EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62009CJ0161

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (l-Ewwel Awla) tat-3 ta' Marzu 2011.
Kakavetsos-Fragkopoulos AE Epexergasias kai Emporias Stafidas vs Nomarchiaki Aftodioikisi Korinthias.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Symvoulio tis Epikrateias - il-Greċja.
Moviment liberu tal-merkanzija - Miżuri li għandhom effett ekwivalenti għal restrizzjonijiet kwantitattivi - Passolina ta’ Kórinthos - Leġiżlazzjoni nazzjonali intiża għall-protezzjoni tal-kwalità tal-prodott - Limiti imposti għall-kummerċjalizzazzjoni skont id-diversi reġjuni ta’ produzzjoni - Ġustifikazzjoni - Proporzjonalità.
Kawża C-161/09.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2011:110

Kawża C-161/09

Kakavetsos-Fragkopoulos AE Epexergasias kai Emporias Stafidas, li kienet K. Fragkopoulos kai SIA OE

vs

Nomarchiaki Aftodioikisi Korinthias

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Symvoulio tis Epikrateias)

“Moviment liberu tal-merkanzija — Miżuri li għandhom effett ekwivalenti għal restrizzjonijiet kwantitattivi — Passolina ta’ Kórinthos — Leġiżlazzjoni nazzjonali intiża għall-protezzjoni tal-kwalità tal-prodott — Limiti imposti għall-kummerċjalizzazzjoni skont id-diversi reġjuni ta’ produzzjoni — Ġustifikazzjoni — Proporzjonalità”

Sommarju tas-sentenza

1.        Moviment liberu tal-merkanzija — Restrizzjonijiet kwantitattivi għall-esportazzjoni — Miżuri li għandhom effett ekwivalenti — Artikolu 29 KE — Effett dirett — Portata

(Artikolu 29 KE)

2.        Moviment liberu tal-merkanzija — Restrizzjonijiet kwantitattivi għall-esportazzjoni — Miżuri li għandhom effett ekwivalenti — Kunċett

(Artikolu 29 KE)

3.        Moviment liberu tal-merkanzija — Restrizzjonijiet kwantitattivi għall-esportazzjoni — Miżuri li għandhom effett ekwivalenti

(Artikoli 29 KE u 30 KE)

4.        Moviment liberu tal-merkanzija — Restrizzjonijiet kwantitattivi għall-esportazzjoni — Miżuri li għandhom effett ekwivalenti

(Artikolu 29 KE)

1.        Impriża li għandha l-għan li tipproċessa u li tippakkja żbib sabiex jiġu esportati lejn Stati Membri oħra u li hija stabbilita f’reġjun partikolari ta’ Stat Membru fejn huwa pprojbit, minn leġiżlazzjoni nazzjonali, li jiġu introdotti l-varjetajiet kollha ta’ żbib li joriġinaw minn reġjuni oħra ta’ dan l-Istat sabiex jiġu pproċessati u ppakkjati, b’mod li tinsab fl-impossibbiltà li tesporta ż-żbib li joriġinaw mill-imsemmija reġjuni, tista’ validament tinvoka, quddiem qorti nazzjonali, l-Artikolu 29 KE.

(ara l-punt 23)

2.        Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprojbixxi operatur ekonomiku milli jaħżen żbib li joriġinaw minn żoni ġeografiċi nazzjonali differenti minn dawk fejn hu stabbilit dan l-operatur bla dubju għandha impatt fuq il-volum ta’ esportazzjoni ta’ dawn, peress li l-persuna kkonċernata tista’ tipproċessa u tippakkja biss iż-żbib prodotti fir-reġjun stess fejn għandha s-sede tagħha. Minn dan isegwi li tali leġiżlazzjoni nazzjonali hija ta’ natura li xxekkel, tal-anqas potenzjalment, il-kummerċ intra-Komunitarju u tikkostitwixxi, għaldaqstant, miżura ta’ effett ekwivalenti għal restrizzjoni kwantitattiva għall-esportazzjoni li hija bħala prinċipju pprojbita mill-Artikolu 29 KE.

(ara l-punti 28, 29)

3.        L-Artikolu 29 KE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, li tipprovdi projbizzjoni assoluta ta’ introduzzjoni, ta’ ħżin, ta’ pproċessar u ta’ imballaġġ, għall-finijiet ta’ esportazzjoni, ta’ żbib koperti mid-denominazzjoni ta’ oriġni protetta “Vostizza” bejn iż-żewġ subżoni taż-żona A, sa fejn ma tippermettix li jintlaħqu b’mod koerenti l-għanijiet leġittimi intiżi u tmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq dan l-għan.

