Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 22020D0468

    Deċiżjoni Nru 1/2020 tal-Kumitat ta’ Assoċjazzjoni UE-Renju tal-Marokk tas-16 ta’ Marzu 2020 dwar l-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju tal-Marokk bil-għan li jiġi evalwat l-impatt tal-Ftehim fil-forma ta’ Skambju ta’ Ittri dwar l-emenda tal-Protokolli Nru 1 u Nru 4 tal-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa l-waħda, u r-Renju tal-Marokk, min-naħa l-oħra [2020/468]

    ST/6222/2020/INIT

    ĠU L 98, 31.3.2020, p. 45–47 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2020/468/oj

    31.3.2020   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 98/45


    DEĊIŻJONI NRU 1/2020 TAL-KUMITAT TA’ ASSOĊJAZZJONI UE-RENJU TAL-MAROKK

    tas-16 ta’ Marzu 2020

    dwar l-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju tal-Marokk bil-għan li jiġi evalwat l-impatt tal-Ftehim fil-forma ta’ Skambju ta’ Ittri dwar l-emenda tal-Protokolli Nru 1 u Nru 4 tal-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa l-waħda, u r-Renju tal-Marokk, min-naħa l-oħra [2020/468]

    IL-KUMITAT TA’ ASSOĊJAZZJONI UE-RENJU TAL-MAROKK,

    Wara li kkunsidra l-Ftehim Ewro-Mediterranju tas-26 ta’ Frar 1996 li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa l-waħda, u r-Renju tal-Marokk, min-naħa l-oħra, u b’mod partikolari l-Artikolu 83 tiegħu

    Wara li kkunsidra l-Ftehim fil-forma ta’ Skambju ta’ Ittri bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju tal-Marokk tal-25 ta’ Ottubru 2018 dwar l-emenda tal-Protokolli Nru 1 u Nru 4 tal-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa l-waħda, u r-Renju tal-Marokk, min-naħa l-oħra,

    Billi:

    (1)

    Il-Ftehim fil-forma ta’ Skambju ta’ Ittri bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju tal-Marokk dwar l-emenda tal-Protokolli Nru 1 u Nru 4 tal-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa l-waħda, u r-Renju tal-Marokk, min-naħa l-oħra (minn hawn ’il quddiem, il-“Ftehim fil-forma ta’ Skambju ta’ Ittri”), daħal fis-seħħ fid-19 ta’ Lulju 2019.

    (2)

    Dan il-Ftehim fil-forma ta’ Skambju ta’ Ittri ġie konkluż mingħajr preġudizzju għall-pożizzjonijiet rispettivi tal-Unjoni Ewropea dwar l-istatus tas-Saħara tal-Punent u r-Renju tal-Marokk fuq l-imsemmi reġjun.

    (3)

    Permezz ta’ dan il-Ftehim fil-forma ta’ Skambju ta’ Ittri, il-prodotti li joriġinaw mis-Saħara tal-Punent li huma soġġetti għall-kontroll tal-awtoritajiet doganali tar-Renju tal-Marokk jibbenefikaw mill-istess preferenzi kummerċjali bħal dawk mogħtija mill-Unjoni Ewropea għall-prodotti koperti mill-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa l-waħda, u r-Renju tal-Marokk, min-naħa l-oħra (minn hawn ’il quddiem, il-“Ftehim ta’ Assoċjazzjoni”).

    (4)

    Fi spirtu ta’ sħubija u sabiex il-Partijiet ikunu jistgħu jevalwaw l-impatt tal-Ftehim fil-forma ta’ Skambju ta’ Ittri, b’mod partikolari fuq l-iżvilupp sostenibbli, speċjalment fir-rigward tal-vantaġġi għall-popolazzjonijiet ikkonċernati u l-isfruttament tar-riżorsi naturali tat-territorji kkonċernati, l-Unjoni Ewropea u r-Renju tal-Marokk qablu li jiskambjaw informazzjoni fil-qafas tal-Kumitat ta’ Assoċjazzjoni mill-inqas darba fis-sena.

