EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52009AE1707

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “White Paper L-adattament għat-tibdil fil-klima: Lejn Qafas Ewropew għall-azzjoni” COM(2009) 147 finali

ĠU C 128, 18.5.2010, p. 122–126 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

18.5.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 128/122


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “White Paper L-adattament għat-tibdil fil-klima: Lejn Qafas Ewropew għall-azzjoni”

COM(2009) 147 finali

(2010/C 128/23)

Relatur: Is-Sur OSBORN

Nhar l-1 ta’ April 2009, il-Kummissjoni ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 262 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

White Paper “L-adattament għat-tibdil fil-klima: Lejn Qafas Ewropew għall-azzjoni”

(COM(2009) 147 finali).

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar it-13 ta’ Ottubru 2009.

Matul l-457 sessjoni plenarja tiegħu li saret fl-4 u l-5 ta’ Novembru 2009 (seduta tal- 5 ta’ Novembru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’183 vot favur, 3 voti kontra u 6 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.   It-tibdil fil-klima hija waħda mill-ikbar sfidi li qiegħda tiffaċċja d-dinja fis-seklu 21. L-azzjonijiet li jillimitaw dawn il-bidliet billi jnaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra għandhom l-ogħla prijorità. Madankollu huwa importanti wkoll li jsiru pjanijiet minn qabel sabiex nadattaw għal dawn il-bidliet li issa saru inevitabbli.

1.2.   Fl-2007 il-Kummissjoni ppublikat Green Paper dwar l-Adattament. Wara konsultazzjoni wiesgħa dwar dak id-dokument u iktar analiżi l-Kummissjoni issa ppublikat White paper “L-adattament għat-tibdil fil-klima: Lejn Qafas Ewropew għall-azzjoni” li dwarha qed titlob l-opinjoni tal-Kumitat.

1.3.   Fl-opinjoni preċedenti tal-Kumitat dwar il-Green Paper (1) il-KESE rrakkomanda li titwaqqaf strateġija globali Ewropea ta’ adattament bħala qafas li jindika l-azzjonijiet li għandhom jittieħdu fil-livell Ewropew u dak nazzjonali u minn atturi oħra. Il-White Paper issa tipproponi dat-tip ta’ qafas u l-Kumitat jilqa’ l-approċċ ġenerali tagħha.

1.4.   Madankollu l-Kumitat jikkunsidra li xi wħud mill-azzjonijiet proposti mill-Kummissjoni m’għandhomx l-urġenza meħtieġa u mhumiex speċifiċi biżżejjed. B’mod partikolari l-Kumitat iħeġġeġ:

rwol aktar b’saħħtu għall-istrateġija ta’ koordinazzjoni Ewropea li ġġib flimkien għadd ta’ strateġiji ta’ adattament nazzjonali;

skeda aktar ristretta biex tkompli tiġi żviluppata l-istrateġija b’attenzjoni partikolari fuq kwistjonijiet jew oqsma li jistgħu jeħtieġu l-aktar miżuri ta’ adattament urġenti li għandhom jiġu implimentati;

it-twaqqif ta’ kumitat indipendenti ta’ livell għoli jew korp għall-monitoraġġ tal-progress fil-mitigazzjoni u l-adattament fl-Ewropa u li b’mod pubbliku jiġbed l-attenzjoni għall-kwistjonijiet fejn mhux qed isir biżżejjed progress;

sforz bikri biex tiġi kwantifikata l-iskala tal-ispejjeż tal-adattament li x’aktarx ser ikunu meħtieġa fl-Ewropa (li jista’ jitqabbel mal-isforzi ammirevoli tal-Kummissjoni biex tikkwantifika l-bżonnijiet f’dan ir-rigward tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw);

it-tisħiħ tal-kooperazzjoni, tal-anqas fil-livell tal-OECD u preferibbilment fil-livell internazzjonali peress li l-adattament għandu jkun globali;

sforz ikbar biex il-pubbliku u s-soċjetà ċivili jiddaħħlu fl-iżvilupp tal-pjanijiet u l-azzjonijiet għall-adattament.

