Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Il-gateway diġitali unika

Il-gateway diġitali unika

 

SOMMARJU TA’:

Ir-Regolament (UE) 2018/1724 li jistabbilixxi gateway diġitali unika li tipprovdi aċċess għal informazzjoni, għal proċeduri u għas-servizzi ta’ assistenza u ta’ soluzzjoni tal-problemi

X’INHU L-GĦAN TAR-REGOLAMENT?

Il-gateway diġitali unika se tiffaċilita l-aċċess online għall-informazzjoni, il-proċeduri amministrattivi ewlenin u s-servizzi ta’ assistenza u ta’ soluzzjoni tal-problemi li ċ-ċittadini u n-negozji jistgħu jikkuntattjaw jekk jiltaqgħu ma’ problemi meta jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom tas-suq intern waqt li jkunu qed jgħixu jew jagħmlu negozju fi Stat Membru tal-Unjoni Ewropea (UE).

PUNTI EWLENIN

Punt ta’ aċċess uniku online għal informazzjoni, proċeduri u assistenza

  • Il-gateway diġitali unika se tiggwida liċ-ċittadini u lill-kumpaniji għal informazzjoni dwar ir-regoli nazzjonali u tal-UE, id-drittijiet u l-proċeduri, u kif ukoll għal siti web fejn jistgħu jwettqu dawn il-proċeduri online. L-utenti li jfittxu l-għajnuna se jiġu ggwidati lejn servizzi ta’ assistenza u ta’ soluzzjoni tal-problemi.
  • F’termini prattiċi, funzjoni ta’ tfittxija fuq il-portal “Your Europe” se tipprovdi:
    • aċċess għal informazzjoni — il-persuni se jkunu jistgħu faċilment isibu informazzjoni affidabbli u kwalitattiva dwar ir-regoli tal-UE u dawk nazzjonali li japplikaw għalihom meta jkunu jridu jeżerċitaw id-drittijiet tas-suq intern tagħhom;
    • aċċess għal proċeduri — il-persuni se jkunu jafu eżattament kif iwettqu proċeduri amministrattivi u x’passi jeħtieġ li jsegwu;
    • il-possibbiltà li jiġu ppreżentati dokumenti u evidenza oħra bejn l-awtoritajiet b’mod transfruntier li huma meħtieġa għal dawn il-proċeduri;
    • aċċess għal assistenza — jekk l-utenti xorta jkunu konfużi dwar liema regoli japplikaw jew jekk ikollhom problemi bi proċedura, dawn se jiġu ggwidati għall-aktar servizz ta’ assistenza xieraq tal-UE jew nazzjonali biex isolvi l-problema tagħhom.
  • Il-kwalità, il-faċilità għall-utent u l-adegwatezza tal-informazzjoni pprovduta mill-Kummissjoni Ewropea u mill-awtoritajiet fl-Istati Membri se jiġu mmonitorjati abbażi ta’ feedback mill-utenti.

Amministrazzjoni diġitalizzata

  • Ir-regolament li jistabbilixxi l-gateway jirrikjedi wkoll li l-proċeduri amministrattivi ewlenin ikunu disponibbli online kemm għall-utenti f’pajjiżhom kif ukoll għall-utenti transfruntiera.
  • Sa mhux aktar tard mit-12 ta’ Diċembru 2023, se jkun hemm disponibbli bis-sħiħ online fl-Istati Membri kollha lista ta’ 21 proċedura amministrattiva importanti. Dawn ikopru sitwazzjonijiet li huma rilevanti biex isir negozju, xogħol, studju, jew ċaqliq minn post għal ieħor. Eżempji jinkludu:
    • talba ta’ prova ta’ residenza;
    • applikazzjoni għal għotjiet għall-istudju;
    • talba ta’ rikonoxximent akkademiku ta’ diplomi;
    • reġistrazzjoni ta’ vettura;
    • akkwist ta’ karta Ewropea tal-assigurazzjoni tas-saħħa;
    • talba ta’ benefiċċji tal-pensjoni; u
    • reġistrazzjoni tal-impjegati għall-pensjoni u skemi tal-assigurazzjoni.
  • Il-proċeduri online nazzjonali kollha ser ikunu meħtieġa jkunu magħmulin aċċessibbli b’mod sħiħ għall-utenti traskonfinali.
  • Il-prinċipju ta’ “darba biss” (jiġifieri l-utenti m’għandhomx jissottomettu lill-awtoritajiet dokumenti jew data diġà miżmuma minn awtoritajiet oħra) se jiġi applikat għal skambji transfruntiera ta’ evidenza għal medda ta’ proċeduri. Għal dawn il-proċeduri kollha, l-utenti se jingħataw l-opzjoni li jitolbu skambju dirett ta’ evidenza bejn awtoritajiet fi Stati Membri differenti.
  • Barra minn hekk, mill-bidu ta’ Diċembru 2020, l-utenti se jkunu jistgħu jipprovdu feedback dwar problemi li jiltaqgħu magħhom fis-suq uniku, bil-għan li jittejjeb it-tfassil tal-politika.

