuri ta’ superviżjoni definittivi u konklużivi li jiżguraw l-osservanza tad-dritt tal-Unjoni.

44.      Deċiżjoni ta’ rtirar tal-awtorizzazzjoni [tar-rikorrenti], kif prevista min-NBS, tiżgura l-osservanza tad-dritt tal-Unjoni. Tali deċiżjoni […] tiżgura wkoll l-adozzjoni ta’ pożizzjoni definittiva u ta’ miżuri ta’ superviżjoni konkreti fir-rigward tal-ksur kollu […] ta[r-rikorrenti], li jinkludu, iżda ma humiex limitati għal:

–        in-nuqqas ta’ osservanza [mir-rikorrent] tad-deċiżjoni [tan-NBS] tal‑14 ta’ Jannar 2022 dwar il-[ksur tar-regoli dwar id-] dispożizzjonijiet tekniċi;

–        il-bidliet unilaterali magħmula mi[r-rikorrenti] għall-kundizzjonijiet ġenerali tal-kuntratti u għall-politika ta’ investiment; [...]

–        l-adegwatezza ta[l-evalwazzjoni interna tar-riskji u tas-solvenza] ta[r-rikorrenti].

45.      Il-Kummissjoni tistieden lin-NBS sabiex jinformaha, kif ukoll [l-EIOPA], f’terminu ta’ għaxart ijiem ta’ xogħol […] tal-passi li jkun ħa jew li biħsiebu jieħu sabiex jikkonforma ruħu ma’ din l-opinjoni formali […]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

10      Fil‑31 ta’ Ottubru 2022, in-NBS irtira l-awtorizzazzjoni tar-rikorrenti (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni ta’ rtirar tal-awtorizzazzjoni”). Fl‑1 ta’ Ġunju 2023, in-NBS ikkonferma dan l-irtirar.

 Talbiet talpartijiet

11      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla l-att ikkontestat;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

12      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors bħala inammissibbli;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

13      Barra minn hekk, ir-rikorrenti titlob ukoll lill-Qorti Ġenerali, bħala miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura jew bħala miżuri istruttorji, tordna lill-Kummissjoni tipproduċi, essenzjalment, id-dokumenti utli kollha sabiex tevalwa l-oriġini u l-effetti tal-att ikkontestat.

 Id-dritt

 Fuq l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà

14      Skont l-Artikolu 130(1) u (7) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-Qorti Ġenerali tista’ tiddeċiedi dwar l-inammissibbiltà mingħajr ma tidħol fil-mertu tal-kawża, jekk il-konvenut jitlob li jsir hekk. F’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali tqis li għandha biżżejjed informazzjoni mill-atti tal-proċess u tiddeċiedi li taqta’ l-kawża mingħajr ma tkompli l-proċedura u mingħajr ma huwa neċessarju li jiġu adottati l-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura jew il-miżuri istruttorji mitluba mir-rikorrenti.

15      Fl-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà tagħha, il-Kummissjoni ssostni, l-ewwel nett, li, peress li ma jipproduċix effetti legali vinkolanti, l-att ikkontestat ma jistax ikun is-suġġett ta’ rikors għal annullament, it-tieni nett, li, peress li dan l-att ma huwiex ta’ inċidenza diretta fuq ir-rikorrenti, din tal-aħħar ma għandhiex locus standi u, it-tielet nett, li r-rikors ma ġiex ippreżentat fit-terminu għall-preżentata ta’ rikors kontenzjuż.

16      Ir-rikorrenti tikkontesta t-tliet partijiet tal-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà. B’mod partikolari, hija ssostni, minn naħa, li l-att ikkontestat jipproduċi effetti ġuridiċi vinkolanti u għalhekk jista’ jkun is-suġġett ta’ rikors għal annullament u, min-naħa l-oħra, li dan l-att huwiex ta’ inċidenza diretta u individwali. Hija tispjega, essenzjalment, li l-imsemmi att jimponi fuq in-NBS l-obbligu li jieħu miżura predeterminata, jiġifieri li jirtira l-approvazzjoni tiegħu.

17      Qabel kollox, għandhom jiġu eżaminati l-ewwel żewġ partijiet tal-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà u, għaldaqstant, għandu jiġi ddeterminat, minn naħa, jekk l-att ikkontestat jikkostitwixxix att li jista’ jiġi kkontestat u, min-naħa l-oħra, jekk dan l-att jinċidix direttament fuq ir-rikorrenti.

 Fuq l-eżistenza ta’ att li jista’ jiġi kkontestat

18      Fil-fatt, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE jsemmi b’mod espliċitu l-istħarriġ tal-legalità tal-atti tal-istituzzjonijiet, tal-korpi u tal-organi tal-Unjoni “maħsuba li joħolqu effetti legali fir-rigward ta’ terzi”.

19      Minn dan isegwi li r-rikors għal annullament, previst fl-Artikolu 263 TFUE, huwa miftuħ fir-rigward tad-dispożizzjonijiet kollha adottati mill-istituzzjonijiet, mill-korpi jew mill-organi tal-Unjoni, tkun xi tkun il-forma tagħhom, li huma intiżi li jipproduċu effetti legali vinkolanti (sentenza tal‑31 ta’ Marzu 1971, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill, 22/70, EU:C:1971:32, punti 39 u 42; ara wkoll is-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, FBF, C‑911/19, EU:C:2021:599, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).

