EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52015XC1209(01)R(01)

Rettifika ta’ Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni għall-approvazzjoni ta’ emenda minuri skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 53(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU C 408, 9.12.2015)

OJ C 252, 12.7.2016, p. 13–17 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

12.7.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 252/13


Rettifika ta’ Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni għall-approvazzjoni ta’ emenda minuri skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 53(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

( Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea C 408 tad-9 ta’ Diċembru 2015 )

(2016/C 252/07)

It-test tan-numru tal-pubblikazzjoni 2015/C 408/09 huwa sostitwit b’dan li ġej:

Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni għall-approvazzjoni ta’ emenda minuri skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 53(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

Il-Kummissjoni Ewropea approvat din l-emenda minuri skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 6(2) tar-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 664/2014 (1).

APPLIKAZZJONI GĦALL-APPROVAZZJONI TA’ EMENDA MINURI

Applikazzjoni għall-approvazzjoni ta’ emenda minuri skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 53(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropea u tal-Kunsill  (2)

‘ABENSBERGER SPARGEL’/‘ABENSBERGER QUALITÄTSSPARGEL’

Nru tal-UE: DE-PGI-0105-01322 – 20.3.2015

DOP ( ) IĠP ( X )

1.   Grupp applikant u interess leġittimu

Isem

:

Erzeugergemeinschaft Abensberger Qualitätsspargel e.V.

Indirizz

:

Richtstättstr. 5

93326 Abensberg

DEUTSCHLAND

Numru tat-telefown

:

+49 94431281

Numru tal-faks

:

+49 94431282

Indirizz tal-posta elettronika

:

info@neumeyer-martin.de

Interess leġittimu:

Il-grupp applikant huwa għaqda tal-produtturi tal-prodott ikkonċernat. Kien dan l-istess grupp li bagħat l-applikazzjkoni oriġinali għall-protezzjoni tal-prodott u għalhekk dan għandu interess leġittimu f’din l-applikazzjoni għal emenda.

2.   Stat Membru jew pajjiż terz

Il-Ġermanja

3.   Intestatura tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott affettwata mill-emenda

Deskrizzjoni tal-prodott

Prova tal-oriġini

Metodu tal-produzzjoni

Rabta maż-żona ġeografika

Tikkettar

Affarijiet oħra [speċifika]

4.   Tip ta’ emenda/i

Emenda fl-ispeċifikazzjoni tal-prodott ta’ DOP jew IĠP irreġistrata li għandha titqies bħala emenda minuri skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 53(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, li ma teħtieġ l-ebda emenda tad-dokument uniku ppubblikat.

Emenda fl-ispeċifikazzjoni tal-prodott ta’ DOP jew IĠP irreġistrata li għandha titqies bħala emenda minuri skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 53(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, li teħtieġ emenda tad-dokument uniku ppubblikat.

Emenda fl-ispeċifikazzjoni tal-prodott ta’ DOP jew IĠP irreġistrata li għandha titqies bħala emenda minuri skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 53(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, li għaliha ma jkun ġie ppubblikat l-ebda Dokument Uniku (jew ekwivalenti).

Emenda fl-ispeċifikazzjoni tal-prodott ta’ STG irreġistrata li għandha titqies bħala emenda minuri skont ir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 53(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012.

5.   Emenda/i

Ir-regoli dwar it-tikkettar mogħtija fl-ispeċifikazzjoni oriġinali tal-prodott, (jiġifieri fil-punt 3.7 tad-Dokument Uniku)

(h)   Tikkettar

Wara reġistrazzjoni: ‘Abensberger Spargel IĠP’ jew ‘Abensberger Qualitätsspargel IĠP’. L-ispraġ bil-klassifikazzjoni ta’ ‘Abensberger Qualitätsspargel’, irid jiġi mmarkat ukoll bil-logo li ġej meta jinbiegħ.

Image

għandhom jitħassru.