Implimentazzjoni

Il-funzjonament tal-gateway ser jiġi appoġġjat minn għodod tekniċi żviluppati mill-Kummissjoni f’kooperazzjoni ma’ amministrazzjonijiet nazzjonali. Grupp ta’ koordinazzjoni dwar il-gateway magħmul mill-koordinaturi nazzjonali u l-Kummissjoni se jappoġġa l-implimentazzjoni tar-Regolament. L-applikazzjoni tar-Regolament se tiġi riveduta f’Diċembru 2022 u l-funzjonament tal-gateway se jiġi rivedut kull sentejn mill-2022.

Atti ta’ implimentazzjoni

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1121

  • Fl-2020, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1121, li jistabbilixxi r-regoli dwar il-ġbir u l-kondiviżjoni tal-istatistika u l-feedback mingħand l-utenti dwar is-servizzi tal-gateway diġitali unika. Id-data miġbura se tintuża mill-fornituri ta’ servizz, mill-koordinaturi nazzjonali u mill-Kummissjoni biex jimmonitorjaw jekk is-servizzi pprovduti permezz tal-gateway jikkonformawx mal-kriterji ta’ kwalità u biex itejbu dawk is-servizzi u l-funzjonalità tal-gateway diġitali unika.
  • Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1121 kien akkumpanjat minn dikjarazzjoni tal-Kummissjoni, li tiddikjara li biħsiebha tesplora, flimkien mal-Istati Membri fil-kuntest tal-grupp ta’ koordinazzjoni dwar il-gateway, il-fattibbiltà u t-talba għal servizz komuni fil-livell tal-UE ġestit mill-Kummissjoni. Tista’ tiġi proposta soluzzjoni oħra biex tiffaċilita l-ġbir u t-trażmissjoni ta’ statistika relatata ma’ paġni web li huma parti mill-gateway u huma taħt ir-responsabbiltà tal-awtoritajiet muniċipali.

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/1463

  • Fl-2022, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/1463, li jistabbilixxi speċifikazzjonijiet tekniċi u operazzjonali tas-sistema teknika għall-iskambju awtomatizzat transfruntier tal-evidenza u l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ “darba biss”. Ir-regolament jispeċifika wkoll ir-rwol tal-Istati Membri, b’mod partikolari dak tal-awtoritajiet nazzjonali rispettivi meta jaġixxu bħala dawk li jitolbu l-evidenza jew fornitur tal-evidenza, u tal-pjattaformi intermedjarji, fejn applikabbli, fir-rigward tal-protezzjoni tad-data personali inkluża fl-evidenza li tiġi skambjata permezz tas-sistema teknika ta’ “darba biss”.

MINN META BEDA JAPPLIKA R-REGOLAMENT?

Ir-Regolament (UE) 2018/1724 ilu japplika mit-12 ta’ Diċembru 2020. Madankollu, l-artikoli li jikkonċernaw id-diġitalizzazzjoni tal-proċeduri, id-disponibbiltà transfruntiera tal-proċeduri u l-użu ta’ sistema ta’ “darba biss” se japplikaw mit-12 ta’ Diċembru 2023. L-obbligu dwar id-disponibbiltà ta’ informazzjoni mill-awtoritajiet muniċipali se japplika mit-12 ta’ Diċembru 2022.

SFOND

Għal aktar informazzjoni, ara:

DOKUMENT PRINĊIPALI

Ir-Regolament (UE) 2018/1724 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-2 ta’ Ottubru 2018 li jistabbilixxi gateway diġitali unika li tipprovdi aċċess għal informazzjoni, għal proċeduri u għas-servizzi ta’ assistenza u ta’ soluzzjoni tal-problemi u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1024/2012 (ĠU L 295, 21.11.2018, pp. 1-38).

DOKUMENTI RELATATI

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/1463 tal-5 ta’ Awwissu 2022 li jistabbilixxi speċifikazzjonijiet tekniċi u operazzjonali tas-sistema teknika għall-iskambju awtomatizzat transfruntier tal-evidenza u l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ “darba biss” f’konformità mar-Regolament (UE) 2018/1724 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 231, 6.9.2022, pp. 1-21).

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1121 tad-29 ta’ Lulju 2020 dwar il-ġbir u l-kondiviżjoni tal-istatistika u l-feedback mingħand l-utenti dwar is-servizzi tal-gateway diġitali unika skont ir-Regolament (UE) 2018/1724 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 245, 30.7.2020, pp. 3-14).

Id-Dikjarazzjoni tal-Kummissjoni li takkumpanja r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-ġbir u l-kondiviżjoni tal-istatistika u l-feedback mingħand l-utenti dwar is-servizzi tal-gateway diġitali unika skont ir-Regolament (UE) 2018/1724 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU C 250, 30.7.2020, p. 5).

Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2013/461/UE tas-17 ta’ Settembru 2013 fuq il-prinċipji li jirregolaw is-SOLVIT (ĠU L 249, 19.9.2013, pp. 10-15).

Ir-Regolament (UE) Nru 1024/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 dwar il-kooperazzjoni amministrattiva permezz tas-Sistema ta’ Informazzjoni tas-Suq Intern u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/49/KE (“ir-Regolament tal-IMI”) (ĠU L 316, 14.11.2012, pp. 1-11).

Emendi suċċessivi għar-Regolament (UE) Nru 1024/2012 ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

Id-Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2006 dwar is-servizzi fis-suq intern (ĠU L 376, 27.12.2006, pp. 36-68).

l-aħħar aġġornament 21.11.2022

Top