EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Ftehim bejn l-UE u l-Iżvizzera dwar l-iskemi għall-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra (ETS)

Ftehim bejn l-UE u l-Iżvizzera dwar l-iskemi għall-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra (ETS)

 

SOMMARJU TA’:

Il-Ftehim bejn l-UE u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar il-kollegament tal-iskemi għall-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra tagħhom

Id-Deċiżjoni (UE) 2017/2240 dwar l-iffirmar u l-applikazzjoni proviżorja tal-Ftehim bejn l-UE u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar il-kollegament tal-iskemi għall-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra tagħhom

Id-Deċiżjoni (UE) 2018/219 dwar il-konklużjoni tal-Ftehim bejn l-UE u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar il-kollegament tal-iskemi għall-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra tagħhom

X’INHU L-GĦAN TAL-FTEHIM?

  • Il-ftehim għandu l-għan li jikkollega l-iskema tal-UE għall-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet (EU ETS) mal-ETS tal-Iżvizzera (CHETS). L-UE tqis l-iskema għall-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiettagħha bħala għodda ta’ politika li tnaqqas b’mod kosteffettiv l-emissjonijiet ta’ gassijiet b’effett ta’ serra. Il-kollegament tal-iskemi għall-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet biex ikun jista’ jsir l-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet bejn l-iskemi, se jgħin biex jinbena suq internazzjonali b’saħħtu ta’ emissjonijiet tal-karbonju u jsaħħaħ aktar l-isforzi tat-tnaqqis ta’ emissjonijiet tal-partijiet li jkunu kkollegaw l-iskemi tagħhom, u b’hekk jikkontribwixxi wkoll lejn l-għanijiet tal-Ftehim ta’ Pariġi dwar il-Klima.
  • Il-kollegament taż-żewġ skemi se jsir operattiv għalkollox biss ladarba l-Iżvizzera tkun daħlet fis-seħħ ir-regoli kollha meħtieġa fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħha, b’mod partikolari dwar l-estensjoni tal-ETS tagħha għall-avjazzjoni. Madankollu, skont it-termini ta’ dan il-ftehim, il-Kumitat Konġunt (KK) li waqqaf beda jiffunzjona mill-iffirmar tal-ftehim (Novembru 2017) sabiex tiġi żgurata l-koordinazzjoni bejn il-partijiet, inkluż dwar żviluppi fir-rigward tad-dħul fis-seħħ tar-Regoli Żvizzeri rilevanti.

PUNTI EWLENIN

Il-limitu u l-iskambju: kif topera l-EU ETS

  • L-EU ETS, stabbilita bid-Direttiva 2003/87/KE, taħdem fuq il-prinċipju tal-“limitu u tal-kummerċ”. Limitu huwa stabbilit fuq l-ammont totali ta’ ċerti gassijiet serra li jistgħu jiġu emessi mill-impjanti tal-enerġija u installazzjonijiet industrijali koperti mill-iskema. Il-limitu jitnaqqas matul iż-żmien sabiex jonqsu l-emissjonijiet totali.
  • Minbarra installazzjonijiet stazzjonarji, l-EU ETS tapplika għat-titjiriet kollha bejn l-ajruporti fl-UE u ż-Żona Ekonomika Ewropea.
  • Fil-limitu massimu, il-kumpaniji jirċievu jew jixtru kwoti tal-emissjonijiet* li mbagħad ikunu jistgħu jiskambjaw ma’ xulxin skont il-bżonn. Qabel l-2021 setgħu jużaw ukoll ammonti limitati ta’ krediti internazzjonali minn proġetti li jiffrankaw l-emissjonijiet madwar id-dinja biex jikkonformaw mal-iskema. Il-limitu fuq l-għadd totali ta’ kwoti disponibbli jiżgura li jżommu l-valur tagħhom.
  • Kull sena kumpanija għandha tippreżenta kwoti biżżejjed biex tkopri l-emissjonijiet kollha tagħha, inkella jiġu imposti multi kbar. Jekk kumpanija tnaqqas l-emissjonijiet tagħha, tista’ żżomm il-kwoti żejda biex tkopri l-bżonnijiet futuri tagħha jew inkella tbigħhom lil kumpanija oħra li ma jkollhiex biżżejjed kwoti.
  • L-iskambju jġib flessibilità li tiżgura li l-emissjonijiet jitnaqqsu fejn huwa l-iktar kosteffettiv. Dan jippromwovi wkoll investiment f’teknoloġiji nodfa u li jitħaddmu b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju.

