EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52018AE1658

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill — Nadattaw il-Politika Komuni dwar il-Viża għal Sfidi Ġodda” [COM(2018) 251 final] u “Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 810/2009 li jistabbilixxi Kodiċi Komunitarju dwar il-Viżi (Kodiċi dwar il-Viżi)” (COM(2018) 252 final — 2018/0061 (COD))

EESC 2018/01658

ĠU C 440, 6.12.2018, p. 142–144 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

6.12.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 440/142


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill — Nadattaw il-Politika Komuni dwar il-Viża għal Sfidi Ġodda”

[COM(2018) 251 final]

u “Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 810/2009 li jistabbilixxi Kodiċi Komunitarju dwar il-Viżi (Kodiċi dwar il-Viżi)”

(COM(2018) 252 final — 2018/0061 (COD))

(2018/C 440/23)

Relatur:

Ionuț SIBIAN

Konsultazzjoni

Parlament Ewropew, 16.4.2018

Kunsill, 2.5.2018

Kummissjoni, 18.6.2018

Bażi legali

Artikolu 304 tat-TFUE

 

 

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni Speċjalizzata għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza

Adottata fis-sezzjoni

19.7.2018

Adottata fil-plenarja

19.9.2018

Sessjoni plenarja Nru

537

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

168/0/1

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-KESE jirrikonoxxi l-fatt li l-Kodiċi dwar il-Viżi huwa element ewlieni tal-politika komuni dwar il-viżi, billi jistabbilixxi sett komuni ta’ dispożizzjonijiet legali u struzzjonijiet operazzjonali.

1.2.

Il-KESE jappoġġja l-proċeduri u l-kundizzjonijiet armonizzati proposti mill-Kodiċi dwar il-Viżi, li jippermettu li jiġu eliminati sitwazzjonijiet fejn każijiet simili jiġu ttrattati b’mod differenti mill-Istati Membri tal-UE, filwaqt li jippermettu wkoll trattament differenzjat ibbażat fuq “rekord tal-viżi”. Barra minn hekk, il-KESE jqis wkoll li għandu jkun hemm sforz lejn l-istabbiliment ta’ proċeduri ta’ appell armonizzati f’każijiet ta’ rifjut tal-viża.

1.3.

Il-KESE jilqa’ s-soluzzjoni tal-armonizzazzjoni fir-rigward tal-viżi għal dħul multiplu, li jippermettu lid-detenturi tagħhom jivvjaġġaw ripetutament lejn l-UE matul il-perjodu ta’ validità tal-viża, peress li din tista’ tikkontribwixxi għal tkabbir ekonomiku, żvilupp u skambji kulturali u soċjali, kif ukoll ittejjeb l-appoġġ u l-fehim bejn il-persuni.

1.4.

Il-viżi għal dħul wieħed li għandhom jinħarġu fil-fruntieri esterni, introdotti fil-Kodiċi dwar il-Viżi sabiex jippromovu turiżmu fuq perjodu qasir ta’ żmien, juru l-flessibbiltà u l-approċċ pragmatiku meħuda mill-Istati Membri, u l-KESE jħeġġeġ li jiġi adottat dan l-approċċ meta jiġu indirizzati diversi aspetti oħra relatati mal-ħruġ tal-viża, sabiex jiġi żgurat li jiġu offruti faċilitajiet ta’ punt uniku ta’ kuntatt.

1.5.

Peress li l-Unjoni Ewropea għandha ssegwi, b’mod proattiv, l-osservanza ta’ reċiproċità sħiħa tal-viża fir-relazzjonijiet tagħha ma’ pajjiżi terzi, il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni twettaq konsultazzjoni rapida u tipproponi sett ċar ta’ proposti azzjonabbli li jindirizzaw kemm l-iffaċilitar kif ukoll is-sigurtà.

1.6.

Madankollu, il-KESE jappoġġja bis-sħiħ il-proposta li, qabel ma tieħu xi deċiżjoni biex tissospendi temporanjament l-eżenzjoni mill-ħtieġa tal-viża għal ċittadini ta’ pajjiż terz, il-Kummissjoni għandha tqis is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem f’dak il-pajjiż terz u l-konsegwenzi possibbli ta’ sospensjoni tal-eżenzjoni mill-ħtieġa tal-viża għal dik is-sitwazzjoni.

1.7.