20      Għall-kuntrarju, kull att tal-Unjoni li ma jipproduċix effetti legali vinkolanti ma jaqax taħt l-istħarriġ ġudizzjarju previst fl-Artikolu 263 TFUE (ara s-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, FBF, C‑911/19, EU:C:2021:599, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).

21      Dan japplika b’mod partikolari għall-opinjonijiet, li ma humiex intiżi li jipproduċu effetti legali vinkolanti. Fil-fatt, billi stabbilixxa l-opinjonijiet bħala kategorija partikolari ta’ atti tal-Unjoni u billi jipprevedi espressament li dawn “ma jkunux vinkolanti”, il-ħames paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE ried jippermetti lill-istituzzjonijiet, lill-korpi u lill-organi tal-Unjoni jesprimu l-opinjoni tagħhom f’oqsma fejn ma għandhomx kompetenza sabiex jadottaw deċiżjonijiet vinkolanti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑13 ta’ Diċembru 1990, Nefarma vs Il‑Kummissjoni, T‑113/89, EU:T:1990:82, punt 68 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal‑24 ta’ Marzu 2017, L‑Estonja vs Il‑Kummissjoni, T‑117/15, EU:T:2017:217, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata). Barra minn hekk, l-għoti ta’ sempliċi opinjoni legali ma tistax tkun ta’ natura li tipproduċi effetti legali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑25 ta’ Ottubru 2017, Ir‑Rumanija vs Il‑Kummissjoni, C‑599/15 P, EU:C:2017:801, punt 62).

22      Madankollu, l-impossibbiltà li jiġi ppreżentat rikors għal annullament kontra opinjoni ma tkunx tgħodd jekk l-att ikkontestat, skont il-kontenut tiegħu, ma jkunx jikkostitwixxi opinjoni vera u proprja (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑20 ta’ Frar 2018, Il‑Belġju vs Il‑Kummissjoni, C‑16/16 P, EU:C:2018:79, punt 29).

23      Sabiex jiġi ddeterminat jekk att ikkontestat jipproduċix effetti legali vinkolanti, għandu jsir riferiment għas-sustanza ta’ dan l-att u l-effetti tiegħu għandhom jiġu evalwati fid-dawl ta’ kriterji oġġettivi, bħall-kontenut tal-imsemmi att, filwaqt li jittieħed kont, fejn xieraq, tal-kuntest tal-adozzjoni tiegħu kif ukoll tas-setgħat tal-istituzzjoni, tal-korp jew tal-organu tal-Unjoni li jkun adottah (ara s-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, FBF, C‑911/19, EU:C:2021:599, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata). B’mod komplementari, il-kriterju suġġettiv marbut mal-intenzjoni tal-awtur tal-att jista’ wkoll jittieħed inkunsiderazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Mejju 2021, ABLV Bank et vs BĊE, C‑551/19 P u C‑552/19 P, EU:C:2021:369, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata).

24      F’dan il-każ, fl-ewwel lok, fir-rigward tal-kontenut tal-att ikkontestat, miġbur fil-qosor fil-punti 7 sa 9 iktar ’il fuq, għandu jiġi rrilevat li dan l-att jikkonstata ksur persistenti tad-dritt tal-Unjoni min-NBS u jesponi l-miżuri li għandhom jittieħdu minnu sabiex iwaqqaf dan il-ksur. Skont il-Kummissjoni, din tirrigwarda l-adozzjoni fil-konfront tar-rikorrenti, f’terminu ta’ erba’ xhur, ta’ deċiżjoni definittiva li tinkludi miżuri ta’ superviżjoni ta’ natura li jiżguraw l-osservanza tad-dritt tal-Unjoni, bħal deċiżjoni ta’ rtirar tal-awtorizzazzjoni tagħha.

25      Fit-tieni lok, fir-rigward tal-formulazzjoni tal-att ikkontestat, għandu jiġi kkonstatat li, fiż-żewġ verżjonijiet awtentiċi tiegħu, dan l-att huwa deskritt kultant, fit-titolu tiegħu u fil-paragrafu 43 tiegħu, bħala “opinjoni” (“opinion” fil-verżjoni Ingliża u “stanovisko” fil-verżjoni Slovakka), kultant, fil-punti 10 u 45 tiegħu, bħala “opinjoni formali” (“formal opinion” fil-verżjoni Ingliża u “formálne stanovisko” fil-verżjoni Slovakka). Issa, ir-riferiment għall-kunċett ta’ “opinjoni formali”, għalkemm ambigwu, jista’ jissuġġerixxi li l-att ikkontestat ma jikkostitwixxix sempliċi opinjoni nieqsa minn effett vinkolanti.

26      Barra minn hekk, il-Kummissjoni tirrileva, ġustament, li l-att ikkontestat huwa essenzjalment redatt fi kliem mhux imperattivi, u dan kemm fil-verżjoni Ingliża tiegħu kif ukoll fil-verżjoni Slovakka tiegħu. Il-mod kundizzjonali huwa b’hekk użat diversi drabi fil-konklużjoni li tinsab f’dan l-att, kif jixhed l-użu tal-kliem “should” (għandu) u “would ensure” (jiżgura) bl-Ingliż kif ukoll “by […] mala” (għandha) u “by […] zabezpečil” jew “by […] zabezpečilo” (jiggarantixxi) bis-Slovakk (punti 42 sa 44 tal-att ikkontestat).

