L-evitar tal-abbuż tas-suq fis-swieq finanzjarji
SOMMARJU TA’:
Ir-Regolament (UE) Nru 596/2014 dwar l-abbuż tas-suq
X’INHU L-GĦAN TAR-REGOLAMENT?
- Ir-regolament dwar l-abbuż tas-suq (MAR) għandu l-għan li jiżgura li l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni Ewropea (UE) żżomm ir-ritmu mal-iżviluppi tas-suq biex tiġġieled l-abbuż tas-suq fis-swieq finanzjarji, inklużi swieq derivattivi fir-rigward ta’ prodotti bażiċi (bħal deheb jew qamħ)
- Dan jipprojbixxi b’mod espliċitu l-manipulazzjoni ta’ prodotti bażiċi u ta’ parametri referenzjarji, bħall-Euribor (ir-rata interbankarja offruta f’euro).
- Dan isaħħaħ is-setgħat investigattivi u ta’ sanzjonar tar-regolaturi maħturin mill-Istati Membri tal-UE sabiex jiżgura l-funzjonament xieraq tas-swieq finanzjarji tagħhom.
- Dan jipprovdi ġabra unika tar-regoli waqt li jnaqqas il-piżijiet amministrattivi fuq emittenti ta’ daqs żgħir u ta’ daqs medju fejn hu possibbli.
PUNTI EWLENIN
Il-projbizzjoni tal-abbuż fis-swieq finanzjarji
L-abbuż tas-suq ixekkel it-trasparenza sħiħa li hija essenzjali għan-negozjar fivswieq finanzjarji integrati moderni. Ir-regoli jipprojbixxu tliet tipi ta’ abbuż:
- il-manipulazzjoni tas-suq*
- l-abbuż minn informazzjoni privileġġata*
- żvelar illegali ta’ informazzjoni privileġġjata*.
Regoli MAR japplikaw għal persuna jew kumpanija li tkun qed tabbuża mis-suq waqt li tinnegozja strumenti finanzjarji, sew permezz ta’ pjattaformi ta’ skambju jew permezz ta’ negozjar privat fi tranżazzjonijiet barra l-Borża, diment li tista’ tinfluwenza:
- strumenti finanzjarji nnegozjati f’ċentru tan-negozjar; jew
- strumenti finanzjarji li l-prezz jew valur tagħhom jiddependi jew għandu effett fuq il-prezz ta’ strument finanzjarju negozjat f’ċentru tan-negozjar.
Sanzjonijiet amministrattivi
MAR titlob lil Stati Membri biex jiżguraw li awtoritajiet kompetenti jkollhom is-setgħa li jimponu sanzjonijiet amministrattivi speċifikati jew li jieħdu miżuri amministrattivi f’każ ta’ ksur ta’ regoli MAR.
Setgħat investigattivi msaħħa tar-regolaturi
Ir-regoli tal-MAR jirrinfurzaw is-setgħat superviżorji u investigatorji tar-regolaturi maħtura minn kull Stat Membru tal-UE biex jiżguraw il-funzjonament xieraq tas-swieq finanzjarji tagħhom. Pereżempju, is-setgħat tagħhom jinkludu li jkunu kapaċi jwettqu spezzjonijiet u investigazzjonijiet fuq il-post u jitolbu l-iffriżar jew is-sekwestru tal-assi.
Leġiżlazzjoni emendatorja
Regolament Emendatorju (UE) 2016/1011 dwar indiċi użat bħala parametri referenzjarji (ara sommarju).
