EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32016R0804

Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2016/804 tas-17 ta' Mejju 2016 li jemenda r-Regolament (UE, Euratom) Nru 609/2014 dwar il-metodi u l-proċedura li jintużaw biex jitqiegħdu għad-dispożizzjoni r-riżorsi proprji tradizzjonali, dawk ibbażati fuq il-VAT u dawk ibbażati fuq l-ING u dwar il-miżuri li jissodisfaw il-ħtiġijiet fi flus kontanti

OJ L 132, 21.5.2016, p. 85–94 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2016/804/oj

21.5.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 132/85


REGOLAMENT TAL-KUNSILL (UE, Euratom) 2016/804

tas-17 ta' Mejju 2016

li jemenda r-Regolament (UE, Euratom) Nru 609/2014 dwar il-metodi u l-proċedura li jintużaw biex jitqiegħdu għad-dispożizzjoni r-riżorsi proprji tradizzjonali, dawk ibbażati fuq il-VAT u dawk ibbażati fuq l-ING u dwar il-miżuri li jissodisfaw il-ħtiġijiet fi flus kontanti

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 322(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, u b'mod partikolari l-Artikolu 106a tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew (1),

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri (2),

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1150/2000 (3) ġie riformulat bir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 609/2014 (4). Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 609/2014 ser jidħol fis-seħħ fil-jum tad-dħul fis-seħħ tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/335/UE, Euratom (5). Dik id-Deċiżjoni għadha ma daħlitx fis-seħħ.

(2)

Sabiex il-Kummissjoni (l-Eurostat) tingħata biżżejjed żmien biex tivvaluta d-dejta rilevanti dwar l-introjtu nazzjonali gross (ING) u biex il-Kumitat tal-ING jingħata biżżejjed żmien biex jistabbilixxi opinjoni dwar id-dejta tal-ING, kwalunkwe bidla fl-ING ta' sena finanzjarja partikolari għandha tkun possibbli sat-30 ta' Novembru tar-raba' sena wara dik is-sena finanzjarja. Il-perijodu għaż-żamma ta' dokumenti ta' sostenn relatati mat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) u r-riżorsi proprji bbażati fuq l-ING għandu, konsegwentement, ukoll jiġi estiż mit-30 ta' Settembru sat-30 ta' Novembru tar-raba' sena wara s-sena finanzjarja li jirreferu għaliha.

(3)

Dan ir-Regolament għandu jirrifletti il-prattika eżistenti li biha l-kontijiet tal-Kummissjoni għal skopijiet ta' riżorsi proprji msemmija fl-Artikolu 9 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 609/2014 (“kontijiet tar-riżorsi proprji tal-Kummissjoni”) jinżammu mat-teżori tal-Istati Membri jew mal-banek ċentrali nazzjonali tagħhom. Il-kunċett ta' teżor għandu jkopri wkoll entitajiet pubbliċi oħra li jeżerċitaw funzjonijiet simili.

(4)

Il-kontijiet tar-riżorsi proprji tal-Kummissjoni għandhom jinżammu mingħajr ebda imposta jew imgħax. L-applikazzjoni ta' imposti jew imgħax negattiv inaqqas il-baġit tal-Unjoni u jwassal għat-trattament inugwali tal-Istati Membri. Għalhekk, fejn hu applikabbli mgħax negattiv għall-kontijiet tar-riżorsi proprji tal-Kummissjoni, l-Istati Membri kkonċernati għandhom jikkreditaw ammont daqs l-ammont ta' mgħax negattiv. Billi wħud mill-Istati Membri ma għandhomx il-possibbiltà li jevitaw l-impatt finanzjarju tal-obbligu li jikkreditaw dawn l-ammonti ta' mgħax negattiv fil-kontijiet tar-riżorsi proprji tal-Kummissjoni, huwa xieraq li l-Kummissjoni, meta tkopri l-ħtiġijiet tagħha tar-riżorsi ta' flus kontanti, timmira li tnaqqas dak l-impatt billi tiġbed bi prijorità mill-ammonti kkreditati fil-kontijiet ikkonċernati.

(5)

Il-kontijiet tar-riżorsi proprji tal-Kummissjoni għandhom biss jiġu ddebitati fuq struzzjoni tal-Kummissjoni. Dan għandu jkun mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni ta' mgħax negattiv.

(6)

Fl-interess taċ-ċarezza u l-leġġibbiltà, l-Artikolu 10 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 609/2014 għandu jinqasam f'diversi Artikoli.

(7)

Il-Kummissjoni għandha, fi kwalunkwe ħin, ikollha disponibbli biżżejjed riżorsi ta' flus kontanti biex tikkonforma mal-ħtiġijiet għal pagamenti li jirriżultaw mill-implimentazzjoni tal-baġit, li huma partikolarment ikkonċentrati fl-ewwel xhur tas-sena. Il-Kummissjoni diġà għandha l-possibbiltà li tistieden lill-Istati Membri jressqu 'l quddiem sa żewġ porzjonijiet addizzjonali ta' wieħed minn tnax għall-ħtiġijiet speċifiċi tal-ħlas tan-nefqa tal-Fond Agrikolu Ewropew ta' Garanzija (FAEG) f'konformità mar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6). Sabiex jitnaqqas aktar ir-riskju ta' dewmien fil-ħlas minħabba nuqqasijiet temporanji ta' riżorsi ta' flus kontanti, għandu jkun possibbli li l-Kummissjoni tistieden lill-Istati Membri jressqu 'l quddiem sa nofs porzjon addizzjonali ta' wieħed minn tnax għall-ħtiġijiet speċifiċi tal-ħlas tan-nefqa tal-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej f'konformità mar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7), safejn dan huwa ġġustifikat mill-ħtiġijiet fi flus kontanti. Madankollu, sabiex tiġi evitata pressjoni eċċessiva fuq it-teżori nazzjonali, l-ammont totali li jista' jitressaq 'il quddiem għall-istess xahar ma għandux jeċċedi żewġ porzjonijiet addizzjonali ta' wieħed minn tnax. Barra minn hekk, minħabba r-rekwiżiti tal-ħlas speċifiċi applikabbli għall-FAEG, dan ma jistax jiġi applikat għad-detriment tal-FAEG.

