EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32022R0263

Miżuri restrittivi tal-UE fid-dawl tal-invażjoni Russa fl-Ukrajna

Miżuri restrittivi tal-UE fid-dawl tal-invażjoni Russa fl-Ukrajna

 

SOMMARJU TA’:

Id-Deċiżjoni 2014/119/PESK dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni, entitajiet u korpi fid-dawl tas-sitwazzjoni fl-Ukrajna

Ir-Regolament (UE) Nru 208/2014 dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni, entitajiet u korpi fid-dawl tas-sitwazzjoni fl-Ukrajna

Id-Deċiżjoni 2014/145/PESK dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna

Ir-Regolament (UE) Nru 269/2014 dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna

Id-Deċiżjoni 2014/386/PESK dwar miżuri restrittivi minħabba l-annessjoni illegali tal-Krimea u Sevastopol

Ir-Regolament (UE) Nru 692/2014 dwar miżuri restrittivi b’reazzjoni għall-annessjoni illegali tal-Krimea u Sevastopol

Id-Deċiżjoni 2014/512/PESK dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-azzjonijiet tar-Russja li jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukrajna

Ir-Regolament (UE) Nru 833/2014 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-azzjonijiet tar-Russja li jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukrajna

Id-Deċiżjoni (PESK) 2022/266 dwar miżuri restrittivi b’reazzjoni għar-rikonoxximent illegali, l-okkupazzjoni jew l-annessjoni mir-Russja ta’ ċerti żoni tal-Ukrajna mhux kontrollati mill-gvern

Ir-Regolament (UE) 2022/263 dwar miżuri restrittivi b’reazzjoni għar-rikonoxximent illegali, l-okkupazzjoni jew l-annessjoni mir-Russja ta’ ċerti żoni tal-Ukrajna mhux kontrollati mill-gvern

X’INHU L-GĦAN TAD-DEĊIŻJONIJIET U TAR-REGOLAMENTI?

  • Dawn jistabbilixxu b’mod kollettiv tal-miżuri restrittivi tal-Unjoni Ewropea (UE) bħal projbizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar, l-iffriżar tal-assi u r-restrizzjonijiet kummerċjali b’reazzjoni għall-gwerra ta’ aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna.
  • L-aktar miżuri reċenti kellhom aktar għanijiet speċifiċi, jiġifieri li:
    • inaqqsu s-sorsi ta’ dħul massivi, biex inaqqsu l-kapaċità tar-Russja li tiffinanzja u tkompli l-gwerra;
    • jimponu spejjeż ekonomiċi u politiċi rilevanti fuq l-istabbiliment politiku tar-Russja, li huwa responsabbli għall-invażjoni; u
    • jindirizzaw l-evażjoni tas-sanzjonijiet billi jsaħħu l-kooperazzjoni bilaterali u multilaterali ma’ pajjiżi mhux tal-UE, u jipprovdulhom assistenza teknika.

PUNTI EWLENIN

  • Is-sanzjonijiet oriġinali fuq ir-Russja, li ġejjin mill-2014, ġew emendati diversi drabi, pereżempju biex jiġu aġġornati listi ta’ persuni jew biex jittawlu s-sanzjonijiet.
  • Billi d-deċiżjoni tar-Russja fi Frar 2022 biex tirrikonoxxi żoni mhux ikkontrollati mill-gvern tad-Donetsk u l-Luhansk oblasts tal-Ukrajna bħala entitajiet indipendenti u l-invażjoni sussegwenti tagħha tal-Ukrajna, l-UE adottat l-akbar sett ta’ miżuri restrittivi, f’serje ta’ deċiżjonijiet li jinkludu 11-il pakkett u li jimmiraw lejn diversi setturi tal-ekonomija tar-Russja u persuni li jappoġġjaw il-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja.