27      Fit-tielet lok, fir-rigward tal-kuntest tal-adozzjoni tal-att ikkontestat u tas-setgħat tal-awtur tiegħu, għandu jitfakkar li, kif jirriżulta mill-premessa 27 tar-Regolament Nru 1094/2010, l-Artikolu 17 ta’ dan ir-regolament jistabbilixxi “mekkaniżmu fi tliet stadji” meta awtorità nazzjonali tiġi kkritikata, fil-prattiki ta’ superviżjoni tagħha, b’nuqqas ta’ applikazzjoni jew applikazzjoni inkorretta jew insuffiċjenti tad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari tal-atti msemmija fl-Artikolu 1(2) tal-imsemmi regolament, fosthom id-Direttiva 2009/138.

28      Fl-ewwel stadju, skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 17(2) tar-Regolament Nru 1094/2010, l-EIOPA tinvestiga, jekk ikun hemm lok, dwar l-allegat ksur jew nuqqas ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni. Fi tmiem din l-investigazzjoni u skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 17(3) tal-istess regolament, l-EIOPA tista’ tindirizza lill-awtorità nazzjonali kkonċernata “rakkomandazzjoni [...] li tistabbilixxi l-azzjoni meħtieġa sabiex tikkonforma mal-liġi tal-Unjoni”.

29      Fit-tieni stadju, jekk l-awtorità nazzjonali kkonċernata ma tikkonformax mad-dritt tal-Unjoni fi żmien xahar minn meta tirċievi r-rakkomandazzjoni tal-EIOPA, il-Kummissjoni tista’, skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 17(4) tar-Regolament Nru 1094/2010, toħroġ “opinjoni formali li tirrikjedi li [din] l-awtorità [...] tieħu l-azzjoni meħtieġa biex tikkonforma mal-liġi tal-Unjoni. L-opinjoni formali tal-Kummissjoni għandha tqis ir-rakkomandazzjoni tal-Awtorità”.

30      Fit-tielet stadju, jekk l-awtorità nazzjonali kkonċernata ma tikkonformax ruħha mal-opinjoni formali maħruġa mill-Kummissjoni fit-terminu stabbilit minn din l-opinjoni u jekk ċerti kundizzjonijiet ikunu ssodisfatti, l-EIOPA tista’, abbażi tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 17(6) tar-Regolament Nru 1094/2010, tadotta fir-rigward tal-istituzzjoni finanzjarja kkonċernata “deċiżjoni individwali indirizzata lil istituzzjoni finanzjarja li tesiġi minnha l-azzjoni kollha meħtieġa sabiex tikkonforma mal-obbligi tagħha taħt il-liġi tal-Unjoni, inkluż il-waqfien ta’ kwalunkwe prattika”.

31      B’hekk, mill-formulazzjoni tal-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 1094/2010 jirriżulta li r-rakkomandazzjonijiet maħruġa mill-EIOPA abbażi tal-Artikolu 17(3) ta’ dan ir-regolament sempliċement “jistabbilixxu” l-miżuri li għandhom jittieħdu, filwaqt li l-opinjonijiet formali maħruġa mill-Kummissjoni abbażi tal-Artikolu 17(4) tal-imsemmi regolament u d-deċiżjonijiet individwali adottati mill-EIOPA abbażi tal-Artikolu 17(6) tal-istess regolament “jeżiġu” fuq id-destinatarji rispettivi tagħhom li jieħdu l-miżuri neċessarji.

32      Barra minn hekk, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 17(7) tar-Regolament Nru 1094/2010 jipprevedi li, meta jieħdu miżura fir-rigward ta’ kwistjonijiet li huma s-suġġett ta’ opinjoni formali maħruġa mill-Kummissjoni jew ta’ deċiżjoni individwali tal-EIOPA, l-awtoritajiet nazzjonali kkonċernati “għandhom jikkonformaw mal-opinjoni formali jew id-deċiżjoni, skont il-każ”. Min-naħa l-oħra, la din id-dispożizzjoni u lanqas ebda dispożizzjoni oħra tar-Regolament Nru 1094/2010 ma jipprevedu li dawn l-awtoritajiet huma obbligati jikkonformaw ruħhom mar-rakkomandazzjonijiet maħruġa mill-EIOPA.

33      B’hekk, kemm mill-formulazzjoni tal-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 1094/2010 kif ukoll mill-istruttura tal-mekkaniżmu fi tliet stadji jirriżulta li dan l-artikolu jistabbilixxi li r-rakkomandazzjonijiet maħruġa mill-EIOPA abbażi tal-Artikolu 17(3) ta’ dan ir-regolament huma sempliċi rakkomandazzjonijiet u ma humiex intiżi li jipproduċu huma stess effetti legali vinkolanti fir-rigward tal-awtorità nazzjonali kkonċernata jew tal-istituzzjoni finanzjarja kkonċernata (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal‑25 ta’ Marzu 2021, Balgarska Narodna Banka, C‑501/18, EU:C:2021:249, punti 79 u 80). Min-naħa l-oħra, l-opinjonijiet formali maħruġa mill-Kummissjoni abbażi tal-Artikolu 17(4) tar-Regolament Nru 1094/2010 u d-deċiżjonijiet individwali adottati mill-EIOPA abbażi tal-Artikolu 17(6) tal-istess regolament jipproduċu effetti legali vinkolanti fir-rigward tad-destinatarji tagħhom.