(8)

Skont ir-Regolament (KE, Euratom) Nru 1150/2000, il-Kummissjoni għandha tikkalkula l-aġġustamenti għal riżorsi proprji bbażati fuq il-VAT u l-ING u tgħarraf lill-Istati Membri b'dan, fil-ħin sabiex huma jdaħħlu dawn l-aġġustamenti fil-kont tar-riżorsi proprji tal-Kummissjoni fl-ewwel jum tax-xogħol ta' Diċembru. L-ammonti tal-aġġustamenti li kellhom isiru disponibbli fl-ewwel jum tax-xogħol ta' Diċembru 2014 kienu ta' daqs bla preċedent. Sabiex jiġu evitati restrizzjonijiet baġitarji kbar iżżejjed fuq l-Istati Membri eżatt qabel tmiem is-sena, ir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1377/2014 (8) emenda r-Regolament (KE, Euratom) Nru 1150/2000 sabiex, f'ċerti ċirkostanzi eċċezzjonali, l-Istati Membri jkunu jistgħu jiddefferixxu d-dħul ta' dawn l-aġġustamenti fil-kont tar-riżorsi proprji tal-Kummissjoni.

(9)

Ir-Regolament (KE, Euratom) Nru 1150/2000, hekk kif emendat, mhux ser jibqa' japplika ladarba r-Regolament (UE, Euratom) Nru 609/2014 jidħol fis-seħħ. Madankollu, dan ma għandux jippreġudika l-validità ta' dawk id-differimenti għad-dħul tal-aġġustamenti diġà mitluba formalment skont ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 1377/2014 meta dan ir-Regolament tal-aħħar kien għadu fis-seħħ.

(10)

Għal raġunijiet ta' simplifikazzjoni, u sabiex tiġi limitata l-pressjoni fiskali fuq l-Istati Membri u l-Kummissjoni b'mod partikolari lejn tmiem is-sena, il-proċedura għall-aġġustament tar-riżorsi proprji tal-VAT u tal-ING għandhom jiġu ssimplifikati. Għandu jkun hemm aktar żmien bejn in-notifika formali lill-Istati Membri tal-aġġustamenti meħtieġa u d-dħul tagħhom fil-kont tar-riżorsi proprji tal-Kummissjoni. Tali notifika u d-dħul għandhom iseħħu fl-istess sena, peress li dik is-sena tkun rilevanti wkoll għar-reġistrazzjoni tal-impatt fuq il-kontijiet tal-gvern u għall-finijiet tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir. Għandu jkun hemm ridistribuzzjoni immedjata tal-ammont globali tal-aġġustamenti fost l-Istati Membri skont is-sehem rispettiv tagħhom tar-riżorsi proprji bbażati fuq l-ING. Dan jelimina l-ħtieġa għad-deroga stabbilita bir-Regolament (UE, Euratom) Nru 1377/2014.

(11)

Sabiex jinkisbu l-objettivi tal-Unjoni, il-proċedura għall-kalkolu tal-imgħax għandha tiżgura b'mod partikolari li r-riżorsi proprji jkunu disponibbli b'mod f'waqtu u b'mod sħiħ.

(12)

Sabiex jittejbu ċ-ċertezza u ċ-ċarezza legali, il-każijiet fejn huwa dovut imgħax għal ħlas tard għandhom jiġu definiti għar-riżorsi proprji bbażati fuq il-VAT u l-ING. Fid-dawl tal-ispeċifiċitajiet ta' dawk ir-riżorsi proprji, li għandhom ċiklu ta' verifika li jippermetti korrezzjonijiet u aġġustamenti rispettivament fi żmien perijodu ta' erba' snin, kwalunkwe bidla għar-riżorsi proprji bbażati fuq il-VAT u l-ING li tirriżulta minn tali korrezzjonijiet jew aġġustamenti ma għandhiex tagħti lok għall-kalkolu retroattiv tal-imgħax. L-imgħax fir-rigward ta' dawk ir-riżorsi għandu għalhekk ikun pagabbli biss fil-każ ta' dewmien biex jiddaħħlu l-ammonti tal-porzjonijiet ta' wieħed minn tnax ta' kull xahar u l-ammonti li jirriżultaw mill-kalkolu tal-aġġustamenti annwali għas-snin finanzjarji preċedenti. Barra minn hekk, sabiex jinżamm inċentiv xieraq għat-teħid ta' azzjoni korrettiva, l-imgħax għandu jkun pagabbli wkoll f'każ ta' dewmien biex jiddaħħlu l-ammonti li jirriżultaw minn korrezzjonijiet partikolari fir-rendikonti tal-VAT fid-data speċifikata skont il-miżuri meħuda mill-Kummissjoni taħt it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 9(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom) Nru 1553/89 (9). Barra minn hekk, meta Stat Membru jonqos milli jipprovdi, fil-limitu ta' żmien espliċitu stabbilit mill-Kummissjoni, il-korrezzjonijiet fid-dejta tal-ING meħtieġa sabiex jiġu indirizzati l-punti nnotifikati mill-Kummissjoni jew minn Stat Membru, l-imgħax għandu jiġi applikat ukoll għal kwalunkwe żieda ta' riżorsi proprji li tirriżulta minn aġġustament imwettaq bħala konsegwenza tal-indirizzar tal-punt innotifikat. Dan l-imgħax għandu jiġi applikat sa mill-mument meta l-ammont tal-aġġustament kellu jiddaħħal, jiġifieri, l-ewwel jum tax-xogħol ta' Ġunju tas-sena ta' wara dik li fiha skada l-limitu ta' żmien espliċitu, sal-mument meta dak l-ammont aġġustat jiddaħħal fil-kont. F'konformità mar-regoli u l-prattika eżistenti, kull dewmien biex tiddaħħal entrata fir-rigward tar-riżorsi proprji tradizzjonali għandu jagħti lok għall-kalkolu ta' mgħax.

(13)

Is-sistema tar-rata tal-imgħax stabbilita fl-Artikolu 12 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 609/2014 tinkludi żieda fissa ta' żewġ (2) punti perċentwali għar-rata bażika u żieda progressiva ta' 0,25 ta' punt perċentwali għall kull xahar ta' dewmien, bir-rata miżjuda applikabbli għall-perijodu kollu tad-dewmien. Dik is-sistema tar-rata tal-imgħax kienet strumentali biex jiġi żgurat li r-riżorsi proprji jkunu disponibbli b'mod f'waqtu u b'mod sħiħ, u l-elementi ewlenin tagħha għandhom għalhekk jinżammu.