Sanzjonijiet immirati

L-UE stabbiliet diversi tipi ta’ sanzjonijiet b’miri u objettivi differenti. Dawn jinkludu:

Sanzjonijiet individwali li għandhom fil-mira individwi, entitajiet u korpi li, fost affarijiet oħra, wettqu azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna. Dawn is-sanzjonijiet jinkludu:

  • l-iffriżar tal-assi miżmuma fl-UE;
  • il-projbizzjoni taċ-ċittadini u l-kumpaniji tal-UE milli agħmlu l-fondi disponibbli;
  • il-projbizzjoni tal-ivvjaġġar ta’ individwi, il-prevenzjoni tagħhom milli jidħlu jew jgħaddu minn territorji tal-UE;
  • lista unika ta’ kriterju li jimmira persuni jew entitajiet mhux tal-UE li jiffaċilitaw ksur tal-projbizzjoni kontra ċ-ċirkomvenzjoni tas-sanzjonijiet tal-UE minn persuni jew entitajiet.

Il-listi ta’ individwi, korpi u entitajiet jiġu aġġornati regolarment. Dawn ġew estiżi wkoll biex jinkludu xi entitajiet ikkontrollati mir-Russja bbażati fil-Krimea u Sevastopol annessi illegalment.

Is-sanzjonijiet ekonomiċi b’miri speċifiċi jinkludu dawn li ġejjin.