2.   Il-White Paper u l-isfond tagħha

2.1.   It-tibdil fil-klima hija waħda mill-ikbar sfidi li qiegħda tiffaċċja d-dinja fis-seklu 21. L-azzjonijiet li jillimitaw dawn il-bidliet billi jnaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra għandhom ikunu l-ogħla prijorità għad-dinja u għal-laqgħa li jmiss tal-UNFCCC f’Kopenħagen. Madankollu huwa importanti wkoll li jsiru pjanijiet minn qabel sabiex nadattaw għal dawk il-bidliet li issa saru inevitabbli.

2.2.   Fl-2007 il-Kummissjoni ppublikat Green Paper dwar l-Adattament. Wara konsultazzjoni wiesgħa dwar dan id-dokument (inkluża opinjoni tal-Kumitat) il-Kummissjoni issa ppublikat White paper dwar “L-adattament għat-tibdil fil-klima: Lejn Qafas Ewropew għall-azzjoni” li dwarha qed titlob l-opinjoni tal-Kumitat. Ħafna mill-punti fl-opinjoni preċedenti tal-Kumitat huma riflessi b’mod konsiderevoli fil-White Paper.

2.3.   Il-White Paper tirrikonoxxi li fid-dinja diġà qed iseħħ tibdil sinifikanti fil-klima u dan ser ikompli b’mod sostanzjali li jwassal għal impatt serji fuq ħafna setturi li jridu jsiru pjanijiet għalihom minn issa. Hemm ħafna inċertezzi dwar il-firxa tal-effetti u kif dawn ser ikunu mqassma ġeografikament, li jiddependi parzjalment minn kemm jirnexxu l-isforzi dinjija biex jittaffa t-tibdil fil-klima billi jnaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra. Iżda anke fl-aktar eventwalità ottimista ta’ mitigazzjoni, jrid isir adattament għal bidliet kbar, u dan għandu jiġi ppjanat minn issa.

2.4.   Għar-reġjun Ewropew il-White Paper tidentifika diversi setturi li x’aktarx jiġu affettwati b’mod partikolari:

l-agrikoltura u l-foresterija;

is-sajd u l-akkwakultura, l-ekosistemi kostali u tal-baħar;

l-infrastruttura u l-vulnerabbiltà tagħha għal avvenimenti estremi u l-għoli fil-livelli tal-baħar;

it-turiżmu;

is-saħħa tal-bnedmin u tal-pjanti;

ir-riżorsi tal-ilma;

l-ekosistemi u l-bijodiversità.

2.5.   Il-White Paper tissuġġerixxi li l-aktar strateġiji effettivi x’aktarx jaħdmu fuq il-kapaċità tan-natura li tassorbi jew tikkontrolla l-impatt aktar milli jikkonċentraw sempliċement fuq l-infrastruttura fiżika. Hija tirreferi għal Approċċ tal-Infrastruttura Ekoloġika indikat fil-valutazzjoni tal-impatt.

2.6.   Il-White Paper targumenta li l-adattament awtonomu mill-individwi u n-negozji milquta minn dawn l-effetti x’aktarx mhux ser jiksbu l-aħjar riżultati. Hija tirrakkomanda miżuri ta’ politika ta’ prevenzjoni biex jiġu evitati miżuri mhux adattati (“maladattament”) u jinkisbu l-vantaġġi ekonomiċi, soċjali u ambjentali ta’ azzjoni li ssir kmieni flok tard.

2.7.   Il-White Paper tirrikonoxxi li l-parti l-kbira tal-miżuri ta’ adattament iridu jsiru fil-livell nazzjonali, reġjonali jew lokali, iżda tara li hemm rwol ċar għall-parteċipazzjoni Ewropea fl-oqsma li fihom il-problemi jisbqu l-fruntieri nazzjonali, u f’setturi li fihom diġà hemm kompetenzi u attivitajiet Ewropej żviluppati tajjeb li jista’ jkollhom huma stess influwenza importanti fuq l-adattament.