    (5)

    Il-modalitajiet speċifiċi ta’ dan l-eżerċizzju ta’ evalwazzjoni jridu jiġu adottati mill-Kumitat ta’ Assoċjazzjoni,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    1.   Fi spirtu ta’ sħubija u sabiex il-Partijiet ikunu jistgħu jevalwaw l-impatt tal-Ftehim fil-forma ta’ Skambju ta’ Ittri matul l-applikazzjoni tiegħu f’perspettiva ta’ żvilupp sostenibbli, l-Unjoni Ewropea u r-Renju tal-Marokk qablu li jiskambjaw reċiprokament informazzjoni fil-qafas tal-Kumitat ta’ Assoċjazzjoni fuq il-bażi ta’ kull sena.

    2.   L-Unjoni Ewropea u r-Renju tal-Marokk għandhom jiskambjaw id-data meqjusa bħala pertinenti fis-setturi ta’ attività ewlenin ikkonċernati kif ukoll informazzjoni statistika, ekonomika, soċjali u ambjentali, b’mod partikolari fir-rigward tal-vantaġġi li jġib il-Ftehim fil-forma ta’ Skambju ta’ Ittri għall-popolazzjonijiet ikkonċernati u l-isfruttament tar-riżorsi naturali tat-territorji kkonċernati. Fl-anness ta’ din id-Deċiżjoni tinsab lista’ ta’ informazzjoni pertinenti.

    Dan l-iskambju se jsir abbażi ta’ komunikazzjoni bil-miktub, trażmessa minn qabel, mhux aktar tard mill-aħħar ta’ Marzu ta’ kull sena; din il-komunikazzjoni tista’ tiġi segwita minn talbiet għal kjarifiki u minn kwistjonijiet supplementari, fl-ambitu tat-temi stabbiliti f’din id-Deċiżjoni. Ir-risposti għandhom jingħataw mhux aktar tard mill-aħħar ta’ Ġunju ta’ kull sena.

    3.   Barra minn hekk, il-Partijiet qablu wkoll, fi spirtu ta’ sħubija u sabiex il-Partijiet ikunu jistgħu jevalwaw l-impatt tal-Ftehim fil-forma ta’ Skambju ta’ Ittri, li r-Renju tal-Marokk jista’ jitlob lill-Unjoni Ewropea għal informazzjoni dwar il-produzzjoni u l-kummerċ ta’ kategoriji ta’ prodotti speċifiċi ta’ interess partikolari għar-Renju tal-Marokk, abbażi tas-sistemi ta’ informazzjoni li diġà jeżistu.

    Għal dan il-għan, ir-Renju tal-Marokk jittrażmetti t-talba tiegħu bil-miktub lill-Unjoni Ewropea mhux aktar tard mill-aħħar ta’ Marzu ta’ kull sena; din il-komunikazzjoni tista’ tiġi segwita minn talbiet għal kjarifiki u minn kwistjonijiet supplementari. Ir-risposti għandhom jingħataw mhux aktar tard mill-aħħar ta’ Ġunju ta’ kull sena.

    4.   Il-Partijiet għandhom jieħdu nota ta’ dawn l-iskambji fil-qafas tal-Kumitat ta’ Assoċjazzjoni darba kull sena.

    5.   Il-Partijiet għandhom jaqblu, matul ix-xahar ta’ wara l-laqgħa, dwar il-minuti li jinkludu l-konklużjonijiet tal-Kumitat ta’ Assoċjazzjoni.

    Artikolu 2

    L-Anness huwa parti integrali minn din id-Deċiżjoni.

    Artikolu 3

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

    Magħmul fi Brussell, is-16 ta’ Marzu 2020.