  • Is-settur finanzjarju, inkluż:
    • restrizzjonijiet sinifikanti fuq l-aċċess tar-Russja għas-suq kapitali tal-UE u s-servizzi;
    • l-iskonnettjar tal-banek Russi ewlenin mis-sistema SWIFT (is-Soċjetà għal Telekomunikazzjoni Finanzjarja Interbankarja Dinjija);
    • projbizzjoni fuq l-għoti ta’ kwalunkwe servizzi ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu, assi ta’ kripto, pariri dwar trusts u assistenza finanzjarja għall-kummerċ jew l-investiment, u projbizzjoni sħiħa ta’ tranżazzjoni fuq banek Russi ewlenin;
    • il-projbizzjoni liċ-ċittadini tal-UE milli jkollhom kwalunkwe kariga fil-korpi governattivi tal-persuni ġuridiċi kollha Russi li huma proprjetà tal-Istat jew ikkontrollati minnu, entitajiet jew korpi stabbiliti fir-Russja;
    • il-projbizzjoni ta’ ċittadini Russi jew persuni fiżiċi li jgħixu fir-Russja milli jkollhom kwalunkwe kariga fil-korpi ta’ tmexxija tas-sidien/operaturi tal-infrastruttura kritika*, infrastruttura kritika Ewropea* u entitajiet kritiċi.
  • Is-settur tal-enerġija, inklużi projbizzjonijiet fuq:
    • faħam mir-Russja u fjuwils fossili solidi oħrajn;
    • l-importazzjoni, ix-xiri u t-trasferiment mir-Russja ta’ żejt mhux raffinat u prodotti tal-petroleum raffinat, ’il fuq minn prezz fiss magħruf bħala l-limitu massimu tal-prezz taż-żejt (b’eċċezzjonijiet temporanji limitati għal ċerti Stati Membri tal-UE dipendenti ħafna);
    • l-esportazzjoni tal-fjuwil tal-ġettijiet lejn ir-Russja;
    • investimenti ġodda fis-settur tal-minjieri tar-Russja;
    • il-forniment tal-kapaċità tal-ħżin tal-gass liċ-ċittadini Russi, persuna fiżika li tgħix fir-Russja jew persuna ġuridika, entità jew korp stabbilit fir-Russja.
  • L-ispazju tal-ajru, it-trasport marittimu u bit-triq, inkluż:
    • projbizzjoni fuq l-esportazzjonijiet, il-bejgħ, il-provvista jew it-trasferiment ta’ inġenji tal-ajru, partijiet u tagħmir tal-inġenji tal-ajru, flimkien ma’ oġġetti użati fis-settur tal-avjazzjoni, lejn ir-Russja;
    • l-għeluq tal-ispazju tal-ajru tal-UE għall-inġenji tal-ajru kollha li huma proprjetà, irreġistrati jew ikkontrollati mir-Russja, inklużi r-riżorsi privati tal-oligarki;
    • projbizzjoni fuq l-esportazzjoni ta’ oġġetti tan-navigazzjoni marittima u teknoloġija tal-komunikazzjoni tar-radju lejn ir-Russja;
    • projbizzjoni fuq bastimenti Russi li jaċċessaw portijiet jew locks tal-UE;
    • projbizzjoni fuq l-operaturi tat-trasport bit-triq Russi jew Belarussi milli jidħlu fl-UE;
    • projbizzjoni fuq it-tranżazzjonijiet mar-Reġistru MarittimuvRussu tat-Tbaħħir;
    • projbizzjoni fuq l-inżul, it-tluċ jew it-titjir fuq it-territorju tal-UE kemm għal inġenji tal-ajru Russi bl-ekwipaġġ kif ukoll għal dawk mingħajr ekwipaġġ;
    • projbizzjoni fuq l-esportazzjonijiet diretti ta’ magni ta’ drones lejn ir-Russja;
    • obbligu għall-operaturi tal-inġenji tal-ajru ta’ titjiriet mhux skedati bejn ir-Russja u l-UE, operati direttament minn jew permezz ta’ pajjiż mhux tal-UE, li jinnotifikaw l-informazzjoni rilevanti kollha dwar it-titjira lill-awtoritajiet kompetenti tagħhom qabel it-tħaddim tagħhom, u mill-inqas 48 siegħa bil-quddiem.
  • Kontroll tal-esportazzjoni u l-finanzjament tal-esportazzjoni, inkluż:
    • restrizzjoni komprensiva fuq l-esportazzjoni fuq it-tagħmir, it-teknoloġija u s-servizzi għall-industrija tal-enerġija fir-Russja (b’xi eċċezzjonijiet);
    • restrizzjoni fuq l-esportazzjoni ta’ karti tal-flus denominati fl-euro u l-bejgħ ta’ titoli trasferibbli denominati fl-euro;
    • restrizzjoni fuq oġġetti li jistgħu jikkontribwixxu għas-setturi militari u teknoloġiċi, tad-difiża u tas-sigurtà tar-Russja.
  • Embargo fuq l-armi:
    • projbizzjoni fuq il-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment jew l-esportazzjoni ta’ armi u materjal relatat tat-tipi kollha lejn ir-Russja;
    • projbizzjonijiet ta’ esportazzjoni fuq armi tan-nar ċivili;
    • projbizzjoni fuq it-tranżitu mit-territorju Russa ta’ armi tan-nar, il-partijiet u l-komponenti essenzjali tagħhom, u l-munizzjon esportat mill-UE.
  • Oġġetti b’użu doppju u tat-teknoloġija avvanzata:
    • projbizzjonijiet ta’ esportazzjoni ta’ oġġetti b’użu doppju, u oġġetti u teknoloġija avvanzati oħra, li jistgħu jikkontribwixxu għat-titjib teknoloġiku tas-settur tad-difiża u s-sigurtà tar-Russja;
    • lista estiża ta’ oġġetti ristretti: magni tad-drones, tagħmir kimiku u bijoloġiku ulterjuri, aġenti ta’ kontroll tal-irvellijiet u komponenti elettroniċi, ġeneraturi, drones tal-logħob, laptops, hard drives, komponenti tal-IT, tagħmir tal-viżjoni bil-lejl u tan-navigazzjoni bir-radju, kameras, lentijiet, elementi kimiċi u komponenti rari, ċirkwiti integrati elettroniċi u kameras termografiċi;
    • il-11-il pakkett ta’ miżuri restrittivi ekonomiċi u individwali tal-UE, adottat fit-23 ta’ Ġunju 2023, ulterjorment estendew il-lista għal oġġetti li jistgħu jikkontribwixxu għat-titjib teknoloġiku tas-settur tad-difiża u tas-sigurtà tar-Russja — din il-lista issa tkopri komponenti elettroniċi, materjali semikondutturi, tagħmir tal-manifattura u tal-ittestjar għal apparat elettroniku integrat u għal bordijiet ta’ ċirkwiti stampati, prekursuri għal materjali enerġetiċi u prekursuri għal armi kimiċi, komponenti ottiċi, strumenti tan-navigazzjoni, metalli użati fis-settur tad-difiża u tagħmir marittimu;
    • projbizzjoni fuq it- tranżitu permezz tat-territorju tar-Russja ta’ oġġetti u teknoloġija b’użu doppju esportati mill-UE biex timminimizza r-riskju li s-sanzjonijiet tal-UE jiġu evitati, flimkien ma’ oġġetti u teknoloġija li jistgħu jikkontribwixxu għat-titjib militari u teknoloġiku tar-Russja jew għall-iżvilupp tas-settur tad-difiża jew is-sigurtà, tal-oġġetti u tat-teknoloġija addattati għall-użu fl-industriji tal-avjazzjoni jew tal-ispazju, u ta’ fjuwil tal-avjazzjoni u addittivi tal-fjuwil esportati mill-UE lejn pajjiżi mhux tal-UE;
    • il-pakkett ta’ Ġunju 2023 żied ukoll 87 entità mal-lista ta’ dawk li jappoġġaw direttament il-kumpless militari u industrijali tar-Russja fil-gwerra ta’ aggressjoni tagħha kontra l-Ukrajna — il-lista issa tinkludi entitajiet f’pajjiżi mhux tal-UE li jipproduċu u jesportaw drones lejn ir-Russja, flimkien ma’ oħrajn involuti fl-evażjoni ta’ sanzjonijiet u li jipprovdu komponenti elettroniċi lir-Russja.
  • Restrizzjonijiet kummerċjali u l-projbizzjonijiet fuq il-merkanzija inklużi l-ħadid, l-azzar, is-siment, il-bitumen u l-aspalt, il-karbonju u l-gomma sintetika, il-frott tal-baħar, id-deheb ta’ oriġini Russa u oġġetti oħrajn ta’ lussu.
  • Projbizzjoni fuq l-esportazzjoni ta’ prodotti f’żoni fejn ir-Russja għandha dipendenza għolja fuq l-UE (inklużi semikondutturi, makkinarju sensittiv, trasportazzjoni u sustanzi kimiċi).
  • Projbizzjoni fuq l-għoti ta’ servizzi ta’ kontabilità, awditjar, awditjar statutorju, iż-żamma tal-kotba u konsulenza dwar it-taxxa, konsulenza dwar in-negozju u tal-ġestjoni, servizzi ta’ relazzjonijiet pubbliċi, servizzi arkitettoniċi u ta’ inġinerija, servizzi ta’ konsulenza tal-IT u servizzi ta’ konsulenza legali lill-gvern Russu, u wkoll lil persuni ġuridiċi, entitajiet jew korpi stabbiliti fir-Russja.
  • Projbizzjoni fuq il-forniment ta’ servizzi ta’ reklamar, riċerka tas-suq u servizzi ta’ stħarriġ tal-opinjoni pubblika, flimkien ma’ servizzi ta’ ttestjar tal-prodotti u ta’ spezzjonijiet tekniċi.
  • Projbizzjoni fuq it-trasport ta’ merkanzija lejn l-UE bit-triq għat-trejlers u s-semitrejlers irreġistrati fir-Russja, inkluż meta jinġibdu minn trakkijiet irreġistrati barra mir-Russja.
  • Projbizzjoni fuq l-aċċess għal portijiet u locks tal-UE għal kwalunkwe bastiment li jinvolvi trasferimenti minn vapur għal ieħor, jekk l-awtoritajiet kompetenti jkollhom suspett raġonevoli li l-bastiment ikun kiser il-projbizzjoni fuq l-importazzjoni ta’ żejt mhux maħdum u prodotti tal-petroljum bil-baħar fl-UE jew trasport ta’ żejt mhux maħdum jew prodotti tal-petroljum mixtrija fuq il-limitu massimu tal-prezz miftiehem mill-Prezz Massimu tal-Koalizzjoni.
  • Projbizzjoni fuq l-importazzjoni ta’ oġġetti minn żoni tal-Ukrajna mhux taħt il-kontroll tal-gvern, inkluż l-oblasts ta’ Donetsk, Luhansk, Zaporizhia u Kherson, u mill-Krimea u Sevastopol annessi illegalment