2.8.   Il-White Paper issa qed tipproponi qafas f’żewġ fażijiet għall-azzjoni. Fl-ewwel fażi (2009–2012) hija tipproponi erba’ pilastri għall-azzjoni u sensiela ta’ azzjonijiet għall-UE u l-Istati Membri taħt kull wieħed minn dawn it-titli:

l-iżvilupp ta’ bażi solida ta’ għarfien;

l-integrazzjoni tal-adattament fl-oqsma ta’ politika ewlenin tal-UE;

l-użu ta’ għadd ta’ strumenti ta’ politika li jiżguraw li l-adattament isir b’mod effettiv;

żjieda fil-kooperazzjoni internazzjonali dwar l-adattament.

2.9.   Għat-tieni fażi, li tibda fl-2013, huwa maħsub li jkun hemm strateġija tal-adattament aktar komprensiva, iżda s’issa l-White Paper għadha mhux qed tipprovdi dettalji dwar l-ambitu potenzjali tagħha.

3.   Kummenti Ġenerali

3.1.   Fl-opinjoni preċedenti tal-Kumitat dwar il-Green Paper (NAT/368) il-KESE rrakkomanda li titwaqqaf strateġija globali Ewropea ta’ adattament bħala qafas li jindika l-azzjonijiet li għandhom jittieħdu fil-livell Ewropew u dak nazzjonali u minn atturi oħra. Il-White Paper issa qed tipproponi dat-tip ta’ qafas li jinkludi ħafna mill-punti rakkomandati mill-Kumitat fl-opinjoni preċedenti tiegħu. Naturalment il-Kumitat huwa sodisfatt b’dan, u bl-approċċ ġenerali deskritt fil-White Paper.

Madankollu, taħt ħafna mit-titli, il-forma ta’ azzjoni proposta hija pjuttost provviżjorja. Għadd ta’ azzjonijiet proposti għandhom jiġu studjati, ikkunsidrati, ivvalutati jew inkoraġġuti. L-ebda waħda mhi meħtieġa jew obbligatorja, u ma jidher li m’hemm l-ebda prospettiva fil-viċin ta’ leġiżlazzjoni f’dan il-qasam. Fid-dawl tas-serjetà dejjem tikber tal-effetti tat-tibdil fil-klima u l-importanza ta’ tmexxija Ewropea f’dan ir-rigward, il-Kumitat jemmen li l-Ewropa għandha timxi b’pass iktar mgħaġġel lejn strateġija preskrittiva b’objettivi aktar speċifiċi. Il-bqija ta’ din l-opinjoni tindika xi elementi ewlenin tal-istrateġija li hi aktar b’saħħitha li l-Kumitat jemmen li l-Ewropa għandha taħdem favur il-ksib tagħha.

3.2.1.    – Għalkemm ħafna mill-azzjoni prattika meħtieġa għall-adattament għat-tibdil fil-klima għandha tittieħed fil-livell lokali, reġjonali u nazzjonali, il-Kumitat jaqbel mal-Kummissjoni li hemm bżonn ta’ parteċipazzjoni Ewropea sinifikanti wkoll. Hemm għadd ta’ raġunijiet għal dan:

l-analiżi tal-bidliet u l-impatt probabbli ser jeħtieġ riċerka u sforzi ta’ monitoraġġ kbar li jkunu jibbenefikaw minn koordinazzjoni fil-livell Ewropew;

xi wħud mill-problemi li ser iqumu ser jisbqu l-fruntieri nazzjonali u jkollhom bżonn risposta kkordinata;

l-impatt ser ikun differenti sew f’partijiet differenti tal-Ewropa, u xi wħud mill-ifqar reġjuni jistgħu jkunu fost l-agħar li jintlaqtu, dan jindika l-ħtieġa li l-piż jinqasam permezz ta’ mekkaniżmi ta’ koeżjoni jew mekkaniżmi oħra;

bosta politiki u programmi ewlenin tal-Kummissjoni fosthom il-PAK u l-fondi strutturali ser ikollhom bżonn ta’ aġġustament fid-dawl tat-tibdil fil-klima biex jaqdu l-funzjoni tagħhom aħjar;

jekk wieħed iħares lil hinn mill-Ewropa jkun hemm bżonn ta’ sforzi internazzjonali kbar ħalli jgħinu l-inqas pajjiżi żviluppati tan-Nofsinhar li x’aktarx ser ibagħtu l-aktar mit-tibdil fil-klima u li għandhom l-inqas kapaċità li jadattaw b’mod adegwat. L-UE tkun fl-aħjar pożizzjoni biex tikkoordina l-isforzi Ewropej f’dan il-qasam;

Fuq kollox, l-isfida li jseħħ adattament adegwat u fil-ħin għat-tibdil li għad irid isir fil-klima tagħna jirrikjedi li l-mexxejja politiċi tal-Ewropa jaħdmu flimkien f’intrapriża komuni li tisboq il-fruntieri nazzjonali.

