EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32008D0617

Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/617/ĠAI tat- 23 ta' Ġunju 2008 dwar it-titjib tal-koperazzjoni bejn l-unitajiet ta' intervent speċjali ta' l-Istati Membri ta' l-Unjoni Ewropea f'sitwazzjonijiet ta' kriżi

ĠU L 210, 6.8.2008, p. 73–75 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2008/617/oj

6.8.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 210/73


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL 2008/617/ĠAI

tat-23 ta' Ġunju 2008

dwar it-titjib tal-koperazzjoni bejn l-unitajiet ta' intervent speċjali ta' l-Istati Membri ta' l-Unjoni Ewropea f'sitwazzjonijiet ta' kriżi

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 30, 32 u 34(2)(c) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-inizjattiva tar-Repubblika ta' l-Awstrija (1),

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew (2),

Billi:

(1)

L-Artikolu 29 tat-Trattat jiddikjara li l-għan ta' l-Unjoni huwa li hija tipprovdi liċ-ċittadini b'livell għoli ta' sigurtà fi spazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja billi tiżviluppa azzjoni komuni fost l-Istati Membri fl-oqsma tal-koperazzjoni tal-pulizija u dik ġudizzjarja fi kwistjonijiet kriminali.

(2)

Fid-Dikjarazzjoni tagħhom dwar is-Solidarjetà kontra t-Terroriżmu tal-25 ta' Marzu 2004, il-Kapijiet ta' Stat u tal-Gvern ta' l-Istati Membri ta' l-Unjoni Ewropea ddikjaraw l-intenzjoni soda tagħhom li l-Istati Membri jimmobbilizzaw l-istrumenti kollha għad-dispożizzjoni tagħhom sabiex jassistu Stat Membru jew Stat li ser jaderixxi fit-territorju tiegħu fuq it-talba ta' l-awtoritajiet tiegħu fil-każ ta' attakk terroristiku.

(3)

Wara l-attakki tal-11 ta' Settembru 2001, l-unitajiet ta' intervent speċjali ta' l-awtoritajiet ta' l-infurzar tal-liġi kollha ta' l-Istati Membri diġà bdew attivitajiet ta' kooperazzjoni taħt it-tmexxija tat-Task Force tal-Kapijiet tal-Pulizija. Mill-2001 ‘il hawn, in-netwerk tagħhom, imsejjaħ “Atlas”, mexxa diversi seminars, studji, skambji ta' materjali u eżerċizzji konġunti.

(4)

L-ebda Stat Membru waħdu ma għandu l-mezzi kollha, ir-riżorsi u l-kompetenza teknika għad-dispożizzjoni tiegħu sabiex jittratta effettivament ma' kull tip possibbli ta' sitwazzjonijiet ta' kriżi speċifiċi jew fuq skala kbira li jeħtieġu intervent speċjali. Huwa għalhekk ta' importanza kruċjali li kull Stat Membru ikun jista' jitlob l-assistenza ta' Stat Membru ieħor.

(5)

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/615/ĠAI tat-23 ta' Ġunju 2008 dwar it-titjib fil-kooperazzjoni trans-konfini, partikolarment fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità trans-konfini (3) (“Id-Deċiżjoni ta' Prüm”) u partikolarment l-Artikolu 18 tagħha tirregola forom ta' assistenza tal-pulizija bejn l-Istati Membri b'rabta ma' ġemgħat kbar u ġrajjiet oħra simili, diżastri u inċidenti serji. Din id-Deċiżjoni ma tkoprix ġemgħat kbar, diżastri (naturali) jew inċidenti serji fis-sens ta' l-Artikolu 18 tad-Deċiżjoni ta' Prüm iżda hija komplimentari għal dawk id-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni ta' Prüm u tipprevedi forom ta' assistenza tal-pulizija bejn l-Istati Membri permezz ta' unitajiet ta' intervent speċjali f'sitwazzjonijiet oħrajn, jiġifieri, f'sitwazzjonijiet ta' kriżi kkawżati mill-bniedem li jkunu jippreżentaw theddida fiżika serja diretta lil persuni, proprjetà, infrastruttura jew istituzzjonijiet, partikolarment il-ħtif ta' ostaġġi, ajruplani u ġrajjiet simili.