Fil-fatt, soluzzjoni inqas minatorja għall-moviment liberu tal-merkanzija, bħal dik li tikkonsisti f’li jiġu previsti linji ta’ produzzjoni separati, jiġifieri mħażen separati fejn iż-żbib tal-istess oriġini ġeografika biss jiġu maħżuna, ipproċessati u ppakkjati, tidher assolutament possibbli. Barra minn hekk, peress li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni timplementa regoli differenti għad-diversi żoni ta’ produzzjoni taż-żbib fis-sens li l-produtturi li jinsabu fiż-żona B jipproduċu żbib ta’ kwalità notorjament inferjuri għal dawk prodotti fiż-żona A huma awtorizzati jipproċessaw, jaħżnu, jippakkjaw u jesportaw żbib li joriġinaw miż-żona A kollha, inkluż l-ewwel subżona tagħha, minn fejn toriġina l-varjetà “Vostizza”, ma huwiex ċar għalfejn miżura ħafna iktar limitattiva hija imposta fuq il-produtturi tat-tieni subżona A, sa fejn għandom projbizzjoni pura u sempliċi milli jipproċessaw żbib li joriġinaw mill-ewwel subżona A fejn tiġi prodotta l-varjetà “Vostizza”. Minn dan isegwi li projbizzjoni assoluta taċ-ċirkulazzjoni taż-żbib bejn iż-żewġ subżoni taż-żona A, hekk kif previst mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma tistax tiġi kkunsidrata bħala oġġettivament iġġustifikata taħt il-protezzjoni tal-proprjetà industrijali u kummerċjali fis-sens tal-Artikolu 30 KE

(ara l-punti 40, 44-46, 49, 62 u d-dispożittiv)

4.        L-Artikolu 29 KE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi projbizzjoni assoluta ta’ introduzzjoni, ta’ ħżin, ta’ pproċessar u ta’ imballaġġ, għall-finijiet ta’ esportazzjoni, ta’ żbib bejn it-tieni subżona taż-żona A u ż-żona B oħra, sa fejn ma tippermettix li jintlaħqu b’mod koerenti l-għanijiet leġittimi intiżi u tmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq dan l-għan.

Fil-fatt, l-ispirtu tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat fil-qasam tal-moviment liberu tal-merkanzija jipprekludi l-Istati Membri milli jwaqqfu fruntieri interni li ma jistgħux jinqabżu sabiex tiġi ggarantita l-allegata kwalità superjuri ta’ ċerti prodotti, iktar u iktar meta d-dritt tal-Unjoni joffri l-għodda neċessarja għall-preservazzjoni tal-kwalità tal-prodotti li jkollhom karatteristiċi li tixirqilhom protezzjoni partikolari.

B’hekk, min-naħa, il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni ma tidhirx koerenti sa fejn tippermetti, fiż-żona B, it-taħlit tal-varjetajiet differenti taż-żbib, meta kull taħlit huwa pprojbit fiż-żona A kollha inkluż fit-tieni subżona tagħha, li ma hijiex protetta mid-denominazzjoni ta’ oriġni protetta. Minn dan isegwi li l-imsemmija leġiżlazzjoni ma tipprojbixxix b’mod assolut kull taħlit ta’ varjetajiet differenti ta’ żbib u li, barra minn hekk, il-livell ta’ kwalità tal-prodott ma jidhirx li kien kriterju determinanti għal-leġiżlatur nazzjonali.

Min-naħa l-oħra, peress li jeżistu miżuri oħra inqas minatorji għall-moviment liberu taż-żbib prodotti fuq it-territorju tal-Istat Membru ikkonċernat, bħall-possibbiltà li l-operaturi kkonċernati jkollhom linji ta’ produzzjoni u/jew postijiet ta’ ħżin differenti kif ukoll li japplikaw tikketti xierqa skont l-oriġini ġeografika taż-żbib ipproċessati, kif ukoll il-possibbiltà li tiġi ggarantita l-osservanza ta’ dawn l-obbligi b’kontrolli mhux mistennija u sanzjonijiet adegwati, projbizzjoni assoluta ta’ ċirkulazzjoni ta’ żbib bejn it-tieni subżona taż-żona A u ż-żona B, kif previst mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma tistax tiġi kkunsidrata ġġustifikata skont il-protezzjoni tal-konsumaturi u l-prevenzjoni ta’ frodi, sa fejn ma ssegwix dan l-għan b’mod koerenti u ma hijiex konformi mar-rekwiżiti tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

(ara l-punti 55, 57, 58, 60-62 u d-dispożittiv)







SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

3 ta’ Marzu 2011 (*)

“Moviment liberu tal-merkanzija – Miżuri li għandhom effett ekwivalenti għal restrizzjonijiet kwantitattivi – Passolina ta’ Kórinthos – Leġiżlazzjoni nazzjonali intiża għall-protezzjoni tal-kwalità tal-prodott – Limiti imposti għall-kummerċjalizzazzjoni skont id-diversi reġjuni ta’ produzzjoni – Ġustifikazzjoni – Proporzjonalità”

