EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32013D0478

2013/478/UE: Deċiżjoni tal-Kummissjoni tas- 27 ta’ Settembru 2013 li temenda d-Deċiżjoni 1999/352/KE, KEFA, Euratom li tistabbilixxi l-Uffiċċju Ewropew kontra l-frodi (OLAF)

ĠU L 257, 28.9.2013, p. 19–20 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2013/478/oj

28.9.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 257/19


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tas-27 ta’ Settembru 2013

li temenda d-Deċiżjoni 1999/352/KE, KEFA, Euratom li tistabbilixxi l-Uffiċċju Ewropew kontra l-frodi (OLAF)

(2013/478/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 249 tiegħu,

Billi:

(1)

L-istituzzjonijiet u l-Istati Membri jagħtu importanza kbira lill-ħarsien tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni u l-ġlieda kontra l-frodi u kwalunkwe attivitajiet illegali oħra li huma ta’ detriment għall-interessi finanzjarji tal-Unjoni, u l-importanza li tittieħed azzjoni għal dak l-iskop hija konfermata mill-Artikolu 325 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

(2)

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 1999/352/KE, KEFA, Euratom (1) tiġi emendata minħabba d-dħul fis-seħħ tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2).

(3)

Il-kompiti tal-Uffiċċju jibqgħu jinkludu t-tħejjija ta’ dispożizzjonijiet leġiżlattivi u regolatorji fl-oqsma ta’ attività tal-Uffiċċju, inkluż strumenti rilevanti li jaqgħu taħt it-Titolu V tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u strumenti dwar il-protezzjoni tal-euro kontra l-iffalsifikar. Il-kompiti tal-Uffiċċju jibqgħu jinkludu wkoll l-assistenza teknika u t-taħriġ għall-protezzjoni tal-euro kontra l-iffalsifikar.

(4)

L-Uffiċċju jieħu sehem fl-attivitajiet ta’ korpi u assoċjazzjonijiet internazzjonali speċjalizzati fil-ġlieda kontra l-frodi u l-korruzzjoni, għall-iskop, b’mod partikolari, tal-iskambju tal-aħjar prassi,

(5)

Il-Kummissjoni tevalwa l-ħtieġa għal reviżjoni ta’ din id-Deċiżjoni f’każ li jiġi stabbilit Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew.

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-Deċiżjoni 1999/352/KE, KEFA, Euratom hija emendata kif ġej:

(1)

It-tieni sentenza tal-Artikolu 1 hija mħassra.

(2)

L-Artikolu 2 huwa emendat kif ġej:

(a)

Fil-paragrafu 1, flok “Komunità” tiddaħħal “Unjoni”;

(b)

Fil-paragrafu 2, tiżdied is-sentenza li ġejja:

“Dan jinkludi appoġġ biex titjieb il-protezzjoni tal-euro kontra l-falsifikazzjoni permezz ta’ taħriġ u assistenza teknika.”

(c)

Fil-paragrafu 3, tiżdied is-sentenza li ġejja:

“Dan jista’ jinkludi l-parteċipazzjoni fl-attivitajiet ta’ korpi u assoċjazzjonijiet internazzjonali speċjalizzati fil-ġlieda kontra l-frodi u l-korruzzjoni għal dan l-għan, b’mod partikolari, li jiskambjaw l-aħjar prassi”.

(d)

Il-paragrafu 4 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“4.   L-Uffiċċju jkun responsabbili għall-preparament tal-inizjattivi leġiżlattivi u regolatorji tal-Kummissjoni bil-għan ta’ prevenzjoni tal-frodi kif imsemmi fil-paragrafu 1, u tal-protezzjoni tal-euro kontra l-iffalsifikar.”

(3)

L-Artikolu 3 huwa emendat kif ġej:

Flok “Direttur”, tiddaħħal “Direttur-Ġenerali”.

(4)

L-Artikolu 4 huwa emendat kif ġej:

Flok “Kumitat ta’ Sorveljanza” tiddaħħal “Kumitat ta’ Superviżjoni”.

Flok “Komunità” tiddaħħal “Unjoni”.

(5)

L-Artikolu 5 jinbidel b’dan li ġej:

“Artikolu 5

Id-Direttur Ġenerali

1.   L-Uffiċċju jitmexxa minn Direttur Ġenerali. Id-Direttur Ġenerali jinħatar mill-Kummissjoni, skont il-proċedura speċifikata fil-paragrafu 2. Il-mandat tad-Direttur Ġenerali jkun ta’ seba’ snin u ma jiġġeddidx.