Ġiet introdotta għodda ta’ evażjoni bħala parti mill-pakkett ta’ sanzjonijiet ta’ Ġunju 2023 biex tindirizza l-evażjoni dejjem tikber tas-sanzjonijiet tal-UE. Sabiex iċċaħħad ir-Russja mir-riżorsi li jippermettulha tkompli l-gwerra ta’ aggressjoni tagħha kontra l-Ukrajna, l-għodda tieħu l-forma li tieħu miżuri individwali xierqa li jindirizzaw l-involviment tal-operaturi ta’ pajjiżi mhux tal-UE biex jiffaċilitaw l-evażjoni. minn hemm ’il quddiem, fejn evażjoni sostanzjali u sistemika għadha tippersisti, l-UE għandha l-possibilità li tieħu miżuri eċċezzjonali tal-aħħar soluzzjoni. Meta dan jirriżulta, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea jista’ jiddeċiedi b’mod unanimu li jirrestrinġi l-bejgħ, il-provvista, it-trasferiment jew l-esportazzjoni tal-oġġetti u t-teknoloġija li l-esportazzjoni tagħhom lejn ir-Russja diġà hija pprojbita lill-pajjiżi mhux tal-UE li l-ġurisdizzjoni tagħhom qiegħda tintwera li tkun f’riskju kontinwu u partikolarment għoli li tintuża għall-evażjoni.

