Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Pakkett tal-ivvjaġġar — drittijiet tal-konsumatur (mill-2018)

Pakkett tal-ivvjaġġar — drittijiet tal-konsumatur (mill-2018)

 

SOMMARJU TA’:

Direttiva (UE) 2015/2302 — pakketti tal-ivvjaġġar u arranġamenti tal-ivvjaġġar marbuta

X’INHU L-GĦAN TAD-DIRETTIVA?

Hija għandha l-għan li tintroduċi livell għoli u uniformi ta’ protezzjoni tal-konsumatur fir-rigward tal-kuntratti għal pakketti tal-ivvjaġġar* u arranġamenti tal-ivvjaġġar marbuta*, filwaqt li tqis l-użu dejjem jiżdied tal-prenotazzjoni bl-internet.

PUNTI EWLENIN

Informazzjoni

L-informazzjoni li ġejja għandha tiġi pprovduta mill-organizzatur jew mill-bejjiegħ bl-imnut qabel jiġi ffirmat kuntratt, fejn ikun applikabbli għall-pakkett:

  • l-itinerarju bid-dati u numru ta’ ljieli inklużi;
  • it-trasport provdut, inkluż il-ħinijiet tat-tluq u tar-ritorn, waqfiet u konnessjonijiet;
  • dettalji dwar l-akkomodazzjoni;
  • il-pjan tal-ikel;
  • żjarat jew servizzi oħra li għandhom ikunu inklużi;
  • meta jkun involut l-ivvjaġġar fi gruppi, id-daqs approssimattiv tal-grupp;
  • il-lingwa tas-servizzi turistiċi fejn xieraq;
  • l-adattabilità tal-vjaġġ għal persuni b’mobbiltà mnaqqsa u, fuq talba tal-vjaġġatur, l-adattabilità tal-vjaġġ jew btala filwaqt li jitqiesu l-ħtiġijiet tal-vjaġġatur;
  • dettalji tal-kuntatt;
  • il-prezz totali tal-pakkett bit-taxxi inklużi u, kwalunkwe spiża addizzjonali;
  • arranġamenti għall-ħlas;
  • in-numru minimu ta’ persuni meħtieġa għall-eżekuzzjoni tal-pakkett u l-limitu ta’ żmien għall-kanċellazzjoni possibbli għal din ir-raġuni;
  • ir-rekwiżiti tal-passaport, u tal-viża kif ukoll informazzjoni dwar il-formalitajiet tas-saħħa;
  • iI-vjaġġatur jista’ jtemm il-kuntratt fi kwalunkwe ħin qabel il-bidu tal-pakkett ladarba titħallas tariffa xierqa, jew tariffi standardizzati ta’ terminazzjoni mitluba mill-organizzatur;
  • assigurazzjoni fakultattiva jew obbligatorja li tkopri terminazzjoni tal-kuntratt mill-vjaġġatur jew l-ispiża ta’ assistenza fil-każ ta’ aċċident, mard jew mewt.

Il-konferma tal-kuntratt se tinkludi l-oġġetti ta’ hawn fuq u l-informazzjoni addizzjonali li ġejja:

  • rekwiżiti speċjali tal-vjaġġatur li l-organizzatur ikun aċċetta;
  • li l-organizzatur ikun responsabbli għall-eżekuzzjoni xierqa tas-servizzi tal-ivvjaġġar inklużi fil-kuntratt u li l-organizzatur huwa obbligat jipprovdi assistenza jekk il-vjaġġatur jinsab f’diffikultà;
  • dettalji tal-kuntatt tal-organizzazzjoni tal-protezzjoni mill-insolvenza u tar-rappreżentant lokali tal-organizzatur jew tal-punt ta’ kuntatt jew ta’ kwalunkwe servizz ieħor li jippermetti lill-vjaġġatur jikkuntattja lill-organizzatur malajr u b’mod effiċjenti;
  • li l-vjaġġatur għandu jinforma lill-organizzatur dwar kull nuqqas ta’ konformità tas-servizzi mal-kuntratt;
  • għal tfal mhux akkumpanjati, informazzjoni li tippermetti kuntatt dirett mat-tfal jew mal-persuna responsabbli għat-tfal, fejn ikunu qed joqgħodu t-tfal;
  • proċeduri għall-indirizzar tal-ilmenti;
  • id-dritt tal-vjaġġatur li jittrasferixxi l-kuntratt.

