Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32009D0316

    Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni ta’ Rekords Kriminali (ECRIS)

    Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni ta’ Rekords Kriminali (ECRIS)

     

    SOMMARJU TA’:

    Deċiżjoni 2009/316/ĠAI dwar l-istabbiliment tas-Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni ta’ Rekords Kriminali

    X’INHU L-GĦAN TAD-DEĊIŻJONI?

    Hija stabbiliet:

    • is-Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni ta’ Rekords Kriminali (ECRIS);
    • format standardizzat għall-iskambju elettroniku ta’ informazzjoni bejn l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea (UE), b’mod partikolari dwar ir-reati u l-kundanni.

    Id-deċiżjoni għadha tapplika bis-sħiħ fl-Irlanda u fid-Danimarka, li mhumiex marbuta bid-Direttiva (UE) 2019/884 li tissostitwixxi d-Deċiżjoni 2009/316/ĠAI mit-28 ta’ Ġunju 2022.

    Għall-Istati Membri l-oħrajn kollha, id-Deċiżjoni Kwadru 2009/315/ĠAI, kif emendata mid-Direttiva (UE) 2019/884, hija l-uniku strument applikabbli għall-ECRIS (ara s-sommarju).

    PUNTI EWLENIN

    • L-ECRIS hija sistema deċentralizzata tat-teknoloġija tal-informazzjoni bbażata fuq bażijiet ta’ data nazzjonali tar-rekords kriminali. Din tippermetti li jsir skambju ta’ informazzjoni estratta mir-rekords kriminali nazzjonali bejn l-awtoritajiet ċentrali tal-Istati Membri. Dan jikkonsisti f’dawn li ġejjin:
      • l-interkonnessjoni tas-software permezz ta’ sett komuni ta’ protokolli għall-iskambju tal-informazzjoni;
      • infrastruttura komuni tal-komunikazzjoni, imħaddma taħt ir-responsabbiltà tal-Kummissjoni Ewropea, b’network kriptat.
    • L-awtoritajiet ċentrali nazzjonali ma għandhomx aċċess dirett online għal bażijiet ta’ data tar-rekords kriminali fi Stati Membri oħrajn.
    • Il-Kummissjoni:
      • tipprovdi appoġġ ġenerali, assistenza teknika u s-software ta’ implimentazzjoni ta’ referenza;
      • tkopri l-ispejjeż tal-implimentazzjoni, l-amministrazzjoni, l-użu u ż-żamma tal-infrastruttura komuni ta’ komunikazzjoni tal-ECRIS, u tal-iżvilupp futur tagħha, flimkien mal-ispejjeż tal-implimentazzjoni u l-iżvilupp futur tas-software ta’ implimentazzjoni ta’ referenza;
      • tippubblika regolarment rapporti dwar l-użu u l-funzjonament tal-ECRIS.
    • L-Istati Membri:
      • jużaw il-kodiċi xierqa għall-kategoriji tar-reati (Anness A) u tas-sanzjonijiet (Anness B) meta jiskambjaw l-informazzjoni;
      • huma responsabbli għall-bażijiet tad-data tar-rekords kriminali tagħhom stess;
      • jipprovdu lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea b’lista ta’ reati u sentenzi nazzjonali biex jgħinu fil-produzzjoni ta’ manwal mhux vinkolanti għall-utenti tal-ECRIS;
    • L-Istati Membri u l-Kummissjoni jiskambjaw l-informazzjoni u jikkonsultaw ma’ xulxin fil-Kunsill sabiex:
      • ifasslu manwal mhux vinkolanti li jistabbilixxi l-proċeduri ta’ skambju ta’ informazzjoni, li jindirizza b’mod partikolari l-problema tal-identifikazzjoni tat-trasgressuri;
      • jikkoordinaw l-iżvilupp u l-operat tal-ECRIS, b’mod partikolari billi jiġu stabbiliti sistemi u proċeduri ta’ reġistrazzjoni, speċifikazzjonijiet tekniċi u ta’ sigurtà, u proċeduri għall-konformità ta’ software nazzjonali.
    • Id-deċiżjoni:
      • ma għandhiex l-għan li tistabbilixxi bażi tad-data ċentralizzata tar-rekords kriminali, peress li d-data kriminali kollha tinħażen f’bażijiet tad-data nazzjonali;
      • timplimenta d-Deċiżjoni Kwadru 2009/315/ĠAI (ara s-sommarju), li tistabbilixxi l-prinċipji ġenerali għall-operazzjoni tal-iskambju ta’ rekords kriminali bejn l-Istati Membri.
    • Id-deċiżjoni hija kkumplimentata minn:
      • Id-Direttiva 2011/93/UE dwar il-ġlieda kontra l-abbuż sesswali fuq it-tfal (ara s-sommarju), li tirrikjedi skambju ta’ informazzjoni, jekk mitlub, fi proċeduri ta’ reklutaġġ għal postijiet li jinvolvu kuntatt dirett u regolari mat-tfal;
      • Ir-Regolament (UE) 2019/816 dwar ECRIS-TCN, li jistabbilixxi sistema ċentralizzata għall-identifikazzjoni ta’ Stati Membri li għandhom informazzjoni ta’ kundanna dwar ċittadini mhux tal-UE (ara s-sommarju);
      • Ir-Regolament (UE) 2018/1726 li jistabbilixxi l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għat-Tmexxija Operattiva ta’ Sistemi tal-IT fuq Skala Kbira — ara s-sommarju.
    • Id-Direttiva (UE) 2019/884, minbarra li temenda d-Deċiżjoni Kwadru 2009/315/ĠAI (ara hawn fuq), tissostitwixxi d-Deċiżjoni 2009/316/ĠAI, li waqqfet l-ECRIS, u saret liġi fl-Istati Membri mit-28 ta’ Ġunju 2022.
    • Madankollu, għandu jiġi nnutat li l-Irlanda u d-Danimarka mhumiex marbuta bid-Direttiva (UE) 2019/884. Dan ifisser li d-Deċiżjoni 2009/316/ĠAI tkompli tapplika f’dawk iż-żewġ Stati Membri.

