Questo documento è un estratto del sito web EUR-Lex.
Documento 32009D0316
Council Decision 2009/316/JHA of 6 April 2009 on the establishment of the European Criminal Records Information System (ECRIS) in application of Article 11 of Framework Decision 2009/315/JHA
Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/316/ĠAI tas- 6 ta’ April 2009 dwar l-istabbiliment ta’ Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni ta’ Rekords Kriminali (ECRIS) fl-applikazzjoni tal-Artikolu 11 tad-Deċiżjoni Qafas 2009/315/ĠAI
Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/316/ĠAI tas- 6 ta’ April 2009 dwar l-istabbiliment ta’ Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni ta’ Rekords Kriminali (ECRIS) fl-applikazzjoni tal-Artikolu 11 tad-Deċiżjoni Qafas 2009/315/ĠAI
ĠU L 93, 7.4.2009, pagg. 33–48
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV) Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali
(HR)
Non più in vigore, Data di fine della validità: 27/06/2022; Mibdul minn 32019L0884
7.4.2009 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 93/33 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL 2009/316/ĠAI
tas-6 ta’ April 2009
dwar l-istabbiliment ta’ Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni ta’ Rekords Kriminali (ECRIS) fl-applikazzjoni tal-Artikolu 11 tad-Deċiżjoni Qafas 2009/315/ĠAI
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 31 u 34(2)(c) tiegħu,
Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/315/ĠAI tas-26 ta’ Frar 2009 dwar l-organizzazzjoni u l-kontenut tal-iskambju bejn l-Istati Membri ta’ informazzjoni estratta mir-rekords kriminali (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 11(4) tagħha,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew (2),
Billi:
(1) |
L-Artikolu 29 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea jistipula li l-għan tal-Unjoni hu li jipprovdi liċ-ċittadini b’livell għoli ta’ sigurezza fil-qasam tal-libertà, tas-sigurtà u tal-ġustizzja. Dan l-għan jippresupponi l-iskambju sistematiku tal-informazzjoni estratta minn rekords kriminali bejn l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri b’mod li jiggarantixxi l-għarfien komuni tagħhom u l-effikaċja ta’ tali skambju. |
(2) |
L-informazzjoni dwar il-kundanni kriminali deċiżi kontra ċittadini ta’ Stati Membri minn Stati Membri oħra ma tiċċirkolax b’mod effikaċi fuq il-bażi kurrenti tal-Konvenzjoni Ewropea dwar l-Assitenza Reċiproka f’Materji Kriminali tal-20 ta’ April 1959. Għalhekk, jeħtieġ li jkun hemm proċeduri aktar effiċjenti u aċċessibbli ta’ skambju għal tali informazzjoni fil-livell tal-Unjoni Ewropea. |
(3) |
Il-ħtieġa li titjieb il-kwalità tal-iskambju tal-informazzjoni dwar il-kundanni kriminali ngħatat prijorità fid-Dikjarazzjoni tal-Kunsill Ewropew dwar il-Ġlieda kontra t-Terroriżmu tal-25 u s-26 ta’ Marzu 2004 u sussegwentement riaffermata fil-Programm tal-Aja (3) u fil-Pjan ta’ Azzjoni (4) dwar l-implimentazzjoni tiegħu. Barra minn hekk, l-interkonnessjoni kompjuterizzata tar-rekords kriminali fil-livell tal-Unjoni Ewropea ġiet rikonoxxuta bħala prijorità politika mill-Kunsill Ewropew fil-Konklużjonijiet tiegħu tal-21 u t-22 ta’ Ġunju 2007. |
(4) |
L-interkonnessjoni kompjuterizzata tar-rekords kriminali hija parti mill-proġett E-Ġustizzja, li kien rikonoxxut diversi drabi bħala prijorità mill-Kunsill Ewropew fl-2007. |
(5) |
Attwalment, qed jiġi żviluppat proġett sperimentali bil-għan li r-rekords kriminali jiġu interkonnessi. Il-kisbiet tiegħu jikkostitwixxu bażi valida għal aktar ħidma fuq l-iskambju kompjuterizzat ta’ informazzjoni fil-livell tal-Unjoni Ewropea. |
(6) |
Din id-Deċiżjoni għandha l-għan li timplimenta d-Deċiżjoni Qafas 2009/315/ĠAI sabiex toħloq u tiżviluppa sistema kompjuterizzata ta’ skambju ta’ informazzjoni dwar il-kundanni kriminali bejn l-Istati Membri. Tali sistema għandha tkun tista’ tikkomunika informazzjoni dwar kundanni kriminali f’forma li tkun faċilment intelliġibbli. Għaldaqstant, għandhom jiġu stabbiliti kemm format standardizzat li jippermetti li l-informazzjoni tkun skambjata b’mod uniformi u elettroniku u i jippermetti t-traduzzjoni kompjuterizzata tagħha kif ukoll kwalunkwe mezz ieħor li jorganizza u jiffaċilita l-iskambji elettroniċi ta’ informazzjoni dwar il-kundanni kriminali bejn l-awtoritajiet ċentrali tal-Istati Membri. |
(7) |
Din id-Deċiżjoni hija bbażata fuq il-prinċipji stabbiliti mid-Deċiżjoni Qafas 2009/315/ĠAI u tapplika u tissupplimenta dawk il-prinċipji mil-lat tekniku. |
(8) |
Il-kategoriji tad-data li jridu jiddaħħlu fis-sistema, l-iskopijiet li għalihom id-data għandha tiddaħħal, il-kriterji għad-dħul tagħha, l-awtoritajiet permessi li jaċċessaw id-data, u xi regoli speċifiċi dwar il-protezzjoni ta’ data personali huma definiti fid-Deċiżjoni Qafas 2009/315/ĠAI. |
(9) |
La din id-Deċiżjoni u lanqas id-Deċiżjoni Qafas 2009/315/ĠAI ma jistabbilixxu xi obbligu sabiex tiġi skambjata informazzjoni dwar deċiżjonijiet mhux kriminali. |
(10) |
Ladarba l-għan ta’ din id-Deċiżjoni mhuwiex li jkunu armonizzati s-sistemi nazzjonali tar-rekords kriminali, m’hemm l-ebda obbligu li Stat Membru tal-kundanna jbiddel is-sistema interna tiegħu tar-rekords kriminali fir-rigward tal-użu tal-informazzjoni għall-finijiet domestiċi. |
(11) |
