EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Il-kumpaniji tat-trasport tal-merkanzija bit-triq u tal-passiġġieri: regoli operattivi

 

SOMMARJU TA’:

Ir-Regolament (KE) Nru 1071/2009 li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kundizzjonijiet li għandhom jiġu rispettati għall-eżerċizzju tal-professjoni ta’ operatur tat-trasport bit-triq.

Ir-Regolament (UE) 2020/1055 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1071/2009 bl-għan li jiġi adattat għall-iżviluppi fis-settur tat-trasport bit-triq

X’INHU L-GĦAN TAR-REGOLAMENT?

Ir-Regolament (KE) Nru 1071/2009:

  • jistabbilixxi r-regoli għall-kumpaniji li jixtiequ jidħlu u jkunu attivi fit-trasport tal-merkanzija bit-triq (jiġifieri trasport tal-merkanzija bit-triq) u n-negozju tat-trasport tal-passiġġieri;
  • japplika għall-kumpaniji kollha stabbiliti fl-UE li huma attivi (jew li għandhom il-ħsieb li jkunu attivi) fit-trasportazzjoni ta’ merkanzija jew persuni bi skambju għall-ħlas.

Ir-Regolament Emendatorju (UE) 2020/1055 jaġġorna r-regoli għall-eżerċizzju tal-professjoni tal-operaturi tat-trasport bit-triq sabiex jiġi miġġieled il-fenomenu tal-kumpaniji fantażma.* u kompetizzjoni inġusta.

PUNTI EWLENIN

Kumpaniji attivi fin-negozju tal-operatur tat-trasport bit-triq għandhom:

  • ikunu stabbiliti b’mod effettiv u stabbli f’pajjiż tal-UE;
  • ikunu ta’ reputazzjoni tajba;
  • ikollhom pożizzjoni finanzjarja adattata; u
  • ikollhom il-kompetenza professjonali meħtieġa.

Il-maniġer tat-trasport

Kull kumpanija tat-trasport bit-triq għandha taħtar maniġer tat-trasport li jkun responsabbli għall-immaniġġjar kontinwu tal-attivitajiet tat-trasport tagħha. Dan il-maniġer għandu jkun residenti fl-UE u jkollu konnessjoni ġenwina mal-intrapriża, pereżempju bħala impjegat, amministratur jew azzjonist.

Kif issir operatur tat-trasport bit-triq

  • Kumpanija li tkun trid issir attiva fin-negozju tal-operaturi tat-trasport bit-triq għandha tkun stabbilita f’pajjiż tal-UE kif ukoll ikollha bini f’dak il-pajjiż tal-UE, fejn tkun tista’ żżomm id-dokumenti kollha (kontijiet, dokumenti dwar l-immaniġġjar tal-ħaddiema u data relatata mal-ħin tas-sewqan u l-mistrieħ) meħtieġa għan-negozju tagħha.
  • Il-kumpanija għandu jkollha mill-inqas vettura waħda reġistrata għad-dispożizzjoni tagħha f’dak il-pajjiż tal-UE (ladarba tingħata l-awtorizzazzjoni) u jkollha ċentru operattiv li jkun jinsab f’dak il-pajjiż bl-apparat tekniku u faċilitajiet xierqa għat-tħaddim tal-vettura(i).
  • Addizzjonalment:
    • la l-kumpanija u lanqas il-maniġer ma jistgħu jkunu nstabu ħatja għal xi ksur ta’ ċerti regoli nazzjonali u tal-UE relatati mat-trasport bit-triq;
    • il-kumpanija għandha tkun kapaċi tissodisfa l-obbligi finanzjarji tagħha;
    • il-maniġer irid ikun għadda minn eżami bil-miktub obbligatorju li jista’ jkun issupplimentat minn eżami orali.

Awtorizzazzjoni u monitoraġġ

  • Il-pajjiżi tal-UE għandhom jaħtru awtorità competenti jew aktar minn waħda responsabbli għal:
    • l-eżaminazzjoni tal-applikazzjonijiet li jsiru minn kumpaniji;
    • l-għoti ta’ permessi għall-istabbiliment ta’ operatur tat-trasport bit-triq;
    • id-dikjarazzjoni li persuna tkun tajba/mhux tajba biex tmexxi l-attivitajiet tat-trasport ta’ kumpanija;
    • il-verifika li l-kumpanija tissodisfa r-rekwiżiti kollha rilevanti.
  • L-awtoritajiet kompetenti huma responsabbli wkoll sabiex isegwu l-applikazzjonijiet tal-kumpaniji għal reġistrazzjoni fi żmien 3 xhur. Huma jistgħu jiddikjaraw ukoll kumpanija bħala mhix tajba biex tmexxi l-attivitajiet tat-trasport.