(14)

Madankollu, ir-regoli eżistenti li jipprevedu rata dejjem tiżdied wasslu għall-ħlas ta' rati tal-imgħax għoljin ħafna f'każijiet eċċezzjonali li jinvolvu dewmien ta' ħafna snin. Sabiex tiġi żgurata l-proporzjonalità tas-sistema filwaqt li jinżamm l-effett deterrenti, iż-żieda akkumulata għal dik ir-rata bażika għandha tkun limitata għal massimu annwali ta' 16-il punt perċentwali.

(15)

Min-naħa l-oħra, iż-żieda fissa eżistenti ta' żewġ punti perċentwali għar-rata bażika għal perijodi qosra ta' dewmien, b'mod partikolari tista' twassal għal diżinċentiv biex ir-riżorsi proprji jsiru disponibbli b'mod f'waqtu f'ċirkostanzi fejn l-ispejjeż ta' rifinanzjament fis-suq monetarju jkunu ogħla mill-imgħax pagabbli. Sabiex ikompli jissaħħaħ il-funzjonament tajjeb tas-sistema, iż-żieda fissa għar-rata bażika għandha għalhekk tiżdied għal 2,5 punti perċentwali u r-rata ta' mgħax li tirriżulta applikata ma għandhiex tkun inqas minn din il-perċentwali, anke meta r-rata bażika applikabbli tkun fin-negattiv. Dan għandu, b'mod partikolari, jipprevjeni d-dewmien biex isiru disponibbli l-wieħed minn tnax ta' kull xahar tar-riżorsi proprji bbażati fuq il-VAT u fuq l-ING, li bħalissa jikkostitwixxu aktar minn 80 % ta' dħul tal-baġit tal-Unjoni.

(16)

Sabiex tiġi promossal-protezzjoni effettiva tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni u sabiex jitqiesu d-dispożizzjonijiet li għadhom kemm ġew introdotti tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10), għandu jkun possibbli għall-Istati Membri li jinħelsu mill-obbligu li jpoġġu għad-dispożizzjoni tal-baġit tal-Unjoni dawk l-ammonti ta' riżorsi proprji tradizzjonali li jirriżultaw irrekuperabbli minħabba d-dħul differit fil-kontijiet jew notifika differita tad-dejn doganali sabiex ma jiġux ippreġudikati investigazzjonijiet kriminali li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni. Il-Kummissjoni għandha tikkomunika mill-aktar fis possibbli mal-Istati Membri, u taġġorna, fejn meħtieġ, il-kriterji li ser jiggwidaw il-valutazzjoni tal-każijiet li jinvolvu din il-possibbiltà.

(17)

Is-soll ta' rapportar għal każijiet ta' riżorsi proprji tradizzjonali li jkunu ġew iddikjarati jew ikkunsidrati bħala irrekuperabbli għandu jiżdied sabiex jitnaqqas il-piż amministrattiv għall-Istati Membri u għall-Kummissjoni.

(18)

Għandu jiġi ċċarat li l-possibbiltà għall-Kummissjoni skont l-Artikolu 14(3) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 609/2014 biex tiġbed aktar mill-assi disponibbli tagħha biex tiżgura l-konformità mal-obbligi tal-Unjoni fil-każ biss ta' inadempjenza f'self ikkuntrattat jew iggarantit skont regolamenti u deċiżjonijiet tal-Kunsill tkopri wkoll ir-regolamenti u d-deċiżjonijiet li, wara t-Trattat ta' Lisbona, għandhom jiġu adottati mhux biss mill-Kunsill iżda mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill skont it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

(19)

Ħlief f'każijiet eċċezzjonali, il-Kummissjoni għandha tinnotifika lill-Istati Membri, jew lill-banek ċentrali nazzjonali tagħhom, bl-ordnijiet tagħha ta' transazzjonijiet ta' ċaqliq ta' flus kontanti li jaffettwaw il-kontijiet li nfetħu għall-finijiet tar-riżorsi proprji mill-inqas jum wieħed qabel ma għandhom jiġu esegwiti dawk l-ordnijiet.

(20)

Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 609/2014 għandu għalhekk jiġi emendat skont dan.

(21)

Għal raġunijiet ta' konsistenza, dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-istess jum meta jidħol fis-seħħ ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 609/2014. L-emenda stabbilita f'dan ir-Regolament għall-Artikolu 18 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 609/2014 għandu japplika mill-1 ta' Jannar 2014 sabiex tiġi salvagwardjata l-kontinwazzjoni tal-applikazzjoni tad-deroga introdotta mir-Regolament (UE, Euratom) Nru 1377/2014 sad-data tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament. L-emenda stabbilita f'dan ir-Regolament għall-Artikolu 12 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 609/2014 għandha tapplika fejn id-data dovuta tar-riżorsa proprja tkun wara d-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament. Madankollu, għal raġunijiet ta' proporzjonalità, l-Istati Membri għandhom jibbenefikaw ukoll mil-limitazzjoni fuq iż-żieda totali tar-rata tal-imgħax, kif ukoll mil-limitazzjonijiet fuq il-ħlas ta' mgħax għar-riżorsi proprji bbażati fuq il-VAT biss fir-rigward tad-dewmien speċifikat fl-Artikolu 12 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 609/2014, kif emendat b'dan ir-Regolament, għar-riżorsi proprji li kienu dovuti qabel id-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament, meta dawk ir-riżorsi proprji jkunu saru magħrufa wara dik id-data,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 609/2014 huwa emendat kif ġej:

(1)

Fl-Artikolu 3, it-tieni paragrafu huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Id-dokumenti ta' sostenn li jirrigwardaw il-proċeduri statistiċi u l-bażijiet imsemmija fl-Artikolu 3 tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 1287/2003 għandhom jinżammu mill-Istati Membri sat-30 ta' Novembru tar-raba' sena wara s-sena finanzjarja kkonċernata. Id-dokumenti ta' sostenn li jirrigwardaw il-bażi tar-riżorsi proprji bbażati fuq il-VAT għandhom jinżammu għall-istess perijodu.”.

(2)

L-Artikolu 6 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 1 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“1.   Il-kontijiet għar-riżorsi proprji għandhom jinżammu mit-teżor ta' kull Stat Membru jew minn entità pubblika li teżerċita funzjonijiet simili (“it-teżor”) jew mill-bank ċentrali nazzjonali ta' kull Stat Membru. Dawk il-kontijiet għandhom ikunu maqsuma skont it-tip ta' riżorsi.”;

(b)

fil-paragrafu 3, it-tielet subparagrafu huwa emendat kif ġej:

(i)

fl-ewwel inċiż ir-referenza għall-“Artikolu 10(3)” hija sostitwita bir-referenza għall-“Artikolu 10a(1)”;

(ii)

it-tieni inċiż huwa sostitwit b'dan li ġej:

“—

ir-riżultat tal-kalkolu msemmi fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 10b(5) għandu jiġi rreġistrat kull sena, ħlief għall-aġġustamenti partikolari msemmija fl-Artikolu 10b(2)(b), li għandhom jiġu rreġistrati fil-kontijiet fl-ewwel jum tax-xogħol tax-xahar li jsegwi l-qbil bejn l-Istat Membru kkonċernat u l-Kummissjoni.”.