Raġuni għall-emenda:

L-Għaqda tal-produtturi tal-ispraġ ta’ kwalità tat-tip ‘Abensberger’ (l-‘Erzeugergemeinschaft Abensberger Qualitätsspargel e.V.’) għandha d-drittijiet marbutin ma’ dan il-logo, li s’issa kellu bilfors jitpoġġa fuq it-tikketta. Madankollu, skont l-opinjoni legali tal-Uffiċċju Ġermaniż tal-marki kummerċjali u tal-privattivi, dawn ir-regoli tat-tikkettar ma jippermettux li tiġi rreġistrata marka kummerċjali kollettiva korrispondenti.

Minħabba li, ladarba l-prodott ikun immarkat bl-indikazzjoni ġeografika protetta ta’ ‘Abensberger Spargel’ jew ‘Abensberger Qualitätsspargel’, il-konsumaturi jkunu jafu biżżejjed dwar l-oriġini tal-ispraġ u dwar il-konformità tiegħu mar-rekwiżiti tal-kwalità, m’hemmx bżonn li jintuża wkoll dan il-logo għal dan il-għan. Għalhekk, l-għaqda tal-produtturi għandha interess leġittimu li l-logo jintuża biss mill-membri tagħha, li kienu jużawh qabel, u li l-ispeċifikazzjoni tal-prodott jew id-Dokument Uniku ma jibqgħux jobbligaw lill-produtturi kollha (inklużi dawk li mhumiex membri tagħha) jużaw il-logo fit-tikkettar tal-ispraġ tat-tip ‘Abensberger Spargel’ jew ‘Abensberger Qualitätsspargel’.

Natura minuri tal-emenda:

L-emenda proposta għandha tiġi kklassifikata bħala emenda minuri skont l-Artikolu 53(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012.

Ir-rekwiżiti tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 53(2) li huma rilevanti f’dan il-każ, jiġifieri dawk mogħtija fil-punti (a) sa (d) ta’ dan is-subparagrafu, huma ssodisfati u l-emenda ma twassalx għal żieda fir-restrizzjonijiet fuq il-kummerċ fil-prodott (il-punt (e) tat-tielet subparagrafu), mentri kieku tħallew ir-regoli tat-tikkettar ta’ qabel fl-ispeċifikazzjoni tal-prodott jew fid-Dokument Uniku, kienu jinħolqu, jew setgħu jinħolqu, ostakli għall-kummerċ għall-produtturi li mhumiex membri tal-għaqda.

6.   Speċifikazzjoni aġġornata tal-prodott (għad-DOP u l-IĠP biss)

https://register.dpma.de/DPMAregister/geo/detail.pdfdownload/41017

DOKUMENT UNIKU

‘ABENSBERGER SPARGEL’/‘ABENSBERGER QUALITÄTSSPARGEL’

Nru tal-UE: DE-PGI-0105-01322 – 20.3.2015

DOP ( ) IĠP ( X )

1.   Ismijiet

‘Abensberger Spargel’/‘Abensberger Qualitätsspargel’

2.   Stat Membru jew pajjiż terz

Il-Ġermanja

3.   Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel

3.1.   Tip ta’ prodott

Klassi 1.6. Frott, ħaxix u ċereali, friski jew ipproċessati

3.2.   Deskrizzjoni tal-prodott li għalih japplika l-isem f’(1)

L-ispraġ (Asparagus officinalis) jifforma parti mill-familja tal-Asparagaceae. Iz-zkuk tal-ispraġ li jistgħu jittieklu huma r-rimjiet tal-arbuxelli perenni li jitpoġġew fis-suq imqaxxra jew bil-qoxra b’kollox. L-ispraġ tat-tip ‘Abensberger Spargel’ jitkabbar skont ir-regoli ta’ prattiki agrikoli tajbin.

L-ispraġ tat-tip ‘Abensberger Spargel’ ċar ta’ lewn li jvarja minn abjad għal vjola ma jistax ikun itwal minn 22 ċm, filwaqt li dak ta’ lewn aħdar ma jistax ikun itwal minn 27 ċm.