Fl-istess ħin, il-KESE jirrakkomanda li għandhom isiru l-isforzi kollha sabiex tinġabar data (kemm jista’ jkun) affidabbli, rilevanti u uniformi/komparabbli fir-rigward tal-pajjiżi terzi u fir-rigward tas-sitwazzjonijiet li jippermettu lill-Istati Membri jiddeċiedu li jissospendu temporanjament l-eżenzjonijiet mill-ħtieġa tal-viża għal ċittadini ta’ pajjiż terz elenkat fl-Anness II tar-Regolament, li jelenka l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom iridu jkunu fil-pussess ta’ viżi meta jaqsmu l-fruntieri esterni u dawk li ċ-ċittadini tagħhom huma eżentati minn dak ir-rekwiżit.

1.8.

Il-KESE jirrakkomanda prudenza meta jiġi deċiż dwar ir-reviżjoni ’l fuq kostanti (kull sentjen) tat-tariffi tal-viża proposti. Din ir-reviżjoni m’għandhiex tkun awtomatika, filwaqt li jitqies li l-ispiża proposta diġà hija għolja meta mqabbla mal-livell ta’ tkabbir/żvilupp ta’ wħud mill-pajjiżi terzi kkonċernati.

1.9.

Il-KESE qed jappoġġja l-bidliet għall-Kodiċi dwar il-Viżi li huma relatati mal-possibbiltà addizzjonali li l-formola tal-applikazzjoni timtela u tiġi ffirmata b’mod elettroniku sabiex ikun hemm konformità mal-iżvilupp teknoloġiku. Fl-istess waqt, il-KESE jesiġi li l-Istati Membri kollha jkunu favur is-sottomissjoni onlajn tal-applikazzjonijiet għall-viża u jwettqu l-iżviluppi/bidliet neċessarji sabiex jappoġġjaw din il-proċedura onlajn, u jitlob li l-Kummissjoni tinkludi/tippreżenta skadenza realistika għall-adozzjoni ġeneralizzata tas-sottomissjoni tal-viżi onlajn mill-Istati Membri.

1.10.

Il-KESE jilqa’ l-proposta tal-Kummissjoni sabiex jitneħħa l-prinċipju tal-“preżentazzjoni personali tal-applikazzjoni” u jappoġġja u, aktar minn hekk, jitlob regoli u regolamenti li jippermettu s-sottomissjoni onlajn tal-applikazzjonijiet għal viża. Il-KESE jqis li għandha tiġi segwita s-sottomissjoni ta’ applikazzjonijiet għal viża bl-aktar mod rapidu u konvenjenti mill-post ta’ residenza tal-applikant tal-viża, inkluż l-użu usa’ ta’ fornituri esterni tas-servizzi, jekk meħtieġa, u l-forniment ta’ servizzi ta’ rappreżentanza aħjar, kif ukoll iż-żieda tal-kooperazzjoni bejn il-missjonijiet diplomatiċi tal-Istati Membri tal-UE.

1.11.

Il-KESE jirrakkomanda li l-Kummissjoni tirrevedi l-kategoriji attwali tal-applikanti li jibbenefikaw minn eżenzjoni mill-viża u tiddefinixxhom b’mod aktar ċar. Barra minn hekk, il-KESE jirrakkomanda li titqies il-possibbiltà li jiġu offruti eżenzjonijiet mit-tariffi għal persuni anzjani u rappreżentanti ta’ organizzazzjonijiet mingħajr skop ta’ qligħ li jieħdu sehem f’seminars, konferenzi, avvenimenti tal-isport, kulturali jew edukatttivi, mingħajr referenza għall-età tagħhom jew, tal-inqas, li jiġi kkunsidrat li jiżdied il-limitu tal-età.

1.12.

Peress li d-“dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament għandhom japplikaw għal kwalunkwe ċittadin ta’ pajjiż terz, li jrid ikun fil-pussess ta’ viża meta jaqsam il-fruntieri esterni tal-Istati Membri (…), u dan mingħajr preġudizzju: (…) għad-drittijiet ta’ moviment liberu li jgawdu minnhom ċittadini ta’ pajjiżi terzi li huma membri tal-familja ta’ ċittadini tal-Unjoni”, il-KESE jixtieq jenfasizza l-importanza li tiġi stabbilita prattika komuni sabiex tiġi evitata d-diskriminazzjoni fir-rigward tad-definizzjoni tar-“rabtiet familjari”, fid-dawl ta’ żviluppi reċenti fl-Istati Membri tal-UE fir-rigward tad-definizzjoni tal-familja.

2.   Kummenti ġenerali

2.1.

Il-KESE jieħu nota tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-ħtieġa li l-politika komuni dwar il-viżi tiġi adattata għal sfidi ġodda u jappoġġja, fid-dawl ta’ dan, iż-żewġ proposti għal regolament dwar il-kwistjoni ta’ Kodiċi Komunitarju dwar il-Viżi u dwar l-elenkar tal-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom iridu jkunu fil-pussess ta’ viżi meta jaqsmu l-fruntieri esterni u dawk li ċ-ċittadini tagħhom huma eżentati minn dak ir-rekwiżit.