    Għall-Kumitat ta’ Assoċjazzjoni UE-Renju tal-Marokk

    R. GILI


    ANNESS

    INFORMAZZJONI PERTINENTI FIL-QAFAS TAL-ISKAMBJU TA’ INFORMAZZJONI PREVIST FIL-FTEHIM FIL-FORMA TA’ SKAMBJU TA’ ITTRI

    L-informazzjoni skambjata għandha tippermetti l-aġġornament tar-rapport imfassal mis-servizzi tal-Kummissjoni flimkien mas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) tal-11 ta’ Ġunju 2018 (1). L-iskambju ta’ informazzjoni għandu b’hekk jinkorpora l-informazzjoni dettaljata li tippermetti li ssir l-evalwazzjoni tal-impatt tal-Ftehim fil-forma ta’ Skambju ta’ Ittri waqt li jkun qiegħed jiġi implimentat, inkluża informazzjoni ġenerali dwar it-territorji u l-popolazzjonijiet ikkonċernati. Din l-informazzjoni hija maħsuba biss għal finijiet ta’ evalwazzjoni u għat-tfassil tal-aġġornamenti tar-rapport imsemmi mis-servizzi tal-Kummissjoni u mis-SEAE. Bħala indikazzjoni, dawn li ġejjin huma eżempji ta’ informazzjoni pertinenti:

    1.

    Informazzjoni pprovduta mir-Renju tal-Marokk:

    (a)

    Informazzjoni ġenerali:

    *

    statistika soċjo-ekonomika u statistika ambjentali.

    (b)

    Informazzjoni dwar is-setturi ekonomiċi ewlenin tal-esportazzjoni

    *

    il-produzzjoni skont it-tip ta’ prodott;

    *

    is-superfiċji sfruttata u l-volumi tal-ħsad;

    *

    l-esportazzjonijiet lejn l-Unjoni Ewropea skont il-volum u skont il-valur;

    *

    l-attivitajiet ekonomiċi tal-operaturi lokali relatati mas-setturi koperti mill-Ftehim fil-forma ta’ Skambju ta’ Ittri u l-impjiegi ġġenerati;

    *

    il-ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi;

    *

    l-istabbilimenti ta’ produzzjoni.

    2.

    Informazzjoni pprovduta mill-UE:

    Informazzjoni dwar il-kummerċ fi prodotti esportati lejn ir-Renju tal-Marokk skont il-kodiċi doganali, skont il-volum u skont il-valur, kif ukoll, sa fejn din l-istatistika tkun disponibbli, dwar il-produzzjoni ta’ prodotti speċifiċi.

    3.

    Informazzjoni pertinenti oħra:

    Kif previst fil-korrispondenza skambjata bejn il-Kummissjoni Ewropea u l-Missjoni tar-Renju tal-Marokk għall-Unjoni Ewropea fis-6 ta’ Diċembru 2018, ir-Renju tal-Marokk se jistabbilixxi mekkaniżmu għall-ġbir tal-informazzjoni dwar l-esportazzjonijiet koperti mill-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni kif emendat permezz tal-Iskambju ta’ Ittri, li jipprovdi b’mod sistematiku u regolari, u kull xahar jagħmel disponibbli, data preċiża li tippermetti lill-Unjoni Ewropea jkollha informazzjoni trasparenti u affidabbli dwar l-oriġini ta’ dawn l-esportazzjonijiet lejn l-Unjoni, skont ir-reġjun (2). Il-Kummissjoni Ewropea għandha jkollha aċċess dirett għal din id-data li hija għandha taqsam mal-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea.

    Min-naħa tiegħu, ir-Renju tal-Marokk se jkollu għad-dispożizzjoni tiegħu informazzjoni statistika trasparenti u affidabbli dwar l-esportazzjonijiet mill-Unjoni Ewropea lejn ir-Renju tal-Marokk.


    (1)  “Rapport dwar il-benefiċċji għall-popolazzjoni tas-Saħara tal-Punent, u dwar il-konsultazzjoni ta’ din il-popolazzjoni, tal-estensjoni ta’ preferenzi tariffarji għall-prodotti li joriġinaw mis-Saħara tal-Punent” tal-11 ta’ Ġunju 2018 (SWD/2018/346 final).

    (2)  NB: dan il-mekkaniżmu ilu operattiv mill-1 ta’ Ottubru 2019.


    Top