Fil-Kawża C‑161/09,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, imressqa mis-Symvoulio tis Epikrateias (il-Greċja), permezz ta’ deċiżjoni tad-29 ta’ Mejju 2008, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-8 ta’ Mejju 2009, fil-proċedura

Kakavetsos-Fragkopoulos AE Epexergasias kai Emporias Stafidas, li kienet K. Fragkopoulos kai SIA OE,

vs

Nomarchiaki Aftodioikisi Korinthias,

fil-preżenza ta’:

Ypourgos Georgias,

Enosis Agrotikon Synaiterismon Aigialeias tou Nomou Achaïas,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn A. Tizzano, President tal-Awla, J.‑J. Kasel (Relatur), A. Borg Barthet, M. Ilešič u M. Berger, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Mengozzi,

Reġistratur: R. Şereş, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-8 ta’ Lulju 2010,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Kakavetsos-Fragkopoulos AE Epexergasias kai Emporias Stafidas, li kienet K. Fragkopoulos kai SIA OE, minn I. Ktenidis, dikigoros,

–        għall-Gvern Elleniku, minn E. Leftheriotou u A. Vasilopoulou kif ukoll minn V. Kontilaimos, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Olandiż, minn C. Wissels u J. Langer, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Patakia, bħala aġent,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas‑16 ta’ Settembru 2010,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal‑Artikolu 29 KE.

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn K. Fragkopoulos kai SIA OE, impriża Griega, aventi kawża Kakavetsos-Fragkopoulos AE Epexergasias kai Emporias Stafidas (iktar ’il quddiem “Fragkopoulos”) u Nomarchiaki Aftodioikisi Korinthias (amministrazzjoni tal-isem ta’ Kórinthos), dwar ir-rifjut ta’ din tal‑aħħar li tawtorizza lil Fragkopoulos tittrasporta, taħżen, tipproċessa u tippakkja – għall-finijiet tal-esportazzjoni ulterjuri tagħha – passolina (passolina ta’ Kórinthos) bl-użin li toriġina minn żona ġeografika differenti minn dik fejn hija stabbilita din l-impriża.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

3        Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/96, tat-28 ta’ Ottubru 1996, dwar l‑organizzazzjoni komuni tas-swieq tal-prodotti tal-frott u l-ħxejjex ipproċessati (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 20, p. 83), jipprovdi, fl‑Artikolu 1 tiegħu, li l-organizzazzjoni komuni stabbilita minnu tkopri, fost l‑oħrajn, iż-żbib (għeneb imnixxef) (Kodiċi NM 0806 20).

4        Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1549/98, tas-17 ta’ Lulju 1998, li jissupplimenta l-Anness mar-Regolament (KE) Nru 1107/96 dwar ir-reġistrazzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjoni tal-oriġini skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 17 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2081/92 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 23, p. 235), jippermetti li tiġi rreġistrata d-denominazzjoni ta’ oriġini protetta (iktar ’il quddiem id-“DOP”) Κορινθιακή σταφίδα Βοστίτσα (Korinthiaki Stafida Vostitsa)” taħt it-titolu “Il‑prodotti maħsuba għall-konsum mill-bniedem elenkati fl-Anness II mat‑Trattat”.

 Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

5        Skont l-Artikolu 1 tal-Liġi 553/1977 dwar il-miżuri ta’ protezzjoni u ta’ sostenn għall-esportazzjoni tal-passolina u kwistjonijiet relatati oħra (FEK A’ 73):

“1.      L-art li fuqha titkabbar il-passolina tinqasam kif ġej:

a)      iż-żona A, li tinkludi s-subprefettura (eparkija) ta’ Aigialeia u l-komuni antiki ta’ Erineo, Krathida u Felloï tal-provinċja (isem) ta’ Achaïas kif ukoll il-provinċja ta’ Korinthos;

b)      iż-żona B, li tinkludi l-provinċji ta’ Zante u ċ-Cephallonia, il-gżira ta’ Lefkada, il-provinċja ta’ Ileia, il-provinċja ta’ (ħlief għas-subprefettura ta’ Aigialeia, il-komuni antiki ta’ Erineo, Krathida u Felloï) u l-provinċja ta’ Messenia.

2.      Huwa pprojbit li fiż-żona A tiġi importata, maħżuna u ppakkjata l-passolina li toriġina miż-żona B, kif ukoll li mbagħad tiġi esportata barra mill-pajjiż.

