EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Protezzjoni kontra l-pesti tal-pjanti

Protezzjoni kontra l-pesti tal-pjanti

 

SOMMARJU TA’:

Regolament (UE) 2016/2031 dwar il-miżuri protettivi kontra pesti tal-pjanti

X’INHU L-GĦAN TAR-REGOLAMENT?

Dan għandu l-għan li jiġġieled kontra l-pesti tal-pjanti u l-mard, bħala parti mir-Reġim tal-UE tas-Saħħa tal-Pjanti, b’aktar miżuri effettivi biex tiġi protetta l-UE u l-pjanti tagħha, filwaqt li jiġi żgurat kummerċ sikur u jitnaqqas l-impatt tat-tibdil fil-klima, fosthom:

  • protezzjoni aħjar tal-pajsaġġi, tal-foresti u ta’ spazji ħodor oħra, ħtieġa mnaqqsa ta’ pestiċidi;
  • dokumentazzjoni aktar sempliċi u aktar trasparenti għall-kultivaturi u l-bdiewa, protezzjoni aħjar tal-għelejjel;
  • appoġġ finanzjarju għal sorveljanza, qerda u trażżin.

PUNTI EWLENIN

  • Is-saħħa tal-pjanti hija mhedda minn speċijiet dannużi għall-pjanti u l-prodotti mill-pjanti li joħolqu riskju akbar li jiġu introdotti fl-UE minħabba l-globalizzazzjoni tal-kummerċ u t-tibdil fil-klima. Ir-regolament jistabbilixxi azzjoni biex jiġi ddeterminat ir-riskju ppreżentat minn dawn il-pesti u biex jitnaqqsu r-riskji għal livell aċċettabbli permezz ta’ miżuri fitosanitarji*.

Pesti ta’ kwarantina

Għandhom jiġu stabbiliti kriterji sabiex jiġu identifikati l-pesti ta’ kwarantina li ma għandhomx jitħallew jiġu introdotti fl-UE u li ma għandhomx jitħallew jinfirxu fiha. Pesti ta’ kwarantina f’żona protetta huma dawk li għalihom huwa meħtieġ kontroll f’partijiet tal-UE biss.

Pesti ta’ prijorità

  • Il-pesti ta’ prijorità huma dawk li l-impatti potenzjali ekonomiċi, ambjentali jew soċjali tagħhom ikunu l-aktar severi għall-UE. Dispożizzjonijiet speċjali japplikaw għall-pesti ta’ prijorità, b’mod partikolari, informazzjoni pubblika aħjar, stħarriġ, pjanijiet ta’ kontinġenza, eżerċizzji ta’ simulazzjoni, pjanijiet ta’ azzjoni għall-qerda u kofinanzjament tal-azzjoni tal-UE.
  • Kull pajjiż tal-UE għandu jfassal pjan għal kull pest ta’ prijorità li jkun kapaċi jidħol fi ħdan u jistabbilixxi ruħu fit-territorju tiegħu, b’informazzjoni dwar il-proċessi ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet, il-proċeduri u l-protokolli li għandhom jiġu segwiti. Il-pjanijiet ta’ kontinġenza jiġu kondiviżi mal-Kummissjoni Ewropea, ma’ pajjiżi oħra tal-UE u ma’ professjonisti rilevanti permezz tal-internet. Għandhom jitwettqu eżerċizzji ta’ simulazzjoni skont il-livell ta’ riskju maħluq.

