Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Il-kontribuzzjonijiet tal-Istati Membri tal-UE għall-baġit tal-UE

Il-kontribuzzjonijiet tal-Istati Membri tal-UE għall-baġit tal-UE

 

SOMMARJU TA’:

Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 609/2014 dwar il-metodi u l-proċedura li jintużaw biex jitqiegħdu għad-dispożizzjoni r-riżorsi proprji tradizzjonali, dawk ibbażati fuq il-VAT u dawk ibbażati fuq l-ING u dwar il-miżuri li jissodisfaw il-ħtiġijiet fi flus kontanti

Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 2021/770 dwar il-kalkolu tar-riżorsa proprja bbażata fuq l-iskart tal-plastik mill-imballaġġ li mhux qed jiġi riċiklat

X’INHU L-GĦAN TA’ DAWN IR-REGOLAMENTI?

  • Huma jistabbilixxu r-regoli li jiffissaw il-metodi u l-proċeduri li bihom l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea (UE) jagħmlu disponibbli r-riżorsi proprji tal-UE. Ir-riżorsi proprji jikkostitwixxu l-maġġoranza kbira tad-dħul li jiffinanzja l-baġit tal-UE; dawn jinkludu:
    • dazji doganali imposti fuq importazzjonijiet minn barra l-UE (li 25 % minnhom jinżammu mill-Istati Membri biex ikopru l-ispejjeż tal-ġbir);
    • introjtu bbażat fuq it-taxxa fuq il-valur miżjud miġbura mill-Istati Membri;
    • introjtu bbażat fuq id-dħul nazzjonali gross (DNG) ta’ kull Stat Membru*; u
    • dħul minn kull Stat Membru abbażi tal-kwantità ta’ skart mill-imballaġġ tal-plastik mhux riċiklat li jiġġenera (mill-1 ta’ Jannar 2021).
  • Dawn ir-regolamenti jiddefinixxu wkoll il-miżuri biex jiġu ssodisfati, fejn xieraq, il-ħtiġijiet fi flus kontanti (jiġifieri l-bżonnijiet tal-flussi ta’ flus).
  • Ir-Regolament 609/2014 ġie emendat darbtejn, bir-Regolament (UE, Euratom) 2016/804 u r-Regolament (UE, Euratom) 2022/615.
  • Ir-Regolament 2021/770 introduċa r-riżorsa proprja bbażata fuq il-plastik fl-2021.

PUNTI EWLENIN

It-tqegħid tar-riżorsi proprji għad-dispożizzjoni

  • Ir-riżorsi proprji jeħtieġ li jkunu disponibbli sabiex il-Kummissjoni Ewropea tkun tista’ tagħmel il-pagamenti meħtieġa miftiehma fil-baġit.
  • Regoli speċifiċi jistabbilixxu l-arranġamenti li bihom l-Istati Membri jagħmlu disponibbli d-diversi tipi ta’ riżorsi proprji.
  • L-ammonti li jsiru disponibbli huma aġġustati fis-snin ta’ wara abbażi tal-ħruġ tat-taxxa fuq il-valur miżjud u l-bażi tal-DGN, ir-riżorsa proprja bbażata fuq il-plastik u kwalunkwe modifika sussegwenti hekk kif dawn ikunu magħrufa bis-sħiħ.
  • Il-modifiki fid-data tad-DGN li jsiru wara t-tmiem ta’ kull sena finanzjarja għandhom impatt ukoll fuq il-finanzjament tat-tnaqqis gross* (it-tnaqqis tal-kontribuzzjonijiet relatati mal-ING ta’ ċerti Stati Membri).
  • Meta Stat Membru jagħżel li ma jiħux azzjoni jew politika speċifika tal-UE, ikun intitolat għal tnaqqis tal-ammont li jkun ħallas fir-riżorsi proprji għal kull sena li fiha ma jkunx ħa sehem.
  • Kull Stat Membru għandu jikkredita r-riżorsi proprji tiegħu lill-kont miftuħ f’isem il-Kummissjoni bit-teżor tiegħu jew mal-bank ċentrali nazzjonali tiegħu, jew lil kont ċentrali miftuħ mill-Kummissjoni mal-istituzzjoni finanzjarja pubblika li jkun ħatar għal dak il-għan.
  • Jekk ikun hemm dewmien fid-disponibbiltà tar-riżorsi proprji, l-Istat Membru huwa marbut li jħallas l-imgħax tard.
  • L-Istati Membri għandhom iżommu kontijiet separati għal intitolamenti relatati mar-riżorsi proprji tradizzjonali li ma jkunux ġew irkuprati. Dawn iridu jipprovdu dettalji dwar dawn il-kontijiet u jibagħtu rendikonti ta’ kull tliet xhur lill-Kummissjoni. Dan jippermetti li l-Kummissjoni twettaq monitoraġġ tal-azzjoni meħuda mill-Istati Membri sabiex jiġbru r-riżorsi proprji, b’mod partikolari dawk kompromessi bi frodi jew irregolaritajiet.
  • L-Istati Membri għandhom iżommu kontijiet u dokumentazzjoni dwar ir-riżorsi proprji li jiġbru sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tispezzjonahom fejn meħtieġ.