2.2.

Għalhekk, il-KESE jirrikonoxxi l-fatt li l-Kodiċi dwar il-Viżi għandu effetti li jmorru lil hinn mill-għan li jiġu stabbiliti dispożizzjonijiet legali u proċeduri tal-applikazzjoni komuni u, minbarra li jiffaċilita l-ivvjaġġar leġittimu u jindirizza l-immigrazzjoni irregolari, dan għandu effett fuq it-tkabbir ekonomiku u l-ħolqien tal-impjiegi, anke jekk dan l-għan ma kienx assenjat lill-Kodiċi dwar il-Viżi mill-bidu nett. Fl-2017, fil-konsulati tal-Istati Schengen ġew ippreżentati 16,1 miljun applikazzjoni għal viżi uniformi u t-tendenza qed tikber. Minn dan it-total ta’ applikazzjonijiet, f’iktar minn 50 % tal-każijiet, nħarġu viżi għal dħul multiplu, filwaqt li l-għadd ta’ viżi mhux maħruġa kien ta’ 1,3 miljun, li jirrappreżentaw 8 % tat-total tar-rikjesti (1).

2.3.

Il-KESE jilqa’ l-bidliet proposti maħsuba biex jagħmlu l-ipproċessar tal-viżi aktar faċli kemm għall-applikanti kif ukoll għall-konsulati, jiġifieri: il-possibbiltà li applikazzjoni tiġi ppreżentata 6 xhur qabel il-vjaġġ maħsub (u 9 xhur fil-każ tal-baħħara), il-kjarifiki u l-kategoriji estiżi ta’ suġġetti li jistgħu jippreżentaw applikazzjoni f’isem l-applikant u l-armonizzazzjoni tad-dokumenti ġustifikattivi. Barra minn hekk, jilqa’ bl-akbar sodisfazzjon l-osservanza tal-prinċipju li applikant ikollu jmur biss f’post wieħed biex jippreżenta applikazzjoni.

2.4.

Madankollu, il-KESE jirrikonoxxi wkoll li l-aċċess għall-konsulati jibqa’ jippreżenta sfida, speċjalment f’pajjiżi terzi fejn il-maġġoranza tal-Istati Membri huma preżenti biss fil-belt kapitali u għalhekk l-applikanti jkollhom iġarrbu l-ispejjeż (kemm mil-lat ta’ ħin kif ukoll ta’ flus) ta’ vvjaġġar f’distanzi twal biex imorru l-konsulat. Għalhekk, il-KESE jilqa’ l-proposta sabiex jitneħħa l-prinċipju tal-“preżentazzjoni personali tal-applikazzjoni” u jitlob lill-Istati Membri jagħmlu l-aġġustamenti meħtieġa għas-sottomissjoni onlajn tal-applikazzjonijiet għal viża. Sadanittant, il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon ukoll kull tip ta’ miżura introdotta sabiex is-sottomissjoni ta’ applikazzjonijiet għal viża ssir bl-aktar mod rapidu u konvenjenti mill-post ta’ residenza tal-applikant tal-viża, inkluż l-użu usa’ ta’ fornituri esterni tas-servizzi, jekk meħtieġa, u l-forniment ta’ servizzi ta’ rappreżentanza aħjar, kif ukoll iż-żieda tal-kooperazzjoni bejn il-missjonijiet diplomatiċi tal-Istati Membri tal-UE.

2.5.

Fid-dawl tad-dħul fis-seħħ reċenti tar-regoli l-ġodda li jikkonċernaw il-protezzjoni u l-privatezza tad-data (ir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data), il-KESE jtenni l-ħtieġa li l-fornituri esterni tas-servizzi jkollhom il-kapaċità jirrispettaw/jiżguraw is-sigurtà tad-data personali miġbura. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jiżguraw li l-kumpaniji li joffru servizzi tal-viża (lil ċittadini Ewropej, jew lil persuni li mhumiex Ewropej għal viżi Ewropej) jagħmlu l-bidliet fil-politiki tagħhom dwar il-protezzjoni tad-data sabiex ikunu konformi mar-Regolament.

2.6.