3.      L-importazzjoni fiż-żona B tal-passolina li toriġina miż-żona A hija awtorizzata, l-istess bħall-esportazzjoni taż-żbib meta dawn jitħalltu ma’ dawk ta’ din iż-żona, suġġett għall-kundizzjonijiet previsti fil-punti 3 u 4 tal-Artikolu 2 ta’ din il-liġi.

4.      Huwa pprojbit li l-passolina tas-subprefettura ta’ Aigialeia u tal-Komuni antiki ta’ Erineo, Krathida u Felloï tal-provinċja ta’ Achaïas tiġi ttrasportata u ppakkjata fil-provinċja ta’ Korinthos u viċeversa.”

6        L-Artikolu 2 tal-imsemmija liġi jipprovdi:

“1.      L-imballaġġi kollha li jkun fihom passolina prodotta fiż-żona A, li tiġi ppakkjata f’din iż-żona u li hija destinata għall-esportazzjoni, għandhom jiġu mmarkati b’mod obbligatorju bl-ittra ‘A’ u bil-kliem:

a)      ‘ΒΟΣΤΙΤΣΑ’[‘VOSTIZZA’] meta tkun passolina prodotta fis-subprefettura ta’ Aigialeia u tal-komuni antiki ta’ Erineo, Krathida u Felloï tal-provinċja ta’ Achaïas, ippakkjata f’din iż-żona u mbagħad esportata mill-port ta’ Aigio;

b)      ‘KΟΡΦΟΣ’ [‘KORFOS’] (‘GULF’) meta tkun passolina prodotta fil‑provinċja ta’ Kórinthos, ippakkjata hemmhekk u esportata mill-portijiet ta’ Kiato u ta’ Kórinthos.

2.      Fid-diversi imballaġġi tal-passolina ta’ Kórinthos taż-żoni msemmija, jista’ jitpoġġa fuljett jew riklami li jiddeskrivu l-kwalità u b’mod iktar ġenerali t-tifsira tal-kliem ‘Vostizza’ jew ‘Gulf’.

3.      L-imballaġġi kollha li jkun fihom il-passolina li toriġina minn taħlita ta’ żbib taż-żoni A u B, ippakkjata fiż-żona B, għandhom ikunu mmarkati b’mod obbligatorju bil-kelma ‘PROVINCIAL’ u, jista’ jkollhom l-isem tal-post fejn sar l-imballaġġ.

4.      L-imballaġġi kollha li jkun fihom passolina prodotta fiż-żona B, li tkun ġiet ppakkjata f’din iż-żona u destinata għall-esportazzjoni, għandhom ikunu mmarkati, b’mod obbligatorju, bil-kelma ‘PROVINCIAL’ u bil-kliem li ġejjin, bl‑esklużjoni ta’ kliem ieħor:

a)      ‘ZANTE’ għall-passolina ta’ Kórinthos prodotta u ppakkjata f’Zante kif ukoll għall‑passolina ppakkjata fiż-żona B inġenerali, li tkun provenjenti mill‑gżira ta’ Zante, kif jattestaw l-awtorizzazzjonijiet ta’ trasport maħruġa mill-ASO (Korp Awtonomu taż-Żbib) u esportata barra mill-pajjiż minn port, ikun liema jkun, lejn iż-żona B;

b)      ‘CEPHALLONIA’ għall-passolina ta’ Kórinthos prodotta u ppakkjata f’Cephallonia jew f’Lefkada kif ukoll għall-passolina ppakkjata fiż-żona B inġenerali, li tkun toriġina minn Cephallonia u mill-gżira ta’ Lefkada kif jattestaw l-awtorizzazzjonijiet ta’ trasport maħruġa mill-ASO u esportata barra mill-pajjiż minn port, ikun liema jkun, lejn iż-żona B;

c)      ‘AMALIAS’ għall-passolina ppakkjata fir-reġjun ta’ Amaliada kif ukoll għall-passolina ppakkjata fiż-żona B inġenerali, li tkun toriġina mir-reġjun ta’ Amaliada, jiġifieri komuni antiki ta’ Elisi, Ilida, Pinion u Myrtoundion fil‑provinċja ta’ Ileia kif jattestaw l-awtorizzazzjonijiet ta’ trasport maħruġa mill-ASO u esportata barra mill-pajjiż minn port, ikun liema jkun, lejn iż‑żona B;

[…]”

7        L-Artikolu 3 ta’ l-istess liġi jipprovdi:

“1.      L-esportazzjoni tal-passolina għandha ssir bil-mod kif ġej:

a)      dik immarkata bil-kelma ‘Vostizza’, mill-port ta’ Aigio;

b)      dik immarkata bil-kelma ‘Gulf’, mill-portijiet ta’ Kórinthos u ta’ Kiato;

c)      dik immarkata bil-kliem ‘Zante’, ‘Cephallonia’ u ‘Amalias’, mill-portijiet kollha li jesportaw lejn iż-żona B;