- jiċċara r-regoli dwar il-ħtieġa li l-maniġers, u l-persuni assoċjati mill-qrib magħhom, jinnotifikaw lill-emittent u lill-awtorità kompetenti dwar tranżazzjonijiet imwettqa f’isimhom stess relatati ma’ strumenti finanzjarji li huma stess huma marbuta ma’ ishma u strumenti ta’ dejn tal-emittent tagħhom;
- jipprevedi li kull tranżazzjoni fi strumenti finanzjarji akbar mil-limitu minimu trid tiġi nnotifikata lill-emittent u lill-awtorità kompetenti, iżda ssir eċċezzjoni meta l-istrument finanzjarju marbut jipprovdi skopertura ta’ 20 % jew anqas għall-ishma jew l-istrumenti ta’ dejn tal-emittent, jew il-persuna li teżerċita responsabbiltajiet maniġerjali jew il-persuna assoċjata mill-qrib magħhom ma tkunx u ma setgħetx tkun taf il-kompożizzjoni tal-investiment tal-istrument finanzjarju marbut.
Regolament Emendatorju (UE) 2019/2115
- jadatta r-regoli MAR għal tip ieħor ta’ ċentru tan-negozjar, it-tkabbir tas-suq ta’ intrapriża żgħira u ta’ daqs medju (SME), subkategorija ta’ faċilitajiet ta’ negozjar li daħlet taħt Direttiva 2014/65/UE dwar swieq fi strumenti finanzjarji (ara sommarju);
- jagħmel l-obbligi imposti fuq l-emittenti fis-swieq tat-tkabbir tal-SMEs aktar proporzjonati, filwaqt li jippreserva l-integrità tas-suq u l-protezzjoni tal-investitur, u jippromwovi l-likwidità billi jippermetti lil kwalunkwe emittent preżenti f’suq tat-tkabbir tal-SMEs tal-UE jidħol f’kuntratt ta’ likwidità.
Atti ta’ implimentazzjoni u atti delegati
Sa mill-adozzjoni tal-MAR, il-Kummissjoni Ewropea adottat l-atti li ġejjin li jissupplimentaw jew ikomplu jiċċaraw ċerti aspetti tar-regolament:
- Id-Direttiva ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/2392 dwar ir-rapportar lill-awtoritajiet kompetenti ta’ ksur attwali jew potenzjali tar-regolament;
- Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/378 dwar l-istandards tekniċi fir-rigward tal-waqt, il-format u l-mudell tal-preżentazzjoni tan-notifiki lill-awtoritajiet kompetenti;
- Ir-Regolament Delegat (UE) 2016/522 rigward l-eżenzjoni għal ċerti korpi pubbliċi ta’ pajjiżi terzi u banek ċentrali, l-indikaturi ta’ manipulazzjoni tas-suq, il-limiti ta’ divulgazzjoni, l-awtorità kompetenti għan-notifiki ta’ ttardjar, il-permess għal negozjar matul perjodi magħluqa u t-tipi ta’ tranżazzjonijiet tal-amministraturi notifikabbli, kif emendat bir-Regolament (UE) 2019/461 li jeżenta lill-Bank tal-Ingilterra u lill-Uffiċċju tal-Ġestjoni tad-Dejn tar-Renju Unit mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 596/2014;
- Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/523 dwar l-istandards tekniċi għall-format u l-mudell ta’ notifika u divulgazzjoni pubblika ta’ tranżazzjonijiet maniġerjali;
- Ir-Regolament Delegat (UE) 2016/908 dwar l-istandards tekniċi regolatorji dwar il-kriterji, il-proċedura u r-rekwiżiti biex tiġi stabbilita prattika tas-suq aċċettata u r-rekwiżiti biex tinżamm, tiġi terminata jew jiġu modifikati l-kundizzjonijiet għall-aċċettazzjoni tagħha;
- Ir-Regolament Delegat (UE) 2016/909 dwar l-istandards tekniċi regolatorji dwar il-kontenut tan-notifiki li għandhom jiġu ppreżentati lill-awtoritajiet kompetenti u l-kumpilazzjoni, il-pubblikazzjoni u ż-żamma tal-lista ta’ notifiki;
- Regolament Delegat (UE) 2016/957 dwar standards tekniċi regolatorji għall-arranġamenti, sistemi u proċeduri xierqa, flimkien ma’ mudelli ta’ notifika, biex jintużaw għall-prevenzjoni, kxif u rappurtar ta’ prattiċi abbużivi jew ordnijiet jew tranżazzjonijiet suspettużi;