Rekwiżiti ta’ flus kontanti

  • L-Istati Membri għandhom jagħmlu r-riżorsi proprji disponibbli fil-forma ta’ parti minn tnax ta’ kull xahar mit-total biex jiżguraw li l-baġit tal-UE jkun jista’ jiġi ffinanzjat fiċ-ċirkostanzi kollha.
  • Kull xahar, il-Kummissjoni tittrażmetti lill-Istati Membri permezz ta’ mezzi elettroniċi previżjoni tar-rekwiżiti ta’ riżorsi ta’ flus għall-erba’ xhur ta’ wara.

Soluzzjoni tat-tilwim

  • L-Istati Membri jistgħu jitolbu lill-Kummissjoni tniedi proċedura ta’ reviżjoni jekk ikollhom dubji dwar obbligu ta’ ħlas.
  • L-Istati Membri huma intitolati jagħmlu pagamenti taħt riżerva f’każ ta’ ammonti kkontestati, sabiex iwaqqfu l-akkumulazzjoni ta’ imgħax tard.

MINN META JAPPLIKAW IR-REGOLAMENTI?

Ir-Regolament 609/2014 ilu japplika mill-1 ta’ Jannar 2014. Huwa rreveda u ssostitwixxa r-Regolament (KE, Euratom) Nru 1150/2000 u l-emendi sussegwenti tiegħu.

Ir-Regolament 2021/770 ilu japplika mill-1 ta’ Jannar 2021.

SFOND

Għal aktar informazzjoni, ara:

TERMINI EWLENIN

Dħul nazzjonali gross (DNG). Is-somma tad-dħul tar-residenti ta’ ekonomija nazzjonali f’perjodu partikolari.
Tnaqqis gross. Korrezzjonijiet f’somma f’daqqa biex jitnaqqsu l-kontribuzzjonijiet annwali bbażati fuq id-DNG tad-Danimarka, il-Ġermanja, in-Netherlands, l-Awstrija u l-Iżvezja għall-baġit tal-UE.

DOKUMENTI PRINĊIPALI

Ir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 609/2014 tas-26 ta’ Mejju 2014 dwar il-metodi u l-proċedura li jintużaw biex jitqiegħdu għad-dispożizzjoni r-riżorsi proprji tradizzjonali, dawk ibbażati fuq il-VAT u dawk ibbażati fuq l-ING u dwar il-miżuri li jissodisfaw il-ħtiġijiet fi flus kontanti (Tfassil mill-ġdid) (ĠU L 168, 7.6.2014, pp. 39-52).

L-emendi suċċessivi għar-Regolament (UE, Euratom) Nru 609/2014 ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 2021/770 dwar il-kalkolu tar-riżorsa proprja bbażata fuq l-iskart tal-plastik mill-imballaġġ li mhux qed jiġi riċiklat, dwar il-metodi u l-proċedura li jintużaw biex titqiegħed għad-dispożizzjoni dik ir-riżorsa proprja, fuq il-miżuri li jissodisfaw il-ħtiġijiet fi flus kontanti, u fuq ċerti aspetti tar-riżorsa proprja bbażata fuq id-dħul nazzjonali gross (ĠU L 165, 11.5.2021, pp. 15–24).

DOKUMENTI RELATATI

Ir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2021/768 tat-30 ta’ April 2021 li jistabbilixxi miżuri ta’ implimentazzjoni għas-sistema tar-riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 608/2014 (ĠU L 165, 11.5.2021, pp. 1-8).

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE, Euratom) 2020/2053 tal-14 ta’ Diċembru 2020 dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea u li tħassar id-Deċiżjoni 2014/335/UE, Euratom (ĠU L 424, 15.12.2020, pp. 1–10).

l-aħħar aġġornament 15.07.2022

Top