Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Is-Sistema ta’ Informazzjoni tas-Suq Intern tal-UE (IMI)

 

SOMMARJU TA’:

Ir-Regolament (UE) Nru 1024/2012 dwar il-kooperazzjoni amministrattiva permezz tas-Sistema ta’ Informazzjoni tas-Suq Intern

X’INHU L-GĦAN TAR-REGOLAMENT?

Dan jistabbilixxi regoli dwar l-użu tas-sistema ta’ Informazzjoni tas-Suq Intern (IMI) għall-kooperazzjoni amministrattiva bejn l-awtoritajiet kompetenti tal-pajjiżi tal-UE f’oqsma ta’ politika relatati mas-Suq Uniku.

PUNTI EWLENIN

  • Is-sistema tal-IMI hija applikazzjoni tal-Internet sikura li tippermetti lill-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali jikkomunikaw malajr u faċilment mal-kontropartijiet tagħhom fl-UE, fl-Iżlanda, fil-Liechtenstein u fin-Norveġja dwar il-liġi tas-suq intern tal-UE (jiġifieri l-liġijiet relatati mas-suq intern li jeżistu bejn il-pajjiżi tal-UE u li fih, il-moviment liberu ta oġġetti, servizzi, kapital u persuni huwa assigurat, u fejn iċ-ċittadini huma liberi li jgħixu, jaħdmu, jistudjaw u li jagħmlu negozju).
  • Din tgħin lil dawn l-awtoritajiet jegħlbu d-diffikultajiet prattiċi li jirrigwardjaw b’mod partikolari d-differenzi fil-kultura amministrattiva, l-użu ta’ lingwi differenti u l-identifikazzjoni tas-sħab f’pajjiżi tal-UE oħrajn.
  • Din hija servizz pubbliku bla ħlas, żviluppat mill-Kummissjoni disponibbli fil-lingwi kollha tal-UE u li ilu għaddej mill-2008.

Benefiċċji kbar għall-pubbliku

Billi jitħaffu l-proċeduri u tittejjeb il-komunikazzjoni bejn l-awtoritajiet pubbliċi, l-IMI tnaqqas il-kostijiet ikkawżati minn dewmien u tippermetti lill-awtoritajiet jipprovdu servizz aħjar lill-individwi u lin-negozji. Bħala tali, l-IMI hija għodda li tgħin indirettament lill-individwi u lin-negozji jagħmlu l-aħjar użu mill-opportunitajiet offruti mis-suq intern tal-UE.

Oqsma fejn tintuża l-IMI

  • Żewġ eżempji ta’ direttivi li għalihom tintuża l-IMI huma d-Direttiva 2005/36/KE dwar ir-rikonoxximent ta’ kwalifiki professjonali u d-Direttiva 2006/123/KE dwar is-servizzi fis-suq intern.
  • Taħt il-kwalifiki professjonali, is-sistema tal-IMI tista’ tintuża minn pajjiż tal-UE sabiex jivverifika l-validità tal-kwalifiki għall-professjonisti li jkunu jridu jipprattikaw f’dak il-pajjiż.
  • Minbarra l-kwalifiki u s-servizzi professjonali, dawn li ġejjin huma eżempji ta’ oqsma oħrajn li huma koperti mill-IMI:
    • l-istazzjonament ta’ ħaddiema: L-IMI tappoġġa l-kooperazzjoni skont id-direttivi dwar l-Istazzjonament ta’ Ħaddiema u l-Infurzar li jippermettu lill-pajjiżi tal-UE jiskambjaw informazzjoni fil-qasam tal-mobilità tax-xogħol,
    • Network ta’ Kooperazzjoni għall-Protezzjoni tal-Konsumatur (CPC): L-IMI tappoġġa 11-il proċedura amministrattiva skont ir-Regolament CPC il-ġdid, li jgħinu lill-awtoritajiet tal-protezzjoni tal-konsumatur u partijiet ikkonċernati oħra jikkooperaw b’mod effiċjenti u faċli għall-utent (ara s-sommarju),
    • il-kura tas-saħħa transkonfinali,
    • Solvit (li fih l-individwi u n-negozji jistgħu jressqu lmenti dwar l-awtoritajiet nazzjonali).
  • Bis-saħħa tal-flessibbiltà tagħha, is-sistema tista’ tiġi estiża faċilment għal oqsma ġodda.
  • Lista ta’ oqsma li fihom tintuża l-IMI hija disponibbli online.