(3)

L-Artikolu 9 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 1 huwa emendat kif ġej:

(i)

l-ewwel u t-tieni subparagrafi huma sostitwiti b'dan li ġej:

“1.   F'konformità mal-proċedura stabbilita fl-Artikoli 10, 10a u 10b, kull Stat Membru għandu jikkredita r-riżorsi proprji fil-kont li nfetaħ f'isem il-Kummissjoni mat-teżor tiegħu jew mal-bank ċentrali nazzjonali. Soġġett għall-applikazzjoni ta' mgħax negattiv kif imsemmi fit-tielet subparagrafu, dak il-kont jista' jiġi ddebitat biss fuq struzzjoni mill-Kummissjoni.

Dan il-kont għandu jinżamm fil-munita nazzjonali u ħieles minn kwalunkwe imposta u mgħax.”;

(ii)

jiżdied is-subparagrafu li ġej:

“Meta mgħax negattiv huwa applikat għal dak il-kont, l-Istat Membru kkonċernat għandu jikkredita l-kont b'ammont li jikkorrispondi għall-ammont ta' tali mgħax negattiv applikat, sa mhux aktar tard mill-ewwel jum tax-xogħol tat-tieni xahar wara l-applikazzjoni ta' tali mgħax negattiv.”;

(b)

il-paragrafu 2 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“2.   L-Istati Membri jew il-banek ċentrali nazzjonali għandhom jittrasmettu dan li ġej lill-Kummissjoni b'mezzi elettroniċi:

(a)

fil-jum tax-xogħol li fih ir-riżorsi proprji jiġu kkreditati fil-kont tal-Kummissjoni, rendikont jew avviż ta' kreditu li juri d-dħul tar-riżorsi proprji;

(b)

mingħajr preġudizzju għall-punt (a), sa mhux aktar tard mit-tieni jum tax-xogħol wara l-ikkreditar tal-kont, rendikont li juri d-dħul tar-riżorsi proprji.”.

(4)

L-Artikolu 10 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 10

It-tqegħid għad-dispożizzjoni tar-riżorsi proprji tradizzjonali

1.   Wara t-tnaqqis tal-ispejjeż tal-ġbir f'konformità mal-Artikoli 2(3) u 10(3) tad-Deċiżjoni 2014/335/UE, Euratom, id-dħul tar-riżorsi proprji tradizzjonali msemmi fl-Artikolu 2(1)(a) ta' dik id-Deċiżjoni għandu jsir mhux aktar tard mill-ewwel jum tax-xogħol ta' wara d-dsatax-il jum tat-tieni xahar li jsegwi x-xahar li matulu jkun ġie stabbilit l-intitolament f'konformità mal-Artikolu 2 ta' dan ir-Regolament.

Madankollu, għal intitolamenti murija f'kontijiet separati skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(3), id-dħul irid isir mhux aktar tard mill-ewwel jum tax-xogħol ta' wara d-dsatax-il jum tat-tieni xahar li jsegwi x-xahar li matulu jkunu ġew irkuprati l-intitolamenti.

2.   Jekk ikun meħtieġ, l-Istati Membri jistgħu jiġu mistiedna mill-Kummissjoni biex iressqu 'l quddiem b'xahar id-dħul tar-riżorsi, għajr ir-riżorsa proprja bbażata fuq il-VAT u r-riżorsa proprja bbażata fuq l-ING, abbażi tal-informazzjoni disponibbli għalihom fil-ħmistax tal-istess xahar.

Kull dħul imressaq 'il quddiem għandu jiġi aġġustat fix-xahar li jsegwi meta jsir id-dħul imsemmi fil-paragrafu 1. Dan l-aġġustament għandu jinvolvi d-dħul negattiv ta' ammont ugwali għal dak mogħti fid-dħul riportat.

Artikolu 10a

Id-disponibbiltà tar-riżorsi proprji bbażati fuq il-VAT u l-ING

1.   Ir-riżorsa proprja bbażata fuq il-VAT u r-riżorsa proprja bbażata fuq l-ING, filwaqt li jitqies l-impatt li għandhom fuq dawn ir-riżorsi l-korrezzjoni permessa lir-Renju Unit għall-iżbilanċi baġitarji u t-tnaqqis gross permess lid-Danimarka, in-Netherlands, l-Awstrija u l-Iżvezja, għandhom jiġu kkreditati fl-ewwel jum tax-xogħol ta' kull xahar, bl-ammonti jkunu wieħed minn kull tnax tat-totali rilevanti fil-baġit, ikkonvertiti fil-muniti nazzjonali bir-rati tal-kambju tal-aħħar jum tal-kwotazzjoni tas-sena kalendarja ta' qabel is-sena baġitarja, kif ippubblikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, serje C.

2.   Għall-ħtiġijiet speċifiċi tal-ħlas tan-nefqa tal-FAEG skont ir-Regolament (UE) Nru 1307/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*), kif ukoll skont il-qagħda tal-likwidità finanzjarja tal-Unjoni, l-Istati Membri jistgħu jiġu mistiedna mill-Kummissjoni biex iressqu 'l quddiem, sa xahrejn fl-ewwel kwart tas-sena finanzjarja, id-dħul ta' wieħed minn tnax, jew frazzjoni minnu, tal-ammonti fil-baġit għar-riżorsa proprja bbażata fuq il-VAT- u għar-riżorsa proprja bbażata fuq l-ING, filwaqt li jitqies l-impatt li għandhom fuq dawn ir-riżorsi l-korrezzjoni permessa lir-Renju Unit għall-iżbilanċi baġitarji u t-tnaqqis gross permess lid-Danimarka, in-Netherlands, l-Awstrija u l-Iżvezja.