Is-Sistema Ewropea ta’ Rekords Kriminali (European Criminal Rekords System, ECRIS) hija sistema informatika deċentralizzata. Id-data tar-rekords kriminali għandha tiġi preżervata unikament f’databases operati mill-Istati Membri, u m’għandu jkun hemm ebda aċċess dirett online għad-databases ta’ rekords kriminali ta’ Stati Membri oħra. L-Istati Membri għandhom jerfgħu r-responsabbiltà għall-operazzjoni tad-databases nazzjonali tar-rekords kriminali u għal skambji effikaċi ta’ informazzjoni bejniethom. L-infrastruttura komuni ta’ komunikazzjoni tal-ECRIS inizjalment għandha tkun in-network ta’ Servizzi Trans-Ewropej għat-Telematika bejn l-Amministrazzjonijiet (S-TESTA). L-ispiża kollha li tikkonċerna l-infrastruttura komuni ta’ komunikazzjoni għandha tkun koperta mill-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea. |
(12) |
It-tabelli ta’ referenza tal-kategoriji ta’ reati u l-kategoriji ta’ pieni u miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni għandhom jiffaċilitaw it-traduzzjoni awtomatika u għandhom jippermettu l-għarfien reċiproku tal-informazzjoni trasmessa bl-użu ta’ sistema ta’ kodiċi. Il-kontenut tat-tabelli hu riżultat tal-analiżi tal-ħtiġijiet tas-27 Stat Membru kollha. Dik l-analiżi kkunsidrat il-kategorizzazzjoni tal-proġett sperimentali u r-riżultati tal-eżerċizzju ta’ ġabra tad-diversi reati u pieni u miżuri nazzjonali. Barra minn hekk, fil-każ tat-tabella ta’ reati, ikkunsidrat ukoll id-definizzjonijiet komuni armonizzati eżistenti fil-livell Ewropew u f’dak internazzjonali kif ukoll il-mudelli tad-data tal-Eurojust u tal-Europol. |
(13) |
Sabiex jiġu żgurati l-għarfien reċiproku u t-trasparenza tal-kategorizzazzjoni komuni, kull Stat Membru għandu jippreżenta l-lista ta’ reati u pieni u miżuri nazzjonali li jaqgħu f’kull kategorija msemmija fit-tabella rispettiva. L-Istati Membri jistgħu jipprovdu deskrizzjoni ta’ reati u pieni u miżuri u, fid-dawl tal-utilità ta’ tali deskrizzjoni, huma għandhom ikunu inkoraġġiti jagħmlu dan. Tali informazzjoni għandha ssir aċċessibbli għall-Istati Membri. |
(14) |
It-tabelli ta’ referenza tal-kategoriji tar-reati u tal-kategoriji ta’ pieni u miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni mhumiex imfassla sabiex jistabbilixxu ekwivalenzi ġuridiċi bejn reati u bejn pieni u miżuri li jeżistu fil-livelli nazzjonali. Huma għodda li tgħin lir-riċevitur jifhem aħjar il-fatt jew fatti u t-tip ta’ piena jew pieni, jew ta’ miżura jew miżuri, li jkunu jinsabu fl-informazzjoni trasmessa. Il-preċiżjoni tal-kodiċijiet imsemmija ma tistax tiġi kompletament garantita mill-Istat Membru li jipprovdi l-informazzjoni u din m’għandhiex tipprekludi l-awtoritajiet kompetenti fl-Istat Membru riċevent milli jinterpretaw l-informazzjoni. |
(15) |
It-tabelli ta’ referenza ta’ kategoriji ta’ reati u ta’ kategoriji ta’ pieni u miżuri għandhom jiġu riveduti u aġġornati konformement mal-proċedura għall-adozzjoni ta’ miżuri implimentattivi għal deċiżjonijiet previsti fit-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. |
(16) |
L-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jinformaw u jikkonsultaw lil xulxin fil-Kunsill abbażi tal-modalitajiet stabbiliti fit-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea bil-ħsieb li jfasslu manwal mhux vinkolanti għall-prattikanti, li għandu jindirizza l-proċeduri li jirregolaw l-iskambju ta’ informazzjoni, partikolarment il-modalitajiet ta’ identifikazzjoni ta’ awturi ta’ reati, l-għarfien komuni tal-kategoriji ta’ reati u pieni u miżuri, u spjegazzjoni ta’ reati u pieni u miżuri nazzjonali problematiċi, u bil-ħsieb li jiżguraw il-koordinazzjoni meħtieġa għall-iżvilupp u l-operazzjoni tal-ECRIS. |
(17) |
Sabiex jiġi aċċelerat l-iżvilupp tal-ECRIS, il-Kummissjoni għandha tieħu numru ta’ miżuri tekniċi sabiex tassisti lill-Istati Membri fil-preparazzjoni tal-infrastruttura teknika għall-interkonnessjoni tad-databases tagħhom tar-rekords kriminali. Il-Kummissjoni tista’ tipprovdi software implimentattiv ta’ referenza, jiġifieri software adatt li jippermetti lill-Istati Membri jagħmlu din l-interkonnessjoni, li huma jistgħu jagħżlu li japplikaw minflok is-software tagħhom stess ta’ interkonnessjoni għall-implimentazzjoni tas-sett komuni ta’ protokolli li jippermettu l-iskambju ta’ informazzjoni bejn databases ta’ rekords kriminali. |
(18) |
Id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/977/ĠAI tas-27 ta’ Novembru 2008 dwar il-protezzjoni tad-data personali pproċessata fil-qafas tal-koperazzjoni tal-pulizija u dik ġudizzjarja f’materji kriminali (5) għandha tapplika fil-kuntest tal-iskambju kompjuterizzat ta’ informazzjoni estratta minn rekords kriminali tal-Istati Membri, u tipprevedi livell adegwat ta’ protezzjoni ta’ data meta tiġi skambjata informazzjoni bejn l-Istati Membri, filwaqt li tippermetti li l-Istati Membri jesiġu standards ogħla fil-proċessar ta’ data nazzjonali. |
(19) |
Ladarba l-għan ta’ din id-Deċiżjoni, jiġifieri l-iżvilupp ta’ sistema għat-trasmisssjoni kompjuterizzata ta’ informazzjoni dwar il-kundanni kriminali bejn l-Istati Membri, ma jistax jinkiseb suffiċjentement mill-Istati Membri unilateralment, u għalhekk jista’, minħabba n-neċessità ta’ azzjoni kkoordinata fl-Unjoni Ewropea, jinkiseb aħjar fil-livell tal-Unjoni Ewropea, il-Kunsill jista’ jadotta miżuri konformement mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà msemmi fl-Artikolu 2 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea. Konformement mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, din id-Deċiżjoni ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkiseb dak l-għan. |
(20) |
Din id-Deċiżjoni tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji rikonoxxuti mill-Artikolu 6 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u riflessi fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, |
IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:
Artikolu 1
Suġġett
Din id-Deċiżjoni tistabbilixxi Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni ta’ Rekords Kriminali (ECRIS).
