EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32018D0716

Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2018/716 tal-14 ta' Mejju 2018 li temenda u testendi d-Deċiżjoni 2013/34/PESK dwar missjoni militari tal-Unjoni Ewropea biex tikkontribwixxi għat-taħriġ tal-Forzi Armati tal-Mali (EUTM Mali)

ĠU L 120, 16.5.2018, p. 8–9 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2018/716/oj

16.5.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 120/8


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2018/716

tal-14 ta' Mejju 2018

li temenda u testendi d-Deċiżjoni 2013/34/PESK dwar missjoni militari tal-Unjoni Ewropea biex tikkontribwixxi għat-taħriġ tal-Forzi Armati tal-Mali (EUTM Mali)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u b'mod partikolari l-Artikolu 28, l-Artikoli 42(4) u 43(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà,

Billi:

(1)

Fis-17 ta' Jannar 2013, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2013/34/PESK (1) dwar missjoni militari tal-UE biex tikkontribwixxi għat-taħriġ tal-Forzi Armati tal-Mali (EUTM Mali).

(2)

Fit-18 ta' Frar 2013, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2013/87/PESK (2) dwar il-bidu tal-EUTM Mali.

(3)

Fit-23 ta' Marzu 2016, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2016/446 (3) li tadatta u testendi l-mandat tal-EUTM Mali u li tipprovdilha ammont ta' referenza sat-18 ta' Mejju 2018.

(4)

Wara r-Rieżami Strateġiku tal-Missjoni, il-Kumitat Politiku u ta' Sigurtà rrakkomanda li l-mandat tal-EUTM Mali jiġi emendat u estiż sat-18 ta' Mejju 2020.

(5)

Hu neċessarju wkoll li jiġi stabbilit l-ammont ta' referenza finanzjarja maħsub biex ikopri marbutin-nefqa relatata mal-EUTM Mali għall-perijodu mid-19 ta' Mejju 2018 sat-18 ta' Mejju 2020.

(6)

Jenħtieġ li d-Deċiżjoni 2013/34/PESK tiġi emendata skont dan,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-Deċiżjoni 2013/34/PESK hija b'dan emendata kif ġej:

(1)

l-Artikolu 1 huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 1, tinżied is-sentenza li ġejja:

“Minbarra dan, EUTM Mali għandu jappoġġa l-operattività tal-Forza Konġunta tal-G5 tas-Saħel fil-Kwartieri Ġenerali tagħhom.”;

(b)

il-paragrafu 2 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“2.   L-objettiv tal-EUTM Mali għandu jkun ir-rispons għall-ħtiġijiet operattivi tal-FAM u tal-Forza Konġunta tal-G5 tas-Saħel billi jingħata:

(a)

appoġġ ta' taħriġ u konsulenza għall-benefiċċju tal-FAM, inkluż permezz ta' attivitajiet deċentralizzati fir-reġjuni, kif ukoll appoġġ għall-edukazzjoni dwar id-Dritt Umanitarju Internazzjonali, il-protezzjoni taċ-ċivili u d-drittijiet tal-bniedem;

(b)

kontribut, fuq talba tal-Mali u f'koordinazzjoni ma' MINUSMA, lill-proċess ta' Diżarm, Demobilizzazzjoni u Reintegrazzjoni fil-qafas tal-Ftehim ta' Paċi, permezz tal-għoti ta' sessjonijiet ta' taħriġ sabiex tiġi ffaċilitata r-rikostituzzjoni ta' Forzi Armati tal-Mali inklużivi;

(c)

appoġġ għall-proċess tal-G5 tas-Saħel permezz ta' appoġġ ta' konsulenza u taħriġ apposta għall-operattività tal-Forza Konġunta tal-G5 tas-Saħel.”;

(2)

fl-Artikolu 10, il-paragrafu 2 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“2.   L-ammont ta' referenza finanzjarja għall-ispejjeż komuni tal-EUTM Mali għall-perijodu mid-19 ta' Mejju 2018 sat-18 ta' Mejju 2020 għandu jkun ta' EUR 59 743 047,00. Il-perċentwal tal-ammont ta' referenza msemmi fl-Artikolu 25(1) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2015/528 (*1) għandu jkun ta' 0 %, u l-perċentwal għall-impenn imsemmi fl-Artikolu 34(3) ta' dik id-Deċiżjoni għandu jkun ta' 30 %.

(*1)  Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2015/528 tas-27 ta' Marzu 2015 li tistabbilixxi mekkaniżmu sabiex jiġi amministrat il-finanzjament tal-ispejjeż komuni tal-operazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea li jkollhom implikazzjonijiet militari jew ta' difiża (Athena) u li tħassar id-Deċiżjoni 2011/871/PESK (ĠU L 84, 28.3.2015, p. 39).”;"

(3)

fl-Artikolu 12, il-paragrafu 2 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“2.   Il-mandat tal-EUTM Mali għandu jintemm fit-18 ta' Mejju 2020.”.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, l-14 ta' Mejju 2018.

Għall-Kunsill

Il-President

E. ZAHARIEVA


(1)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/34/PESK tas-17 ta' Jannar 2013 dwar missjoni militari tal-Unjoni Ewropea biex tikkontribwixxi għat-taħriġ tal-Forzi Armati ta' Mali (EUTM Mali) (ĠU L 14, 18.1.2013, p. 19).

(2)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/87/PESK tat-18 ta' Frar 2013 dwar il-bidu ta' missjoni militari tal-Unjoni Ewropea biex tikkontribwixxi għat-taħriġ tal-Forzi Armati ta' Mali (EUTM Mali) (ĠU L 46, 19.2.2013, p. 27).

(3)  Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2016/446 tat-23 ta' Marzu 2016 li temenda u testendi d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/34/PESK dwar missjoni militari tal-Unjoni Ewropea biex tikkontribwixxi għat-taħriġ tal-Forzi Armati tal-Mali (EUTM Mali) (ĠU L 78, 24.3.2016, p. 74).


Top