Bl-eċċezzjoni ta’ dak li jinbiegħ direttament mill-produttur lill-konsumatur, l-ispraġ tat-tip ‘Abensberger Spargel’ jiġi ppreparat skont l-Istandard FFV04 tal-UNECE (l-ispraġ). Madankollu, dan l-istandard japplika wkoll għall-ispraġ abjad u vjola li jkollu dijametru minimu li ma jaqbiżx il-5 mm. Barra minn hekk, ir-rimjiet maqsuma tal-ispraġ jistgħu jiġu kkummerċjalizzati wkoll taħt il-kategorija tal-‘ispraġ maqsum’.

It-togħma tal-ispraġ tat-tip ‘Abensberger Spargel’ tingħaraf mir-riħa partikulari qawwija ta’ ħwawar tiegħu tal-ispraġ. Il-qtugħ tal-ispraġ darba jew darbtejn kuljum, flimkien mat-trattament xieraq u b’attenzjoni tiegħu wara li jinqata’, jiżguraw li l-ispraġ tat-tip ‘Abensberger Spargel’ jasal frisk għand il-konsumaturi, ikun xi jkun il-mod ta’ kif jinbiegħ.

3.3.   Għalf (għall-prodotti li joriġinaw mill-annimali biss) u materja prima (għall-prodotti pproċessati biss)

3.4.   Passi speċifiċi tal-produzzjoni li jridu jsiru fiż-żona ġeografika ddefinita

Il-produzzjoni tal-ispraġ tat-tip ‘Abensberger Spargel’, minn meta jinżara’ sa ma jinqata’, għandha ssir fiż-żona ġeografika ddefinita.

Prattikament, l-ispraġ li jikber fiż-żona tat-tkabbir ta’ ‘Abensberg’ huwa l-ispraġ abjad ikkultivat. L-ispraġ abjad jitkabbar f’kanali kbar taħt l-art. Minħabba n-nuqqas tad-dawl tax-xemx, ir-rimjiet li jikbru ‘l fuq fil-kanali ma jirnexxilhomx jiħdaru u b’hekk jiġu prodotti rimjiet bojod jew bojod fl-aħmar bi rjus li jvarjaw minn bojod għal vjola, li normalment ikunu twal 22 ċm.

3.5.   Regoli speċifiċi dwar it-tqattigħ, it-tħakkik, l-ippakkjar, eċċ.

L-ispraġ li jkun għadu kemm inqata’ għandu l-ewwel jitnaddaf ftit bl-ilma eżatt wara li jinqata’ u mbagħad jitnaddaf sewwa bl-ilma tal-vit.

Sabiex l-ispraġ jibqa’ ta’ kwalità tajba, wara li jinqata’ u jitnaddaf għandu jitkessaħ malajr kemm jista’ jkun. Il-frażi ‘jitkessaħ malajr kemm jista’ jkun’ tfisser li l-ispraġ jitkessaħ b’ilma kiesaħ silġ kemm jista’ jkun malajr wara li jinqata’ sakemm ikollu temperatura ta’ 1 sa 2 °C, sabiex jibqa’ frisk, tari u jżomm il-lewn qisu avorju tiegħu. Dan it-tkessiħ jgħin ukoll sabiex jitnaqqsu kemm jista’ jkun il-batterji u l-fungi fl-ispraġ, li jnaqqsulu l-kwalità tiegħu.

Imbagħad iz-zkuk jinqatgħu bit-tul meħtieġ u jingħażlu b’mod espert. Ir-rimjiet jinqatgħu sewwa fit-tarf ta’ isfel, b’mod perpendikulari mal-assi. B’hekk jitnaqqas l-ammont ta’ superfiċje li tkun inqatgħet u allura jonqos it-telf tal-ilma u titnaqqas il-possibbiltà li jidħlu l-batterji fil-prodott. Jekk ir-rimja tkun moħwija jew tkun qisha l-injam fit-tarf nett, għandha titqassar b’mod espert għal inqas minn 22 ċm, jew 27 ċm fil-każ tal-ispraġ aħdar, sabiex tiġi żgurata l-kwalità għolja tal-prodott.