34      Fir-raba’ lok u b’mod komplementari, fir-rigward tal-intenzjoni tal-awtur tal-att ikkontestat, ebda element tal-proċess ma jippermetti li wieħed jaħseb li, billi adottat dan l-att abbażi tal-Artikolu 17(4) tar-Regolament Nru 1094/2010, il-Kummissjoni, fir-realtà, riedet tadotta sempliċi opinjoni nieqsa minn effett vinkolanti. B’mod partikolari, l-att ikkontestat ma jinkludi ebda indikazzjoni espliċita li n-NBS ma huwiex obbligat jikkonforma ruħu miegħu. Mill-banda l-oħra, dan l-att ifakkar espressament li, skont l-Artikolu 17(4) tar-Regolament Nru 1094/2010, il-Kummissjoni tista’ toħroġ “opinjoni formali li tirrikjedi li l-awtorità [nazzjonali kkonċernata] tieħu l-azzjoni meħtieġa” (paragrafu 10 tal-att ikkontestat). Barra minn hekk, fl-istqarrija għall-istampa dwar l-att ikkontestat, il-Kummissjoni ppreċiżat li hija kienet aġixxiet “skont ir-rwol li [kien] assenjat lilha mill-Artikolu 17 tar-Regolament [Nru 1094/2010]” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

35      F’dawn iċ-ċirkustanzi, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha msemmija fil-punti 24 sa 34 iktar ’il fuq u minkejja li l-att ikkontestat huwa essenzjalment redatt fi kliem mhux imperattivi (ara l-punt 26 iktar ’il fuq), għandu jiġi konkluż li dan l-att jipproduċi effetti legali vinkolanti fir-rigward tan-NBS, sa fejn jobbligaha tadotta fir-rigward tar-rikorrenti, f’terminu ta’ erba’ xhur, deċiżjoni definittiva li tinkludi miżuri ta’ superviżjoni ta’ natura li jiżguraw l-osservanza tad-dritt tal-Unjoni. Minn dan isegwi li, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, dan l-att jista’ jkun is-suġġett ta’ rikors għal annullament skont l-Artikolu 263 TFUE.

36      Għaldaqstant, l-ewwel parti tal-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà għandha tiġi miċħuda.

 Fuq il-locus standi u, b’mod partikolari, l-inċidenza diretta fuq ir-rikorrenti

37      Bis-saħħa tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika tista’, taħt il-kundizzjonijiet previsti fl-ewwel u fit-tieni paragrafu, tippreżenta rikors għal annullament kontra tliet tipi ta’ atti, jiġifieri, l-ewwel, l-atti indirizzati lilha, it-tieni, l-atti li huwa ta’ inċidenza diretta u individwali u, it-tielet, l-atti regolatorji li huma ta’ inċidenza diretta u li ma jinvolvux miżuri ta’ implimentazzjoni.

38      Qabel kollox għandu jiġi kkonstatat, minn naħa, li l-uniku destinatarju tal-att ikkontestat huwa n-NBS. Minn dan isegwi li, peress li ma hijiex destinatarja ta’ dan l-att, ir-rikorrenti ma għandhiex dritt għal azzjoni legali abbażi tal-ewwel parti tas-sentenza tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.

39      Min-naħa l-oħra, l-att ikkontestat huwa att ta’ portata individwali u, għaldaqstant, ma jikkostitwixxix att regolatorju. Minn dan isegwi li r-rikorrenti lanqas ma għandha dritt għal azzjoni legali abbażi tat-tielet parti tas-sentenza tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.

40      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għad irid jiġi eżaminat jekk ir-rikorrenti għandhiex dritt għal azzjoni legali abbażi tat-tieni parti tas-sentenza tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.

41      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-kundizzjonijiet ta’ inċidenza diretta, minn naħa waħda, u ta’ inċidenza individwali, min-naħa l-oħra, previsti fit-tieni parti tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, huma distinti u kumulattivi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑3 ta’ Ottubru 2013, Inuit Tapiriit Kanatami et vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑583/11 P, EU:C:2013:625, punti 75 u 76 u l-ġurisprudenza ċċitata).

42      Fiċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ, hemm lok li qabel kollox jiġi eżaminat jekk l-ewwel kundizzjoni, marbuta mal-inċidenza individwali tar-rikorrenti, hijiex issodisfatta.

43      Skont ġurisprudenza stabbilita, il-kundizzjoni li persuna fiżika jew ġuridika għandha tkun direttament ikkonċernata mill-miżura li tkun is-suġġett tar-rikors tagħha teħtieġ li żewġ kundizzjonijiet jiġu ssodisfatti kumulattivament, jiġifieri li din il-miżura, minn naħa, tkun ta’ inċidenza diretta fuq is-sitwazzjoni legali ta’ din il-persuna u, min-naħa l-oħra, ma tħalli l-ebda setgħa diskrezzjonali lid-destinatarji inkarigati mill-implimentazzjoni tagħha, peress li din għandha natura purament awtomatika u tirriżulta unikament mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, mingħajr applikazzjoni ta’ regoli intermedjarji oħra (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat‑12 ta’ Lulju 2022, Nord Stream 2 vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑348/20 P, EU:C:2022:548, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata).

44      Il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li kull att seta’, bħala prinċipju, ikun ta’ inċidenza diretta fuq individwu u b’hekk ikun ta’ inċidenza diretta fuq is-sitwazzjoni legali tiegħu, indipendentement mill-fatt dwar jekk jinvolvix miżuri ta’ implimentazzjoni. B’hekk, il-fatt li miżuri ta’ implimentazzjoni ġew adottati jew għad iridu jiġu adottati ma huwiex, bħala tali, rilevanti peress li dawn ma jikkontestawx in-natura diretta tar-rabta eżistenti bejn l-att ikkontestat u dawn l-effetti. Dan huwa l-każ bil-kundizzjoni li dan l-att ma jħalli lid-destinatarji tiegħu ebda setgħa diskrezzjonali fir-rigward tal-impożizzjoni tal-imsemmija effetti fuq dan l-individwu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Lulju 2022, Nord Stream 2 vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑348/20 P, EU:C:2022:548, punt 74).