Din id-Deċiżjoni tistabbilixxi wkoll l-elementi ta’ format standard għall-iskambju elettroniku, bejn l-Istati Membri, ta’ informazzjoni estratta minn rekords kriminali, b’mod partikolari fir-rigward ta’ informazzjoni dwar ir-reat li jkun wassal għall-kundanna u informazzjoni dwar il-kontenut tal-kundanna, kif ukoll mezzi implimentattivi oħra kemm ġenerali kif ukoll tekniċi relatati mal-organizzazzjoni u l-faċilitazzjoni tal-iskambju ta’ informazzjoni.
Artikolu 2
Definizzjonijiet
Għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet stipulati fid-Deċiżjoni Qafas 2009/315/ĠAI.
Artikolu 3
Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni ta’ Rekords Kriminali (ECRIS)
1. L-ECRIS hija sistema deċentralizzata tat-teknoloġija tal-informazzjoni, ibbażata fuq id-databases tar-rekords kriminali f’kull Stat Membru. Hija tikkonsisti mill-elementi li ġejjin:
(a) |
software ta’ interkonnessjoni strutturat konformement ma’ sett komuni ta’ protokolli li jippermettu l-iskambju ta’ informazzjoni bejn id-databases tar-rekords kriminali tal-Istati Membri: |
(b) |
infrastruttura komuni ta’ komunikazzjoni li tipprovdi network kriptat; |
2. Din id-Deċiżjoni m’għandhiex l-għan li tistabbilixxi xi database ċentralizzata ta’ rekords kriminali. Id-data kollha dwar ir-rekords kriminali għandha tiġi preżervata unikament f’databases operati mill-Istati Membri.
3. L-awtoritajiet ċentrali tal-Istati Membri msemmija fl-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni Qafas 2009/315/ĠAI m’għandhomx ikollhom aċċess dirett online għad-databases tar-rekords kriminali tal-Istati Membri l-oħra. Għandha tintuża l-aqwa teknika disponibbli identifikata mill-Istati Membri flimkien bl-appoġġ tal-Kummissjoni sabiex ikunu żgurati l-kunfidenzjalità u l-integrità tal-informazzjoni, minn rekords kriminali, li tiġi trasmessa lil Stati Membri oħra.
4. Is-software tal-interkonnessjoni u d-databases li jippreżervaw, jittrasmettu u jirċievu l-informazzjoni estratta mir-rekords kriminali għandhom joperaw taħt ir-responsabbiltà tal-Istat Membru kkonċernat.
5. L-infrastruttura komuni tal-komunikazzjoni għandha tkun in-network ta’ komunikazzjoni S-TESTA. Kwalunkwe żvilupp ieħor tiegħu jew kwalunkwe network sigur alternattiv għandu jiżgura li l-infrastruttura komuni tal-komunikazzjoni stabbilita tkompli tissodisfa l-kondizzjonijiet stipulati fil-paragrafu 6.
6. L-infrastruttura komuni tal-komunikazzjoni għandha tiġi operata taħt ir-responsabbiltà tal-Kummissjoni, u għandha tissodisfa r-rekwiżiti ta’ sigurtà u tissodisfa kompletament il-ħtiġijiet tal-ECRIS.
7. Sabiex tiġi żgurata l-operazzjoni effikaċi tal-ECRIS, il-Kummissjoni għandha tipprovdi appoġġ ġenerali u assistenza teknika, inklużi l-ġbir u t-tħejjija ta’ statistika msemmija fl-Artikolu 6(2)(b)(i) u s-software implimentattiv ta’ referenza.
8. Minkejja l-possibbiltà li jsir użu mill-programmi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea taħt ir-regoli applikabbli, kull Stat Membru għandu jassumi l-ispejjeż tiegħu stess għall-implimentazzjoni, l-amministrazzjoni, l-użu u l-manutenzjoni tad-database tiegħu ta’ rekords kriminali u tas-software ta’ interkonnessjoni msemmi fil-paragrafu 1.
Il-Kummissjoni għandha tassumi l-ispejjeż mill-implimentazzjoni, mill-amministrazzjoni, mill-użu, mill-manutenzjoni u mill-iżvilupp futur tal-infrastruttura komuni tal-komunikazzjoni tal-ECRIS, kif ukoll mill-iżvilupp implimentattiv u futur tas-software implimentattiv ta’ referenza.
Artikolu 4
Il-format tat-trasmissjoni tal-informazzjoni
1. Meta tiġi trasmessa l-informazzjoni konformement mal-Artikolu 4(2) u (3) u l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Qafas 2009/315/ĠAI, relattivament għall-isem jew klassifikazzjoni ġuridika tar-reat u għad-dispożizzjonijiet ġuridiċi applikabbli, l-Istati Membri għandhom jirriferu għall-kodiċi korrispondenti għal kull wieħed mir-reati indikati fit-trasmissjoni, kif previst fit-tabella tar-reati fl-Anness A. Bħala eċċezzjoni, fejn ir-reat ma jikkorrispondi għal ebda kodiċi speċifiku ta’ subkategorija, għandu jissemma l-kodiċi “kategorija miftuħa” tal-kategorija relevanti tar-reati jew ta’ dik l-eqreb jew, fin-nuqqas ta’ din tal-aħħar, il-kodiċi “reati oħrajn” għandu jintuża għal dak ir-reat partikolari.
L-Istati Membri jistgħu wkoll jipprovdu informazzjoni disponibbli dwar il-livell ta’ kompletezza u l-livell ta’ parteċipazzjoni fir-reat u, fejn applikabbli, dwar l-eżistenza ta’ eżenzjoni totali jew parzjali mir-responsabbiltà kriminali jew dwar reċidiva.
2. Meta jittrasmettu informazzjoni taħt l-Artikolu 4(2) u (3) u l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Qafas 2009/315/ĠAI relattivament għall-kontenut tal-kundanna kriminali, partikolarment is-sentenza kif ukoll kwalunkwe piena supplimentari, kwalunkwe miżura ta’ sigurtà u kwalunkwe deċiżjoni sussegwenti li jimmodifikaw l-eżekuzzjoni tas-sentenza, l-Istati Membri għandhom jirriferu għall-kodiċi korrispondenti għal kull waħda mill-pieni u miżuri indikati fit-trasmissjoni, kif previst fit-tabella ta’ pieni u miżuri fl-Anness B. Bħala eċċezzjoni, fejn il-piena jew miżura ma tikkorrispondi għal ebda kodiċi speċifiku ta’ subkategorija, għandu jintuża l-kodiċi “kategorija miftuħa” tal-kategorija relevanti jew tal-eqreb kategorija ta’ pieni u miżuri jew, fin-nuqqas ta’ din tal-aħħar, il-kodiċi “pieni u miżuri oħrajn” għandu jintuża għal dik il-piena jew miżura partikolari.