Funzjonijiet ewlenin

L-IMI toffri l-funzjonijiet ewlenin li ġejjin:

  • skambji bilaterali ta’ informazzjoni (fluss tax-xogħol ta’ wieħed ma’ wieħed), skambji siguri ta’ informazzjoni bejn żewġ awtoritajiet kompetenti;
  • skambji multilaterali ta’ informazzjoni (flussi ta’ xogħol ta’ wieħed ma’ ħafna) li jippermettu lill-awtoritajiet jibagħtu informazzjoni lil diversi riċevituri;
  • repożitorji bażijiet ta’ data multilingwi li jistgħu jiġu mfittxija biex jikkondividu l-informazzjoni fost l-atturi tal-IMI;
  • ġestjoni tal-każijiet tas-SOLVIT fluss tax-xogħol li jappoġġa r-riżoluzzjoni tal-ilmenti miċ-ċittadini u min-negozji dwar l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mill-awtoritajiet pubbliċi;
  • interfaċċa pubblika, li tippermetti lill-atturi esterni jinteraġixxu mal-IMI.

Emendi għar-Regolament (UE) Nru 1024/2012

Ir-Regolament (UE) Nru 1024/2012 ġie emendat biex jippermetti li l-IMI tintuża fil-kuntest ta’:

  • l-ipproċessar tal-applikazzjonijiet għal karta professjonali Ewropea (Direttiva 2013/55/UE li temenda Direttiva 2005/36/KE — ara s-sommarju);
  • l-istazzjonament ta’ ħaddiema li jipprovdu servizzi (id-Direttiva 2014/67/UE — ara s-sommarju);
  • ir-ritorn ta’ oġġetti kulturali mneħħija illegalment mit-territorju ta’ pajjiż tal-UE (id-Direttiva 2014/60/UE — ara s-sommarju);
  • ir-rekwiżiti għall-preżentazzjoni ta’ ċerti dokumenti pubbliċi (ir-Regolament (UE) 2016/1191 — ara s-sommarju);
  • approvazzjonijiet tat-tip tal-UE għal makkinarju mobbli mhux tat-triq (ir-Regolament (UE) 2016/1628 — ara s-sommarju);
  • il-gateway diġitali unika li tippermetti aċċess online għal proċeduri u assistenza għall-individwi u għan-negozji (ir-Regolament (UE) 2018/1724 — ara s-sommarju); u
  • l-istazzjonar tax-xufiera fis-settur tat-trasport bit-triq (id-Direttiva (UE) 2020/1057).

Ir-Regolament (UE) 2020/1055 jemenda l-anness tar-Regolament (UE) Nru 1024/2012, billi jżid ir-Regolament (KE) Nru 1071/2009 dwar regoli operattivi għall-kumpaniji tat-trasport tal-merkanzija bit-triq u tat-trasport tal-passiġġieri (ara s-sommarju) mal-lista ta’ atti tal-UE implimentati permezz tal-IMI.