Il-Ftehim bejn l-UE u l-Iżvizzera

  • Il-Ftehim jistabbilixxi l-għanijiet u l-prinċipji ewlenin, kif ukoll l-istruttura istituzzjonali, għall-kollegament tal-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet tal-UE u l-Iżvizzera.
  • Ladarba l-kollegament bejn l-EU ETS u s-CH ETS isir operattiv, il-kwoti tal-emissjonijiet li joriġinaw minn skema waħda jkunu eliġibbli għall-konformità mal-iskema l-oħra.

Il-kriterji essenzjali

  • Sabiex ikun żgurat li ż-żewġ skemi jkunu kompatibbli, għandhom jiġu ssodisfati ċerti kriterji essenzjali, li huma stipulati fl-Anness tal-Ftehim. Dawn il-kriterji jirriflettu b’mod wiesa’ d-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni EU ETS jew l-atti ta’ implimentazzjoni tagħha. Kull skema tista’ tadotta regoli li huma aktar stretti mill-kriterji essenzjali.
  • Il-ftehim jippermetti l-possibbiltà ta’ żviluppi leġiżlattivi futuri fl-iskemi kkollegati mingħajr il-bżonn ta’ negozjar sostanzjali mill-ġdid sakemm l-iskemi jibqgħu jissodisfaw il-kriterji essenzjali.

Skambju u koordinazzjoni ta’ informazzjoni

Il-ftehim jistabbilixxi proċess għall-iskambju ta’ informazzjoni u l-koordinazzjoni f’oqsma ta’ rilevanza. Dan sabiex tkun żgurata l-implimentazzjoni xierqa tiegħu u l-integrità kontinwa tal-iskemi kkollegati. Dan il-proċess jippermetti lill-partijiet iżommu lil xulxin informati dwar l-iżviluppi leġiżlattivi rilevanti.

L-avjazzjoni

  • Il-ftehim jikkjarifika li l-Iżvizzera se tirrifletti d-dispożizzjonijiet tal-EU ETS dwar l-avjazzjoni fis-CH ETS għall-kollegament taż-żewġ skemi għall-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet biex jidħlu fis-seħħ.
  • L-operaturi fis-settur tal-avjazzjoni se jiġu amministrati minn stat taż-ŻEE jew mill-Iżvizzera skont l-approċċ tal-“one-stop shop”. Dan ifisser li awtorità waħda tieħu r-responsabbiltà għall-implimentazzjoni taż-żewġ skemi sabiex l-operaturi jkollhom jittrattaw biss ma’ awtorità waħda skont l-iskema kkollegata.
  • Is-sitwazzjoni speċjali tal-ajruport binazzjonali ta’ Basel hija indirizzata biex tevita għadd doppju f’każ li l-Iżvizzera tilħaq ftehim bilaterali dwar il-kopertura ta’ attivitajiet mill-ajruport ta’ Basel.

Il-Kumitat Konġunt

Il-ftehim jistabbilixxi KK bħala l-istruttura ewlenija tal-ġestjoni tiegħu. Il-KK:

  • jinkludi rappreżentanti taż-żewġ partijiet u huwa responsabbli għall-amministrazzjoni u l-implimentazzjoni xierqa tal-Ftehim;
  • jaqdi rwol ewlieni fil-proċess tal-iskambju u l-koordinazzjoni tal-informazzjoni, kif ukoll fil-valutazzjoni dwar jekk il-partijiet ikunux għadhom qed jissodisfaw il-kriterji essenzjali;
  • jista’ jipproponi bidliet għall-artikoli tal-Ftehim u jagħmel emendi għall-Annessi;
  • jibda jiffunzjona mid-data tal-iffirmar tal-Ftehim skont it-termini tal-Ftehim dwar l-applikazzjoni proviżorja ta’ ċerti artikoli.