Restrizzjonijiet fuq il-midja Russa inkluż is-sospensjoni tat-trażmissjoni, id-distribuzzjoni u x-xandir għal għadd ta’ entitajiet tal-Istat Russa sabiex titrażżan il-propaganda, il-manipulazzjoni tal-media u d-diżinformazzjoni sistematika. Il-pakkett ta’ sanzjonijiet ta’ Ġunju 2023 issospenda l-liċenzji tax-xandir ta’ ħames organizzazzjonijiet ulterjuri għall-azzjonijiet ta’ propaganda kontinwi u miftiehma tagħhom immirati lejn is-soċjetà ċivili tal-UE u l-pajjiżi ġirien, li jgħawġu u jimmanipulaw il-fatti serjament.

Sanzjonijiet fuq il-Belarussja fid-dawl tas-sitwazzjoni f’dak il-pajjiż u l-involviment tal-Belarussja fl-aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna (ara s-sommarju ).

Sanzjonijiet fuq individwi u entitajiet Iranjani fid-dawl tar-rwol tagħhom fl-iżvilupp u t-twassil ta’ vetturi tal-ajru mingħajr bdot abbord (UAVs) użati mir-Russja fil-gwerra tagħha kontra l-Ukrajna. fl-20 ta’ Lulju 2023, il-Kunsill stabbilixxa qafas ġdid għal miżuri restrittivi fid-dawl tal-appoġġ militari tal-Iran għall-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna, li jipprojbixxi l-esportazzjoni mill-UE lejn l-Iran ta’ komponenti li jintużaw fil-kostruzzjoni u l-produzzjoni tal-UAVs u jipprovdi għal restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar u miżuri tal-iffriżar tal-assi li jistgħu jiġu imposti kontra persuni responsabbli għal, jappoġġjaw jew involuti fil-programm UAV tal-Iran. Din is-sistema l-ġdida tikkumplimenta t-tliet pakketti adottati qabel ta’ sanzjonijiet relatati mad-drones li jimmiraw individwi u entitajiet.

Miżuri diplomatiċi bħas-sospensjoni tal-ivvjaġġar mingħajr viża għal diplomi u faċilitazzjoni tal-viża għad-detenturi tal-passaporti tas-servizz u għan-negozjanti.

Eżenzjonijiet

  • Biex tiġi ssalvagwardjata s-sigurtà globali tal-ikel u tal-enerġija, is-sanzjonijiet ma jimmirawx lejn l-esportazzjonijiet tar-Russja ta’ prodotti agrikoli u ta’ alimentazzjoni, inkluż il-qamħ u l-fertilizzanti, jew il-provvista ta’ żejt u prodotti tal-petroleum lil pajjiżi mhux tal-UE.
  • L-assi ta’ ċerti individwi li għandhom rwol sinifikanti fil-kummerċ internazzjonali tal-prodotti agrikoli u alimentari, inkluż qamħ u fertilizzanti, qabel il-elenkar tagħhom, jistgħu ma jibqgħux iffriżati; il-fondi u r-riżorsi ekonomiċi jistgħu jsiru disponibbli għalihom ukoll.
  • Is-sanzjonijiet tal-UE ma jżommux lill-pajjiżi mhux tal-UE u liċ-ċittadini tagħhom barra mill-UE milli jixtru prodotti farmaċewtiċi jew mediċi mir-Russja.
  • Klawsola ta’ emerġenza” tippermetti t-trasport taż-żejt lil hinn mil-limitu tal-prezz, il-provvediment ta’ assistenza teknika, senserija jew servizzi ta’ finanzjament, jew assistenza finanzjarja relatata mat-trasport lejn pajjiżi mhux tal-UE, sabiex jiġu evitati jew jitnaqqsu b’mod urġenti avvenimenti li jista’ jkollhom impatt serju fuq is-saħħa u s-sikurezza tal-bniedem jew l-ambjent, jew bħala reazzjoni għad-diżastri naturali.