- Ir-Regolament Delegat (UE) 2016/958 dwar standards tekniċi regolatorji għall-arranġamenti tekniċi għal preżentazzjoni oġġettiva ta’ rakkomandazzjonijiet ta’ investiment jew informazzjoni oħra li tirrakkomanda jew tissuġġerixxi strateġija ta’ investiment, kif ukoll għad-divulgazzjoni ta’ interessi partikulari jew indikazzjonijiet ta’ kunflitti ta’ interess;
- Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/959 dwar standards tekniċi għal sondaġġi tas-suq* rigward is-sistemi u mudelli ta’ notifiki li jridu jintużaw minn parteċipanti tas-suq li jiżvelaw l-informazzjoni u l-format tar-rekords;
- Regolament Delegat (UE) 2016/960 dwar standards tekniċi regolatorji għall-arranġamenti, sistemi u proċeduri xierqa għal kxif ta’ parteċipanti tas-suq li jiżvelaw informazzjoni li jagħmlu sondaġġi tas-suq;
- Ir-Regolament Delegat (UE) 2016/1052 fir-rigward ta’ standards tekniċi regolatorji għall-kundizzjonijiet applikabbli għall-programmi ta’ riakkwist* u miżuri ta’ stabbilizzazzjoni;
- Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/1055 dwar standards tekniċi fir-rigward tal-mezzi għall-iżvelar pubbliku xieraq ta’ informazzjoni privileġġata u biex jiġi ttardjat l-iżvelar pubbliku ta’ informazzjoni privileġġata;
- Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/1158 dwar standards tekniċi għall-proċeduri u formoli għal awtoritajiet kompetenti li jiskambjaw informazzjoni mal-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (ESMA);
- Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1406 dwar standards tekniċi rigward il-proċeduri u l-formoli għall-iskambju ta’ informazzjoni u kooperazzjoni bejn awtoritajiet kompetenti, l-ESMA, il-Kummissjoni u entitajiet oħra;
- Regolament delegat (UE) 2021/1783 dwar standards tekniċi regolatorji li għandhom mudell ta’ dokument għal arranġamenti ta’ kooperazzjoni ma’ pajjiżi mhux tal-UE.
- Regolament ta’ Implimentazzjoni(UE) 2022/1210 dwar standards tekniċi għall-applikazzjoni ta’ Regolament (UE) Nru. 596/2014 fir-rigward tal-format ta’ listi privileġġjati u l-aġġornamenti tagħhom;
- Regolament Delegat (UE) 2022/1959 dwar standards tekniċi regolatorji li jistabilixxu mudell kuntrattwali għal kuntratti ta’ likwidità għall-ishma ta’ emittenti li l-istrumenti finanzjarji tagħhom huma ammessi għan-negozjar f’suq tat-tkabbir tal-SMEs.
Revoka
Ir-Regolament (UE) Nru 596/2014, flimkien mad-Direttiva 2014/57/UE li tirrikjedi li l-Istati Membri kollha jarmonizzaw il-liġijiet tagħhom dwar ir-reati kriminali għall-abbuż tas-suq (ara s-sommarju), jissostitwixxi d-Direttiva 2003/6/KE oriġinali dwar l-abbuż tas-suq.
MINN META JAPPLIKA R-REGOLAMENT?
Dan ilu japplika, ħlief għal regoli speċifikati, mit-3 ta’ Lulju 2016.
SFOND
Għal aktar informazzjoni, ara:
TERMINI EWLENIN
Manipulazzjoni tas-suq. Meta tidħol ġo tranżazzjoni jew imġiba li tagħti jew x’aktarx tagħti sinjali foloz jew li jqarrqu dwar il-provvista ta’/domanda għal/prezz ta’ strument finanzjarju, tiżgura jew x’aktarx tiżgura l-prezz ta’ strument finanzjarju fuq livell anormali jew artifiċjali. Dan jista’ jikkonsisti wkoll f’tranżazzjoni jew imġiba li tuża apparat fittizzju jew xi forma oħra ta’ qerq, ixxerred informazzjoni li tqaaraq, titrażmetti informazzjoni falza jew qarrieqa, tipprovdi eżiti falzi jew qarrieqa; jew azzjoni li timmanipula l-kalkolu ta’ parametru referenzjarju.