L-Istati Membri għandhom jipprovdu wkoll, fejn applikabbli, informazzjoni disponibbli relatata man-natura u/jew il-kondizzjonijiet tal-eżekuzzjoni tal-piena jew miżura imposta kif previst fil-parametri tal-Anness B. Il-parametru “deċiżjoni mhux kriminali” għandu jiġi indikat biss f’każijiet fejn l-informazzjoni dwar tali deċiżjoni tingħata fuq bażi volontarja mill-Istat Membru tan-nazzjonalità tal-persuna kkonċernata, meta jwieġeb talba għall-informazzjoni dwar kundanni kriminali.
Artikolu 5
Informazzjoni dwar reati, pieni u miżuri nazzjonali
1. L-informazzjoni li ġejja għandha tingħata mill-Istati Membri lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill, partikolarment bil-ħsieb li jitfassal manwal mhux vinkolanti għall-prattikanti msemmi fl-Artikolu 6(2)(a):
(a) |
il-lista ta’ reati nazzjonali f’kull kategorija msemmija fit-tabella ta’ reati fl-Anness A. Il-lista għandha tinkludi l-isem jew il-klassifikazzjoni ġuridika tar-reat u referenza għad-dispożizzjoni ġuridika applikabbli. Hija tista’ tinkludi wkoll deskrizzjoni qasira tal-elementi kostituttivi r-reat; |
(b) |
il-lista tat-tipi ta’ sentenzi, possibbilment ta’ pieni supplimentari u miżuri ta’ sigurtà u ta’ deċiżjonijiet sussegwentement possibbli li jimmodifikaw l-eżekuzzjoni tas-sentenza kif definita fil-liġi nazzjonali, f’kull kategorija msemmija fit-tabella ta’ pieni u miżuri fl-Anness B. Hija tista’ tinkludi wkoll deskrizzjoni qasira tal-piena jew miżura speċifika. |
2. Il-listi u d-deskrizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 għandhom jiġu aġġornati regolarment mill-Istati Membri. L-informazzjoni aġġornata għandha tiġi trasmessa lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill.
3. Is-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill għandu jikkomunika lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni l-informazzjoni riċevuta taħt dan l-Artikolu.
Artikolu 6
Miżuri implimentattivi
1. Il-Kunsill, filwaqt li jaġixxi b’maġġoranza kwalifikata u wara konsultazzjoni tal-Parlament Ewropew, għandu jadotta kwalunkwe modifika tal-Annessi A u B kif ikun meħtieġ.
2. Ir-rappreżentanti tad-dipartimenti rilevanti tal-amministrazzjonijiet tal-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jinformaw u jikkonsultaw lil xulxin fil-Kunsill bil-ħsieb ta’:
(a) |
tfassil ta’ manwal mhux vinkolanti għall-prattikanti li jistabbilixxi l-proċedura għall-iskambju ta’ informazzjoni permezz tal-ECRIS, li jindirizza b’mod partikolari l-modalitajiet ta’ identifikazzjoni ta’ awturi ta’ reati, kif ukoll jirreġistra l-għarfien komuni tal-kategoriji ta’ reati u pieni u miżuri elenkati rispettivament fl-Annessi A u B; |
(b) |
koordinazzjoni tal-azzjoni tagħhom għall-iżvilupp u l-operazzjoni tal-ECRIS, b’mod partikolari dwar:
|
Artikolu 7
Rapport
Is-servizzi tal-Kummissjoni għandhom jippublikaw regolarment rapport li jikkonċerna l-iskambju, permezz tal-ECRIS, ta’ informazzjoni estratta mir-rekords kriminali bbażata partikolarment fuq l-istatistika msemmija fl-Artikolu 6(2)(b)(i). Dan ir-rapport għandu jiġi ppublikat, għall-ewwel darba, sena wara li jiġi ppreżentat ir-rapport imsemmi fl-Artikolu 13(3) tad-Deċiżjoni Qafas 2009/315/ĠAI.
Artikolu 8
Implimentazzjoni u skadenzi
1. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet ta’ din id-Deċiżjoni sas-7 ta’ April 2012.
2. L-Istati Membri għandhom jużaw il-format speċifikat fl-Artikolu 4 u jikkonformaw mal-metodi ta’ organizzazzjoni u faċilitazzjoni, ta’ skambji ta’ informazzjoni, stipulati f’din id-Deċiżjoni mid-data notifikata konformement mal-Artikolu 11(5) tad-Deċiżjoni Qafas 2009/315/ĠAI.
Artikolu 9
Effett
Din id-Deċiżjoni għandha tibda jkollha effett fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Magħmula fi Luxembourg, 6 ta’ April 2009.
Għall-Kunsill
Il-President
J. POSPÍŠIL
(1) Ara paġna 23 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali.
(2) Opinjoni tad-9 ta’ Ottubru 2008 (għadha mhijiex pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).
(4) ĠU C 198, 12.8.2005, p. 1.
(5) ĠU L 350, 30.12.2008, p. 60.
