Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Protokoll dwar il-konsegwenzi finanzjarji tal-iskadenza tat-Trattat tal-KEFA u dwar il-Fond tar-Riċerka tal-Faħam u l-Azzar

Protokoll dwar il-konsegwenzi finanzjarji tal-iskadenza tat-Trattat tal-KEFA u dwar il-Fond tar-Riċerka tal-Faħam u l-Azzar

 

SOMMARJU TA’:

Id-Deċiżjoni 2003/76/KE — miżuri neċessarji għall-implimentazzjoni tal-Protokoll, anness mat-Trattat li tistabbilixxi l-Komunità, fuq il-konsegwenzi finanzjarji tad-data ta’ l-għeluq tat-Trattat tal-KEFA u fuq il-Fond tar-Riċerka tal-Faħam u l-Azzar

X’INHU L-GĦAN TAD-DEĊIŻJONI?

Id-Deċiżjoni 2003/76/KE, kif emendata mid-Deċiżjoni (UE) 2018/599 u Deċiżjoni (UE) 2021/1208, tistabbilixxi kif l-assi finanzjarji mill-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar, f’likwidazzjoni, issa jintużaw biex jiffinanzjaw ir-riċerka dwar il-faħam u l-azzar fil-kuntest tal-programm tal-Fond tar-Riċerka għall-Faħam u l-Azzar.

PUNTI EWLENIN

Il-Kummissjoni Ewropea għalqet l-operazzjonijiet finanzjarji tal-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar meta t-Trattat tal-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar skada fl-2002. L-attivi u l-passivi jissejħu l-“Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar f’likwidazzjoni (KEFA i.l.)”. Mat-tlestija tal-likwidazzjoni, l-assi se jissejħu “assi tal-Fond ta’ Riċerka għall-Faħam u l-Azzar”.

Telf

  • Il-Kummissjoni, qabel ma tħassar kwalunkwe pretensjoni kontra debitur li jkun naqas, tesplora rimedji possibbli oħra bħal titlob garanziji (ipoteki, kawzjonijiet, garanziji bankarji jew oħrajn).
  • Il-Kummissjoni ma għandhiex għalfejn teżawrixxi r-rimedji kollha possibbli fejn:
    • l-ispiża tal-irkupru tkun akbar mis-somma involuta, u l-immaġni tal-Unjoni Ewropea (UE) ma ssirilhiex ħsara;
    • il-pretensjoni ma tistax tiġi rkuprata għax id-debitur huwa insolventi;
    • l-irkupru ma jkunx konsistenti mal-prinċipju tal-proporzjonalità.

Assi

  • Il-Kummissjoni timmaniġġja l-assi b’mod li jiggarantixxi l-programm tal-Fond ta’ Riċerka għall-Faħam u l-Azzar EUR 111 miljun fis-sena sal-2027. L-ammont huwa maqsum fi:
    • EUR 40 miljun għar-riċerka kollaborattiva fis-setturi tal-faħam u l-azzar;
    • EUR 71 miljun għal teknoloġiji rivoluzzjonarji li jwasslu għal produzzjoni tal-azzar bi kważi żero karbonju u għal proġetti ta’ riċerka għall-ġestjoni ta’ minjieri tal-faħam magħluqa jew li jagħlqu f’konformità mal-Fond ta’ Tranżizzjoni Ġust.
  • Wara l-2027, il-Kummissjoni se tinvesti l-assi biex tiżgura redditu fit-tul u, fejn possibbli, iżżid il-valur tagħhom.
  • Il-finanzjament annwali ta’ EUR 111-il miljun ġej mid-dħul nett tal-investimenti u, jekk dan ma jkunx biżżejjed, mill-bejgħ ta’ parti mill-assi.

Baġit

  • Kull sena jitħejjew kont tal-qligħ u t-telf, karta tal-bilanċ u rapport finanzjarju, b’mod separat mill-operazzjonijiet finanzjarji l-oħra tal-UE.
  • Id-dħul nett mill-investimenti u kwalunkwe dħul mill-bejgħ tal-assi huma ttrattati bħala dħul fil-baġit ġenerali tal-UE, iżda huma allokati għall-iskop speċifiku tal-finanzjament tar-riċerka dwar il-faħam u l-azzar.
  • Dak id-dħul jinqasam bejn ir-riċerka dwar il-faħam (27.2 %) u l-azzar (72.8 %). L-Istati Membri tal-UE jistgħu jaqblu unanimament li jibdlu dak it-tqassim.
  • Il-finanzjament mhux użat jiġi riportat għas-sena ta’ wara.
  • Il-Kummissjoni tkopri n-nefqa amministrattiva kollha involuta f’attività ta’ likwidazzjoni, investiment u maniġment mill-baġit ġenerali tal-UE.

MINN META TAPPLIKA D-DEĊIŻJONI?

Din ilha tapplika mill-24 ta’ Lulju 2002.

SFOND

  • It-Trattat tal-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar skada fl-aħħar tal-perjodu ta’ validità tiegħu ta’ 50 sena fit-23 ta’ Lulju 2002. L-assi u l-obbligazzjonijiet kollha tiegħu ġew trasferiti lill-UE fil-jum ta’ wara. Skont il-Protokoll 37, id-dħul mill-assi, magħruf bħala l-Fond ta’ Riċerka għall-Faħam u l-Azzar, għandu jintuża esklussivament għar-riċerka dwar il-faħam u l-azzar barra mill-programm qafas ta’ riċerka tal-UE, Orizzont Ewropa.
  • Għal aktar informazzjoni, ara:

DOKUMENT PRINĊIPALI

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2003/76/KE tal-1 ta’ Frar 2003 li tistabbilixxi l-miżuri neċessarji għall-implimentazzjoni tal-Protokoll, anness mat-Trattat li tistabbilixxi l-Komunità, fuq il-konsegwenzi finanzjarji tad-data ta’ l-għeluq tat-Trattat tal-KEFA u fuq il-Fond tar-Riċerka tal-Faħam u l-Azzar (ĠU L 29, 5.2.2003, pp. 22-24).

Emendi suċċessivi għad-Deċiżjoni 2003/76/KE ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

DOKUMENTI RELATATI

Ir-Regolament (UE) 2021/1056 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ġunju 2021 li jistabbilixxi l-Fond għal-Tranżizzjoni Ġusta (ĠU L 231, 30.6.2021, pp. 1-20).

Ara l-verżjoni konsolidata.

Verżjoni konsolidata tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea — Protokoll (Nru 37) dwar il-konsegwenzi finanzjarji tal-iskadenza tat-Trattat KEFA u dwar il-Fond għal Faħam u Azzar (ĠU C 202, 7.6.2016, pp. 327-328).

Deċiżjoni tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, li ltaqgħu mal-Kunsill, tas-27 ta’ Frar 2002 dwar il-konsegwenzi finanzjarji tal-iskadenza tat-Trattat KEFA u dwar il-fond ta’ riċerka għall-faħam u l-azzar — Dikjarazzjonijiet (ĠU L 79, 22.3.2002, pp. 42-60).

Ara l-verżjoni konsolidata.

l-aħħar aġġornament 14.06.2022

Top