Għal dawn ir-raġunijiet kollha, il-Kumitat jappoġġja kompletament il-ħtieġa li tiġi żviluppata strateġija Ewropea b’saħħitha dwar l-adattament, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tiżviluppa strateġija b’mod aktar deċiżiv u li jkollha objettivi aktar speċifiċi kemm jista’ jkun malajr.

Peress li t-tibdil fil-klima għandu natura globali, jrid jittieħed approċċ globali biex jiġu żviluppati programmi ta’ adattament, aktar u aktar peress li dan it-tibdil l-aktar li jolqot huma l-pajjiżi l-inqas żviluppati li huma wkoll l-aktar vulnerabbli. L-OECD qed tiżviluppa inizjattiva maġġuri fuq dan il-front u l-oqfsa u l-programmi tal-UE għandhom ikunu kompletament koordinati f’da il-livell ukoll.

Fl-istess waqt li jkunu qed jiġu żviluppati l-azzjonijiet fil-livell Ewropew, huwa vitali wkoll li tiġi stimolata azzjoni aktar b’saħħitha fil-livell nazzjonali, reġjonali u lokali. L-informazzjoni ta’ sfond għall-White Paper turi li bħalissa hemm varjetà kbira ta’ approċċi fil-livell nazzjonali, u li xi Stati Membri wettqu progress ikbar minn oħrajn fl-analiżi tas-sitwazzjonijiet tagħhom u fl-iżvilupp ta’ strateġiji ta’ adattament xierqa. Biex il-proċess ta’ adattament jingħata spinta aktar qawwija, il-Kumitat jissuġġerixxi li issa jkun utli li inizjattiva Ewropea tobbliga ċerti parametri u skadenzi komuni għat-twaqqif ta’ strateġiji nazzjonali tal-adattament.

3.2.2.    – Il-Kummissjoni tipproponi proċess f’żewġ stadji, l-ewwel wieħed mill-2009 sal-2012 li tulu l-bażi tal-għarfien tissaħħaħ, l-adattament jiġi integrat fl-oqsma ta’ politika ewlenin tal-UE, il-miżuri jiġu żviluppati u l-isforzi ta’ kooperazzjoni internazzjonali jissaħħu. Huwa biss fit-tieni fażi, li tibda fl-2013 li tiġi żviluppata għal kollox strateġija komprensiva ta’ adattament.

3.2.3.   Il-Kumitat jifhem il-loġika ta’ dan l-aproċċ f’żewġ stadji. Iżda huwa mħasseb li hija wisq kajmana għall-urġenza tal-problema. L-effetti tat-tibdil fil-klima diġà qed jibdew jinħassu kemm fl-Ewropa u b’mod aktar qawwi f’partijiet oħra tad-dinja. Anke jekk l-isforzi ta’ mitigazzjoni jiddaħħlu b’suċċess madwar id-dinja wara l-laqgħa ta’ Kopenħagen, il-konċentrazzjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra xorta waħda ser ikomplu jiżdiedu fl-atmosfera għal diversi għexieren ta’ snin b’effetti fuq il-klima li jsiru dejjem iktar severi. Il-miżuri ta’ adattament għandhom jinbdew minn issa, u mhux f’xi żmien vagament medju fil-futur. B’mod simili, azzjoni li tevita żviluppi u investimenti mhux adatti (nevitaw il-“maladattament”) għandha tibda kemm jista’ jkun kmieni u mhux tiġi posposta.