[…]”

8        Skont il-qorti tar-rinviju, mill-espożizjoni tal-motivi tal-Liġi 553/1977 jirriżulta li r-raġuni tas-separazzjoni tar-reġjuni ta’ produzzjoni taż-żbib f’żoni A u B tinsab fil-fatt li ż-żbib prodotti fiż-żona A huma kkunsidrati ta’ kwalità superjuri għal dawk li joriġinaw miż-żona B. Iż-żona A stess hija maqsuma f’żewġ subżoni fejn l-ewwel waħda tipproduċi żbib ta’ kwalità iktar għolja. F’dak li għandu x’jaqsam mal-kundizzjonijiet ta’ trasport taż-żbib bejn iż-żoni A u B, mill-espost tal-motivi ta’ din il-liġi jirriżulta wkoll li, sabiex titjieb il-kwalità taż-żbib li joriġinaw miż‑żona B, huwa awtorizzat li jiżdiedu magħha żbib taż-żona A u li dawn tal‑aħħar jitħalltu maż-żbib taż-żona B. Barra minn hekk, id-diversi marki msemmija fl-Artikolu 2 tal-imsemmija liġi ġew ikkunsidrati bħala indispensabbli sabiex tiġi żgurata l-protezzjoni tal-kwalità superjuri taż-żbib li joriġinaw miż‑żona A, jiġu informati l-konsumaturi bl-oriġini tal-prodotti, jiġu enfasizzati ż‑żoni ta’ produzzjoni jew dawk fejn isir l-imballaġġ taż-żbib u, fl-aħħar nett, indirettament, jiġi vvalorizzat ix-xogħol tal-produtturi taż-żbib.

9        Permezz ta’ digriet tat-22 ta’ Novembru 1993, Ypourgos Georgias (Ministru tal‑Agrikoltura) rrikonoxxa d-denominazzjoni “Vostizza” bħala DOP tal-passolina prodotta minn għeneb tal-varjetà “għeneb iswed ta’ Kórinthos” li joriġina mir‑reġjun tas-subprefettura ta’ Aigialeia u tal-komuni antiki ta’ Erineo, ta’ Krathida u ta’ Felloi tal-provinċja ta’ Achaïas (l-ewwel subżona taż-żona A). Barra minn hekk, sa mill-2008, iż-żbib li joriġinaw mill-gżira ta’ Zante, li hija waħda mir-reġjuni li jagħmlu parti miż-żona B, jibbenefikaw mid-DOP Σταφίδα Ζακύνθου (Stafida Zakynthou).

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

10      Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li Fragkopoulos, li l-attività tagħha tikkonsisti fl-ipproċessar u l-kummerċjalizzazzjoni tal-passolina, għandha laboratorju għall‑ipproċessar u l-ippakkjar taż-żbib fir-reġjun ta’ Kiato (Kórinthos). Dan ir‑reġjun jinsab fit-tieni subżona taż-żona A fejn huma prodotti ż-żbib tal-varjetà “Korfos”, mhux koperti mid-DOP kemm nazzjonali kif ukoll dik Komunitarja li tibbenefika minnha biss, fil-mument tal-fatti fil-kawża prinċipali, il-varjetà “Vostizza”.

11      Sabiex tkun tista’ tittrasporta, taħżen, tipproċessa u tippakkja fil-provinċja ta’ Kórinthos, żbib li joriġinaw minn partijiet oħra taż-żona A kif ukoll taż-żona B, sabiex tikkummerċjalizzaha – inkluż fi Stati Membri oħra –, Fragkopoulos talbet awtorizzazzjoni f’dan is-sens mingħand in-Nomarchiaki Aftodioikisi Korinthias.

12      Fis-27 ta’ Ġunju 2001, din tal-aħħar ċaħdet l-imsemmija talba abbażi tad‑dispożizzjonijiet tal-Liġi 553/1977.

13      Peress li l-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli kienet kuntrarja għad-dritt tal‑Unjoni, Fragkopoulos ippreżentat, fis-17 ta’ Settembru 2001, rikors għall‑annullament ta’ din id-deċiżjoni quddiem il-qorti tar-rinviju. Quddiem din il‑qorti, Ypourgos Georgias u l-Enosis Agrotikon Synaiterismon Aigialeias tou Nomou Achaïas (Unjoni tal-Kooperativi Agrikoli tal-provinċja ta’ Achaïas) intervjenew favur il-kontinwazzjoni tal-validità tad-deċiżjoni kkontestata.

