EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32017R2402

Titolizzazzjoni aktar sempliċi, trasparenti u standardizzata

Titolizzazzjoni aktar sempliċi, trasparenti u standardizzata

 

SOMMARJU TA’:

Regolament (UE) 2017/2402 — qafas ġenerali għat-titolizzazzjoni u l-ħolqien ta’ qafas speċifiku għal titolizzazzjoni sempliċi, trasparenti u standardizzata

X’INHU L-GĦAN TAR-REGOLAMENT?

Dan għandu l-għan li jerġa’ jintroduċi suq ta’ titolizzazzjoni* ta’ kwalità għolja li se:

  • itejjeb il-finanzjament tal-ekonomija reali tal-UE;
  • itejjeb il-kondiviżjoni tar-riskju mill-privat; u
  • jassigura l-protezzjoni tal-investitur.

Huwa joħloq sistema ġenerali biex tissimplifika r-regoli għat-titolizzazzjonijiet kollha u tidentifika titolizzazzjonijiet sempliċi, trasparenti u standardizzati. Din tinkludi:

  • definizzjonijiet komuni għall-kunċetti ewlenin kollha ta’ titolizzazzjoni;
  • rekwiżiti għal diliġenza dovuta*, ritenzjoni tar-riskju*, trasparenza u kriterji għall-għoti tal-kreditu;
  • rekwiżiti għall-bejgħ ta’ titolizzazzjonijiet lil klijenti fil-livell tal-konsumatur;
  • projbizzjoni fuq ir-rititolizzazzjoni*;
  • regoli għal entitajiet bi skop speċjali tat-titolizzazzjoni* (SSPE) u repożitorji tat-titolizzazzjoni*;
  • struttura għal titolizzazzjoni sempliċi, trasparenti u standardizzata (STS);
  • sistema għal sanzjonijiet amministrattivi u miżuri ta’ rimedju f’każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità.

PUNTI EWLENIN

  • Investituri f’pożizzjoni ta’ titolizzazzjoni.* għandhom l-ewwel iwettqu ċerti testijiet biex:
    • jivvalutaw ir-riskji kollha involuti qabel ma jidħlu għar-responsabbiltà (diliġenza dovuta);
    • jiżguraw li l-prodott huwa adattat għall-klijent qabel ma jbigħulu.
  • Emittenti ta’ titolizzazzjoni għandhom:
    • iżommu interess materjali ekonomiku nett ta’ mill-inqas 5 % tal-valur tagħha (ritenzjoni tar-riskju);
    • jipprovdu informazzjoni dettaljata u dokumenti sottostanti lid-detenturi ta’ pożizzjoni ta’ titolizzazzjoni, lill-awtoritajiet rilevanti u, jekk jintalbu, lill-investituri potenzjali sabiex jifhmu t-tranżazzjoni (għat-trasparenza);
    • japplikaw l-istess kriterji tajba u definiti sew għall-għoti ta’ kreditu bħalma jagħmlu għal prodotti mhux titolizzati.
  • Entitajiet bi skop speċjali tat-titolizzazzjoni m’għandhomx ikunu bbażati f’pajjiż ta’ riskju għoli li mhux fl-UE.
  • Repożitorji tat-titolizzazzjoni għandhom:
    • jirreġistraw mal-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq li għandha setgħat biex tirtira l-liċenzja tagħhom;
    • jiġbru u jżommu d-dettalji kollha tat-titolizzazzjoni u jagħmluhom disponibbli b’xejn għall-investituri u l-awtoritajiet kompetenti.
  • Emittenti jistgħu jużaw it-terminu STS (sempliċi, trasparenti u standardizzat) meta t-titolizzazzjoni, kemm jekk għal żmien qasir kif ukoll għal żmien twil, tissodisfa sett ċar ta’ kriterji. Dan biex tiġi distinta minn dawk aktar kumplessi u opaki u tippermetti lil xi investituri istituzzjonali japplikaw trattament tal-kapital aktar sensittiv għar-riskju.
  • Diversi awtoritajiet Ewropej u nazzjonali, b’setgħat li jinvestigaw u japplikaw penali amministrattivi u kriminali, jissorveljaw l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni u jaħdmu flimkien mill-qrib.
  • Sal-1 ta’ Jannar 2021, u wara dan kull 3 snin, il-Kumitat Konġunt tal-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej jippubblika rapport dwar esperjenzi b’dan ir-regolament.
  • Il-Kummissjoni Ewropea:
    • sat-2 ta’ Jannar 2020, abbażi ta’ rapport ippubblikat mill-Awtorità Bankarja Ewropea, tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-fattibbiltà li jinħoloq qafas STS għal titolizzazzjonijiet sintetiċi;
    • sal-1 ta’ Jannar 2022, tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-leġiżlazzjoni bi proposti għal emendi jekk meħtieġ;
    • għandha s-setgħa li tadotta atti delegati biex temenda l-elementi mhux essenzjali tar-regolament.