ANNESS A
Tabella komuni tal-kategoriji ta’ reati msemmija fl-Artikolu 4
Parametri |
||
Livell ta’ kompletezza: |
Att komplet |
C |
Tentattiv jew preparazzjoni |
A |
|
Element mhux trasmess |
Ø |
|
Livell ta’ parteċipazzjoni |
Awtur tar-reat |
M |
Kompliċi jew instigatur/organizzatur, kospiratur jew assoċjat |
H |
|
Element mhux trasmess |
Ø |
|
Eżenzjoni mir-responsabbiltà kriminali: |
Insanità jew responsabbiltà mitigata |
S |
Reċidiva |
R |
Kodiċi |
Kategoriji u subkategoriji ta’ reati |
0100 00 kategorija miftuħa |
Delitti li jaqgħu fil-ġurisdizzjoni tal-qorti kriminali internazzjonali |
0101 00 |
Ġenoċidju |
0102 00 |
Delitti kontra l-umanità |
0103 00 |
Delitti tal-gwerra |
0200 00 kategorija miftuħa |
Parteċipazzjoni f’organizzazzjoni kriminali |
0201 00 |
Tmexxija ta’ organizzazzjoni kriminali |
0202 00 |
Parteċipazzjoni volontarja fl-attivitajiet kriminali ta’ organizzazzjoni kriminali |
0203 00 |
Parteċipazzjoni volontarja fl-attivitajiet mhux kriminali ta’ organizzazzjoni kriminali |
0300 00 kategorija miftuħa |
Terroriżmu |
0301 00 |
It-tmexxija ta’ grupp terroristiku |
0302 00 |
Parteċipazzjoni volontarja fl-attivitajiet ta’ grupp terroristiku |
0303 00 |
Il-finanzjament tat-terroriżmu |
0304 00 |
Tixwix pubbliku sabiex jitwettaq reat terroristiku |
0305 00 |
Reklutaġġ jew taħriġ għat-terroriżmu |
0400 00 kategorija miftuħa |
Traffikar ta’ persuni |
0401 00 |
Traffikar ta’ persuni għal skopijiet ta’ sfruttament ta’ xogħol jew servizzi |
0402 00 |
Traffikar ta’ persuni għal skopijiet ta’ sfruttament tal-prostituzzjoni ta’ oħrajn jew forom oħra ta’ sfruttament sesswali |
0403 00 |
Traffikar ta’ persuni għal skopijiet tat-tneħħija ta’ organi jew ta’ tessut uman |
0404 00 |
Traffikar ta’ persuni għal skopijiet ta’ tjassir, ta’ xi prattika simili għat-tjassir jew servitù |
0405 00 |
Traffikar ta’ persuni għal skopijiet ta’ sfruttament ta’ xogħol jew servizzi ta’ persuna minorenni |
0406 00 |
Traffikar ta’ persuni għal skopijiet ta’ sfruttament tal-prostituzzjoni ta’ minorenni jew ta’ forom oħra ta’ sfruttament sesswali tagħhom |
0407 00 |
Traffikar ta’ persuni għal skopijiet tat-tneħħija ta’ organi jew ta’ tessut uman ta’ minorenni |
0408 00 |
Traffikar ta’ persuni għal skopijiet ta’ tjassir, prattiki simili għat-tjassir jew is-servitù ta’ minorenni |
0500 00 kategorija miftuħa |
Traffikar illeċitu (1) u reati oħrajn relatati mal-armi, l-armi tan-nar, il-partijiet u l-komponenti tagħhom, munizzjon u splussivi |
0501 00 |
Manifattura illeċita ta’ armi, armi tan-nar, il-partijiet u komponenti tagħhom, munizzjon u splussivi |
0502 00 |
Manifattura illeċita ta’ armi, armi tan-nar, il-partijiet u komponenti tagħhom, munizzjon u splussivi fil-livell nazzjonali (2) |
0503 00 |
L-esportazzjoni jew importazzjoni illeċita ta’ armi, armi tan-nar, il-partijiet u komponenti tagħhom, munizzjon u splussivi |
0504 00 |
Il-pussess mhux awtorizzat jew l-użu ta’ armi, armi tan-nar, il-partijiet u komponenti tagħhom, munizzjon u splussivi |
0600 00 kategorija miftuħa |
Reat ambjentali |
0601 00 |
Il-qerda jew il-ħsara ta’ speċi protetti ta’ flora u fawna |
0602 00 |
Rimi illegali ta’ sustanzi li jniġġżu jew radjazzjoni jonizzanti fl-arja, fil-ħamrija jew fl-ilma |
0603 00 |
Reati relatati mal-iskart, inkluż l-iskart tossiku |
0604 00 |
Reati relatati mat-traffikar illeċitu (1) ta’ speċi protetti ta’ flora u fawna jew partijiet minnhom |
0605 00 |
Reati involontarji kontra l-ambjent |
0700 00 kategorija miftuħa |
REATI relatati mad-drogi jew prekursuri, u REATI oħra kontra s-saħħa pubblika |
0701 00 |
Reati relatati mat-traffikar illeċitu (3) ta’ drogi narkotiċi, sustanzi psikotropiċi jew prekursuri li ma jkunux esklussivament għall-konsum personali |
0702 00 |
Konsum illeċitu ta’ drogi u l-akkwist tagħhom, il-manifattura jew il-produzzjoni esklussivament għall-konsum personali |
0703 00 |
L-għajnuna jew it-tixwix ta’ oħrajn sabiex jużaw drogi narkotiċi jew sustanzi psikotropiċi illeċitament |
0704 00 |
Il-manifattura jew il-produzzjoni ta’ drogi narkotiċi li ma jkunux esklussivament għall-użu personali |
0800 00 kategorija miftuħa |
Reati fuq il-persuna |
0801 00 |
Omiċidju volontarju |
0802 00 |
Każijiet aggravati ta’ omiċidju volontarju (4) |
0803 00 |
Omiċidju involontarju |
0804 00 |
Omiċidju volontarju kommess fuq tarbija tat-twelid minn ommha |
0805 00 |
Abort illegali |
0806 00 |
Ewtanasja illegali |
0807 00 |
Reati relatati mat-twettiq ta’ suwiċidju |
0808 00 |
Vjolenza li tikkawża l-mewt |
0809 00 |
Offiża gravi fuq il-persuna, sfreġju jew diżabbiltà permanenti |
0810 00 |
Offiża gravi involontarja fuq il-persuna, sfreġju jew diżabbiltà permanenti |
0811 00 |
Offiża ħafifa fuq il-persuna |
0812 00 |
Offiża ħafifa involontarja fuq il-persuna |
0813 00 |
It-tqegħid fil-periklu tal-mewt jew ta’ offiża gravi fuq il-persuna |
0814 00 |
Tortura |
0815 00 |
