Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Protezzjoni kontra l-pesti tal-pjanti

Protezzjoni kontra l-pesti tal-pjanti

 

SOMMARJU TA’:

Ir-Regolament (UE) 2016/2031 dwar il-miżuri protettivi kontra pesti tal-pjanti

X’INHU L-GĦAN TAR-REGOLAMENT?

Huwa għandu l-għan li jiġġieled kontra l-pesti u l-mard tal-pjanti, bħala parti mir-regoli tas-saħħa tal-pjanti, b’miżuri aktar effettivi biex tkun protetta l-Unjoni Ewropea (UE) u l-pjanti tagħha, filwaqt li jkun żgurat kummerċ sikur u jitnaqqas l-impatt tat-tibdil fil-klima, fosthom:

  • protezzjoni aħjar tal-pajsaġġi, tal-foresti u ta’ spazji ħodor oħra, u tnaqqis tal-ħtieġa għall-pestiċidi;
  • dokumentazzjoni aktar sempliċi u aktar trasparenti għall-kultivaturi u l-bdiewa, u protezzjoni aħjar tal-għelejjel;
  • appoġġ finanzjarju għal sorveljanza, qerda u trażżin.

PUNTI EWLENIN

Pesti ta’ kwarantina

  • Il-kriterji huma stabbiliti sabiex jidentifikaw il-pesti ta’ kwarantina, li ma għandhomx jitħallew jiġu introdotti u ma għandhomx jitħallew jinfirxu fl-UE.
  • Pesti ta’ kwarantina f’żona protetta huma dawk li għalihom huwa meħtieġ kontroll f’partijiet tal-UE biss. Att delegat adottat mill-Kummissjoni Ewropea, ir-Regolament Delegat (UE) 2022/2404, jissupplimenta r-Regolament (UE) 2016/2031 billi jistabbilixxi regoli dettaljati għal:
    • stħarriġ għall-istabbiliment ta’ żona protetta ġdida; u
    • il-preparazzjoni u l-kontenut tal-istħarriġ annwali.

Pesti ta’ prijorità

  • Il-pesti ta’ prijorità huma dawk li l-impatti potenzjali ekonomiċi, ambjentali jew soċjali tagħhom ikunu l-aktar severi għall-UE. Regoli speċjali japplikaw għall-pesti ta’ prijorità, inkluż, b’mod partikolari, informazzjoni pubblika aħjar, stħarriġ, pjanijiet ta’ kontinènza, eżerċizzji ta’ simulazzjoni, pjanijiet ta’ azzjoni għall-qerda u kofinanzjament tal-azzjoni tal-UE.
  • Kull Stat Membru tal-UE għandu jfassal pjan għal kull pest ta’ prijorità li jkun kapaċi jidħol fi ħdan u jistabbilixxi ruħu fit-territorju tiegħu, b’informazzjoni dwar il-proċessi ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet, il-proċeduri u l-protokolli li għandhom jiġu segwiti. Il-pjanijiet ta’ kontinġenza jiġu kondiviżi mal-Kummissjoni, ma’ Stati Membri oħra u ma’ professjonisti rilevanti permezz tal-internet. Għandhom jitwettqu eżerċizzji ta’ simulazzjoni skont il-livell ta’ riskju maħluq.
  • Ir-Regolament Delegat (UE) 2019/1702 jistabbilixxi l-lista ta’ pesti prijoritarji.

