EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Unanimità

L-unanimità, meta l-Istati Membri kollha tal-UE għandhom jaqblu, hija waħda mir-regoli ta’ votazzjoni applikabbli għall-Kunsill. Il-Kunsill għandu jivvota b’mod unanimu dwar għadd ta’ oqsma politiċi li l-Istati Membri jikkunsidraw bħala sensittivi.

L-oqsma politiċi fejn il-Kunsill jaġixxi unanimament huma mniżżla kollha fit-Trattati.

L-Att Uniku Ewropew, iffirmat fl-1986, emenda t-Trattat ta’ Ruma sabiex iżid momentum ġdid għall-integrazzjoni Ewropea u sabiex jikkompleta s-suq intern. Huwa naqqas l-għadd ta’ oqsma ta’ politika li għalihom kienet meħtieġa l-unanimità sabiex tiġi adottata leġiżlazzjoni.

It-Trattat ta’ Lisbona, li daħal fis-seħħ fl-2009 bħala l-aħħar emenda għat-Trattati, żied l-għadd ta’ oqsma fejn tapplika votazzjoni b’maġġoranza kwalifikata fil-Kunsill.

Numru limitat ta’ oqsma politiċi kkunsidrati bħala sensittivi baqgħu taħt il-votazzjoni b’unanimità:

  • it-tassazzjoni;
  • is-sigurtà soċjali jew il-protezzjoni soċjali;
  • tal-adeżjoni ta’ Stati Membri ġodda tal-UE;
  • il-Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni (PESK), inkluż il-Politika ta’ Sigurtà u ta’ Difiża Komuni (PSDK);
  • kooperazzjoni operazzjonali tal-pulizija bejn l-Istati Membri.

Minkejja dan, il-klawsoli passerelle , li jippermettu eċċezzjonijiet fil-proċeduri leġislattivi li kienu inizjalment previsti mit-trattati, jipprovdu proċeduri li jippermettu l-votazzjoni bl-unanimità ltiġi mibdula permezz tal-votazzjoni b’maġġoranza kwalifikata jew li jinbidlu l-proċeduri tat-teħid ta’ deċiżjonijiet li jkunu applikabbli f’oqsma speċifiċi.

Pereżempju, il-klawsoli passerelle jistgħu jagħtu s-saħħa lill-Kunsill Ewropew, li jkun qed jaġixxi b’unanimità, biex jawtorizza l-użu tal-maġġoranza kwalifikata mill-Kunsill, ara:

  • L-Artikolu 48(7) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea — TUE;
  • L-Artikolu 31(3) TUE (PESK);
  • L-Artikolu 312(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-UE — TFEU (Qafas ta’ finanzjament pluriennali — MFF).

Barra minn hekk, il-klawsoli passerelle jistgħu jagħtu s-saħħa lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, li jkun qed jaġixxi b’unanimità, biex jiddeċiedi li jagħmel il-proċedura leġislattiva ordinarja applikabbli għal kwistjonijiet speċifiċi wara li jikkonsulta mal-Parlament Ewropew, pereżempju:

  • L-Artikolu 81(3) TFUE (liġi tal-familja b’implikazzjonijiet transkonfinali);
  • L-Artikolu 153(2) TFUE (Politika soċjali);
  • L-Artikolu 192(2) TFUE (Politika ambjentali).

Fl-aħħar, il-klawsoli passerelle jistgħu jagħtu s-saħħa lill-Kunsill, li jkun qed jaġixxi b’unanimità, li jiddeċiedi li jaġixxi b’maġġoranza kwalifikata (L-Artikolu 333 TFUE (Kooperazzjoni msaħħa)).

Ukoll skont l-Artikolu 293(1) TFUE, il-Kunsill jista’ jemenda proposta mill-Kummissjoni billi jaġixxi dwarha b’mod unanimu, għajr għal xi eċċezzjonijiet.

ARA WKOLL

Top