In-nuqqas ta’ offerta ta’ għajnuna jew assistenza |
0816 00 |
Reati relatati mat-tneħħija ta’ organi jew ta’ tessut mingħajr l-awtorizzazzjoni jew il-kunsens |
0817 00 |
Reati relatati mat-traffikar illeċitu (3) tal-organi jew tat-tessut uman |
0818 00 |
Vjolenza domestika jew theddid domestiku |
0900 00 kategorija miftuħa |
Reati kontra l-libertà personali, id-dinjità jew interessi protetti oħra, inklużi r-razziżmu u l-ksenofobija |
0901 00 |
Ħtif ta’ persuna, ħtif ta’ persuna għal skopijiet ta’ estorsjoni, arrest illegali |
0902 00 |
Arrest illegali jew ċaħda tal-libertà minn awtorità pubblika |
0903 00 |
Teħid ta’ ostaġġi |
0904 00 |
Ħtif illegali ta’ ajruplan jew vapur |
0905 00 |
Insulti, inġurji, malafama, disprezz |
0906 00 |
Theddid |
0907 00 |
Forza, pressjoni, insegwiment malizzjuż, fastidju jew aggressjoni ta’ natura psikoloġika jew emozzjonali |
0908 00 |
Estorsjoni |
0909 00 |
Estorsjoni aggravata |
0910 00 |
Dħul illegali fi proprjetà privata |
0911 00 |
Invażjoni tal-privatezza minbarra d-dħul illegali fi proprjetà privata |
0912 00 |
Reati kontra l-protezzjoni ta’ data personali |
0913 00 |
Interċettazzjoni illegali ta’ data jew komunikazzjoni |
0914 00 |
Diskriminazzjoni fuq bażi ta’ sess, razza, orjentazzjoni sesswali, reliġjon jew oriġini etnika |
0915 00 |
Tixwix pubbliku għal diskriminazzjoni razzjali |
0916 00 |
Tixwix pubbliku għal mibegħda razzjali |
0917 00 |
Rikatt |
1000 00 kategorija miftuħa |
Reati sesswali |
1001 00 |
Stupru |
1002 00 |
Stupru aggravat (5) minbarra stupru ta’ minorenni |
1003 00 |
Aggressjoni sesswali |
1004 00 |
Tlaqqigħ għall-prostituzzjoni jew għal att sesswali |
1005 00 |
Espożizzjoni indeċenti |
1006 00 |
Fastidju sesswali |
1007 00 |
Solleċitazzjoni minn prostituta |
1008 00 |
Sfruttament sesswali tat-tfal |
1009 00 |
Reati relatati mal-pornografija tat-tfal jew immaġini indeċenti ta’ minorenni |
1010 00 |
Stupru ta’ minorenni |
1011 00 |
Aggressjoni sesswali ta’ minorenni |
1100 00 kategorija miftuħa |
Reati kontra dispożizzjoniet dwar il-familja |
1101 00 |
Relazzjonijiet sesswali illeċiti bejn membri familjari stretti |
1102 00 |
Poligamija |
1103 00 |
Evażjoni tal-obbligu ta’ manteniment |
1104 00 |
Traskuraġni jew l-abbandun ta’ persuna minorenni jew b’diżabbiltà |
1105 00 |
Nuqqas ta’ konformità ma’ ordni dwar il-kustodja ta’ minorenni |
1200 00 kategorija miftuħa |
Reati kontra l-istat, l-ordni pubbliku, il-kors tal-ġustizzja jew uffiċjali pubbliċi |
1201 00 |
Spjunaġġ |
1202 00 |
Tradiment Għoli |
1203 00 |
Reati relatati ma’ elezzjonijiet jew referendum |
1204 00 |
Attentat fuq il-ħajja jew is-saħħa ta’ kap ta’ Stat |
1205 00 |
Insult kontra l-Istat, in-Nazzjon jew simboli tal-Istat |
1206 00 |
Insult jew reżistenza lil rappreżentant tal-awtorità pubblika |
1207 00 |
Estorsjoni, forza, pressjoni fuq rappreżentant tal-awtorità pubblika |
1208 00 |
Aggressjoni jew theddid lil rappreżentant ta’ awtorità pubblika |
1209 00 |
Reati kontra l-ordni pubbliku, ksur tal-paċi pubblika |
1210 00 |
Vjolenza waqt avvenimenti sportivi |
1211 00 |
Serq ta’ dokumenti pubbliċi jew amministrattivi |
1212 00 |
Tfixkil jew tgħawwiġ tal-kors tal-ġustizzja, allegazzjonijiet foloz waqt proċedimenti kriminali jew ġudizzjarji, sperġur |
1213 00 |
Impersonizzazzjoni illegali ta’ persuna jew awtorità |
1214 00 |
Evażjoni minn kustodja legali |
1300 00 kategorija miftuħa |
Reati kontra proprjetà pubblika jew interessi pubbliċi |
1301 00 |
Frodi pubblika, ta’ sigurtà soċjali jew ta’ benifiċċju tal-familja |
1302 00 |
Frodi li tolqot il-benefiċċji jew l-allowances Ewropej |
1303 00 |
Reati relatati ma’ logħob tal-azzard illegali |
1304 00 |
Tfixkil fil-proċeduri għal sejħiet għal offerti pubbliċi |
1305 00 |
Korruzzjoni attiva jew passiva ta’ impjegat fis-servizz pubbliku, persuna li għandha kariga pubblika jew awtorità pubblika |
1306 00 |
Serq, appropjazzjoni indebita jew forom oħra ta’ abbuż ta’ proprjetà minn uffiċjal pubbliku |
1307 00 |
Abbuż ta’ funzjoni minn uffiċjal pubbliku |
1400 00 kategorija miftuħa |
Reati fiskali u doganali |
1401 00 |
Reati fiskali |
1402 00 |
Reati doganali |
1500 00 kategorija miftuħa |
Reati ekonomiċi jew relatati mal-kummerċ |
1501 00 |
Falliment jew insolvenza frodulenti |
1502 00 |
Ksur ta’ regolament tal-kontabbiltà, serq, ħabi ta’ assi jew żieda illegali fil-passiv ta’ kumpannija |
1503 00 |
Ksur ta’ regoli ta’ kompetizzjoni |
1504 00 |
Laundering ta’ rikavat minn reati |
1505 00 |
Korruzzjoni passiva jew attiva fis-settur privat |
1506 00 |
Żvelar ta’ sigriet jew il-ksur tal-obbligu ta’ segretezza |
1507 00 |
“Insider trading” |
1600 00 kategorija miftuħa |
Reati kontra l-proprjetà jew l-ikkawżar ta’ ħsara lil oġġetti |
1601 00 |
Approprjazzjoni illegali |
1602 00 |
Approprjazzjoni illegali jew devjazzjoni ta’ enerġija |
1603 00 |
Frodi inklużi imbrolji |
1604 00 |
Riċettazzjoni/negozju f’oġġetti misruqa |