14      Insostenn tar-rikors tagħha, Fragkopoulos tallega li l-obbligu, stabbilit fl‑Artikolu 1 tal-Liġi 553/1977, għall-impriżi ta’ proċessar stabbiliti fiż-żona A ta’ produzzjoni tal-passolina li jużaw esklużivament bħala materja prima żbib li joriġinaw mir-reġjuni taż-żona A fejn huma stabbiliti – u li l-għan tiegħu huwa l‑projbizzjoni tal-introduzzjoni minn dawn l-impriżi ta’ żbib li joriġinaw kemm mir-reġjuni taż-żona A kif ukoll miż-żona B kollha – jaqbeż il-limiti ta’ dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan intiż għall-protezzjoni tal-kwalità kif ukoll tar-reputazzjoni taż-żbib tal-varjetà “Vostizza”. Għaldaqstant, l-imsemmi obbligu huwa kuntrarju għar-rekwiżiti tad-dritt tal-Unjoni u, b’mod iktar partikolari, għall-moviment liberu tal-merkanzija kif ukoll għall-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni.

15      F’dan ir-rigward, Fragkopoulos issostni, b’mod partikolari, li l-libertà ekonomika tagħha u ta’ kompetizzjoni hija affettwata mil-leġiżlazzjoni Ellenika inkwistjoni, li l-effett tagħha huwa li l-impriżi ta’ pproċessar stabbiliti fiż-żona A, bħall-impriża tagħha, ma għandhomx biżżejjed materja prima, u għaldaqstant ma humiex sfruttati biżżejjed, filwaqt li l-impriżi stabbiliti fiż-żona B jistgħu jixtru żbib li joriġinaw miż-żewġ żoni A u B, u għalhekk għandom materja prima f’abbondanza u jinsabu f’pożizzjoni li jipproduċu iżjed għal prezz aħjar.

16      Hija żżid li l-produzzjoni totali taż-żbib fir-reġjun tal-provinċja ta’ Kórinthos titla’ għal 9 000 tunnellata, kwantità li hija pproċessata minn ħames impriżi li huma stabbiliti u jiffunzjonaw f’din il-provinċja, filwaqt li, fiż-żona B, li tipproduċi kwantità ta’ 20 000 tunnellata ta’ żbib, l-unitajiet attivi huma erba’, għalkemm Fragkopoulos tinsab f’sitwazzjoni ekonomika ħażina.

17      Fragkopoulos tippreċiża wkoll li, bit-talba tagħha, hija ma tfittix li tiġi awtorizzata tħallat fil-fabbrika tagħha varjetajiet differenti ta’ żbib, u lanqas ma għandha l‑intenzjoni li tibdel il-kwalità tagħhom jew li tabbuża mid-DOP “Vostizza”, imma tfittex biss li jkollha d-dritt li tintroduċi żbib li joriġinaw minn reġjuni differenti minn dak ta’ Kórinthos, li tipproċessahom u sussegwentement li tesportahom, filwaqt li tinkludi fuq l-imballaġġ ikkonċernat l-indikazzjonijiet previsti fl-Artikolu 2 tal-Liġi 553/1977, skont kull varjetà konkretament inkwistjoni.

18      Il-qorti tar-rinviju tistaqsi, fl-ewwel lok, dwar il-possibbiltà għal Fragkopoulos li tinvoka, quddiem qorti nazzjonali, dispożizzjoni bħall-Artikolu 29 KE f’każ fejn ir-restrizzjonijiet inkwistjoni jikkonċernaw it-territorju li jappartjeni għall-istess Stat Membru u li huma formalment newtrali mill-perspettiva tal-iskambji intra‑Komunitarji. Hija tosserva għaldaqstant, f’dan ir-rigward, li d‑dispożizzjonijiet tal-Liġi 553/1977 għandhom l-effett li Fragkopoulos ma tistax tintroduċi, fir-reġjun fejn hija stabbilita, żbib li joriġinaw minn reġjuni oħra tar‑Repubblika Ellenika sabiex mhux biss tipproċessahom u tippakkjahom, imma wkoll tesportahom lejn Stati Membri oħra.

19      Fit-tieni lok, u fl-ipoteżi fejn il-Qorti tal-Ġustizzja tagħti risposta fl-affermattiv għall-imsemmija domanda, il-qorti tar-rinviju tesponi li, anki jekk, formalment, id-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni ma jagħmlux distinzjoni bejn il‑kummerċ intern u l-kummerċ ta’ esportazzjoni, madankollu għandhom l-effett li jillimitaw, anki jekk potenzjalment, il-fluss tal-esportazzjonijiet lejn Stati Membri oħra. Għalhekk, hija tistaqsi dwar jekk id-dispożizzjonijiet tal-Liġi 553/1977 humiex bħala prinċipju kuntrarji għall-Artikolu 29 KE u, skont il-każ, jekk jistgħux jiġu ġġustifikati skont l-Artikolu 30 KE kif ukoll jekk il-prinċipju ta’ proporzjonalità huwiex osservat.