Dawn ir-rimjiet imbagħad għandhom jinħażnu f’temperatura ta’ 1 sa 2 °C f’post umduż ħafna (b’umdità ta’ 99 %), imma mhux ġol-ilma. Il-produttur ma għandux iwaqqaf din il-katina ta’ kesħa. Il-postijiet fejn isir l-ippakkjar, it-tkessiħ u kwalunkwe bejgħ għandhom jikkonformaw mar-rekwiżiti tal-iġjene.

Il-proċessi msemmija hawn fuq, li jmorru ferm lil hinn mir-rekwiżiti minimi legali, jikkontribwixxu għal-livell għoli ta’ iġjene u ta’ kwalità tal-prodott.

3.6.   Regoli speċifiċi dwar it-tikkettar

4.   Deskrizzjoni fil-qosor taż-żona ġeografika

Iż-żona ġeografika tkopri, b’mod partikulari, dak li jissejjaħ is-‘Sandgürtel’ (iċ-ċintorin tar-ramel) li jinsab bejn Siegenburg, Neustadt an der Donau, Abensberg u Langquaid, u tinsab esklużivament fid-distrett rurali ta’ Kelheim.

5.   Rabta maż-żona ġeografika

Speċifiċità taż-żona ġeografika

Deskrizzjoni tal-attivitajiet ekonomiċi tal-ordni tal-Karmelitani minn Maximilian Georg Kroiss tiddikjara li probabbli l-ispraġ ilu jitkabbar fir-reġjun ta’ Abensberg sa mill-1730. L-istess sors jiżvela wkoll li l-istoriku Angrüner sejjer żball meta jgħid li l-ispraġ beda jitkabbar f’Abensberg madwar l-1900. Kroiss jenfasizza wkoll il-fatt li Abensberg, anke llum, hija famuża ħafna għall-ispeċjalità tal-ispraġ tagħha.

Iż-żona ta’ madwar Abensberg, li tissejjaħ is-‘Sandgürtel’ u li tinsab bejn Siegenburg, Neustadt an der Donau, Abensberg u Langquaid, hija adattata ħafna għat-tkabbir tal-ispraġ minħabba l-kundizzjonijiet eċċellenti tal-ħamrija u tal-klima. Pereżempju, it-temperatura medja annwali ta’ 9,8 °C u l-ammont medju annwali ta’ xita ta’ 703 mm ta’ din iż-żona tat-tkabbir jippreżentaw kundizzjonijiet klimatiċi tajbin għat-tkabbir tal-ispraġ. Skont l-atlas bid-dejta ġeografika tas-sistema tal-informazzjoni dwar il-ħamrija tal-Bavarja, il-ħamrija hija prinċipalment imrammla. Fl-istess ħin, ġeneralment il-ħamrija f’din iż-żona fiha iktar minerali u fiha ftit iktar ħama minn dik ta’ żoni oħrajn magħrufin sew għat-tkabbir tal-ispraġ fil-Ġermanja. Huwa minħabba f’hekk li l-ispraġ tat-tip ‘Abensberger Spargel’ għandu t-togħma partikulari qawwija u ta’ ħwawar tiegħu.

L-ispraġ tat-tip ‘Abensberger Spargel’ jitkabbar biss b’mod partikulari fit-tipi ta’ ħamrija li ġejjin:

fil-ħamrija mrammla;

fil-ħamrija mrammla bi ftit lom;

fil-ħamrija mrammla bil-lom;

fil-ħamrija mrammla b’ħafna lom.

Sabiex jiġu żgurati l-karatteristiċi speċjali tal-ispraġ tat-tip ‘Abensberger Spargel’ rigward it-togħma u l-freskezza li ġejjin mill-ħamrija, l-ispraġ tat-tip ‘Abensberger Spargel’ jitkabbar u jiġi pproċessat skont il-kriterji msemmija.