    MINN META TAPPLIKA D-DEĊIŻJONI?

    Ilha tapplika mis-7 ta’ April 2009. L-Istati Membri kellhom jinkorporawha fil-liġi nazzjonali sas-27 ta’ April 2012.

    SFOND

    • Qabel ma ġiet stabbilita l-ECRIS, il-qrati nazzjonali ta’ spiss għaddew sentenzi mingħajr ma kienu jafu jekk kriminal kellux kundanni preċedenti fi Stat Membru ieħor.
    • Mill-2008, id-Deċiżjoni Kwadru 2008/675/ĠAI (ara s-sommarju) rrikjediet li kundanni kriminali preċedenti jiġu kkunsidrati minn qorti matul proċedimenti kriminali ġodda kontra individwu. L-ECRIS tappoġġja dan il-proċess billi tipprovdi lill-imħallfin, lill-prosekuturi u lill-awtoritajiet amministrattivi rilevanti b’informazzjoni komprensiva dwar l-istorja kriminali ta’ ċittadin tal-UE, irrispettivament minn fejn ikun instab ħati.
    • Għal aktar informazzjoni, ara:

    DOKUMENT PRINĊIPALI

    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/316/ĠAI tas-6 ta’ April 2009 dwar l-istabbiliment tas-Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni ta’ Rekords Kriminali (ECRIS) fl-applikazzjoni tal-Artikolu 11 tad-Deċiżjoni Kwadru 2009/315/ĠAI (ĠU L 93, 7.4.2009, pp. 33-48).

    DOKUMENTI RELATATI

    Id-Direttiva (UE) 2019/884 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ April 2019 li temenda d-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2009/315/ĠAI, fir-rigward tal-iskambju ta’ informazzjoni dwar ċittadini ta’ pajjiżi terzi u fir-rigward tas-Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni ta’ Rekords Kriminali (ECRIS), u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/316/ĠAI (ĠU L 151, 7.6.2019, pp. 143-150).

    Ir-Regolament (UE) 2019/816 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ April 2019 li jistabbilixxi sistema ċentralizzata għall-identifikazzjoni ta’ Stati Membri fil-pussess ta’ informazzjoni dwar kundanni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi u persuni apolidi (ECRIS-TCN) biex tissupplimenta s-Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni ta’ Rekords Kriminali li jemenda r-Regolament (UE) 2018/1726 (ĠU L 135, 22.5.2019, pp. 1-26).

    L-emendi suċċessivi għar-Regolament (UE) 2019/816 ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

    Ir-Regolament (UE) 2018/1726 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Novembru 2018 dwar l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għat-Tmexxija Operattiva ta’ Sistemi tal-IT fuq Skala Kbira fl-Ispazju ta’ Libertà, Sigurtà u Ġustizzja (eu-LISA), u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1987/2006 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/533/ĠAI u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1077/2011 (ĠU L 295, 21.11.2018, pp. 99-137).

    Ara l-verżjoni konsolidata.

    Id-Direttiva 2011/93/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Diċembru 2011 dwar il-ġlieda kontra l-abbuż sesswali u l-isfruttament sesswali tat-tfal u l-pedopornografija, u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2004/68/ĠAI (ĠU L 335, 17.12.2011, pp. 1-14).

    Ara l-verżjoni konsolidata.

    Id-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2009/315/ĠAI tas-26 ta’ Frar 2009 dwar l-organizzazzjoni u l-kontenut tal-iskambju bejn l-Istati Membri, ta’ informazzjoni estratta mir-rekords kriminali (ĠU L 93, 7.4.2009, pp. 23-32).

    Ara l-verżjoni konsolidata.

    Id-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2008/675/ĠAI tal-24 ta’ Lulju 2008 dwar it-teħid inkonsiderazzjoni ta’ kundanni fl-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea waqt proċedimenti kriminali ġodda (ĠU L 220, 15.8.2008, pp. 32-34).

    l-aħħar aġġornament 20.10.2022

    Fuq