20      F’dawn iċ-ċirkustanzi s-Symvoulio tis Epikrateias iddeċieda li jissospendi l‑proċeduri quddiemu u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      Impriża, li tissodisfa r-rekwiżiti sodisfatti mir-rikorrenti, jiġifieri impriża li tipproċessa u timballa ż-żbib, stabbilita f’reġjun partikolari tal-pajjiż, li fih il-liġi tipprojbixxi l-introduzzjoni, għall-finijiet tal-ipproċessar u tal‑imballaġġ, ta’ diversi varjetà ta’ żbib li joriġinaw minn reġjuni oħra tal‑pajjiż, u li għaldaqstant ma tistax tesporta żbib li nkiseb mill-ipproċessar ta’ żbib li joriġina mill-varjetà imsemmija iktar ’il fuq, tista’ tinvoka quddiem il-qorti n-nuqqas ta’ konformità ta’ dawn il-miżuri leġiżlattivi mal-Artikolu 29 tat-Trattat KE?

2)      Fil-każ ta’ risposta affermattiva għall-ewwel domanda, dispożizzjonijiet bħal dawk tad-dritt nazzjonali Elleniku, li jirregolaw din il-kwistjoni u li għalkemm min-naħa, jipprojbixxu l-introduzzjoni, l-immagazzinaġġ u l‑ipproċessar ta’ żbib bil-għan li dan jiġi suċċessivament esportat, minn xi reġjuni tal-pajjiż, f’reġjun speċifiku, li fih huwa permess l-ipproċessar biss ta’ żbib prodott lokalment, min-naħa l-oħra jirriżervaw il-possibbiltà tar‑rikonoxximent tad-[DOP] biss għaż-żbib li kien suġġett għal ipproċessar u li ġie imballat fir-reġjun speċifiku li fih dan inkiseb, imorru kontra l‑Artikolu 29 tat-Trattat KE, li jipprojbixxi l‑impożizzjoni ta’ restrizzjonijiet kwantitattivi fuq l-esportazzjoni jew kull miżura li għandha effett ekwivalenti?

3)      Fil-każ ta’ risposta affermattiva għat-tieni domanda, il-protezzjoni tal‑kwalità ta’ prodott, li jiġi ddeterminat ġeografikament mil-liġi nazzjonali tal-Istat Membru u li fir-rigward tiegħu ma ġietx rikonoxxuta l-possibbiltà li dan ikollu isem kummerċjali li jindika l-kwalità għolja tiegħu u l-uniċità tiegħu ġeneralment irrikonoxxuta, minħabba l-oriġini tiegħu minn reġjun ġeografiku speċifiku, skont l-Artikolu 30 KE tat-Trattat li jistabbilixxi l‑Komunità Ewropea, [tikkostitwixxi] għan leġittimu ta’ interess ġenerali inderogabbli li jippermetti li ssir deroga mill-Artikolu 29 KE, li jipprojbixxi l-impożizzjoni ta’ restrizzjonijiet kwantitattivi fuq l-esportazzjoni tal‑prodott ikkonċernat u kull miżura li għandha effett ekwivalenti?”

 Fuq id-domandi preliminari

21      Permezz tad-domandi tagħha, li jaqbel li jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar‑rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk u, skont il-każ, sa fejn l-Artikolu 29 KE jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li, minn naħa tipprojbixxi l-introduzzjoni, il-ħżin, l-ipproċessar u l-imballaġġ, għall‑finijiet ta’ l-esportazzjoni tagħhom, żbib li joriġinaw mid-diversi reġjuni tal‑Istat Membru kkonċernat, f’reġjun preċiż tal-imsemmi Stat Membru fejn jistgħu jinħażnu, jiġu pproċessati u ppakkjati biss żbib prodotti lokalment, u li, min-naħa l-oħra, tirriżerva d-DOP “Vostizza” biss għaż-żbib li ġew ipproċessati u ppakkjati fir-reġjun stess fejn ġew prodotti.

22      Preliminarjament, hemm lok li jitfakkar li, skont l-Artikolu 29 KE, ir‑restrizzjonijiet kwantitattivi fuq l-esportazzjoni, kif ukoll il-miżuri kollha li għandhom effett ekwivalenti, huma pprojbiti bejn l-Istati Membri. Skont ġurisprudenza stabbilita, l-imsemmi artikolu huwa rrikonoxxut li għandu effett dirett u, għaldaqstant, li jagħti lill-individwi drittijiet li l-qrati nazzjonali għandhom l-obbligu li jipproteġu (ara f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi tad-29 ta’ Novembru 1978, Redmond, 83/78, Ġabra p. 2347, punti 66 u 67, kif ukoll tad-9 ta’ Ġunju 1992, Delhaize u Le Lion, C-47/90, Ġabra p. I‑3669, punt 28).