F’żona kkultivata ta’ 210 ettari hemm 70 produttur ta’ din l-ispeċjalità. Ir-reġjun ta’ Abensberg huwa wieħed miż-żoni ewlenin tat-tkabbir tal-ispraġ fil-Bavarja. Barra minn hekk, il-bdiewa lokali dejjem jiżviluppaw u jtejbu t-tekniki tagħhom tal-produzzjoni.

Speċifiċità tal-prodott

Il-kwalità tal-ispraġ tat-tip ‘Abensberger Spargel’ ġejja mill-kundizzjonijiet tal-klima deskritti hawn fuq u mit-tipi ta’ ħamrija li jinsabu fiż-żona ġeografika identifikata.

L-ispraġ tat-tip ‘Abensberger Spargel’ għandu fama tajba mal-konsumaturi u min jifhem fih jikkunsidrah bħala prodott speċjali ta’ togħma tajba. Dan l-ispraġ huwa speċjalità tradizzjonali tal-Bavarja u jissemma wkoll fil-bażi tad-dejta tal-Internet tal-ispeċjalitajiet tradizzjonali miżmuma mill-Ministeru tal-Agrikoltura u l-Forestrija tal-Bavarja (http://www.food-from-bavaria.de).

Flimkien mal-isem ‘Abensberger Spargel’, minn għaxar snin ilu ‘l hawn, dan il-prodott qed jiġi kkummerċjalizzat ukoll bil-marka kollettiva rreġistrata ‘Abensberger Qualitäts-Spargel’. Ir-regoli biex tingħata din il-marka kollettiva jispeċifikaw li l-prodott irid ikun ta’ kwalità għolja ħafna.

Din il-kwalità għolja tal-prodott tfisser li l-konsumaturi huma lesti jħallsu ħafna għalih. Fil-fatt, il-prezz tal-ispraġ tat-tip ‘Abensberger Spargel’ huwa saħansitra ogħla minn dak tal-ispraġ famuż tat-tip ‘Schrobenhausener Spargel’.

Il-fama tal-ispraġ tat-tip ‘Abensberger Spargel’ tidher ukoll mill-fatt li hemm ktieb tat-tisjir miktub speċifikament dwaru. Barra minn hekk, kull sena tintgħażel ir-reġina tal-ispraġ tat-tip ‘Abensberger Spargel’ biex tirrappreżenta din l-ispeċjalità tal-ħaxix minn dan ir-reġjun. Fl-2007 ġie ċċelebrat il-75 anniversarju tat-tkabbir tal-ispraġ f’Abensberg.

L-Għaqda tal-produtturi tal-ispraġ ta’ kwalità tat-tip ‘Abensberger’ (l-‘Erzeugergemeinschaft Abensberger Qualitätsspargel e.V.’) tirrakkomanda l-varjetajiet li jilħqu b’mod speċjali r-rekwiżiti tal-agronomija (it-testijiet fl-għelieqi) u tat-togħma, ibbażati fuq testijiet tas-sensi marbutin mal-ispeċifikazzjoni.

Hija tniżżel dawn il-varjetajiet fil-paġna prinċipali tas-sit tal-Internet tagħha http://www.qualitaetsspargel.de/ u taġġorna dan it-tagħrif kull sena.

Rabta kawżali bejn iż-żona ġeografika u l-kwalità jew il-karatteristiċi tal-prodott (għal DOP) jew il-kwalità, ir-reputazzjoni jew karatteristiċi oħra speċifiċi tal-prodott (għal IĠP)

Il-kwalitajiet speċifiċi tal-ispraġ tat-tip ‘Abensberger Spargel’ ġejjin mhux biss mill-klima u mit-tipi speċjali ta’ ħamrija li hemm f’dan ir-reġjun, iżda wkoll mit-tradizzjoni twila tat-tkabbir tal-ispraġ fiż-żona tat-tkabbir ta’ Abensberg kif ukoll mill-għarfien espert tal-bdiewa li ilhom ikabbruh għal ġenerazzjonijiet sħaħ. Il-ħamrija ħafifa u mrammla li, fl-istess ħin, hija iktar rikka fil-minerali u fiha ftit iktar ħama minn dik ta’ żoni oħra tat-tkabbir, kif ukoll il-qtugħ ta’ kuljum tiegħu, ifissru li l-ispraġ tat-tip ‘Abensberger Spargel’ għandu rimjiet iktar tarjin b’togħma iktar qawwija u ta’ ħwawar mill-ispraġ imkabbar bnadi oħra.