L-annessi għad-diversi deċiżjonijiet u regolamenti jinkludu listi tal-individwi, l-entitajiet u l-korpi, flimkien mal-oġġetti u t-teknoloġija li għandhom impatt fuq il-miżuri restrittivi.

MINN META BDEW JAPPLIKAW ID-DEĊIŻJONIJIET U R-REGOLAMENTI?

Id-Deċiżjoni 2014/119/PESK u r-Regolament (UE) Nru 208/2014 ilhom japplikaw mis-6 ta’ Marzu 2014.

Id-Deċiżjoni 2014/145/PESK u r-Regolament (UE) Nru 269/2014 ilhom japplikaw mis-17 ta’ Marzu 2014.

Id-Deċiżjoni 2014/386/PESK u r-Regolament (UE) Nru 692/2014 ilhom japplikaw mill-25 ta’ Ġunju 2014.

Id-Deċiżjoni 2014/512/PESK u r-Regolament (UE) Nru 833/2014 ilhom japplikaw mill-1 ta’ Awwissu 2014.

Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (PESK) 2022/263 u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/263 ilhom japplikaw mit-24 ta’ Frar 2022.

SFOND

Għal aktar informazzjoni, ara:

TERMINI EWLENIN

Infrastruttura kritika. Assi, faċilità, tagħmir, network jew sistema, jew parti minn assi, faċilità, tagħmir, network jew sistema, li hija meħtieġa għall-għoti ta’ servizz essenzjali.
Infrastruttura kritika Ewropea. Infrastrutturi kritiċi li l-interruzzjoni jew il-qerda tagħhom jaffettwaw b’mod sinifikanti żewġ Stati Membri jew aktar, jew Stat Membru wieħed jekk l-infrastruttura kritika tkun tinsab fi Stat Membru ieħor. Dan jinkludi effetti li jirriżultaw minn dipendenzi transsettorjali fuq tipi ta’ infrastruttura oħrajn.

DOKUMENTI PRINĊIPALI

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/119/PESK tal-5 ta’ Marzu 2014 dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni, entitajiet u korpi fid-dawl tas-sitwazzjoni fl-Ukrajna (ĠU L 66, 6.3.2014, pp. 26–30).

L-emendi suċċessivi għad-Deċiżjoni 2014/119/PESK ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 208/2014 tal-5 ta’ Marzu 2014 dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni, entitajiet u korpi fid-dawl tas-sitwazzjoni fl-Ukrajna (ĠU L 66, 6.3.2014, pp. 1–10).

Ara l-verżjoni konsolidata.

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/145/PESK tas-17 ta’ Marzu 2014 dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna (ĠU L 78, 17.3.2014, pp. 16–21).

Ara l-verżjoni konsolidata.

Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 269/2014 tas-17 ta’ Marzu 2014 dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna (ĠU L 78, 17.3.2014, pp. 6–15).

Ara l-verżjoni konsolidata.

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/386/PESK tat-23 ta’ Ġunju 2014 dwar restrizzjonijiet fuq oġġetti li joriġinaw fil-Krimea jew Sevastopol, minħabba l-annessjoni illegali tal-Krimea u Sevastopol (ĠU L 183, 24.6.2014, pp. 70–71).

Ara l-verżjoni konsolidata.

Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 692/2014 tat-23 ta’ Ġunju 2014 dwar restrizzjonijiet fuq l-importazzjoni fl-Unjoni ta’ oġġetti li joriġinaw fil-Krimea jew Sevastopol, minħabba l-annessjoni illegali tagħhom (ĠU L 183, 24.6.2014, pp. 9–14).

Ara l-verżjoni konsolidata.

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/512/PESK tal-31 ta’ Lulju 2014 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-azzjonijiet tar-Russja li jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukrajna (ĠU L 229, 31.7.2014, pp. 13–17).