(6)

Id-disponibbiltà ta' dan il-qafas ġuridiku u ta' kompilazzjoni li tindika l-awtoritajiet kompetenti ser jippermettu lill-Istati Membri li jirreaġixxu rapidament u li ma jaħlux ħin f'każ li tinqala' sitwazzjoni ta' kriżi. Barra minn hekk, bil-ħsieb li tittejjeb il-kapaċità ta' l-Istati Membri li jipprevjenu u jirrispondu għal sitwazzjonijiet ta' kriżi bħal dawn, u partikolarment għal inċidenti terroristiċi, huwa essenzjali li l-unitajiet ta' intervent speċjali jiltaqgħu regolarment u jorganizzaw taħriġ konġunt, sabiex jibbenefikaw mill-esperjenzi ta' xulxin.

IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

Artikolu 1

Suġġett

Din id-Deċiżjoni tistabbilixxi reġoli u kondizzjonijiet ġenerali sabiex l-unitajiet ta' intervent speċjali ta' Stat Membru wieħed ikunu jistgħu jipprovdu assistenza u/jew joperaw fuq it-territorju ta' Stat Membru ieħor (minn hawn ‘il quddiem imsejjaħ “l-Istat Membru li jagħmel it-talba”) f'każijiet fejn ġew mistiedna mill-Istat Membru li jagħmel it-talba u qablu li jagħmlu dan sabiex jittrattaw ma' sitwazzjoni ta' kriżi. Id-dettalji prattiċi u l-arranġamenti ta' implimentazzjoni li jikkomplimentaw din id-Deċiżjoni għandhom jiġu maqbula direttament bejn l-Istat li jagħmel it-talba u l-Istat li jiġi mitlub.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-għan ta' din id-Deċiżjoni:

(a)

“unità ta' intervent speċjali” għandha tfisser kwalunkwe unità ta' l-infurzar tal-liġi ta' Stat Membru, li tkun speċjalizzata fil-kontroll ta' sitwazzjoni ta' kriżi.

(b)

“sitwazzjoni ta' kriżi” għandha tfisser kwalunkwe sitwazzjoni fejn l-awtoritajiet kompetenti ta' Stat Membru għandhom raġunijiet raġonevoli biex jemmnu li hemm reat kriminali li jippreżenta theddida fiżika serja diretta lil persuni, proprjetà, infrastruttura jew istituzzjonijiet f'dak l-Istat Membru, partikolarment dawk is-sitwazzjonijiet imsemmijin fl-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2002/475/ĠAI tat-13 ta' Ġunju 2002 dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu (4).

(ċ)

“awtorità kompetenti” għandha tfisser l-awtorità nazzjonali li tista' tagħmel talbiet u tagħti l-awtorizzazzjonijiet fir-rigward ta' l-iskjerament ta' l-unitajiet ta' intervent speċjali.

Artikolu 3

Assistenza lil Stat Membru ieħor

1.   B'talba permezz ta' l-awtoritajiet kompetenti, fejn jindika n-natura ta' l-assistenza mitluba kif ukoll il-ħtieġa operattiva tagħha, Stat Membru jista' jitlob li jiġi assistit minn unità ta' intervent speċjali ta' Stat Membru ieħor bil-ħsieb li jittratta ma' sitwazzjoni ta' kriżi. L-awtorità kompetenti ta' l-Istat Membru mitlub tista' taċċetta jew tirrifjuta tali talba jew tista' tipproponi tip differenti ta' assistenza.

2.   Soġġett għal ftehim bejn l-Istati Membri kkonċernati, l-assistenza tista' tikkonsisti fl-għoti ta' tagħmir u/jew ta' kompetenzi lill-Istat Membru li jagħmel it-talba, u/jew fit-twettiq ta' azzjonijiet fit-territorju ta' dak l-Istat Membru, u jekk ikun meħtieġ bl-użu ta' l-armi.

3.   Fil-każ ta' azzjonijet fuq it-territorju ta' l-Istat Membru li jagħmel it-talba, l-uffiċjali ta' l-unità ta' intervent speċjali li tkun qed tagħti l-assistenza għandhom ikunu awtorizzati li joperaw f'kapaċità ta' appoġġ fit-territorju ta' l-Istat Membru li jagħmel it-talba u jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex joffru l-assistenza mitluba dment li huma:

(a)

joperaw taħt ir-responsabbiltà, l-awtorità u d-direzzjoni ta' l-Istat Membru li jagħmel it-talba u skond il-liġi ta' l-Istat Membru li jagħmel it-talba; u

(b)

joperaw fil-limiti tal-poteri tagħhom taħt il-liġi nazzjonali tagħhom.