Soġġett għat-tielet subparagrafu, għall-ħtiġijiet speċifiċi tal-ħlas tan-nefqa tal-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej skont ir-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (**), kif ukoll skont il-qagħda tal-likwidità finanzjarja tal-Unjoni, l-Istati Membri jistgħu jiġu mistiedna mill-Kummissjoni biex iressqu 'l quddiem, fl-ewwel sitt xhur tas-sena finanzjarja, id-dħul sa nofs addizzjonali ta' wieħed minn tnax tal-ammonti fil-baġit għar-riżorsa proprja bbażata fuq il-VAT u għar-riżorsa proprja bbażata fuq l-ING, filwaqt li jitqies l-impatt li għandhom fuq dawn ir-riżorsi l-korrezzjoni permessa lir-Renju Unit għall-iżbilanċi baġitarji u t-tnaqqis gross permess lid-Danimarka, in-Netherlands, l-Awstrija u l-Iżvezja.

L-ammont totali li l-Istati Membri jistgħu jiġu mistiedna mill-Kummissjoni biex iressqu 'l quddiem fl-istess xahar skont l-ewwel u t-tieni subparagrafi ma għandu, f'ebda każ, jeċċedi ammont li jikkorrispondi għal żewġ partijiet addizzjonali minn tnax.

Wara l-ewwel sitt xhur, id-dħul rikjest ta' kull xahar ma jistax jeċċedi wieħed minn tnax mir-riżorsi proprji bbażati fuq il-VAT u fuq l-ING, filwaqt li jibqa' fil-limitu tal-ammonti mdaħħla fil-baġit għal dak l-iskop.

Il-Kummissjoni għandha tinnotifika lill-Istati Membri dwar dan bil-quddiem, mhux aktar tard minn ġimagħtejn qabel id-dħul rikjest skont l-ewwel u t-tieni subparagrafi.

Il-Kummissjoni għandha tinnotifika lill-Istati Membri bil-quddiem ħafna, u mhux aktar tard minn sitt ġimgħat qabel id-dħul rikjest skont it-tieni subparagrafu, bl-intenzjoni tagħha li jintalab tali dħul.

Il-paragrafu 4 li jirrigwarda l-ammont li għandu jiddaħħal f'Jannar ta' kull sena, u l-paragrafu 5, applikabbli jekk il-baġit ma jkunx għadu ġie finalment adottat qabel il-bidu tas-sena finanzjarja, għandhom ikunu applikabbli għal dan id-dħul antiċipat.

3.   Kwalunkwe bidla fir-rata uniformi tar-riżorsa proprja bbażata fuq il-VAT, fir-rata tar-riżorsa proprja bbażata fuq l-ING, fil-korrezzjoni permessa lir-Renju Unit għall-iżbilanċi baġitarji u fil-finanzjament tagħha msemmi fl-Artikoli 4 u 5 tad-Deċiżjoni 2014/335/UE, Euratom, u fil-finanzjament tat-tnaqqis gross permess lid-Danimarka, in-Netherlands, l-Awstrija u l-Iżvezja tkun tirrikjedi l-adozzjoni finali ta' baġit emendatorju u twassal għal riaġġustamenti tal-ħlasijiet ta' wieħed minn tnax li jkunu ddaħħlu sa mill-bidu tas-sena finanzjarja.

Dawn ir-riaġġustamenti għandhom isiru meta jsir l-ewwel dħul wara l-adozzjoni finali tal-baġit emendatorju jekk ikun adottat qabel is-sittax tax-xahar. Inkella dawn għandhom jitwettqu meta jsir it-tieni dħul wara l-adozzjoni finali. B'deroga mill-Artikolu 11 tar-Regolament Finanzjarju, dawn ir-riaġġustamenti għandhom jiddaħħlu fil-kontijiet fir-rigward tas-sena finanzjarja tal-baġit emendatorju kkonċernat.

4.   Il-kalkolu tal-wieħed minn tnax għal Jannar ta' kull sena finanzjarja jkun ibbażat fuq l-ammonti previsti fl-abbozz tal-baġit, imsemmi fl-Artikolu 314(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) u kkonvertiti fil-muniti nazzjonali bir-rati tal-kambju tal-ewwel jum tal-kwotazzjoni ta' wara l-15 ta' Diċembru tas-sena kalendarja li tippreċedi s-sena baġitarja; l-aġġustament għandu jsir mad-dħul għax-xahar ta' wara.

5.   Jekk il-baġit ma jkunx ġie finalment adottat sa mhux aktar tard minn ġimagħtejn qabel id-dħul għal Jannar tas-sena finanzjarja ta' wara, l-Istati Membri għandhom idaħħlu fl-ewwel jum tax-xogħol ta' kull xahar, inkluż Jannar, parti waħda minn tnax tal-ammont tar-riżorsa proprja bbażata fuq il-VAT, u r-riżorsa proprja bbażata fuq l-ING, filwaqt li jitqies l-effett fuq dawn ir-riżorsi tal-korrezzjoni permessa lir-Renju Unit għall-iżbilanċi baġitarji u tat-tnaqqis gross permess lid-Danimarka, in-Netherlands, l-Awstrija u l-Iżvezja, li ddaħħlu fl-aħħar baġit finalment adottat; l-aġġustament għandu jsir fl-ewwel data dovuta wara l-adozzjoni finali tal-baġit jekk jiġi adottat qabel is-sittax tax-xahar. Inkella, l-aġġustament għandu jsir fit-tieni data dovuta wara l-adozzjoni finali tal-budget.

6.   Ma għandu jkun hemm ebda reviżjoni sussegwenti fil-finanzjament tat-tnaqqis gross permess lid-Danimarka, in-Netherlands, l-Awstrija u l-Iżvezja fil-każ ta' modifiki fid-dejta tal-ING skont l-Artikolu 2(2) tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 1287/2003.

Artikolu 10b

Aġġustamenti għar-riżorsi proprji bbażati fuq il-VAT u l-ING tas-snin finanzjarji preċedenti

1.   Abbażi tad-dikjarazzjoni annwali dwar ir-riżorsa proprja bbażata fuq il-VAT prevista fl-Artikolu 7(1) tar-Regolament (KEE, Euratom) Nru 1553/89, kull Stat Membru għandu, fis-sena ta' wara dik meta ntbagħtet id-dikjarazzjoni, ikun iddebitat b'ammont ikkalkulat mill-informazzjoni li tkun tinsab f'dik id-dikjarazzjoni billi tiġi applikata r-rata uniformi adottata għas-sena finanzjarja li tirreferi għaliha d-dikjarazzjoni, u jkun ikkreditat bit-12-il pagament magħmula għal dik is-sena finanzjarja. Madankollu, ir-riżorsa proprja bbażata fuq il-VAT ta' kull Stat Membru li għaliha tiġi applikata dik ir-rata ma tistax taqbeż il-perċentwal determinat mill-Artikolu 2(1)(b) tad-Deċiżjoni 2014/335/UE, Euratom tal-ING tiegħu, kif imsemmi fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(7) ta' dik id-Deċiżjoni.