Ara l-verżjoni konsolidata.

Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 833/2014 tal-31 ta’ Lulju 2014 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-azzjonijiet tar-Russja li jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukrajna (ĠU L 229, 31.7.2014, pp. 1–11).

Ara l-verżjoni konsolidata.

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2022/266 tat-23 ta’ Frar 2022 dwar miżuri restrittivi b’reazzjoni għar-rikonoxximent taż-żoni mhux ikkontrollati mill-gvern tal-oblasts tal-Ukrajna ta’ Donetsk u Luhansk u d-deċiżjoni li jintbagħtu l-forzi armati Russi f’dawk iż-żoni (ĠU L 42 I, 23.2.2022, pp. 109–113).

Ara l-verżjoni konsolidata.

Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2022/263 tat-23 ta’ Frar 2022 dwar miżuri restrittivi b’reazzjoni għar-rikonoxximent taż-żoni mhux ikkontrollati mill-gvern tal-oblasti ta’ Donetsk u Luhansk tal-Ukraina u l-ordni tal-forzi armati Russi f’dawk iż-żoni (ĠU L 42 I, 23.2.2022, pp. 77–94).

Ara l-verżjoni konsolidata.

DOKUMENTI RELATATI

Regolament tal-Kunsill (UE) 2023/1214 tat-23 ta’ Ġunju 2023 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 833/2014 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-azzjonijiet tar-Russja li jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukrajna (ĠU L 159I, 23.6.2023, pp. 1–329).

Regolament tal-Kunsill (UE) 2023/1215 tat-23 ta’ Ġunju 2023 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 269/2014 dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajn (ĠU L 159I, 23.6.2023, pp. 330–334).

Regolament ta’ Implimentazzjoni (EU) 2023/1216 tat-23 ta’ Ġunju 2023 li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 269/2014 dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna (ĠU L 159I, 23.6.2023, pp. 335–450).

Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2023/1217 tat-23 ta’ Ġunju 2023 li temenda d-Deċiżjoni 2014/512/PESK dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-azzjonijiet tar-Russja li jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukrajna (ĠU L 159I, 23.6.2023, pp. 451–525).

Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2023/1218 tat-23 ta’ Ġunju 2023 li temenda d-Deċiżjoni 2014/145/PESK dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jipperikolaw jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna (ĠU L 159I, 23.6.2023, pp. 526–644).

Lista Militari Komuni tal-Unjoni Ewropea adottata mill-Kunsill fl-20 ta’ Frar 2023 (tagħmir kopert mill-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2008/944/PESK li tiddefinixxi regoli komuni li jirregolaw il-kontroll ta’ esportazzjonijiet ta’ teknoloġija u tagħmir militari) (li taġġorna u tissostitwixxi l-Lista Militari Komuni tal-Unjoni Ewropea adottata mill-Kunsill fil-21 ta’ Frar 2022 (ĠU C 100, 1.3.2022, p. 3.)) (PESK) (ĠU C 72, 28.2.2023, pp. 2–37).

Ir-Regolament (KE) 2021/821 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2021 li jistabbilixxi reġim tal-Unjoni għall-kontroll tal-esportazzjonijiet, is-senserija, l-assistenza teknika, it-transitu u t-trasferiment ta’ oġġetti b’użu doppju (riformulazzjoni) (ĠU L 206, 11.6.2021, p. 1–461).

Ara l-verżjoni konsolidata.

Verżjoni konsolidata tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea — Parti Ħamsa — L-azzjoni esterna tal-Unjoni — Titolu IV — Miżuri restrittivi — Artikolu 215 (ex Artikolu 301 TEC) (ĠU C 202, 7.6.2016, p. 144).

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/642/PESK tal-15 ta’ Ottubru 2012 dwar miżuri restrittivi kontra l-Belarussja (ĠU L 285, 17.10.2012, pp. 1–52).

Ara l-verżjoni konsolidata.

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 765/2006 tat-18 ta’ Mejju 2006 dwar miżuri restrittivi kontra l-President Lukashenko u ċerti uffiċjali tal-Belarussja (ĠU L 134, 20.5.2006, pp. 1–11).

Ara l-verżjoni konsolidata.

l-aħħar aġġornament 03.10.2023

Fuq