1605 00 |
Traffikar illeċitu (6) ta’ oġġetti tal-kultura, inklużi antikitajiet u opri tal-arti |
1606 00 |
Ħsara jew distruzzjoni volontarja ta’ proprjetà |
1607 00 |
Ħsara jew distruzzjoni involontarja ta’ proprjetà |
1608 00 |
Sabutaġġ |
1609 00 |
Reati kontra l-proprjetà industrijali jew intellettwali |
1610 00 |
Ħruq volontarju |
1611 00 |
Ħruq volontarju li jikkawża l-mewt jew dannu ta’ persuni |
1612 00 |
Ħruq volontarju fil-foresti |
1700 00 kategorija miftuħa |
Reati ta’ Serq |
1701 00 |
Serq |
1702 00 |
Serq wara dħul illegali fi proprjetà |
1703 00 |
Serq, bl-użu ta’ vjolenza jew armi, jew b’theddid ta’ vjolenza jew armi kontra persuna |
1704 00 |
Forom ta’ serq aggravat li ma jinvolvux l-użu tal-vjolenza jew armi, jew l-użu tat-theddid ta’ vjolenza jew armi, kontra persuni. |
1800 00 kategorija miftuħa |
Reati kontra sistemi ta’ informazzjoni u reati oħrajn relatati mal-informatika |
1801 00 |
Aċċess illegali għal sistemi ta’ informazzjoni |
1802 00 |
Interferenza illegali f’sistem |
1803 00 |
Interferenza illegali f’data |
1804 00 |
Produzzjoni, pussess, disseminazzjoni jew traffikar ta’ tagħmir informatiku jew data li jippermettu t-twettiq ta’ reati relatati mal-informatika |
1900 00 kategorija miftuħa |
Falsifikazzjoni ta’ mezzi ta’ ħlas |
1901 00 |
Falsifikazzjoni ta’ flus inkluż l-Euro |
1902 00 |
Falsifikazzjoni ta’ mezzi ta’ ħlas mhux bi flus |
1903 00 |
Falsifikazzjoni ta’ dokumenti fiduċjarji pubbliċi |
1904 00 |
Tqegħid fiċ-ċirkolazzjoni/użu ta’ flus foloz, mezzi ta’ ħlas mhux bi flus jew dokumenti fiduċjarji pubbliċi |
1905 00 |
Pussess ta’ apparat għall-falsifikazzjoni tal-flus jew dokumenti fiduċjarji pubbliċi |
2000 00 kategorija miftuħa |
Falsifikazzjoni ta’ dokumenti |
2001 00 |
Falsifikazzjoni ta’ dokumenti pubbliċi jew amministrattivi minn individwu privat |
2002 00 |
Falsifikazzjoni ta’ dokument minn impjegat fis-servizz pubbliku jew awtorità pubblika |
2003 00 |
Il-provvista jew l-akkwist ta’ dokument pubbliku jew amministrattiv falsifikat; il-provvista jew l-akkwist ta’ dokument falsifikat minn impjegat tas-servizz pubbliku jew awtorità pubblika |
2004 00 |
L-użu ta’ dokumenti pubbliċi jew amministrattivi ffalsifikati |
2005 00 |
Il-pussess ta’ apparat għall-falsifikazzjoni ta’ dokumenti pubbliċi jew amministrattivi |
2006 00 |
Falsifikazzjoni ta’ dokumenti privati minn individwu privat |
2100 00 kategorija miftuħa |
Reati kontra regolamenti tat-traffiku |
2101 00 |
Sewqan perikoluż |
2102 00 |
Sewqan taħt l-influenza tal-alkoħol jew tad-drogi narkotiċi |
2103 00 |
Sewqan mingħajr liċenzja jew waqt l-iskawalifika tal-liċenzja |
2104 00 |
Nuqqas ta’ waqfien wara inċident fit-triq |
2105 00 |
Evitar ta’ ispezzjoni fit-triq |
2106 00 |
Reati relatati mat-trasport fit-toroq |
2200 00 kategorija miftuħa |
Reati kontra l-liġi dwar ix-xogħol |
2201 00 |
Impjieg illegali |
2202 00 |
Reati relatati mar-remunerazzjoni inklużi l-kontribuzzjonijiet għas-sigurtà soċjali |
2203 00 |
Reati relatati mal-kondizzjonijiet tax-xogħol, is-saħħa u s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol |
2204 00 |
Reati relatati mal-aċċess għall-attività professjonali jew mal-eżerċizju tagħha |
2205 00 |
Reati relatati mal-ħinijiet tax-xogħol u l-ħin ta’ mistrieħ |
2300 00 kategorija miftuħa |
Reati kontra dispożizzjonijiet dwar il-migrazzjoni |
2301 00 |
Dħul jew residenza mhux awtorizzati fil-pajjiż |
2302 00 |
Faċilitazzjoni ta’ dħul u residenza mhux awtorizzati |
2400 00 kategorija miftuħa |
Reati kontra l-obbligi militari |
2500 00 kategorija miftuħa |
Reati relatati mat-traffikar illeċitu ta’ sustanzi ormonali u ta’ promoturi ta’ tkabbir oħrajn |
2501 00 |
L-importazzjoni, l-esportazzjoni jew il-forniment illeċitu ta’ sustanzi ormonali u promoturi ta’ tkabbir oħrajn |
2600 00 kategorija miftuħa |
Reati relatati ma’ materjal nukleari jew sustanzi radjoattivi perikolużi oħrajn |
2601 00 |
L-importazzjoni, l-esportazzjoni, il-forniment jew l-akkwist illeċitu ta’ materjal nukleari jew radjuattiv |
2700 00 kategorija miftuħa |
Reati oħrajn |
2701 00 |
Reati volontarji oħrajn |
2702 00 |
Reati volontarji oħrajn |
(1) Jekk mhux speċifikat mod ieħor f’din il-kategorija, “traffikar” tfisser l-importazzjoni, l-esportazzjoni, l-akkwist, il-bejgħ, il-kunsinna, il-moviment jew it-trasferiment.
(2) Għall-finijiet ta’ din is-subkategorija, it-traffikar jinkludi l-akkwist, il-bejgħ, il-kunsinna, il-moviment jew it-trasferiment.
(3) Għall-finijiet ta’ din is-subkategorija, it-traffikar jinkludi l-importazzjoni, l-esportazzjoni, l-akkwist, il-bejgħ, il-kunsinna, il-moviment jew it-trasferiment.
(4) Pereżempju: ċirkostanzi partikolarment gravi.
(5) Pereżempju stupru bi krudeltà partikolari.
(6) Għall-finijiet ta’ din is-subkategorija, it-traffikar jinkludi l-importazzjoni, l-esportazzjoni, l-akkwist, il-bejgħ, il-kunsinna, il-moviment jew it-trasferiment.