Kemm l-iskadenzi l-ġodda mqassra għas-sottomissjoni ta’ applikazzjoni għal viża u li tittieħed deċiżjoni dwar l-applikazzjonijiet għal viżi kif ukoll l-armonizzazzjoni tal-possibbiltà li jinħarġu viżi uniformi (speċjalment fir-rigward tad-deċiżjoni li jinħarġu viżi għal dħul multiplu) jitqiesu mill-KESE bħala pożittivi, kif ukoll l-Artikolu 25(a) il-ġdid propost dwar il-Kooperazzjoni dwar ir-Riammissjoni, maħsub biex iżid il-kooperazzjoni tal-pajjiżi terzi dwar ir-riammissjoni tal-migranti irregolari, billi jintroduċi l-possibbiltà li tiġi introdotta applikazzjoni restrittiva u temporanja ta’ miżuri speċifikati b’mod ċar. Irid jiġi elaborat approċċ armonizzat dwar kif għandha tiġi ffaċilitata l-proċedura tal-applikazzjoni għal viża għal dawk l-applikanti li jkunu vvjaġġaw lejn l-UE qabel.

2.7.

Il-KESE jirrikonoxxi li l-koerenza bejn il-politika dwar il-viżi u l-impenn li sar f’oqsma oħra ta’ politika (pereżempju, il-ftehimiet kummerċjali) għandha tiġi żgurata u tkun vijabbli. Fir-rigward tal-ftehimiet ta’ eżenzjonijiet mill-viża konklużi mill-Istati Membri ma’ ċerti pajjiżi terzi għandha tiġi adottata s-soluzzjoni aċċettata b’mod ġenerali. L-Unjoni Ewropea għandha ssegwi, b’mod proattiv, l-osservanza tar-reċiproċità sħiħa tal-viża fir-relazzjonijiet tagħha mal-pajjiżi terzi.

2.8.

Filwaqt li jifhem ir-raġunament wara r-reviżjoni proposta tal-Artikolu 16 tal-Kodiċi dwar il-Viżi, jiġifieri ż-żieda tat-tariffa tal-viża b’terz, il-KESE jinsab imħasseb dwar ostakli possibbli li jistgħu jirriżultaw minn din iż-żieda tat-tariffi fil-każ ta’ ċittadini ta’ xi pajjiżi terzi li l-livell ta’ żvilupp/ġid tagħhom huwa konsiderevolment aktar baxx minn dak tal-Istati Membri tal-UE. Il-paragun tal-livell tat-tariffa tal-viża mal-ispejjeż tal-ivvjaġġar u spejjeż oħra involuti li l-applikanti għal viża jridu jkopru mhuwiex wieħed favorevoli, peress li llum il-ġurnata s-soluzzjonijiet mifruxa ta’ vvjaġġar u akkomodazzjoni bi prezz baxx jistgħu jirriżultaw f’soluzzjoni fejn l-ispiża tal-vjaġġ sħiħ tkun aktar baxxa jew ugwali għat-tariffa tal-viża.

2.9.

Il-KESE jemmen li l-proposta għal reviżjoni tal-livell tat-tariffa tal-viża kull sentejn għandha tqis il-possibbiltà li titnaqqas din it-tariffa, abbażi tal-implimentazzjoni possibbli tal-proċeduri elettroniċi tal-applikazzjoni għal viża (li jistgħu jimplikaw spejjeż tal-persunal u amministrattivi aktar baxxi għall-Istati Membri). Skont il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-Adattament tal-politika komuni dwar il-viżi għal sfidi ġodda, il-maġġoranza tal-Istati Membri jqisu l-vantaġġi li jużaw viżi diġitali (fost dawn il-vantaġġi hemm spejjeż aktar baxxi għall-konsulati, flimkien ma’ proċess ta’ applikazzjoni effiċjenti u aktar faċli għall-klijenti meta mqabbel mas-sistema ta’ applikazzjoni bbażata fuq il-karti).

2.10.

Minħabba l-livell attwali tat-tariffa tal-viża flimkien mal-livell propost, il-KESE jaħseb li għandha tiġi kkunsidrata l-possibbiltà li jiġu offruti eżenzjonijiet mit-tariffa lil rappreżentanti ta’ organizzazzjonijiet mingħajr skop ta’ qligħ li jieħdu sehem f’seminars, konferenzi, avvenimenti tal-isport, kulturali jew edukattivi organizzati minn organizzazzjonijiet mingħajr skop ta’ qligħ, mingħajr referenza għall-età tagħhom jew, tal-inqas, billi titqies iż-żieda tal-limitu tal-età (il-leġislazzjoni attwali tqis l-età – ta’ 25 sena jew inqas). Barra minn hekk, il-persuni anzjani għandhom jiġu offruti tali eżenzjonijiet talli jappoġġjaw l-integrazzjoni attiva tagħhom fis-soċjetà u jikkontribwixxu għal kwalità ta’ ħajja aħjar.

Brussell, id-19 ta’ Settembru 2018.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Luca JAHIER


(1)  L-istatistika tal-viżi għall-konsulati, 2017 (https://ec.europa.eu/home-affairs/what-we-do/policies/borders-and-visas/visa-policy#stats).


Top