MINN META JIBDA JAPPLIKA R-REGOLAMENT?

Dan ilu japplika mill-1 ta’ Jannar 2019.

SFOND

  • Il-prodotti ta’ titolizzazzjoni kellhom rwol sinifikanti fil-kriżi tal-mutwi subprime tal-Istati Uniti li bdiet fl-2007. Minn meta faqqgħet il-kriżi, l-irkupru tas-suq fl-UE, kien pjuttost bil-mod.
  • Il-leġiżlazzjoni, li temenda wkoll ir-regolament dwar ir-rekwiżiti tal-kapital (Regolament (UE) 2017/2401), hija mfassla biex tagħmel tajjeb għal dan billi tintroduċi regoli ċari u effettivi biex terġa’ tinbena mill-ġdid il-fiduċja fis-suq.
  • Qafas għat-titolizzazzjoni huwa l-ewwel element prinċipali tal-pjan tal-UE, imniedi fl-2015, biex tiġi żviluppata unjoni tas-swieq kapitali li taħdem b’mod sħiħ sa tmiem l-2019. L-iżvilupp ta’ suq ta’ titolizzazzjoni jgħin biex jinħolqu possibbiltajiet ta’ investiment ġodda u jipprovdi sors addizzjonali ta’ finanzjament, speċjalment għall-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju u għal negozji ġodda.
  • Għal aktar informazzjoni, ara:

TERMINI EWLENIN

Titolizzazzjoni: tranżazzjoni li tippermetti lil sellief — ġeneralment bank — biex jiffinanzja mill-ġdid sett ta’ selfiet/assi (eż. ipoteki, kirjiet tal-karozzi, self lill-konsumatur, karti ta’ kreditu) billi jikkonvertihom f’titoli li l-oħrajn ikunu jistgħu jinvestu fihom.
Diliġenza dovuta: investitur istituzzjonali għandu jkun kapaċi juri li l-verifiki meħtieġa tar-rekwiżiti dwar id-diliġenza dovuta stabbiliti fid-dettall fl-Artikolu 5 tar-Regolament ġew sodisfatti.
Ritenzjoni tar-riskju: aċċettazzjoni ppjanata ta’ telf fejn xi ammont ta’ riskju, iżda mhux kollu, jinżamm konxjament minflok jiġi ttrasferit.
Rititolizzazzjoni: titolizzazzjoni li biha tal-inqas waħda mill-iskoperturi sottostanti tkun pożizzjoni ta’ titolizzazzjoni.
Entitajiet bi skop speċjali tat-titolizzazzjoni: korp stabbilit għall-fini ta’ twettiq ta’ titolizzazzjoni waħda jew aktar, li l-istruttura tiegħu hija maħsuba sabiex tiżola l-obbligazzjonijiet tal-SSPE minn dawk tal-ftehim oriġinali.
Repożitorji tat-titolizzazzjoni: jiġbru u jżommu ċentralment rekords dwar titolizzazzjonijiet biex jgħinu jtejbu t-trasparenza fis-suq.
Pożizzjoni ta’ titolizzazzjoni: skopertura għal titolizzazzjoni.

DOKUMENT EWLIENI

Ir-Regolament (UE) 2017/2402 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2017 li jistabbilixxi qafas ġenerali għal titolizzazzjoni sempliċi, trasparenti u standardizzata u li jemenda d-Direttivi 2009/65/KE, 2009/138/KE u 2011/61/UE u r-Regolamenti (KE) Nru 1060/2009 u (UE) Nru 648/2012 (ĠU L 347, 28.12.2017, p. 35-80)

DOKUMENT RELATAT

Ir-Regolament (UE) 2017/2401 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2017 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 575/2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u d-ditti tal-investiment (ĠU L 347, 28.12.2017, p. 1-34)

l-aħħar aġġornament 18.03.2019

Fuq