45      Barra minn hekk, il-kapaċità ta’ att li jipproduċi direttament effetti fuq is-sitwazzjoni legali ta’ persuna fiżika jew ġuridika, minn naħa, u l-eżistenza ta’ setgħa diskrezzjonali tad-destinatarji responsabbli mill-implimentazzjoni ta’ dan l-att, min-naħa l-oħra, għandhom jiġu evalwati fid-dawl tas-sustanza stess tal-imsemmi att (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Lulju 2022, Nord Stream 2 vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑348/20 P, EU:C:2022:548, punti 63, 64 u 95).

46      F’dan il-każ, l-att ikkontestat, b’mod partikolari l-punt 43 tiegħu, jimponi fuq in-NBS l-obbligu li jadotta fir-rigward tar-rikorrenti, f’terminu ta’ erba’ xhur, deċiżjoni definittiva li tinkludi miżuri ta’ superviżjoni ta’ natura li jiżguraw l-osservanza tad-dritt tal-Unjoni (ara l-punti 24 u 35 iktar ’il fuq).

47      Minn dan isegwi li l-att ikkontestat ma jħallix setgħa diskrezzjonali lin-NBS f’dak li jirrigwarda l-prinċipju stess tal-adozzjoni ta’ deċiżjoni u ta’ miżuri ta’ superviżjoni f’terminu stabbilit.

48      Min-naħa l-oħra, l-att ikkontestat iħalli bla dubju setgħa diskrezzjonali lin-NBS f’dak li jirrigwarda n-natura tal-miżuri ta’ superviżjoni li għandhom jiġu adottati. Fil-fatt, dan l-att la jimponi u lanqas jipprojbixxi lin-NBS milli jieħu miżura speċifika.

49      B’mod partikolari, il-Kummissjoni ma imponietx fuq in-NBS li jirtira l-approvazzjoni tar-rikorrenti. Fil-fatt, qabelxejn, fil-punt 38 tal-att ikkontestat, din l-istituzzjoni fakkret li “[l]-għażla ta’ kull miżura individwali ta’ superviżjoni fir-rigward ta’ entità suġġetta għal superviżjoni li [kienet] prerogattiva tal-awtorità superviżorja”. Sussegwentement, mill-paragrafu 41 tal-att ikkontestat jirriżulta li l-Kummissjoni pprevediet l-irtirar tal-awtorizzazzjoni tar-rikorrenti biss bil-kundizzjoni li tali miżura tkun “xierqa jew mandatorja” [traduzzjoni mhux uffiċjali] skont l-Artikolu 144 tad-Direttiva 2009/138. Fl-aħħar nett u fuq kollox, fil-konklużjoni tal-imsemmi att u, b’mod iktar partikolari, fil-paragrafu 44 ta’ dan tal-aħħar, il-Kummissjoni sempliċement indikat li tali rtirar huwa ta’ natura li jiggarantixxi l-osservanza tad-dritt tal-Unjoni mir-rikorrenti u min-NBS, mingħajr madankollu ma eżiġiet li dan tal-aħħar iwettaq dan l-irtirar.

50      F’dan il-kuntest, is-setgħa diskrezzjonali tan-NBS kienet limitata biss mid-dispożizzjonijiet legali applikabbli, u b’mod partikolari mill-Artikolu 144(1) tad-Direttiva 2009/138, li jippermetti, f’ċerti każijiet, u jimponi, f’każijiet oħra, li l-awtorità superviżorja tal-Istat Membru ta’ oriġini tirtira l-awtorizzazzjoni ta’ impriża ta’ assigurazzjoni jew ta’ riassigurazzjoni.

51      Minn dan isegwi li n-NBS żamm setgħa diskrezzjonali fid-definizzjoni tal-miżuri li għandhom jittieħdu fir-rigward tar-rikorrenti u li, għaldaqstant, huma biss il-miżuri meħuda min-NBS li setgħu jinċidu direttament fuq ir-rikorrenti. B’hekk, ma teżistix rabta diretta, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 44 iktar ’il fuq, bejn l-att ikkontestat u l-effetti tal-miżuri ta’ implementazzjoni meħuda sussegwentement min-NBS fir-rigward tar-rikorrenti.

52      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi konkluż li, tal-inqas, it-tieni kriterju msemmi fil-punt 43 iktar ’il fuq ma huwiex issodisfatt f’dan il-każ, b’tali mod li l-kundizzjoni dwar l-inċidenza diretta fuq ir-rikorrenti ma hijiex issodisfatta.

53      Din il-konklużjoni ma hijiex ikkontestata mill-argumenti tar-rikorrenti.

54      L-ewwel nett, ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment, li l-Kummissjoni riedet tillimita u telimina s-setgħa diskrezzjonali tan-NBS billi timponilu li jwettaq l-irtirar immedjat tal-awtorizzazzjoni tagħha, bl-esklużjoni ta’ approċċ iktar gradwali u ta’ kull miżura oħra. Minn dan hija tikkonkludi li d-deċiżjoni ta’ rtirar tal-awtorizzazzjoni hija l-konsegwenza diretta u awtomatika tal-att ikkontestat.