Fi żmien biżżejjed qabel il-bidu tal-pakkett, l-organizzatur għandu jipprovdi l-irċevuti, vouchers u biljetti u l-informazzjoni neċessarja dwar l-ivvjaġġar.

Żidiet fil-prezzijiet

Iż-żidiet fil-prezzijiet (limitati għal 8% f’ħafna każijiet) huma permessi biss jekk il-kuntratt jirriżerva espliċitament dik il-possibbiltà (f’liema każ jista’ wkoll jintalab tnaqqis fil-prezzijiet) u jekk jirriżultaw direttament mill-fatturi li ġejjin:

  • l-ispiża tal-fjuwil jew sorsi oħrajn ta’ enerġija;
  • taxxi ta’ partijiet terzi jew żidiet fit-tariffi;
  • rati tal-kambju.

Kwalunkwe żieda fil-prezzijiet għandha tiġi notifikata mill-inqas għoxrin jum qabel il-bidu tal-pakkett.

Terminazzjoni tal-kuntratt mill-vjaġġatur

Meta l-organizzatur jagħmel bidliet sinifikanti fil-kuntratt, jew iżid il-prezz b’aktar minn 8 %, il-vjaġġatur għandu d-dritt li, qabel il-bidu tal-pakkett, jaċċetta l-bidla, jaċċetta pakkett ta’ sostituzzjoni (ta’ valur ugwali jew ogħla), jew jittermina l-kuntratt filwaqt li kwalunkwe pagament jintradd lura fi żmien 14-il jum.

Il-vjaġġatur jista’ jittermina l-kuntratt fi kwalunkwe ħin qabel il-bidu tal-pakkett billi jħallas tariffa xierqa.

Il-vjaġġatur jista’ wkoll jittermina (mingħajr ma jħallas tariffa) fil-każ ta’ ċirkostanzi inevitabbli u straordinarji li jseħħu fil-post tad-destinazzjoni jew fil-viċinanzi immedjati tiegħu u li jaffettwaw b’mod sinifikanti l-eżekuzzjoni tal-pakkett jew tat-trasport tal-passiġġieri lejn id-destinazzjoni. Tingħata rifużjoni sħiħa iżda ebda kumpens addizzjonali.

Prestazzjoni

L-organizzatur tal-pakkett huwa responsabbli għall-prestazzjoni tas-servizzi tal-ivvjaġġar fil-kuntratt, anke jekk jitwettqu minn negozji oħra. Hemm regoli għan-nuqqas ta’ konformità, it-terminazzjoni u l-kumpens:

  • Jekk kwalunkwe servizzi tal-ivvjaġġar ma jitweqqax f’konformità mal-kuntratt, l-organizzatur jirrimedja n-nuqqas ta’ konformità, sakemm dan ma jkunx impossibbli jew l-ispejjeż ikunu sproporzjonati.
  • Meta proporzjon sinifikanti tas-servizzi tal-ivvjaġġar ma jkunux jistgħu jiġu pprovduti kif miftiehem, arranġamenti alternattivi ta’ kwalità ekwivalenti jew superjuri għandhom jiġu offruti mingħajr spejjeż addizzjonali.
  • Jekk ir-ritorn tal-vjaġġatur ma jkunx jista’ jiġi żgurat minħabba “ċirkostanzi inevitabbli u straordinarji”, l-organizzatur iħallas l-ispejjeż għall-akkomodazzjoni sa tlett iljieli.
  • Il-vjaġġatur jista’ jittermina l-kuntratt mingħajr ma jħallas tariffa ta’ terminazzjoni jekk in-nuqqas ta’ konformità taffettwa sostanzjalment it-twettiq tal-pakkett u l-organizzatur jonqos milli jirrimedjaha.