Passaporti tal-pjanti u ċertifikati fitosanitarji

  • Ir-regolament jistabbilixxi sistema għall-introduzzjoni u l-moviment fi ħdan l-UE ta’ pjanti u prodotti mill-pjanti u ta’ materjal ieħor li x’aktarx jiġu infettati minn organiżmi li jagħmlu l-ħsara (bħall-ħamrija jew mezzi oħra ta’ tkabbir) u joħolqu riskju fitosanitarju mhux aċċettabbli. Ir-regoli l-ġodda jestendu, jissimplifikaw u jarmonizzaw l-iskema eżistenti tal-passaporti tal-pjanti li hija meħtieġa għall-movimenti kollha bejn l-operaturi professjonali ġewwa l-UE. Dawn jirrikjedu wkoll li l-operaturi professjonali rilevanti jiġu rreġistrati biex jiżguraw kontrolli aktar faċli u traċċabbiltà aħjar.
  • Iċ-ċertifikati fitosanitarji, li jikkonfermaw il-konformità mal-leġiżlazzjoni tal-UE huma meħtieġa għal firxa wiesgħa ta’ pjanti, prodotti mill-pjanti jew materjal ieħor suxxettibbli għal infezzjoni.
  • Għandu jinħareġ ċertifikat ta’ qabel l-esportazzjoni sabiex jiġi żgurat l-iskambju ta’ informazzjoni bejn il-pajjiżi tal-UE meta pjanta, prodott mill-pjanti jew oġġett ieħor jgħaddu minn aktar minn pajjiż wieħed tal-UE qabel ma jiġu esportati barra mill-UE.

Importazzjonijiet

Ir-regolament ifittex li jipprevjeni lill-pesti milli jiġu introdotti fl-UE. Dan jipprevedi miżuri bbażati fuq ir-riskju u preventivi għall-protezzjoni tal-UE minn pesti li jistgħu jiġu introdotti minn pjanta, prodott mill-pjanti jew oġġett ieħor li joriġina minn barra l-UE, abbażi ta’ valutazzjoni preliminari tar-riskju.

MINN META JAPPLIKA DAN IR-REGOLAMENT?

Dan ilu japplika mill-14 ta’ Diċembru 2019.

SFOND

Ara wkoll:

TERMINI EWLENIN

Miżura fitosanitarja: miżura uffiċjali li għandha l-għan li tipprevjeni l-introduzzjoni jew il-firxa ta’ pesti ta’ kwarantina jew li tillimita l-impatt ekonomiku ta’ pesti rregolati mhux ta’ kwarantina.

DOKUMENT EWLIENI

Regolament (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ottubru 2016 dwar il-miżuri protettivi kontra pesti tal-pjanti, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 228/2013, (UE) Nru 652/2014 u (UE) Nru 1143/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 69/464/KEE, 74/647/KEE, 93/85/KEE, 98/57/KE, 2000/29/KE, 2006/91/KE u 2007/33/KE (ĠU L 317, 23.11.2016, pp. 4-104)

DOKUMENTI RELATATI

Regolament (UE) Nru 1143/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ottubru 2014 dwar il-prevenzjoni u l-ġestjoni tal-introduzzjoni u t-tixrid ta’ speċijiet aljeni invażivi (ĠU L 317, 4.11.2014, pp. 35-55)

Regolament (UE) Nru 652/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet għall-ġestjoni tan-nefqa marbuta mal-katina alimentari, mas-saħħa tal-annimali u mat-trattament xieraq tal-annimali, u marbuta mas-saħħa tal-pjanti u mal-materjal riproduttiv tal-pjanti, li jemenda d-Direttivi tal-Kunsill 98/56/KE, 2000/29/KE u 2008/90/KE, ir-Regolamenti (KE) Nru 178/2002, (KE) Nru 882/2004 u (KE) Nru 396/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttiva 2009/128/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 66/399/KEE, 76/894/KEE u 2009/470/KE (ĠU L 189, 27.6.2014, pp. 1-32)

Emendi suċċessivi għar-Regolament (UE) Nru 652/2014 ġew inkorporati fid-dokument oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

Regolament (UE) Nru 228/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Marzu 2013 li jistabbilixxi miżuri speċifiċi għall-agrikoltura fir-reġjuni ultraperiferiċi tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 247/2006 (ĠU L 78, 20.3.2013, pp. 23-40)

l-aħħar aġġornament 12.07.2019

Top