Id-Direttur-Ġenerali jkun responsabbli għal kif l-Uffiċċju jagħmel l-investigazzjonijiet tiegħu.

2.   Biex taħtar Direttur Ġenerali ġdid, il-Kummissjoni tippubblika sejħa għal applikazzjonijiet f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Din il-pubblikazzjoni ssir mhux aktar tard minn sitt xhur qabel it-tmiem tal-mandat tad-Direttur Ġenerali fil-kariga. Wara li tkun ingħatat opinjoni favorevoli mill-Kumitat Superviżorju dwar il-proċedura ta’ għażla applikata mill-Kummissjoni, il-Kummissjoni tħejji lista ta’ kandidati li jkunu kkwalifikati kif xieraq. Wara konsultazzjonijiet mal-Parlament Ewropew u mal-Kunsill, il-Kummissjoni taħtar lid-Direttur-Ġenerali.

3.   Il-Kummissjoni teżerċita fir-rigward tad-Direttur Ġenerali is-setgħat mogħtija lill-awtorità tal-ħatra. Kwalunkwe deċiżjoni ta’ tnedija ta’ proċedimenti dixxiplinari kontra d-Direttur Ġenerali skont l-Artikolu 3(1)(c) tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal tittieħed b’deċiżjoni motivata tal-Kummissjoni, wara li jiġi kkonsultat il-Kumitat ta’ Superviżjoni. Din id-deċiżjoni tkun komunikata għall-informazzjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat ta’ Superviżjoni.”

(6)

L-Artikolu 6 huwa emendat kif ġej:

(a)

Il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.   Id-Direttur-Ġenerali tal-Uffiċċju jeżerċita, għar-rigward tal-persunal tal-Uffiċċju, il-poteri tal-awtorità tal-ħatra u tal-awtorità bis-setgħa li tikkonkludi kuntratti ta’ impjieg iddelegati lilu. Huwa jkollu l-permess li jissottodelega dawn is-setgħat. Konformi mal-Kundizzjonijiet tal-Impjieg applikabbli għall-aġenti l-oħra, huwa jiffissal-kundizzjonijiet u l-arranġamenti dettaljati tar-reklutaġġ, b’mod partikolari fejn jidħol il-perjodu ta’ validità tal-kuntratti u t-tiġdid tagħhom.”

(b)

Il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2.   Id-Direttur-Ġenerali, wara li jikkonsulta l-Kumitat ta’ Superviżjoni, jibgħat lid-Direttur-Ġenerali tal-Baġit abbozz preliminari tal-baġit li għandhu jiddaħħal fl-anness li jikkonċerna lill-Uffiċċju tat-taqsima tal-Kummissjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea.”

(c)

Il-paragrafu 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“3.   Id-Direttur-Ġenerali jaġixxi bħala l-uffiċjal tal-awtorizzazzjoni għall-approprjazzjonijiet inklużi fl-anness li jikkonċerna l-Uffiċċju tat-taqsima tal-Kummisjsoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea u l-approprjazzjonijiet imdaħħla fl-intestaturi tal-baġit dwar il-ġlieda kontra l-frodi li dwarhom jiġu delegati setgħat lili fir-regoli interni dwar l-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali. Huwa jkun awtorizzat li jissottodelega s-setgħat tiegħu lill-membri tal-persunal suġġetti għar-Regolamenti tal-Persunal għall-uffiċjali u l-Kondizzjonijiet tal-Impjieg applikabbli għall-aġenti l-oħra tal-Unjoni skont ir-regoli interni msemmija hawn fuq.”

(d)

Il-paragrafu 4 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“4.   Id-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni li jikkonċernaw l-organizzazzjoni interna tagħha japplikaw għall-Uffiċċju sakemm dawn ikunu kompatibbli mad-dispożizzjonijiet li jikkonċernaw l-Uffiċċju adottati mil-leġiżlatur tal-Unjoni u ma’ din id-Deċiżjoni.”

(7)

L-aħħar sentenza tal-Artikolu 7 titħassar.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjon tidħol fis-seħħ fl-ewwel jum tax-xahar li jiġi wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, is-27 ta’ Settembru 2013.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 1999/352/KE, KEFA, Euratom tat-28 ta’ April 1999 li tistabbilixxi l-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (ĠU L 136, 31.5.1999, p. 20).

(2)  Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Settembru 2013 dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1073/1999 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament tal-Kunsill (Euratom) Nru 1074/1999 (ĠU L 248, 18.9.2013)


Top