Artikolu 4

Responsabbiltà ċivili u kriminali

Meta l-uffiċjali ta' Stat Membru joperaw fi Stat Membru ieħor u/jew jintuża tagħmir skond din id-Deċiżjoni, għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet dwar ir-responsabbiltà ċivili u kriminali, imniżżlin fl-Artikoli 21(4) u (5) u 22 tad-Deċiżjoni ta' Prüm.

Artikolu 5

Laqgħat u taħriġ konġunt

L-Istati Membri parteċipanti għandhom jiżguraw li l-unitajiet ta' intervent speċjali tagħhom ikollhom laqgħat u jorganizzaw taħriġ u eżerċizzji konġunti, meta meħtieġ, bil-ħsieb ta' skambju ta' esperjenza, ta' kompetenzi u ta' informazzjoni ġenerali, prattika u teknika dwar kif jiġu trattati sitwazzjonijiet ta' kriżi. Tali laqgħat, taħriġ u eżerċizzji jistgħu jkunu ffinanzjati skond il-possibbiltajiet offruti mill-programmi finanzjarji ta' l-Unjoni biex jinkisbu għotjiet mill-baġit ta' l-Unjoni Ewropea. F'dan il-kuntest, l-Istati Membri li jkollhom il-Presidenza ta' l-Unjoni għandhom jaħdmu biex jiżguraw li dawn il-laqgħat, taħriġ u eżerċizzji jseħħu.

Artikolu 6

Spejjeż

L-Istat Membru li jagħmel it-talba għandu jħallas l-ispejjeż li jidħlu għalihom l-unitajiet ta' intervent speċjali ta' l-Istat Membru li jiġi mitlub f'rabta ma' l-applikazzjoni ta' l-Artikolu 3, inklużi l-ispejjeż tat-trasport u l-akkomodazzjoni, dejjem jekk ma jiġix miftiehem mod ieħor bejn l-Istati Membri kkonċernati.

Artikolu 7

Relazzjoni ma' strumenti oħra

1.   Mingħajr preġudizzju għall-impenji tagħhom skond atti oħrajn adottati f'konformità mat-Titolu VI tat-Trattat, partikolarment id-Deċiżjoni ta' Prüm,:

(a)

L-Istati Membri jistgħu jkomplu japplikaw ftehim jew arranġamenti bilaterali jew multilaterali dwar il-kooperazzjoni transkonfini fis-seħħ fit-23 ta' Ġunju 2008 sa fejn tali ftehim jew arranġamenti mhumiex inkompatibbli ma' l-objettivi ta' din id-Deċiżjoni.

(b)

L-Istati Membri jistgħu jikkonkludu jew idaħħlu fis-seħħ ftehim jew arranġamenti bilaterali jew multilaterali dwar il-kooperazzjoni transkonfini wara it-23 ta' Diċembru 2008 sa fejn tali ftehim jew arranġamenti jipprevedu li l-objettivi ta' din id-Deċiżjoni jiġu estiżi jew imkabbra.

2.   Il-ftehim u arranġamenti msemmijin fil-paragrafu 1 ma jistgħux jaffetwaw ir-relazzjonijiet ma' l-Istati Membri li mhumiex parti għalihom.

3.   L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kunsill u lill-Kummissjoni bil-ftehim jew arranġamenti msemmijin fil-paragrafi 1.

Artikolu 8

Dispożizzjonijiet finali

Is-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill għandu jiġbor u jżomm aġġornata l-lista ta' l-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri li jistgħu jagħmlu talbiet u jagħtu awtorizzazzjonijiet għall-għoti ta' assistenza kif imsemmi fl-Artikolu 3.

Is-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill għandu jinforma lill-awtoritajiet imsemmijin fil-paragrafu 1 b'kull tibdil fil-lista stabbilita skond dan l-Artikolu.

Artikolu 9

Dħul fis-seħħ

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fit-23 ta' Diċembru 2008

Magħmul fil-Lussemburgu, 23 ta' Ġunju 2008.

Għall-Kunsill

Il-President

I. JARC


(1)  ĠU C 321, 29.12.2006, p. 45.

(2)  Opinjoni tal-Parlament Ewropew tal-31 ta' Jannar 2008. (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(3)  Ara paġna 1 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali.

(4)  ĠU L 164, 22.6.2002, p. 3.


Top