Abbuż minn informazzjoni privileġġata. Jirriżulta meta persuna tuża informazzjoni privileġġata billi tagħmel tranżazzjoni, fil-kont tagħha stess jew fil-kont ta’ parti terza, fi strument finanzjarju li miegħu jkollha x’taqsam l-informazzjoni privileġġata. Informazzjoni privileġġata hija ta’ natura preċiża, li mhijiex pubblika, li għandha x’taqsam ma’ emittent(i) ta’ strumenti finanzjarji u li, jekk issir disponibbbli għall-pubbliku, ikollha effett sinifikanti fuq il-prezzijiet.
Żvelar illegali ta’ informazzjoni privileġġata. Jirriżulta meta persuna jkollha informazzjoni privileġġata u tiżvelaha lil persuna oħra (eż. billi tgħaddi dokumenti kunfidenzjali li jkun fihom informazzjoni privileġġata), ħlief jekk l-iżvelar isir fl-eżerċizzju normali ta’ impjieg, professjoni jew kompiti.
Sondaġġi tas-suq. Komunikazzjoni ta’ informazzjoni qabel it-tħabbir ta’ tranżazzjoni, sabiex jitkejjel l-interess ta’ investituri potenzjali f’xi tranżazzjoni possibbli, u l-kundizzjonijiet relatati magħha bħad-daqs potenzjali tagħha jew l-ipprezzar tagħha lil investitur potenzjali wieħed jew aktar.
Programmi ta’ riakkwist. Meta l-kumpaniji jixtru lura l-ishma tagħhom stess mis-suq, huma stess jew permezz ta’ persuna li taġixxi f’isimhom stess iżda f’isem il-kumpanija. Dan ta’ spiss jiġri meta l-kumpaniji jħossu li l-ishma tagħhom huma sottovalutati.
DOKUMENT PRINĊIPALI
Ir-Regolament (UE) Nru 596/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ April 2014 dwar l-abbuż tas-suq (Regolament dwar l-abbuż tas-suq) u li jħassar id-Direttiva 2003/6/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttivi tal-Kummissjoni 2003/124/KE, 2003/125/KE u 2004/72/KE (ĠU L 173, 12.6.2014, pp. 1-61).
L-emendi suċċessivi għar-Regolament (UE) Nru 596/2014 ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.
DOKUMENTI RELATATI
Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2022/1959 tat-13 ta’ Lulju 2022 li jissupplimenta REgolament (UE) nru. 596/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ standards tekniċi regolatorji li jistabbilixxu mudell kuntrattwali għal kuntratti ta’ likwidità għall-ishma ta’ emittenti li l-istrumenti finanzjarji tagħhom huma ammessi għal negozjar fis-suq tat-tkabbir tal-SMEs (ĠU L 270, 18.10.2022, pp. 4-11).
Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/1210 tat-13 ta’ Lulju 2022 li jistabbilixxi standards tekniċi ta’ implimentazzjoni għall-applikazzjoni ta’ Regolament (UE) Nru. 596/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ listi privileġġjati u l-aġġornamenti tagħhom (ĠU L 187, 14.7.2022, pp.23-30).
Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1406 tas-2 ta’ Ottubru 2020 li jistipula standards tekniċi ta’ implimentazzjoni rigward il-proċeduri u l-formoli għall-iskambju ta’ informazzjoni u kooperazzjoni bejn awtoritajiet kompetenti, l-ESMA, il-Kummissjoni u entitajiet oħra skont l-Artikoli 24(2) u 25 tar-Regolament (UE) Nru 596/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-abbuż tas-suq (ĠU L 325, 7.10.2020, pp. 7-21).
Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/461 tat-30 ta’ Jannar 2019 li jemenda r-Regolament Delegat (UE) 2016/522 rigward l-eżenzjoni tal-Bank tal-Ingilterra u tal-Uffiċċju tal-Ġestjoni tad-Dejn tar-Renju Unit mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 596/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 80, 22.3.2019, pp. 10-12).
Ara l-verżjoni konsolidata.
Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/292 tas-26 ta’ Frar 2018 li jistipula standards tekniċi ta’ implimentazzjoni rigward il-proċeduri u l-forom għall-iskambju ta’ informazzjoni u assistenza bejn awtoritajiet kompetenti skont ir-Regolament (UE) Nru 596/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-abbuż tas-suq (ĠU L 55, 27.2.2018, pp. 34-49).
Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/1158 tad-29 ta’ Ġunju 2017 li jistipula standards tekniċi ta’ implimentazzjoni dwar il-proċeduri u l-formoli biex l-awtoritajiet kompetenti jiskambjaw informazzjoni mal-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq kif imsemmi fl-Artikolu 33 tar-Regolament (UE) Nru 596/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 167, 30.6.2017, pp. 22-30).
Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1055 tad-29 ta’ Ġunju 2016 li jistabbilixxi standards tekniċi ta’ implimentazzjoni fir-rigward tal-mezzi tekniċi għall-iżvelar pubbliku xieraq ta’ informazzjoni privileġġata u biex jiġi ttardjat l-iżvelar pubbliku ta’ informazzjoni privileġġata skont ir-Regolament (UE) Nru 596/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 173, 30.6.2016, pp. 47-51).
Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/1052 tat-8 ta’ Marzu 2016 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 596/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ standards tekniċi regolatorji għall-kundizzjonijiet applikabbli għal programmi ta’ riakkwist u miżuri ta’ stabbilizzazzjoni (ĠU L 173, 30.6.2016, pp. 34-41).
Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/959 tas-17 ta’ Mejju 2016 li jistabbilixxi standards tekniċi ta’ implimentazzjoni għal sondaġġi tas-suq għar-rigward tas-sistemi u l-mudelli ta’ notifika li għandhom jintużaw minn parteċipanti fis-suq li jagħmlu żvelar u l-format tar-rekords f’konformita mar-Regolament (UE) Nru 596/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 160, 17.6.2016, pp. 23-28).
Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/523 tal-10 ta’ Marzu 2016 li jistipula standards tekniċi ta’ implimentazzjoni rigward il-format u l-mudell ta’ notifika u divulgazzjoni pubblika ta’ tranżazzjonijiet maniġerjali skont ir-Regolament (UE) Nru 596/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 88, 5.4.2016, pp. 19-22).
Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/522 tas-17 ta’ Diċembru 2015 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 596/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ eżenzjoni għal ċerti korpi pubbliċi ta’ pajjiżi terzi u l-banek ċentrali, l-indikaturi ta’ manipulazzjoni tas-suq, il-limiti ta’ divulgazzjoni, l-awtorità kompetenti għan-notifiki ta’ ttardjar, il-permess għal negozjar matul perjodi magħluqa u t-tipi ta’ tranżazzjonijiet tal-amministraturi notifikabbli (ĠU L 88, 5.4.2016, pp. 1-18).
Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/378 tal-11 ta’ Marzu 2016 li jistabbilixxi standards tekniċi ta’ implimentazzjoni fir-rigward tal-waqt, il-format u l-mudell tal-preżentazzjoni tan-notifiki lill-awtoritajiet kompetenti skont ir-Regolament (UE) Nru 596/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 72, 17.3.2016, pp. 1-12).
Id-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji u li temenda d-Direttiva 2002/92/KE and d-Direttiva 2011/61/UE (ĠU L 173, 12.6.2014, pp. 349-496).
Ara l-verżjoni konsolidata.
Id-Direttiva 2014/57/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ April 2014 dwar sanzjonijiet kriminali għal abbuż tas-suq (direttiva dwar l-abbuż tas-suq) (ĠU L 173, 12.6.2014, pp. 179-189).
l-aħħar aġġornament 06.01.2023