2.   Kwalunkwe korrezzjoni tal-bażi tar-riżorsi proprji bbażati fuq il-VAT taħt l-Artikolu 9(1) tar-Regolament (KEE, Euratom) Nru 1553/89 għandha twassal, għal kull Stat Membru kkonċernat li l-bażi tiegħu, meta jitqiesu dawk il-korrezzjonijiet, ma taqbiżx il-perċentwali ddeterminati mill-Artikoli 2(1)(b) u 10(2) tad-Deċiżjoni 2014/335/UE, Euratom, għall-aġġustamenti li ġejjin għall-bilanċ stabbiliti skont il-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu:

(a)

il-korrezzjonijiet skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 9(1) tar-Regolament (KEE, Euratom) Nru 1553/89 magħmula sal-31 ta' Lulju għandhom iwasslu għal aġġustament ġenerali fis-sena ta' wara;

(b)

aġġustament partikolari jista' jiddaħħal fi kwalunkwe żmien jekk l-Istat Membru kkonċernat u l-Kummissjoni jaqblu dwar dan skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 9(1) tar-Regolament (KEE, Euratom) Nru 1553/89;

(c)

meta l-miżuri li tieħu l-Kummissjoni skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 9(1) tar-Regolament (KEE, Euratom) Nru 1553/89 biex tikkorreġi l-bażi jwasslu għal aġġustament partikolari tad-dħul fil-kont imsemmi fl-Artikolu 9(1) ta' dan ir-Regolament, dak l-aġġustament għandu jsir fid-data speċifikata mill-Kummissjoni f'konformità ma' dawk il-miżuri.

It-tibdil għall-ING imsemmi fil-paragrafu 4 ta' dan l-Artikolu għandu wkoll iwassal għal aġġustament tal-bilanċ ta' kwalunkwe Stat Membru li r-riżorsa bbażata fuq il-VAT tiegħu, meta jitqiesu l-korrezzjonijiet imsemmijin fl-ewwel subparagrafu ta' dan il-paragrafu, ikollha bħala limitu massimu l-perċentwali determinati bl-Artikolu 2(1)(b) u l-Artikolu 10(2) tad-Deċiżjoni 2014/335/UE, Euratom.

3.   Abbażi taċ-ċifri għall-ING aggregat bil-prezzijiet tas-suq u l-komponenti tiegħu mis-sena ta' qabel, fornuti mill-Istati Membri skont l-Artikolu 2(2) tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 1287/2003, kull Stat Membru, fis-sena ta' wara s-sena tal-forniment taċ-ċifri, għandu jiġi ddebitat bl-ammont ikkalkulat billi tiġi applikata għall-ING tiegħu r-rata adottata għas-sena preċedenti għas-sena tal-forniment taċ-ċifri, u kkreditat bil-pagamenti magħmula matul dik is-sena.

4.   Kwalunkwe kambjament fl-ING tas-snin finanzjarji preċedenti skont l-Artikolu 2(2) tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 1287/2003, soġġett għall-Artikolu 5 tiegħu, għandu jwassal għal kull Stat Membru kkonċernat għal aġġustament fil-bilanċ stabbilit skont il-paragrafu 3 ta' dan l-Artikolu. Wara t-30 ta' Novembru tar-raba' sena wara sena finanzjarja partikolari, kwalunkwe tibdil fl-ING ma għandux jibqa' jiġi kkunsidrat, ħlief fuq punti nnotifikati f'dan il-limitu ta' żmien jew mill-Kummissjoni jew mill-Istat Membru.

5.   Għal kull Stat Membru, il-Kummissjoni għandha tikkalkula d-differenza bejn l-ammonti li tirriżulta mill-aġġustamenti msemmija fil-paragrafi 1 sa 4, bl-eċċezzjoni ta' ċerti aġġustamenti skont il-paragrafi 2(b) u (c), kif ukoll ir-riżultat tal-multiplikazzjoni tal-ammonti totali tal-aġġustamenti bil-perċentwal li l-ING ta' dak l-Istat Membru jirrappreżenta fl-ING tal-Istati Membri kollha, kif applikabbli fil-15 ta' Jannar għall-baġit fis-seħħ għas-sena ta' wara s-sena tal-forniment tad-dejta għall-aġġustamenti (l-“ammont nett”).

Għall-finijiet ta' dan il-kalkolu, l-ammonti għandhom jiġu kkonvertiti bejn il-munita nazzjonali u l-euro bir-rati tal-kambju tal-aħħar jum ta' kwotazzjoni tas-sena tal-kalendarju li tiġi qabel is-sena tad-dħul fil-kontijiet, kif ippubblikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, is-serje C.

Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Istati Membri dwar l-ammonti li jirriżultaw minn dan il-kalkolu qabel l-1 ta' Frar tas-sena ta' wara dik tal-forniment tad-dejta għall-aġġustamenti. Kull Stat Membru għandu jdaħħal l-ammont nett fil-kont imsemmi fl-Artikolu 9(1) fl-ewwel jum tax-xogħol ta' Ġunju tal-istess sena.

6.   L-operazzjonijiet imsemmija fil-paragrafi minn 1 sa 5 ta' dan l-Artikolu jikkostitwixxu operazzjonijiet ta' introjtu fir-rigward tas-sena finanzjarja li fiha jridu jiddaħħlu fil-kont imsemmi fl-Artikolu 9(1).

(*)  Regolament (UE) Nru 1307/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi regoli għal pagamenti diretti lill-bdiewa taħt skemi ta' appoġġ fil-qafas tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 637/2008 u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 608)."

(**)  Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 320).”."

(5)

Fl-Artikolu 11, il-paragrafu 2 huwa sostitwit b'li ġej:

“2.   Il-Kummissjoni għandha tikkalkula l-aġġustament matul is-sena li tiġi wara s-sena finanzjarja kkonċernata.

Il-kalkolu għandu jsir abbażi taċ-ċifri li ġejjin relatati mas-sena finanzjarja rilevanti:

(a)

l-ING aggregat bil-prezzijiet tas-suq u l-komponenti tiegħu, fornuti mill-Istati Membri skont l-Artikolu 2(2) tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 1287/2003;

(b)

l-eżitu tal-baġit tan-nefqa operazzjonali li tikkorrispondi mal-miżura jew mal-politika inkwistjoni.