3.2.4.   Għalhekk il-Kumitat iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex fil-ħidma analitika tagħha għat-tliet snin li ġejjin tagħti attenzjoni partikolari lit-titjib fil-metodi tat-tbassir tal-effetti fiż-żmien qrib (1-5 snin) li jistgħu jeħtieġu l-aktar miżuri u azzjonijiet urġenti ta’ adattament f’dak il-perjodu. Liema huma l-aktar xtut vulnerabbli li jeħtieġu l-aktar miżuri ta’ ħarsien urġenti? Fejn ser jonqos l-iktar l-ilma, u x’jista’ jsir? X’effetti ser ikun hemm fuq is-saħħa, u kif nistgħu nippreparaw għalihom bl-aħjar mod?

3.2.5.   B’mod simili, il-Kummissjoni għandha tidentifika b’mod urġenti fejn jinsabu l-akbar riskji li jsiru investimenti mhux adatti (“maladattament”) u kif dawn l-iżbalji l-aħjar li jiġu evitati. Il-kontinwazzjoni ta’ żvilupp f’żoni fejn ser ikun aktar possibbli li jintlaqtu minn għarar serju fil-futur huwa eżempju ta’ dan.

3.2.6.   Il-kapaċitajiet analitiċi u tat-tbassir tal-istituzzjonijeit ewlenin għandhom jiġu żviluppati b’mod urġenti sal-punt li jkunu jistgħu jigwidaw b’mod li jagħmel sens lil dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet dwar kwistjonijiet kritiċi bħal dawn. Barra minn hekk, għandha tiġi ssorveljata b’mod kostanti l-konċentrazzjoni tas-CO2 f’postijiet rappreżentattivi differenti fl-UE kif ukoll madwar id-dinja, u għandhom jiġu osservati t-tibdil fil-klima u l-impatt fuq il-klima tal-livell ta’ dijossidu tal-karbonju fl-atmosfera.

3.2.7.   Arranġamenti Istituzzjonali – Il-White Paper tipproponi t-twaqqif ta’ żewġ mekkaniżmi ġodda għal madwar l-Ewropa – Grupp ta’ Tmexxija dwar l-Impatt u l-Adattament biex imexxi ’l quddiem il-kooperazzjoni dwar l-adattament u Mekkaniżmu ta’ Ċentru ta’ Skambju ta’ Tagħrif bħala għodda tal-IT u bażi tad-data dwar l-impatt u l-vulnerabbiltà għat-tibdil fil-klima u l-aħjar prattiki dwar l-adattament. Iż-żewġ proposti jidhru utli sa fejn iwasslu, iżda fil-fehma tal-Kumitat mhuwiex probabbli li waħedhom ser jiġġeneraw it-tip ta’ viżibbiltà u enerġija politika li hi meħtieġa biex jittieħdu l-miżuri tal-adattament fuq l-iskala u bir-ritmu li huwa meħtieġ.

3.2.8.   Għalhekk il-Kumitat jixtieq jerġa’ jressaq ir-rakkomandazzjoni li kien għamel meta kkummenta dwar il-Green Paper li l-UE għandha twaqqaf entità ta’ monitoraġġ indipendenti bi president ta’ statura indipendenti inkarigat li jissorvelja l-progress tal-istrateġija kollha dwar it-tibdil fil-klima (kemm l-adattament kif ukoll il-mitigazzjoni). Din l-entità indipendenti tirrapporta b’mod regolari u pubbliku dwar il-progress madwar l-Ewropa u tavża minn kmieni jekk ikun jidher li l-azzjonijiet ikunu inqas mill-impenji jew, fil-każ tal-adattament, ma jkunux qed jippreparaw b’mod adegwat għall-effetti imminenti tat-tibdil fil-klima.

3.2.9.   Minn mindu l-Kumitat għamel din ir-rakkomandazzjoni għall-ewwel darba, il-kumitat indipendenti dwar il-klima li twaqqaf fir-Renju Unit għamel għadd ta’ rakkomandazzjonijiet ambizzjużi li rnexxielhom iwasslu lill-pajjiż biex jieħu aktar azzjoni, u wera b’suċċess kemm hi importanti entità bħal din. Entità simili fil-livell Ewropew jista’ jkollha rwol prezzjuż biex tinżamm il-pressjoni għall-azzjoni f’dak il-livell.