ANNESS B
Tabella komuni tal-kategoriji ta’ pieni u miżuri msemmija fl-Artikolu 4
Kodiċi |
Kategoriji u subkategoriji ta’ pieni u miżuri |
1000 kategorija miftuħa |
Deprivazzjoni tal-libertà |
1001 |
Priġunerija |
1002 |
Sentenza ta’ għomor il-ħabs |
2000 kategorija miftuħa |
Restrizzjoni tal-libertà personali |
2001 |
Projbizzjoni li jkunu frekwentati xi postijiet |
2002 |
Restrizzjoni ta’ safar |
2003 |
Projbizzjoni sabiex toqgħod f’xi postijiet |
2004 |
Projbizzjoni ta’ dħul f’attivitajiet tal-massa |
2005 |
Projbizzjoni ta’ kuntatt ma’ ċerti persuni bi kwalunkwe mezz |
2006 |
Tqegħid taħt sorveljanza elettronika (1) |
2007 |
Obbligu li tirrapporta f’ħinijiet speċifiċi lil awtorità speċifika |
2008 |
Obbligu ta’ waqfa/residenza f’ċertu post |
2009 |
Obbligu li tkun fil-post tar-residenza fil-ħin stabbilit |
2010 |
Obbligu ta’ konformità mal-miżuri ta’ probation ordnati mill-qorti inkluż l-obbligu li jibqa’ taħt superviżjoni. |
3000 kategorija miftuħa |
Projbizzjoni ta’ dritt jew kapaċità speċifika |
3001 |
Skwalifika minn funzjoni |
3002 |
Telf/sospensjoni tal-kapaċità ta’ persuna li tokkupa jew tinħatar f’kariga pubblika |
3003 |
Telf/sospensjoni tad-dritt ta’ persuna li tivvota jew tiġi elett |
3004 |
It-tnaqqis tal-kapaċità li persuna tagħmel kuntratt ma’ amministrazzjoni pubblika |
3005 |
It-tnaqqis tal-eliġibbiltà għall-għoti ta’ sussidji pubbliċi |
3006 |
Revoka tal-liċenzja tas-sewqan (2) |
3007 |
Sospensjoni tal-liċenzja tas-sewqan |
3008 |
Projbizzjoni li ssuq ċerti vetturi |
3009 |
Telf/sospensjoni tal-awtorità tal-ġenituri |
3010 |
Telf/sospensjoni tad-dritt li persuna tkun perit fi proċedimenti tal-qorti/xhud taħt ġurament/ġurat |
3011 |
Telf/sospensjoni tad-dritt li persuna jkollha kustodja legali (3) |
3012 |
Telf/sospensjoni tad-dritt ta’ onorifiċenza jew titolu |
3013 |
Projbizzjoni tal-eżerċizzju ta’ attività professjonali, kummerċjali jew soċjali |
3014 |
Projbizzjoni ta’ xogħol jew attività ma’ minorenni |
3015 |
Impożizzjoni tal-obbligu li jingħalaq stabbiliment |
3016 |
Projbizzjoni ta’ pussess jew ġarr ta’ armi |
3017 |
Irtirar ta’ permess għal-liċenzja tal-kaċċa/tas-sajd |
3018 |
Projbizzjoni tal-ħruġ ta’ ċekkijiet jew l-użu ta’ karti ta’ ħlas/ta’ kreditu |
3019 |
Projbizzjoni taż-żamma ta’ annimali |
3020 |
Projbizzjoni ta’ pussess jew użu ta’ ċerti oġġetti minbarra armi |
3021 |
Projbizzjoni ta’ ċerti logħob/sports |
4000 kategorija miftuħa |
Projbizzjoni jew tkeċċija minn territorju |
4001 |
Projbizzjoni minn territorju nazzjonali |
4002 |
Tkeċċija minn territorju nazzjonali |
5000 kategorija miftuħa |
Obbligu personali |
5001 |
Assuġġettar għal trattament mediku jew forom oħra ta’ terapija |
5002 |
Assuġġettar għal programm soċjo-edukattiv |
5003 |
Impożizzjoni tal-obbligu li persuna tkun taħt il-kura/kontroll tal-familja |
5004 |
Miżuri edukattivi |
5005 |
Probation soċjoġudizzjali |
5006 |
Impożizzjoni tal-obbligu għat-taħriġ/xogħol |
5007 |
Impożizzjoni tal-obbligu li persuna tipprovdi informazzjoni speċifika lill-awtoritajiet ġuridiċi |
5008 |
Impożizzjoni tal-obbligu li tiġi pubblikata s-sentenza |
5009 |
Impożizzjoni tal-obbligu li persuna tikkumpensa għall-preġudizzju kkawżat mir-reat |
6000 kategorija miftuħa |
Piena fuq proprjetà privata |
6001 |
Konfiska |
6002 |
Demolizzjoni |
6003 |
Restawr |
7000 kategorija miftuħa |
Tqegħid f’istituzzjoni |
7001 |
Tqegħid f’istituzzjoni psikjatrika |
7002 |
Tqegħid f’istituzzjoni ta’ diżintossikazzjoni |
7003 |
Tqegħid f’istituzzjoni edukattiva |
8000 kategorija miftuħa |
Piena finanzjarja |
8001 |
Multa |
8002 |
Multa għal kull ġurnata (4) |
8003 |
Multa għall-benefiċċju ta’ riċevent speċjali (5) |
9000 kategorija miftuħa |
Piena ta’ xogħol |
9001 |
Xogħol jew servizz komunitarju |
9002 |
Servizz komunitarju jew xogħol akkumpanjat minn miżuri restrittivi oħrajn |
10000 kategorija miftuħa |
Piena militari |
10001 |
Telf ta’ grad militari (6) |
10002 |
Tkeċċija minn servizz militari professjonali |
10003 |
Priġunerija militari |
11000 kategorija miftuħa |
Eżenzjoni/differiment ta’ sentenza/piena, twissija |
12000 kategorija miftuħa |
Pieni u miżuri oħra |
Parametri (li għandhom jiġu speċifikati fejn applikabbli) |
|
ø |
Piena |
m |
Miżura |
a |
Piena/miżura sospiża |
b |
Piena/miżura sospiża parzjalment |
c |
Piena/miżura sospiża bi probation/superviżjoni |
d |
Piena/miżura sospiża parżjalment bi probation/superviżjoni |
e |
Konverżjoni tal-piena/miżura |
f |
Piena/miżura alternattiva imposta bħala piena prinċipali |
g |
Piena alternattiva/miżura imposta inizjalment f’każ li ma tiġix rispettata l-piena prinċipali |
h |
Revoka tal-piena/miżura sospiża |
i |
Formazzjoni sussegwenti ta’ piena ġenerali |
j |
Interruzzjoni tal-eżekuzzjoni/posponiment tal-piena/miżura (7) |
k |
Maħfra tal-piena |
l |
Maħfra tal-piena sospiża |
n |
Tmiem tal-piena |
o |
Grazzja |
p |
Amnestija |
q |
Liberazzjoni taħt kondizzjoni (liberazzjoni ta’ persuna qabel tmiem is-sentenza tagħha taħt ċerti ċirkostanzi) |
r |
Riabilitazzjoni (bit-tneħħija jew le tal-piena mir-rekords kriminali) |
s |
Piena jew miżura speċifika għall-minorenni |
t |
Deċiżjoni mhux kriminali (8) |
(1) Tqegħid fiss jew mobbli.
(2) Tkun meħtieġa applikazzjoni mill-ġdid sabiex tinkiseb liċenzja ġdida tas-sewqan.
(3) Gwardjan legali għal persuna li tkun legalment inkompetenti jew għal persuna minorenni.
(4) Multa kkwotata f’unitajiet ta’ kuljum.
(5) Pereżempju: għal istituzzjoni, assoċjazzjoni, fondazzjoni jew vittma.
(6) Demozzjoni militari.
(7) Ma jwassalx għall-eżoneru tal-eżekuzzjoni tal-piena.
(8) Dan il-parametru ser jiġi indikat biss meta tali informazzjoni tiġi mogħtija fir-risposta għat-talba riċevuta mill-Istat Membru tan-nazzjonalità tal-persuna kkonċernata.