L-aġġustament għandu jkun ugwali għar-riżultat tal-multiplikazzjoni tal-ammont totali tan-nefqa inkwistjoni, bl-eċċezzjoni tan-nefa ffinanzjata minn pajjiżi terzi parteċipanti, bil-perċentwal li l-ING tal-Istat Membru li hu intitolat għall-aġġustament jirrappreżenta fl-ING tal-Istati Membri kollha. L-aġġustament għandu jiġi ffinanzjat mill-Istati Membri parteċipanti skont skala determinata billi jiġi diviż l-ING rispettiv tagħhom bl-ING tal-Istati Membri parteċipanti kollha. Għall-finijiet li jiġi kkalkolat l-aġġustament, l-ammonti għandhom jiġu kkonvertiti bejn il-munita nazzjonali u l-euro bir-rata tal-kambju fl-aħħar jum ta' kwotazzjoni tas-sena kalendarja li tiġi qabel is-sena baġitarja kkonċernata, kif ippublikat f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, serje C.

L-aġġustament għal kull sena rilevanti għandu jsir darba biss u jkun finali fl-eventwalità ta' modifika sussegwenti taċ-ċifra tal-ING.”.

(6)

L-Artikolu 12 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 12

Imgħax fuq l-ammonti li jkunu saru disponibbli tard

1.   Kwalunkwe dewmien fid-dħul fil-kont imsemmi fl-Artikolu 9(1) għandu jagħti lok għall-ħlas tal-imgħax mill-Istat Membru kkonċernat.

2.   Għar-riżorsi proprji bbażati fuq il-VAT u l-ING, l-imgħax għandu jkun dovut biss fir-rigward ta' dewmien fid-dħul tal-ammonti:

(a)

imsemmija fl-Artikolu 10a;

(b)

li jirriżultaw mill-kalkolu msemmi fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 10b(5), fil-mument speċifikat fit-tielet subparagrafu tiegħu;

(c)

li jirriżultaw minn aġġustamenti partikolari għar-riżorsa proprja bbażata fuq il-VAT skont l-Artikolu 10b(2)(c) ta' dan ir-Regolament, fid-data speċifikata mill-Kummissjoni skont miżuri meħuda minnha skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 9(1) tar-Regolament (KEE, Euratom) Nru 1553/89;

(d)

li jirriżultaw minn nuqqas ta' Stat Membru li jipprovdi korrezzjonijiet għad-dejta tal-ING meħtieġa biex jiġu indirizzati punti nnotifikati mill-Kummissjoni jew mill-Istat Membru kif imsemmija fl-Artikolu 10b(4), sal-iskadenza ffissata mill-Kummissjoni. L-imgħax fuq l-aġġustamenti li jirriżultaw minn dawn il-korrezzjonijiet għandhom jiġu kkalkulati mill-ewwel jum tax-xogħol ta' Ġunju tas-sena ta' wara dik meta tkun għaddiet l-iskadenza ffissata mill-Kummissjoni.

3.   L-irkupru ta' ammonti ta' mgħax li jkunu inqas minn EUR 500 għandu jiġi rrinunzjat.

4.   Fil-każ ta' Stati Membri li jagħmlu parti mill-Unjoni Ekonomika u Monetarja, ir-rata tal-imgħax għandha tkun ugwali għar-rata kif ippubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, is-serje C, li l-Bank Ċentrali Ewropew ikun applika għall-operazzjonijiet prinċipali tiegħu ta' finanzjament mill-ġdid fl-ewwel jum tax-xahar li fih ħabtet id-data dovuta, jew 0 fil-mija, skont liema jkun l-aktar, miżjuda bi 2,5 punti perċentwali.

Din ir-rata għandha tiżdied b'0,25 ta' punt perċentwali għal kull xahar ta' dewmien.

Iż-żieda totali skont l-ewwel u t-tieni subparagrafi ma għandhiex taqbeż is-16-il punt perċentwali. Ir-rata miżjuda għandha tiġi applikata għall-perijodu kollu tad-dewmien.

5.   Fil-każ ta' Stati Membri li ma jagħmlux parti mill-Unjoni Ekonomika u Monetarja, ir-rata tal-imgħax għandha tkun ugwali għar-rata applikata mill-banek ċentrali fl-ewwel jum tax-xahar inkwistjoni għall-operazzjonijiet ewlenin tagħhom ta' finanzjament mill-ġdid, jew 0 fil-mija, skont liema jkun l-aktar, miżjuda bi 2,5 punti perċentwali. Għall-Istati Membri li ma jkollhomx disponibbli r-rata tal-bank ċentrali, ir-rata tal-imgħax għandha tkun ugwali għar-rata l-aktar ekwivalenti applikata fl-ewwel jum tax-xahar inkwistjoni fis-suq monetarju tal-Istat Membru, jew 0 fil-mija, skont liema jkun l-aktar, miżjuda bi 2,5 punti perċentwali.

Din ir-rata għandha tiżdied b'0,25 ta' punt perċentwali għal kull xahar ta' dewmien.

Iż-żieda totali skont l-ewwel u t-tieni subparagrafi ma għandhiex taqbeż is-16-il punt perċentwali. Ir-rata miżjuda għandha tiġi applikata għall-perijodu kollu tad-dewmien.

6.   Għall-ħlas tal-imgħax imsemmi fil-paragrafi 1 u 2 ta' dan l-Artikolu, l-Artikolu 9(2) u (3) għandu japplika mutatis mutandis.”.