3.2.10.    – Fil-kuntest tan-negozjati ta’ Kopenħagen, l-Ewropa għandha bżonn urġenti li tistabbilixxi x’fondi hemm bżonn li jkunu aċċessibbli biex jappoġġjaw l-isforżi għall-adattament (u l-mitigazzjoni) fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, u x’kontribut għandha tagħti l-Ewropa lejn dan. F’komunikazzjoni separata COM(2009) 475/3, il-Kummissjoni stmat li sal-2020 il-pajjiżi li qed jiżviluppaw ser ikollhom ħtieġa għal fondi ta’ madwar $100 biljun fis-sena għall-ispiża ta’ mitigazzjoni u l-adattament; u tagħti suġġerimenti dwar kemm minn dan l-ammont li għalih jeħtieġ il-kontribut tas-sorsi tal-finanzi pubbliċi fl-Ewropa. Il-Kumitat jilqa’ dawn il-proposti f’waqthom u jħeġġeġ lill-istituzzjonijiet biex jikkunsidrawhom b’mod urġenti ħalli jkunu jistgħu jikkontribwixxu verament lejn is-suċċess ta’ Kopenħagen.

3.2.11.   Fil-kuntest ta’ Kopenħagen wieħed jifhem iżda xorta waħda jħossu diżappuntat li jidher li s’issa hemm ħafna inqas ċarezza dwar l-ispejjeż potenzjali tal-adattament fi ħdan l-Ewropa stess. Il-White Paper tiddiżappunta għan-nuqqas ta’ figuri dwar kemm jista’ jiswa l-adattament fl-Ewropa u titkellem biss dwar l-istima tal-ispejjeż tal-miżuri ta’ politika ta’ adattament aktar ’il quddiem. Il-Kumitat jissuġġerixxi li għandha ssir minnufih stima inizjali ta’ kemm l-Ewropa x’aktarx ser ikollha bżonn riżorsi. Din l-istima globali imbagħad għandha tinqasam f’sezzjonijiet – l-ogħla prijoritajiet li għandhom bżonn l-infiq fl-ewwel ħames snin, filwaqt li l-ispejjeż inqas urġenti jitħallew għal iktar tard. L-istima għandha tqis kemm mill-ispiża tista’ titħalla f’idejn is-settur privat b’mod raġonevoli, kemm tista’ tiġi koperta mill-assigurazzjoni b’mod raġonevoli, u fejn x’aktarx ser ikun hemm bżonn tal-infiq pubbliku. Ikun meħtieġ ukoll li jiġi kkunsidrat kif l-aħjar li jinqasam l-isforz tal-infiq pubbliku bejn il-baġit nazzjonali u dak Ewropew.

3.2.12.   Naturalment dawn l-istimi mhumiex faċli. Madankollu jekk jistgħu jsiru għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw żgur li jistgħu jsiru għall-Ewropa Fil-fehma tal-Kumitat dan għandu jsir b’sens akbar ta’ urġenza u tal-iskala potenzjali tal-problemi li hemm quddiemna milli timplika l-White Paper. Id-dinja qed tersaq lejn sitwazzjoni kompletament ġdida, u l-pjanijiet għall-infiq ta’ prekawzjoni u ta’ adattament ma jistgħux ikunu bbażati fuq l-esperjenza tal-passat jew indikaturi sorpassati bħal li jkun hemm ħarsien suffiċjenti biex jilqa’ għal kull diżastru naturali ħlief għall-avvenimenti li jiġru darba kull mitt sena. Fil-futur, l-avvenimenti naturali li fil-passat kienu jiġru biss darba kull mitt sena ser jibdew iseħħu ħafna aktar ta’ spiss. Għaldaqstant, il-kriterji ta’ pjanar u l-linji gwida kontinġenti flimkien mal-ispejjeż ta’ prekawzjoni li joħorġu minnhom iridu jiġu aġġustati u jiddaħħlu fil-baġits rilevanti.

