Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32014D0932

    Miżuri restrittivi tal-UE fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Jemen

    Miżuri restrittivi tal-UE fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Jemen

     

    SOMMARJU TA’:

    Deċiżjoni 2014/932/PESK dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Jemen

    Regolament (UE) Nru 1352/2014 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Jemen

    X’INHU L-GĦAN TAD-DEĊIŻJONI U TAR-REGOLAMENT?

    Id-deċiżjoni u r-regolament huma parti mill-għodda tal-politika estera u ta’ sigurtà komuni (PESK) tal-Unjoni Ewropea (UE), biex tippromwovi l-objettivi tal-PESK billi tipprovdi l-bażi legali għas-“sanzjonijiet” tal-UE fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Jemen.

    PUNTI EWLENIN

    Miżuri restrittivi

    Id-deċiżjoni u r-regolament, li kienu emendati bosta drabi bl-atti ta’ implimentazzjoni, jistabbilixxu miżuri restrittivi li għandhom ikunu imposti fuq individwi u entitajiet elenkati, inklużi dawn li ġejjin.

    • projbizzjoni fuq assistenza teknika militari u fuq il-provvista, manifattura żamma u użu ta’ armi u kull tagħmir relatat, inklużi armi u munizzjon, vetturi u tagħmir militari, tagħmir u partijiet tal-bdil paramilitari; direttament jew indirettament;
    • projbizzjoni fuq assistenza finanzjarja għal attivitajiet militari, inklużi għotjiet, self u assigurazzjoni ta’ kreditu għall-esportazzjoni, u fuq assigurazzjoni għall-bejgħ, provvista, trasferiment jew esportazzjoni ta’ armi u tagħmir relatat, jew il-provvista ta’ assistenza teknika, direttament jew indirettament;
    • friża fuq il-finanzjament u riżorsi ekonomiċi, b’ebda fondi ġodda ma jsiru disponibbli direttament jew indirettament.

    Eċċezzjonijiet

    L-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea (UE) jistgħu jawtorizzaw eċċezzjonijiet, diment li l-fondi huma biex jiffaċilitaw ix-xogħol tan-Nazzjonijiet Uniti (NU) u organizzazzjonijiet oħra umanitarji fil-Jemen, kif hu miftiehem mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet tan-NU, jew li l-fondi jkunu:

    • biex jissodisfaw bżonnijiet bażiċi, inkluż pagament għal ikel, kirja, mediċina, taxxi jew utilitajiet pubbliċi;
    • biex jitħallsu spejjeż professjonali raġunevoli;
    • biex jitħallsu spejjeż għaż-żamma ta’ fondi ffriżati;
    • is-suġġett ta’ rahan* ġudizzjarju jew amministrattiv minn qabel jew biex jissodisfa pretensjonijiet garantiti minn tali rahan, diment li n-nies jew l-entitajiet elenkati ma jibbenefikawx;
    • għal pagamenti dovuti taħt kuntratt jew ftehim minn qabel, u li ma jiksrux sanzjonijiet.

    Nies u entitajiet suġġetti għal sanzjonijiet

    In-nies u l-entitajiet elenkati f’Anness I tar-regolament huma identifikati mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet tan-NU bħala impenjati fi jew li jipprovdu appoġġ għal atti li jheddu l-paċi, is-sigurtà jew l-istabbiltà tal-Jemen, inklużi:

    • jostakolaw jew jimminaw it-tranżizzjoni politika, kif deskritta fl-inizzjattiva tal-Kunsill ta’ Kooperazzjoni tal-Golf u l-Ftehim dwar il-Mekkaniżmu tal-Implimentazzjoni;
    • jimpedixxu l-implimentazzjoni tal-eżiti tar-rapport finali tal-Konferenza għad-Djalogu Nazzjonali permezz tal-vjolenza jew attakki fuq infrastruttura essenzjali;
    • l-ippjanar, l-immaniġjar jew it-twettiq ta’ atti fil-Jemen li jiksru d-drittijiet umani internazzjonali jew il-liġi umanitarja, inkluża l-vjolenza sesswali u r-reklutaġġ ta’ tfal f’konflitt armat bi ksur tal-liġi internazzjonali;
    • ksur tal-embargo fuq l-armi jew ostruzzjoni tal-assistenza umanitarja lil Jemen.

    Eżenzjonijiet umanitarji

    Konformi mar-Riżoluzzjoni 2664 (2022) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti, ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2023/331 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2023/338 jintroduċu fil-liġi tal-UE eżenzjoni għas-sanzjonijiet fil-forma ta’ ffriżar tal-assi għall-assistenza umanitarja u attivitajiet oħra li jappoġġjaw bżonnijiet bażiċi umani, applikabbli għal ċerti individwi jew entitajiet.

    MINN META JAPPLIKAW ID-DEĊIŻJONI U R-REGOLAMENT?

    Id-Deċiżjoni 2014/932/PESK u r-Regolament (UE) Nru 1352/2014 ilhom japplikaw mid-19 ta’ Diċembru 2014.

    SFOND

    Għal aktar informazzjoni, ara:

    TERMINI EWLENIN

    Rahan. Pretensjoni jew dritt legali fuq assi li jkunu użati bħala kollateral biex jitħallas xi dejn.

    DOKUMENTI PRINĊIPALI

    Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/932/PESK tat-18 ta’ Diċembru 2014 rigward miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Jemen (ĠU L 365, 19.12.2014, pp. 147–151).

    L-emendi suċċessivi għad-Deċiżjoni 2014/932/PESK ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

    Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1352/2014 tat-18 ta’ Diċembru 2014 rigward miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Jemen (ĠU L 365, 19.12.2014, pp. 60–69).

    Ara l-verżjoni konsolidata.

    DOKUMENTI RELATATI

    Verżjoni konsolidata tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea — Titolu V — Dispożizzjonijiet ġenerali dwar l-Azzjoni Esterna tal-Unjoni u dispożizzjonijiet speċifiċi dwar il-politika estera u ta’ sigurtà komuni — Kapitolu 2 — Dispożizzjonijiet speċifiċi dwar il-politika estera u ta’ sigurtà komuni — Taqsima 1 — Dispożizzjonijiet komuni — Artikolu 29 (ex Artikolu 15 TUE) (ĠU C 202, 7.6.2016, p. 33).

    Verżjoni konsolidata tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea — Il-Ħames parti — L-azzjoni esterna tal-Unjoni — Titolu IV — Il-miżuri restrittivi — Artikolu 215 (ex Artikolu 301 TKE) (ĠU C 202, 7.6.2016, p. 144).

    l-aħħar aġġornament 17.02.2023

    Fuq