Mekkaniżmu għas-soluzzjoni tat-tilwim

Tilwim dwar l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni tal-Ftehim jista’ jiġi referut minn kwalunkwe waħda mill-partijiet lill-KK biex tinstab soluzzjoni. Meta l-KK ma jirnexxilux isib soluzzjoni għat-tilwim fi żmien sitt xhur, dan jista’ jiġi referut lill-Qorti Permanenti ta’ Arbitraġġ fuq talba ta’ kwalunkwe waħda mill-partijiet.

Regoli tekniċi

Minbarra l-prinċipji, l-għanijiet u l-arranġamenti istituzzjonali, il-ftehim fih dispożizzjonijiet tekniċi li jirregolaw l-operat tar-reġistri, il-kontabilità, l-irkant, l-informazzjoni sensittiva u s-sigurtà.

DATA TAD-DĦUL FIS-SEĦĦ

Il-ftehim daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2020.

SFOND

Għal aktar informazzjoni ara:

TERMINI EWLENIN

Kwoti tal-emissjonijiet: kwota biex tiġi emessa tunnellata ta’ ekwivalenti ta’ diossidu tal-karbonju matul perjodu speċifikat, maħruġa mill-EU ETS jew mis-CH ETS.

DOKUMENTI EWLENIN

Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar il-kollegament tal-iskemi għall-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra tagħhom (ĠU L 322, 7.12.2017, pp. 3-26)

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2017/2240 tal-10 ta’ Novembru 2017 dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni, u l-applikazzjoni proviżorja tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar il-kollegament tal-iskemi għall-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra tagħhom (ĠU L 322, 7.12.2017, pp. 1-2)

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2018/219 tat-23 ta’ Jannar 2018 dwar il-konklużjoni tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar il-kollegament tal-iskemi għall-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra tagħhom (ĠU L 43, 16.2.2018, pp. 1-2)

DOKUMENTI RELATATI

Avviż dwar id-dħul fis-seħħ tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar il-kollegament tal-iskemi għall-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra tagħhom (ĠU L 330, 20.12.2019, p. 1)

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2018/1279 tat-18 ta’ Settembru 2018 dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kumitat Konġunt stabbilit bil-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar il-kollegament tal-iskemi għall-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra tagħhom fir-rigward tal-adozzjoni tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu (ĠU L 239, 24.9.2018, pp. 8-13)

Id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ottubru 2003 li tistabbilixxi skema ta’ skambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra fi ħdan il-Komunità u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 96/61/KE (ĠU L 275, 25.10.2003, pp. 32-46)

Emendi suċċessivi għad-Direttiva 2003/87/KE ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata hija ta’ valur dokumentarju biss.

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2015/1339 tat-13 ta’ Lulju 2015 dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Emenda ta’ Doha għall-Protokoll ta’ Kjoto għall-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima u t-twettiq konġunt tal-impenji taħtha (ĠU L 207, 4.8.2015, pp. 1-5)

L-Emenda ta’ Doha għall-Protokoll ta’ Kjoto (ĠU L 207, 4.8.2015, pp. 6-14)

Il-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (ĠU L 33, 7.2.1994, pp. 13-28)

Il-Ftehim ta’ Pariġi (ĠU L 282, 19.10.2016, pp. 4-18)

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2016/1841 tal-5 ta’ Ottubru 2016 dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Ftehim ta’ Pariġi adottat skont il-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (ĠU L 282, 19.10.2016, pp. 1-3)

l-aħħar aġġornament 17.01.2020

Top