3.2.13.   Hekk kif l-impatt tat-tibdil fil-klima jsir aktar gravi fis-snin li ġejjin, l-ispejjeż ta’ adattament x’aktar ser jiżdiedu u ser isiru parti ikbar mill-baġits pubbliċi u dawk tas-settur privat, u ser ikunu jidhru b’aktar prominenza fil-poloz u l-ħlasijiet tal-assigurazzjonijiet. L-istudji kollha sal-lum jindikaw li fil-każ tal-adattament kif ukoll tal-mitigazzjoni, x’aktarx ikun ta’ vantaġġ li jittieħdu l-miżuri adatti minnufih minflok ma jkun hemm reazzjoni tard wisq wara li tkun seħħet xi ħsara kbira.

3.2.14.   Jekk mill-banda l-oħra l-azzjoni ssir f’waqtha, u tiġi integrata b’mod effettiv mal-miżuri l-oħra ta’ politika għandu jkun hemm, tal-anqas f’xi każijiet, il-possibbiltà ta’ miżuri fejn kulħadd jirbaħ u li jtejbu l-kapaċità ta’ rkupru ta’ żona jew ta’ funzjoni kontra l-impatt tat-tibdil fil-klima filwaqt li jmexxu ’l quddiem objettivi ta’ politika oħra. Huwa urġenti li t-tfittxija għal dawn is-sinerġiji possibbli tibda kemm jista’ jkun malajr, u li l-figuri totali għall-ispejjeż tal-adattament jibdew joħorġu fil-miftuħ għad-diskussjoni u l-irfinar.

3.2.15.    – It-tibdil fil-klima ser jolqot ħafna setturi differenti tal-ekonomija u ħafna negozji u individwi differenti. Huwa importanti li jkun hemm komprensjoni wiesgħa ta’ dan l-impatt, u li kulħadd jħossu involut fl-implimentazzjoni tal-bidliet li ser ikunu meħtieġa biex jiġi indirizzat dan l-impatt. Attwalment, il-parteċipazzjoni tal-pubbliku fil-kwistjoni tat-tibdil fil-klima għandha t-tendenza li tiffoka primarjament fuq dak li l-individwi, il-gruppi u l-organizzazzjonijiet jistgħu jagħmlu biex jikkontribwixxu lejn l-isforzi ta’ mitigazzjoni bid-deċiżjonijiet li jieħdu fil-ħajja u n-negozju tagħhom.

3.2.16.   Madankollu, b’mod parallel, dalwaqt ser ikun meħtieġ li l-pubbliku aktar wiesa’ jindirizza l-kwistjonijiet tal-adattament li jistgħu jolqtuh bħal:

fejn imorru jgħixu, jaħdmu u fejn imorru għall-vaganza fid-dawl tax-xejriet li qed jinbidlu fil-klima;

kif il-ġestjoni tas-siġar li jgħixu fit-tul u l-foresti tista’ tkampa mal-kundizzjonijiet klimatiċi li jinbidlu l-ħin kollu;

liema pjanti u siġar ser jikbru fil-ġonna f’ċirkostanzi li jinbidlu u kif jistgħu jinżammu l-pajsaġġi tradizzjonali f’kull reġjun tal-UE;

kif tista’ tinbidel id-distribuzzjoni tar-riskji tas-saħħa u x’prekawzjonijiet jistgħu jittieħdu.

kif jistgħu jinbidlu l-ikel u d-dieta tagħna.

Ikun importanti li l-pubbliku ġenerali u l-aktar gruppi milquta jinżammu aġġornati dwar l-aħħar konklużjonijiet analitiċi ta’ dat-tip ta’ effetti tat-tibdil fil-klima hekk kif joħorġu, u tal-bidliet li għad jista’ jkun hemm fil-futur. Fl-istess waqt, il-pubbliku u b’mod partikolari l-aktar gruppi milquta ser ikollhom bżonn l-għajnuna biex ikunu jistgħu jiddeċiedu dwar it-tip ta’ miżuri ta’ adattament li jistgħu jieħdu. L-Ewropa jista’ jkollha sehem ewlieni biex tistimola dan it-tip ta’ djalogu pubbliku u t-tixrid tal-komprensjoni. Il-Kumitat iħeġġeġ lill-Kummissjoni li tagħti aktar attenzjoni lil dan l-aspett.

Brussell, 5 ta’ Novembru 2009.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Mario SEPI


(1)  ĠU C 120, 16.5.2008, p. 38.


Top