Atti ta’ implimentazzjoni

Il-Kummissjoni adottat l-atti ta’ implimentazzjoni li ġejjin:

  • Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2014/89/UE dwar proġett bi prova li jikkonċerna l-liċenzji tas-sewqan tal-ferroviji (li timplimenta d-Direttiva 2007/59/KE — ara s-sommarju)
  • Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/743 dwar proġett pilota għall-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ kooperazzjoni amministrattiva relatati mar-Regolament (UE) 2016/679 dwar il-protezzjoni tad-data personali — ara s-sommarju;
  • Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/1253 dwar proġett pilota biex jiġu implimentati r-regoli dwar il-kooperazzjoni amministrattiva stabbiliti fid-Deċiżjoni 2001/470/KE li tistabbilixxi Network Ġudizzjarju Ewropew fil-materji ċivili u kummerċjali — ara s-sommarju;
  • Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/2212 dwar proġett pilota biex jiġu implimentati ir-regoli ta’ kooperazzjoni amministrattiva stabbiliti fir-Regolament (UE) 2017/2394 — ara s-sommarju.

MINN META JAPPLIKA R-REGOLAMENT?

Ir-Regolament (UE) Nru 1024/2012 ilu japplika mill-4 ta’ Diċembru 2012.

SFOND

Għal aktar informazzjoni, ara:

DOKUMENTI EWLENIN

Ir-Regolament (UE) Nru 1024/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 dwar il-kooperazzjoni amministrattiva permezz tas-Sistema ta’ Informazzjoni tas-Suq Intern u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/49/KE (“ir-Regolament tal-IMI”) (ĠU L 316, 14.11.2012, pp. 1-11)

L-emendi suċċessivi għar-Regolament (UE) Nru 1024/2012 ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

DOKUMENTI RELATATI

Ir-Regolament (UE) 2020/1055 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Lulju 2020 li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1071/2009, (KE) Nru 1072/2009 u (UE) Nru 1024/2012 bl-għan li jiġu adattati għall-iżviluppi fis-settur tat-trasport bit-triq (ĠU L 249, 31.7.2020, pp. 17-32)

Id-Direttiva (UE) 2020/1057 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Lulju 2020 li tistabbilixxi regoli speċifiċi rigward id-Direttiva 96/71/KE u d-Direttiva 2014/67/UE għall-istazzjonar tax-xufiera fis-settur tat-trasport bit-triq u li temenda d-Direttiva 2006/22/KE fir-rigward ta’ rekwiżiti tal-infurzar u r-Regolament (UE) Nru 1024/2012 (ĠU L 249, 31.7.2020, pp. 49-65)

Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/2212 tal-20 ta’ Diċembru 2019 dwar proġett pilota biex jiġu implimentati ċerti dispożizzjonijiet ta’ kooperazzjoni amministrattiva stabbiliti fir-Regolament (UE) 2017/2394 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet responsabbli għall-infurzar tal-liġijiet tal-protezzjoni tal-konsumaturi permezz tas-Sistema ta’ Informazzjoni tas-Suq Intern (ĠU L 332, 23.12.2019, pp. 159-162)

Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/1253 tat-22 ta’ Lulju 2019 dwar proġett pilota biex jiġu implimentati d-dispożizzjonijiet dwar il-kooperazzjoni amministrattiva stabbiliti fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/470/KE li tistabbilixxi Network Ġudizzjarju Ewropew fil-materji ċivili u kummerċjali permezz tas-Sistema ta’ Informazzjoni tas-Suq Intern (ĠU L 195, 23.7.2019, pp. 40-42)

Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/743 tas-16 ta’ Mejju 2018 dwar proġett pilota għall-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ kooperazzjoni amministrattiva deskritti fir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill permezz tas-Sistema ta’ Informazzjoni tas-Suq Intern (ĠU L 123, 18.5.2018, pp. 115-118)

Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2014/89/UE tal-14 ta’ Frar 2014 dwar proġett bi prova għall-implimentazzjoni tal-obbligi ta’ kooperazzjoni amministrattiva deskritti fid-Direttiva 2007/59/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill permezz tas-Sistema ta’ Informazzjoni tas-Suq Intern (ĠU L 45, 15.2.2014, pp. 36-39)

l-aħħar aġġornament 16.10.2020

Top