55      F’dan ir-rigward, minn dak li ġie rrilevat fil-punti 48 sa 51 jirriżulta li l-Kummissjoni ma llimitatx is-setgħa diskrezzjonali tan-NBS f’dak li jirrigwarda n-natura tal-miżuri ta’ superviżjoni li għandhom jittieħdu fir-rigward tar-rikorrenti u, b’mod partikolari, ma imponitlux li jirtira l-awtorizzazzjoni ta’ din tal-aħħar.

56      Għandu jingħad ukoll, qabel kollox, li, għalkemm, fil-paragrafu 38 tal-att ikkontestat, il-Kummissjoni indikat, essenzjalment, li s-setgħa diskrezzjonali ta’ awtorità superviżorja kienet “limitata” min-neċessità li jiġu adottati miżuri ta’ superviżjoni effikaċi u konklużivi, din it-tfakkira ta’ natura ġenerali ma tippreġudikax in-natura tal-miżuri ta’ superviżjoni li għandhom jittieħdu f’dan il-każ.

57      Bl-istess mod, għalkemm il-Kummissjoni semmiet, fil-punt 32 tal-att ikkontestat, evalwazzjoni preliminari tal-EIOPA, irċevuta fis‑6 ta’ Lulju 2022, li skontha l-osservanza tad-dritt tal-Unjoni “tkun teħtieġ deċiżjoni definittiva u konklużiva (jiġifieri l-irtirar tal-awtorizzazzjoni)” [traduzzjoni mhux uffiċjali], din it-tfakkira tal-pożizzjoni tal-EIOPA ma tikkostitwixxix il-pożizzjoni tal-Kummissjoni, li hija espressa fil-punti 41 u 44 tal-imsemmi att u tipprevedi l-irtirar tal-awtorizzazzjoni tar-rikorrenti biss b’mod indikattiv u bil-kundizzjoni li tali miżura tkun “xierqa jew mandatorja” skont l-Artikolu 144 tad-Direttiva 2009/138 (ara l-punt 49 iktar ’il fuq).

58      Sussegwentement, il-fatt, anki jekk jitqies li huwa stabbilit, li l-Kummissjoni eżerċitat forma ta’ “pressjoni politika” fuq in-NBS sabiex jirtira l-approvazzjoni tar-rikorrenti ma huwiex biżżejjed sabiex jitqies li din l-istituzzjoni kellha l-intenzjoni mhux biss li tinkoraġġixxi, iżda wkoll li ġġiegħel legalment lin-NBS iwettaq tali rtirar.

59      Fl-aħħar nett, il-fatt, anki jekk jiġi aċċettat li huwa stabbilit, li l-att ikkontestat seta’ kellu rwol li jagħti lok għall-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ rtirar tal-awtorizzazzjoni jirriżulta biss mill-eżistenza ta’ proċeduri li fihom jintervjenu u jinteraġixxu, minn naħa, l-EIOPA u l-Kummissjoni u, min-naħa l-oħra, l-awtoritajiet nazzjonali, fosthom in-NBS. Għaldaqstant tali ċirkustanza ma tistax tistabbilixxi rabta diretta u awtomatika bejn l-att ikkontestat u d-deċiżjoni ta’ rtirar tal-awtorizzazzjoni.

60      It-tieni, ir-rikorrenti tallega li, fl-att ikkontestat, il-Kummissjoni approvat, billi tathom portata vinkolanti, il-konklużjonijiet żbaljati tal-EIOPA li jgħidu li hija kienet wettqet “ksur identifikat” u kienet qiegħda taffaċċja “deterjorament tas-sitwazzjoni finanzjarja [tagħha]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. B’dan il-mod, il-Kummissjoni allegatament wettqet inċidenza diretta u negattiva fuq is-sitwazzjoni legali tagħha, indipendentement mid-deċiżjoni ta’ rtirar tal-awtorizzazzjoni.

61      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, ikunu xi jkunu l-motivi li fuqhom hija bbażata deċiżjoni, huwa biss id-dispożittiv tagħha li jista’ jipproduċi effetti legali u, għaldaqstant, li jista’ jinċidi direttament fuq ir-rikorrent (ara, b’analoġija, id-digriet tat‑28 ta’ Jannar 2004, Il‑Pajjiżi l-Baxxi vs Il‑Kummissjoni, C‑164/02, EU:C:2004:54, punt 21). Issa, f’dan il-każ, l-evalwazzjonijiet tal-Kummissjoni invokati mir-rikorrenti sempliċement ifakkru l-pożizzjoni tal-EIOPA u jikkonfermaw il-persistenza ta’ prattiki mhux xierqa tar-rikorrenti (paragrafu 26 u 38, b’mod partikolari, tal-att ikkontestat). Tali evalwazzjonijiet jikkostitwixxu, l-iktar l-iktar, motivi tal-att ikkontestat u, bħala tali, ma jipproduċu ebda effett legali distint minn dawk li jirriżultaw mill-parti konklużiva ta’ dan l-att (paragrafi 42 sa 45 tal-att ikkontestat). Minn dan isegwi li l-imsemmija evalwazzjonijiet ma jistgħux ikollhom inċidenza diretta fuq ir-rikorrenti.