L-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea (UE) għandhom jiżguraw li l-messaġġi, it-talbiet jew l-ilmenti jistgħu jsiru direttament lill-bejjiegħ bl-imnut u li l-bejjiegħ bl-imnut jgħaddihom lill-organizzatur, li għandu jassisti mingħajr dewmien żejjed.

Tingħata protezzjoni addizzjonali lill-vjaġġaturi f’każ ta’ insolvenza tal-organizzatur. Ġie stabbilit network ta’ punti ċentrali fl-Istati Membri biex tittejjeb il-kooperazzjoni internazzjonali.

Din id-direttiva ma tapplikax għall-arranġamenti tal-ivvjaġġar:

  • li jkopru inqas minn 24 siegħa sakemm ma jkunx inkluż lejl;
  • offruti okkażjonalment, fuq bażi mingħajr skop ta’ qligħ u għal grupp limitat ta’ vjaġġaturi biss;
  • mixtrija bħala parti minn arranġament ġenerali għall-ivvjaġġar relatat man-negozju jew professjoni.

B’mod ġenerali, l-Istati Membri m’għandhomx jintroduċu regolamenti li jipprovdu livell ta’ protezzjoni tal-vjaġġatur li huwa differenti minn dak stabbilit f’din id-direttiva.

Id-direttiva tħassar id-Direttiva 90/314/KEE b’effett mill-1 ta’ Lulju 2018.

MINN META TAPPLIKA D-DIRETTIVA?

Kellha ssir liġi fl-Istati Membri sal-1 ta’ Jannar 2018. Ilha tapplika mill-1 ta’ Lulju 2018.

Id-direttiva ġiet inkorporata fil-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea fit-22 ta’ Settembru 2017.

SFOND

Għal aktar informazzjoni, ara

Wara t-tifqigħa tal-COVID-19 u l-introduzzjoni ta’ miżuri biex tindirizza l-impatt tal-kriżi, il-Kummissjoni Ewropea adottat:

TERMINI EWLWNIN

Pakkett. F’ħafna każijiet, dan ifisser:
  • kombinazzjoni ta’ mill-inqas żewġ tipi differenti ta’ servizzi tal-ivvjaġġar (eż. titjira jew vjaġġ bil-ferrovija u/jew akkomodazzjoni):
    • bħala parti mill-istess vjaġġ, li normalment jinxtara minn punt ta’ bejgħ uniku, u/jew
    • jinbiegħ bi prezz inklużiv jew reklamat bħala pakkett;
  • li s-servizzi ntgħazlu qabel il-vjaġġatur jaqbel li jħallas.
Arranġament tal-ivvjaġġar marbut. mill-anqas żewġ tipi differenti ta’ servizzi tal-ivvjaġġar mixtrija bħala parti mill-istess vjaġġ, fejn normalment, imma mhux neċessarjament, hemm kuntratti separati mal-fornituri tas-servizz tal-ivvjaġġar individwali. Dan japplika:
  • meta jintagħżlu u jiġu mħallsa servizzi separati fi żjara waħda lill-istess punt tal-bejgħ; jew
  • meta l-vjaġġaturr jiġi offrut servizz ieħor tal-ivvjaġġar fi żmien 24 siegħa minn meta jkun ġie prenotat l-ewwel wieħed.

DOKUMENT PRINĊIPALI

Id-Direttiva (UE) 2015/2302 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2015 dwar pakketti tal-ivvjaġġar u arranġamenti tal-ivvjaġġar marbuta, li temenda r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 u d-Direttiva 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 90/314/KEE (ĠU L 326, 11.12.2015, pp. 1–33).

l-aħħar aġġornament 03.02.2022

Top