Passaporti tal-pjanti u ċertifikati fitosanitarji

  • Ir-regolament jistabbilixxi sistema għall-introduzzjoni u l-moviment fi ħdan l-UE ta’ pjanti u prodotti mill-pjanti u ta’ materjal ieħor li x’aktarx jiġu infettati minn organiżmi li jagħmlu l-ħsara (bħall-ħamrija jew mezzi oħra ta’ tkabbir) u joħolqu riskju fitosanitarju mhux aċċettabbli. Ir-regoli jestendu, jissimplifikaw u jarmonizzaw l-iskema eżistenti tal-passaporti tal-pjanti, li hija meħtieġa għall-movimenti kollha bejn l-operaturi professjonali ġewwa l-UE. Dawn jirrikjedu wkoll li l-operaturi professjonali rilevanti jiġu rreġistrati biex jiżguraw kontrolli aktar faċli u traċċabbiltà aħjar.
  • Iċ-ċertifikati fitosanitarji, li jikkonfermaw il-konformità mal-leġiżlazzjoni tal-UE, huma meħtieġa għal firxa wiesgħa ta’ pjanti, prodotti mill-pjanti jew materjal ieħor suxxettibbli għal infezzjoni.
  • Għandu jinħareġ ċertifikat ta’ qabel l-esportazzjoni sabiex jiġi żgurat l-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-Istati Membri meta pjanta, prodott mill-pjanti jew oġġett ieħor jgħaddu minn aktar minn Stat Membru wieħed qabel ma jiġu esportati barra mill-UEU.

Importazzjonijiet

Ir-regolament ifittex li jipprevjeni lill-pesti milli jiġu introdotti fl-UE. Dan jipprevedi miżuri bbażati fuq ir-riskju u preventivi għall-protezzjoni tal-UE minn pesti li jistgħu jiġu introdotti minn pjanta, prodott mill-pjanti jew oġġett ieħor li joriġina minn barra l-UE, abbażi ta’ valutazzjoni preliminari tar-riskju.

MINN META BEDA JAPPLIKA R-REGOLAMENT?

Dan ilu japplika mill-14 ta’ Diċembru 2019.

SFOND

Ara wkoll:

TERMINI EWLENIN

Miżura fitosanitarja. Il-miżura uffiċjali għandha l-għan li tipprevjeni l-introduzzjoni jew it-tixrid ta’ pesti ta’ kwarantina jew li tillimita l-impatt ekonomiku ta’ pesti rregolati mhux ta’ kwarantina.

DOKUMENT PRINĊIPALI

Ir-Regolament (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ottubru 2016 dwar miżuri protettivi kontra pesti ta’ pjanti, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 228/2013, (UE) Nru 652/2014 u (UE) Nru 1143/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 69/464/KEE, 74/647/KEE, 93/85/KEE, 98/57/KE, 2000/29/KE, 2006/91/KE u 2007/33/KE (ĠU L 317, 23.11.2016, pp. 4–104).

L-emendi suċċessivi għar-Regolament (UE) 2016/2031 ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

DOKUMENTI RELATATI

Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2022/2404 tal-14 ta’ Settembru 2022 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill billi jistabbilixxi regoli dettaljati għall-istħarriġ dwar pesti ta’ kwarantina f’żona protetta u li jħassar id-Direttiva tal-Kummissjoni 92/70/KEE (ĠU L 317, 9.12.2022, pp. 42–53).

Ir-Regolament (UE) 2021/690 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ April 2021 li jistabbilixxi programm għas-suq intern, għall-kompetittività tal-intrapriżi, inkluż l-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju, għall-qasam tal-pjanti, l-annimali, l-ikel u l-għalf, u għall-istatistika Ewropea (Programm tas-Suq Uniku) u li jħassar ir-Regolamenti (UE) Nru 99/2013, (UE) Nru 1287/2013, (UE) Nru 254/2014 u (UE) Nru 652/2014 (ĠU L 153, 3.5.2021, pp. 1–47).

Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/1702 tal-1 ta’ Awwissu 2019 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill billi jistabbilixxi l-lista ta’ pesti ta’ prijorit (ĠU L 260, 11.10.2019, pp. 8–10).

Ir-Regolament (UE) Nru 1143/2014 al-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ottubru 2014 dwar il-prevenzjoni u l-ġestjoni tal-introduzzjoni u t-tixrid ta’ speċijiet aljeni invażiv (ĠU L 317, 4.11.2014, pp. 35–55).

Ara l-verżjoni konsolidata.

Ir-Regolament (UE) Nru 228/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Marzu 2013 li jistabbilixxi miżuri speċifiċi għall-agrikoltura fir-reġjuni ultraperiferiċi tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 247/2006 (ĠU L 78, 20.3.2013, pp. 23–40).

Ara l-verżjoni konsolidata.

l-aħħar aġġornament 31.05.2023

Top