62      It-tielet nett, ir-rikorrenti tispjega li, wara d-deċiżjoni ta’ rtirar tal-awtorizzazzjoni tagħha, hija kellha twaqqaf id-distribuzzjoni tal-prodotti tagħha ta’ assigurazzjoni għall-ħajja u taffaċċja kritika min-naħa tal-istampa. Barra minn hekk, hija kienet is-suġġett ta’, jew kienet mhedda minn, proċeduri ta’ stralċ u ta’ insolvenza fis-Slovakkja. Konsegwentement, ħafna klijenti xoljew il-kuntratti ta’ assigurazzjoni għall-ħajja tagħhom. Barra minn hekk, ir-relazzjonijiet tagħha mal-intermedjarji u l-amministraturi tal-assi ntlaqtu ħażin, ħafna impjegati telqu minnu u kellha ġġarrab spejjeż legali għoljin.

63      F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat, minn naħa, li l-obbligu tar-rikorrenti li twaqqaf l-attivitajiet kummerċjali tagħha ma jirriżultax direttament mill-att ikkontestat, iżda biss mid-deċiżjoni ta’ rtirar tal-awtorizzazzjoni tagħha. Barra minn hekk, ir-rikorrenti la tistabbilixxi, u lanqas tallega, li teżisti xi rabta ġuridika bejn l-att ikkontestat u l-proċeduri ta’ stralċ u ta’ insolvenza li hija ssemmi.

64      Min-naħa l-oħra, l-effetti negattivi l-oħra invokati mir-rikorrenti huma ta’ natura ekonomika, b’tali mod li ma jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex jiġi stabbilit effett fuq is-sitwazzjoni legali tagħha (sentenza tal‑5 ta’ Novembru 2019, BĊE et vs Trasta Komercbanka et, C‑663/17 P, C‑665/17 P u C‑669/17 P, EU:C:2019:923, punt 109).

65      Ir-raba’, ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment, li l-possibbiltà li jiġi ppreżentat rikors dirett kontra l-att ikkontestat hija neċessarja sabiex tiġi ggarantita protezzjoni ġudizzjarja effettiva, konformement mal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”). Hija tispjega li azzjoni legali quddiem il-qrati Slovakki kontra d-deċiżjoni ta’ rtirar tal-awtorizzazzjoni, flimkien ma’ kontestazzjoni inċidentali tal-legalità tal-att ikkontestat, hija inċerta u insuffiċjenti.

66      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li d-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, kif iggarantit fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta, ma għandux l-għan li jbiddel is-sistema ta’ stħarriġ ġudizzjarju prevista mit-Trattati, u b’mod partikolari r-regoli dwar l-ammissibbiltà tar-rikorsi ppreżentati direttament quddiem il-qrati tal-Unjoni. B’hekk, il-kundizzjonijiet għall-ammissibbiltà previsti fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE għandhom jiġu interpretati fid-dawl tad-dritt fundamentali għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, mingħajr madankollu ma jiġu injorati dawn il-kundizzjonijiet, li huma previsti espressament mit-Trattat FUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑28 ta’ April 2015, T & L Sugars u Sidul Açúcares vs Il‑Kummissjoni, C‑456/13 P, EU:C:2015:284, punti 43 u 44 u l-ġurisprudenza ċċitata).

67      Issa, dan ikun preċiżament il-każ jekk ir-rikorrenti tkun tista’ tippreżenta rikors għal annullament kontra opinjoni formali tal-Kummissjoni li ma hija ta’ inċidenza diretta fuqha, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 43 iktar ’il fuq.

68      Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li l-qorti tal-Unjoni għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi, b’mod preliminari, dwar il-validità tal-atti adottati mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni, mingħajr ebda eċċezzjoni, u, b’mod partikolari, opinjonijiet formali adottati mill-Kummissjoni abbażi tal-Artikolu 17(4) tar-Regolament Nru 1094/2010 (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal‑25 ta’ Marzu 2021, Balgarska Narodna Banka, C‑501/18, EU:C:2021:249, punti 82 u 83). Minn dan isegwi li, fil-kuntest ta’ azzjoni kontra l-miżuri meħuda min-NBS, u b’mod partikolari kontra d-deċiżjoni ta’ rtirar tal-awtorizzazzjoni, il-qrati Slovakki jistgħu, f’każ ta’ bżonn, jagħmlu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja rinviju għal deċiżjoni preliminari għall-evalwazzjoni tal-validità tal-att ikkontestat.

69      Fir-rigward tad-diffikultajiet prattiċi invokati mir-rikorrenti fir-rigward tal-effettività ta’ rikors quddiem il-qrati Slovakki u ta’ stħarriġ inċidentali tal-att ikkontestat, dawn ma jidhrux li huma insormontabbli.

70      Qabel kollox, fir-rigward tal-fatt li, fid-deċiżjoni ta’ rtirar tal-awtorizzazzjoni, in-NBS ma bbażax ruħu fuq l-att ikkontestat u lanqas ma għamel riferiment għalih, dan isostni l-argument tal-Kummissjoni li din id-deċiżjoni hija bbażata fuq motivi kompletament awtonomi u indipendenti minn dawk tal-att ikkontestat. F’tali ipoteżi, rinviju għal deċiżjoni preliminari għall-evalwazzjoni tal-validità tal-imsemmi att jista’ ma jkunx neċessarju.