(7)

L-Artikolu 13 huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 2, jiddaħħal it-tieni subparagrafu li ġej:

“L-Istati Membri jistgħu jinħelsu mill-obbligu li jpoġġu għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni l-ammonti li jikkorrispondu għall-intitolamenti stabbiliti skont l-Artikolu 2 jekk dawk l-intitolamenti jirriżultaw irrekuperabbli minħabba l-posponiment tad-dħul fil-kontijiet jew in-notifika tad-dejn doganali sabiex ma tiġix ippreġudikata investigazzjoni kriminali li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni.”;

(b)

fil-paragrafu 3, l-ewwel subparagrafu huwa sostitwit b'dan li ġej:

“3.   Fi żmien tliet xhur mid-deċiżjoni amministrattiva msemmija fil-paragrafu 2 jew skont il-limiti ta' żmien imsemmija f'dak il-paragrafu, l-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni rapport b'informazzjoni dwar dawk il-każijiet fejn il-paragrafu 2 ikun ġie applikat, dment li d-drittijiet stabbiliti involuti jaqbżu l-EUR 100 000.”;

(8)

fl-Artikolu 14, il-paragrafi 3 u 4 huma sostitwiti b'dan li ġej:

“3.   Fil-każ biss ta' inadempjenza skont it-termini ta' self ikkuntrattat jew iggarantit f'konformità ma' regolamenti u deċiżjonijiet adottati mill-Kunsill, jew mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill, f'ċirkostanzi li fihom il-Kummissjoni ma tkunx tista' tattiva miżuri oħra previsti mill-arranġamenti finanzjarji li japplikaw għal dan is-self fil-ħin sabiex tkun żgurata l-konformità mal-obbligi legali tal-Unjoni lejn dawk li jisilfu, jistgħu jkunu applikati l-paragrafi 2 u 4 b'mod temporanju, indipendentement mill-kondizzjonijiet fil-paragrafu 2, għat-trattament tad-djun tal-Unjoni.

4.   Soġġett għat-tieni subparagrafu, id-differenza bejn l-assi totali u l-ħtiġijiet f'riżorsi ta' flus kontanti għandha tiġi diviża fost l-Istati Membri, sa fejn ikun possibbli, proporzjonalment mad-dħul tal-baġit stmat minn kull wieħed minnhom.

Il-Kummissjoni għandha, meta tkopri l-ħtiġijiet tagħha f'riżorsi ta' flus kontanti, timmira sabiex tnaqqas l-impatt tal-obbligu tal-Istati Membri li jikkreditaw l-ammonti ta' mgħax negattiv skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 9(1) permezz ta' ġbid bi prijorità fuq is-somom ikkreditati fil-kontijiet ikkonċernati.”.

(9)

L-Artikolu 15 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 15

Eżekuzzjoni ta' ordnijiet ta' ħlas

1.   L-Istati Membri jew il-bank ċentrali nazzjonali tagħhom għandhom jeżegwixxu l-ordnijiet ta' ħlas tal-Kummissjoni fuq istruzzjonijiet tal-Kummissjoni u f'mhux aktar minn tlett ijiem tax-xogħol mill-jum li jirċevuhom. Fil-każ ta' tranżazzjonijiet ta' ċaqliq ta' flus kontanti, l-Istati Membri jew il-bank ċentrali nazzjonali tagħhom għandhom jeżegwixxu l-ordnijiet fil-perijodu mitlub mill-Kummissjoni li, ħlief f'każijiet eċċezzjonali, għandha tinnotifikahom mill-inqas jum wieħed qabel ma l-ordni tkun trid tiġi eżegwita.

2.   L-Istati Membri jew il-bank ċentrali nazzjonali tagħhom għandhom jibagħtu lill-Kummissjoni, b'mezzi elettroniċi u sa mhux aktar tard mit-tieni jum tax-xogħol wara li titlesta kull tranżazzjoni, rendikont li juri l-movimenti relatati.”.

(10)

L-Artikolu 18 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 18

Tħassir

1.   Soġġett għall-paragrafu 2, ir-Regolament (KE, Euratom) Nru 1150/2000 huwa mħassar b'effett mill-1 ta' Jannar 2014.

2.   L-Artikolu 10(7a) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 1150/2000 huwa mħassar b'effett mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament.

3.   Referenzi għar-Regolament imħassar għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal dan ir-Regolament u għandhom jinqraw skont it-tabella ta' korrelazzjoni fl-Anness II.”

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 609/2014.

Soġġett għat-tielet u r-raba' subparagrafi, għandu japplika mill-istess data.

Il-punt (6) tal-Artikolu 1 għandu japplika għall-kalkolu tal-interessi għal ħlas tard tar-riżorsi proprji li jkunu dovuti wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament. Madanakollu, il-limitazzjoni taż-żieda totali tar-rata tal-imgħax għal 16-il punt perċentwali, kif ukoll il-limitazzjoni tal-ħlas tal-imgħax għar-riżorsi proprji bbażati fuq il-VAT fir-rigward biss ta' dewmien fid-dħul tal-ammonti li jirriżultaw minn aġġustamenti partikolari għalihom fid-data speċifikata b'segwitu għal miżuri meħuda mill-Kummissjoni, għandhom japplikaw ukoll għall-kalkolu tal-imgħax għal ħlas tardiv ta' riżorsi proprji li kienu dovuti qabel id-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament, fejn dawk ir-riżorsi proprji ma kinux saru magħrufa għall-Kummissjoni jew għall-Istat Membru kkonċernat qabel id-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament.

Il-punt 10 tal-Artikolu 1 għandu japplika mill-1 ta' Jannar 2014.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-17 ta' Mejju 2016.

Għall-Kunsill

Il-President

M.H.P. VAN DAM


(1)  Opinjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Diċembru 2015 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(2)  ĠU C 5, 8.1.2016, p. 1.

(3)  Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1150/2000 tat-22 ta' Mejju 2000 li jimplementa d-Deċiżjoni 2007/436/KE, Euratom dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU L 130, 31.5.2000, p. 1).

(4)  Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 609/2014 tas-26 ta' Mejju 2014 dwar il-metodi u l-proċedura li jintużaw biex jitqiegħdu għad-dispożizzjoni r-riżorsi proprji tradizzjonali, dawk ibbażati fuq il-VAT u dawk ibbażati fuq l-ING u dwar il-miżuri li jissodisfaw il-ħtiġijiet fi flus kontanti (ĠU L 168, 7.6.2014, p. 39).

(5)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/335/UE, Euratom: tas-26 ta' Mejju 2014 dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 168, 7.6.2014, p. 105).

(6)  Regolament (UE) Nru 1307/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi regoli għal pagamenti diretti lill-bdiewa taħt skemi ta' appoġġ fil-qafas tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 637/2008 u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 608).

(7)  Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 320).

(8)  Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1377/2014 tat-18 ta' Diċembru 2014 li jemenda r-Regolament (KE, Euratom) Nru 1150/2000 li jimplimenta d-Deċiżjoni 2007/436/KE, Euratom dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU L 367, 23.12.2014, p. 14).

(9)  Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom) Nru 1553/89 tad-29 ta' Mejju 1989 dwar l-arranġamenti uniformi definittivi għal ġbir tar-riżorsi proprji li jakkumulaw mit-taxxa tal-valur miżjud (ĠU L 155, 7.6.1989, p. 9).

(10)  Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1).


Top