Simplifikazzjoni u kooperazzjoni amministrattiva

  • Kull pajjiż tal-UE għandu jżomm reġistru elettroniku nazzjonali tal-kumpaniji awtorizzati biex ikunu attivi fin-negozju tal-operatur tat-trasport bit-triq. L-awtoritajiet nazzjonali kompetenti huma responsabbli mis-superviżjoni tad-data f’dak ir-reġistru.
  • Ir-reġistri nazzjonali għandhom ikunu magħquda flimkien sabiex l-awtoritajiet kompetenti ta’ kwalunkwe pajjiż tal-UE jkunu jistgħu jikkonsultaw ir-reġistru elettroniku nazzjonali ta’ kwalunkwe pajjiż ieħor tal-UE.

Ir-Regolament Emendatorju (UE) 2020/1055

Il-bidliet ewlenin introdotti fir-Regolament (KE) Nru 1071/2009 bl-emendar tar-Regolament (UE) 2020/1055 jinkludu dan li ġej.

  • Is-sostituzzjoni tal-artikolu dwar il-kundizzjonijiet relatati mar-rekwiżiti għall-istabbiliment ta’ impriża tat-trasport (l-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 1071/2009) sabiex jiġi miġġieled il-fenomenu tal-kumpaniji fantażma. Għalhekk din issaħħaħ ir-rabta bejn il-post tal-istabbiliment tal-operatur tat-trasport u tal-attivitajiet tiegħu.
  • L-estensjoni tar-regoli biex ikopru l-vannijiet użati fit-trasport internazzjonali (vetturi kummerċjali ħfief li jiżnu aktar minn 2.5 tunnellati).
  • Il-ħtieġa tal-Kummissjoni Ewropea li tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxu lista ta’ kategoriji, tipi u gradi ta’ gravità ta’ ksur serju tar-regoli tal-UE.
  • L-introduzzjoni ta’ proċeduri amministrattivi ġodda meta l-maniġer tat-trasport jew kumpanija tkun kisret b’mod serju r-regoli tal-UE.
  • L-introduzzjoni ta’ regoli ġodda dwar ir-reputazzjoni tajba tat-trasportatur tal-merkanzija: il-perjodu minimu wara liema l-manigers tat-trasport li jkunu tilfu r-reputazzjoni tajba tagħhom ikunu jistgħu jiksbuha mill-ġdid fi żmien sena. Il-maniġers li jkunu tilfu r-reputazzjoni tajba tagħhom iridu jagħtu prova li jkunu segwew livell minimu ta’ taħriġ jew għaddew minn eżami li juri għarfien tas-suġġetti elenkati fl-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 1071/2009.
  • Ir-reviżjoni tal-Anness IV tar-Regolament (KE) Nru 1071/2009 li tiċċara l-aktar ksur serju.
  • Il-ħtieġa li l-kumpaniji tat-trasport juru, abbażi ta’ kontijiet annwali ċċertifikati minn awditur jew minn persuna akkreditata kif xieraq, li għal kull sena jkollhom livelli speċifikati ta’ kapital u riservi għad-dispożizzjoni tagħhom.

MINN META SER BEDA JAPPLIKA DAN IR-REGOLAMENT?

  • Ir-Regolament (KE) Nru 1071/2009 ilu japplika mill-4 ta’ Diċembru 2011.
  • Ir-Regolament Emendatorju (UE) 2020/1055 ser jibda japplika mill-21 ta’ Frar 2022.

SFOND

Għal aktar informazzjoni, ara:

TERMINI EWLENIN

Kumpaniji fantażma: kumpaniji li jkunu ġew stabbiliti bil-għan li jibbenefikaw minn lakuni leġiżlattivi filwaqt li ma jipprovdu l-ebda servizz lill-klijenti nfushom, iżda minflok jipprovdu faċċata għas-servizzi pprovduti mis-sidien tagħhom (COM(2013) 122 final).

DOKUMENTI EWLENIN

Ir-Regolament (KE) Nru 1071/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kondizzjonijiet li għandhom jiġu rispettati għall-eżerċizzju tal-professjoni ta’ operatur tat-trasport bit-triq u li jħassar id-Direttiva tal-Kunsill 96/26/KE (ĠU L 300, 14.11.2009, pp. 51-71)

L-emendi suċċessivi għar-Regolament (KE) Nru 1071/2009 ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

Ir-Regolament (UE) 2020/1055 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Lulju 2020 li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1071/2009, (KE) Nru 1072/2009 u (UE) Nru 1024/2012 bl-għan li jiġu adattati għall-iżviluppi fis-settur tat-trasport bit-triq (ĠU L 249, 31.7.2020, pp. 17-32)

DOKUMENTI RELATATI

Rapport mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni fil-perjodu mill-4 ta’ Diċembru 2011 sal-31 ta’ Diċembru 2012 ta’ ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 1071/2009 li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kondizzjonijiet li għandhom jiġu rispettati għall-eżerċizzju tal-professjoni tal-operatur tat-trasport bit-triq (L-ewwel rapport mill-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni mill-Istati Membri ta’ ċerti dispożizzjonijiet li jikkonċernaw l-aċċess għall-eżerċizzju ta’ operatur tat-trasport bit-triq) (COM(2014) 592 final tal-25.9.2014).

l-aħħar aġġornament 09.10.2020

Top