71      Barra minn hekk, fir-rigward tan-natura “sigrieta” tad-dokumenti skambjati bejn in-NBS, l-EIOPA u l-Kummissjoni, il-qrati Slovakki jistgħu, f’każ ta’ bżonn, jeżiġu li n-NBS jipproduċi dawn id-dokumenti jew, fin-nuqqas ta’ dan, jitolbu lill-EIOPA u lill-Kummissjoni jikkomunikawlhom dawn id-dokumenti. Fil-fatt, il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali previst fl-Artikolu 4(3) TUE jimponi, bħala prinċipju, fuq l-istituzzjonijiet, fuq l-organi u fuq il-korpi tal-Unjoni l-obbligu li jikkomunikaw l-informazzjoni mitluba minn qorti nazzjonali fl-iqsar żmien possibbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Novembru 2002, First u Franex, C‑275/00, EU:C:2002:711, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata).

72      Sussegwentement, fir-rigward tat-tul u tal-allegata natura mhux sospensiva tal-proċedura quddiem il-qrati Slovakki, ir-rikorrenti ma tissostanzjax l-allegazzjoni tagħha. Fi kwalunkwe każ, l-assenza ta’ rikors sospensiv kontra deċiżjoni ma tikkostitwixxix neċessarjament ksur tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tas‑17 ta’ Diċembru 2015, Tall, C‑239/14, EU:C:2015:824, punt 59). Barra minn hekk, kemm mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta kif ukoll mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE jirriżulta li l-Istati Membri għandhom jipprevedu sistema ta’ rimedji ġudizzjarji u ta’ proċeduri li jippermettu li jiġi żgurat ir-rispett tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva fl-oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑28 ta’ April 2015, T & L Sugars u Sidul Açúcares vs Il‑Kummissjoni, C‑456/13 P, EU:C:2015:284, punti 49 u 50 u l-ġurisprudenza ċċitata).

73      Fl-aħħar nett, is-sempliċi fatt li l-Kummissjoni ddeċidiet, fl‑24 ta’ April 2024, li tiftaħ proċedura ta’ ksur skont l-Artikolu 258 TFUE kontra r-Repubblika Slovakka, minħabba li n-NBS naqas milli twettaq l-obbligi tagħha fl-eżerċizzju tas-setgħat ta’ superviżjoni tiegħu fir-rigward tar-rikorrenti, ma jistax, fi kwalunkwe każ, ikollu l-għan jew l-effett li jċaħħad lil din tal-aħħar minn protezzjoni ġudizzjarja effettiva quddiem il-qrati Slovakki.

74      Mill-punti 46 sa 73 iktar ’il fuq jirriżulta li r-rikorrenti ma għandhiex inċidenza diretta fuqha mill-att ikkontestat. Konsegwentement, mingħajr ma huwa neċessarju li jiġi eżaminat jekk hemmx inċidenza individwali fuqha minn dan l-att, hija lanqas ma għandha dritt għal azzjoni legali abbażi tat-tieni parti tas-sentenza tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE. Minn dan isegwi li r-rikorrenti ma tiġġustifikax il-locus standi tagħha.

75      Għaldaqstant, mingħajr ma hemm bżonn li tiġi eżaminata t-tielet parti tal-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, it-tieni parti ta’ din l-eċċezzjoni għandha tintlaqa’ u r-rikors għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli.

 Fuq it-talba għal intervent

76      Skont l-Artikolu 142(2) tar-Regoli ta’ Proċedura, l-intervent jitlef l-iskop tiegħu meta r-rikors jiġi ddikjarat inammissibbli. F’dan il-każ, peress li r-rikors ġie miċħud bħala inammissibbli, ma hemmx iktar lok li tingħata deċiżjoni dwar it-talba għal intervent imressqa mir-Repubblika Slovakka.

 Fuq l-ispejjeż

77      Fl-ewwel lok, skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-rikorrenti tilfet, hemm lok li tiġi kkundannata, minbarra għall-ispejjeż tagħha stess, għal dawk sostnuti mill-Kummissjoni, konformement mat-talbiet ta’ din tal-aħħar, bl-eċċezzjoni ta’ dawk relatati mat-talba għal intervent.

78      Fit-tieni lok, skont l-Artikolu 144(10) tar-Regoli tal-Proċedura, jekk l-istanza fil-kawża prinċipali tingħalaq qabel tingħata deċiżjoni dwar talba għal intervent, min ressaq it-talba għal intervent u l-partijiet prinċipali għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom stess marbuta mat-talba għal intervent. F’dan il-każ, ir-rikorrenti, il-Kummissjoni u r-Repubblika Slovakka għandhom ibatu kull wieħed l-ispejjeż tagħhom stess relatati mat-talba għal intervent.

Għal dawn ir-raġunijiet,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Seba’ Awla)

tordna:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Ma għadx hemm lok li tingħata deċiżjoni dwar it-talba għal intervent tar-Repubblika Slovakka.

3)      Novis Insurance Company, Novis Versicherungsgesellschaft, Novis Compagnia di Assicurazioni, Novis Poisťovňa a.s. hija kkundannata tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha stess, dawk sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea, bl-eċċezzjoni ta’ dawk relatati mat-talba għal intervent.

4)      Novis Insurance Company, Novis Versicherungsgesellschaft, Novis Compagnia di Assicurazioni, Novis Poisťovňa, il-Kummissjoni u r-Repubblika Slovakka għandhom ibatu kull wieħed l-ispejjeż tagħhom stess relatati mat-talba għal intervent.

Magħmul fil-Lussemburgu, fit‑23 ta’ Mejju 2025.

Ir-Reġistratur

 

Il-President

V. Di Bucci

 

K. Kowalik-Bańczyk


*      Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.

Top