Il-fama:

Permezz tar-regoli stretti tal-Għaqda tal-produtturi tal-ispraġ ta’ kwalità tat-tip ‘Abensberger’ dwar kif għandu jitkabbar u jiġi pproċessat l-ispraġ (http://www.qualitaetsspargel.de/index.php/erzeuger/qualitaetsordnung), li wħud minnhom imorru ferm lil hinn mill-istandards minimi legali, issa ilu deċennji sħaħ jitpoġġa fis-suq biss l-ispraġ tat-tip ‘Abensberger Spargel’ li jkun tal-aqwa kwalità. Dan wassal għall-fama u għar-reputazzjoni tajba ferm li dan il-prodott igawdi minnhom min-naħa tal-konsumaturi. Din il-fama tidher ukoll fid-dejta uffiċjali dwar il-prezz. Fil-fatt, l-ispraġ tat-tip ‘Abensberger Spargel’ jista’ jġib prezz ogħla fis-suq mill-ispraġ li jkun ġej minn żoni oħrajn.

Illum il-ġurnata, is-settur tal-ispraġ sar wieħed mill-fatturi ekonomiċi ewlenin tar-reġjun ta’ Abensberg u jkopri żona ta’ madwar 210 ettaru.

Il-bdiewa li jkabbruh li joqogħdu f’dan ir-reġjun ilhom iktar minn 70 sena jgħaddu l-għarfien tagħhom dwar it-tkabbir tal-ispraġ u l-esperjenza tagħhom f’dan il-qasam lill-ġenerazzjonijiet ta’ wara. Dan l-għarfien u din l-esperjenza jiżguraw li l-ispraġ ikun tal-aqwa kwalità, u b’hekk li jitqiegħed b’suċċess fis-suq.

L-istaġun tal-ispraġ huwa magħruf fir-reġjun bħala ‘l-ħames staġun’ u jattira diversi nies li jmorru hemm għal ħarġa ta’ ġurnata kif ukoll diversi turisti, li jkunu ġejjin minn postijiet fil-qrib iżda wkoll mill-bogħod. F’dak iż-żmien tas-sena, kemm fil-kċejjen tad-djar privati kif ukoll f’dawk tar-ristoranti, l-ingredjent ewlieni li jintuża jkun l-ispraġ. Kemm in-nies tal-lokal kif ukoll l-għadd kbir ta’ viżitaturi minn barra li jżuru Abensberg fl-istaġun tal-ispraġ ikunu impressjonati b’riċetti dejjem iktar kreattivi. Fi żmien l-ispraġ, is-swieq ta’ kull ġimgħa u s-swieq tal-ispraġ jaqilgħu l-iktar flus mill-bejgħ tal-prodotti tal-ispraġ.

Ta’ kull sena, sa mill-1996 ‘l hawn, tingħażel reġina tal-ispraġ ta’ Abensberg. Din ir-reġina tiġi intervistata minn ħafna ġurnali u mill-istazzjonijiet tar-radju u tat-televiżjoni, u twassal l-isem tajjeb tal-ispraġ tat-tip ‘Abensberger Spargel’ ferm lil hinn mir-reġjun innifsu.

Referenza għall-pubblikazzjoni tal-Ispeċifikazzjoni

(It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(1) ta’ dan ir-Regolament)

https://register.dpma.de/DPMAregister/geo/detail.pdfdownload/41017”


(1)  ĠU L 179, 19.6.2014, p. 17.

(2)  ĠU L 343, 14.12.2012, p. 1.


Top