23      Konsegwentement, impriża li tinsab fis-sitwazzjoni ta’ Fragkopoulos, li għandha l-għan li tipproċessa u li tippakkja żbib sabiex jiġu esportati lejn Stati Membri oħra u li hija stabbilita f’reġjun partikolari ta’ Stat Membru fejn huwa pprojbit, minn leġiżlazzjoni nazzjonali, li jiġu introdotti l-varjetajiet kollha ta’ żbib li joriġinaw minn reġjuni oħra ta’ dan l-Istat sabiex jiġu pproċessati u ppakkjati, b’mod li tinsab fl-impossibbiltà li tesporta ż-żbib li joriġinaw mill-imsemmija reġjuni, tista’ validament tinvoka, quddiem qorti nazzjonali, l-Artikolu 29 KE.

24      F’dak li jikkonċerna l-portata, tal-imsemmi artikolu, hemm lok li jiġi evalwat suċċessivament jekk leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali tikkostitwixxix restrizzjoni għall-prinċipju fundamentali tal-moviment liberu tal-merkanzija u, skont il-każ, jekk tistax tiġi oġġettivament iġġustifikata.

 Fuq l-eżistenza ta’ restrizzjoni fis-sens tal-Artikolu 29 KE

25      F’dan ir-rigward, jaqbel, fl-ewwel lok, li jiġi ddeterminat jekk leġiżlazzjoni nazzjonali tat-tip bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali tikkostitwixxix restrizzjoni kwantitattiva għall-esportazzjoni jew miżura li l-effett tagħha huwa ekwivalenti għal tali restrizzjoni skont l-Artikolu 29 KE.

26      Sa fejn il-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma timplementax direttament restrizzjonijiet kwantitattivi għall-esportazzjoni, ma tistax, bħala tali, tiġi kkunsidrata li tikkostitwixxi restrizzjoni kwantitattiva għall-esportazzjoni fis‑sens tal-imsemmi artikolu tat-Trattat KE.

27      Fir-rigward tal-punt dwar jekk l-imsemmija leġiżlazzjoni għandhiex il‑karatteristiċi ta’ miżura ta’ effett ekwivalenti għal restrizzjoni kwantitattiva għall-esportazzjoni fis-sens tal-istess artikolu, huwa importanti li jiġi ppreċiżat li, kif jirriżulta mill-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 2201/96, iż-żbib huma s-suġġett ta’ organizzazzjoni komuni tas-swieq kif msemmi fl-Artikolu 34 KE. Għandu jingħad ukoll li, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, f’tali każ bħal dan inkwistjoni, kull miżura li tista’ xxekkel direttament jew indirettament, attwalment jew potenzjalment, il-kummerċ intra-Komunitarju tikkostitwixxi miżura ta’ effett ekwivalenti għal restrizzjoni kwantitattiva għall-esportazzjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-26 ta’ Frar 1980, Vriend, 94/79, Ġabra p. 327, punt 8, u tal-15 ta’ April 1997, Deutsches Milch-Kontor, C-272/95, Ġabra p. I‑1905, punt 24).

28      Issa, għandu jiġi kkonstatat li leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil‑kawża prinċipali, sa fejn tipprojbixxi lil operatur ekonomiku bħal Fragkopoulos li jaħżen żbib li joriġinaw minn żoni ġeografiċi nazzjonali differenti minn dawk fejn hu stabbilit dan l-operatur – f’dan il-każ l-ewwel subżona taż-żona A kif ukoll it-totalità taż-żona B –, bla dubju għandha impatt fuq il-volum ta’ esportazzjoni ta’ dawn, peress li l-persuna kkonċernata tista’ tipproċessa u tippakkja biss iż-żbib prodotti fir-reġjun stess fejn għandha s-sede tagħha – jiġifieri t-tieni subżona taż‑żona A (ara f’dan is-sens, ukoll is-sentenza tat-8 ta’ Novembru 2005, Jersey Produce Marketing Organisation, C-293/02, Ġabra p. I‑9543, punt 80).

29      Minn dan isegwi li tali leġiżlazzjoni nazzjonali hija ta’ natura li xxekkel, tal-anqas potenzjalment, il-kummerċ intra-Komunitarju u tikkostitwixxi, għaldaqstant, miżura ta’ effett ekwivalenti għal restrizzjoni kwantitattiva għall-esportazzjoni, bħala prinċipju pprojbita mill-Artikolu 29 KE. Hekk hija s-sitwazzjoni f’dan il‑każ iktar u iktar peress li l-Artikolu 1 tal-Liġi 553/1977 jipprojbixxi espliċitament, fil-paragrafi 2 sa 4 tiegħu, l-esportazzjoni tal-passolina peress li ma tirrispondiex għall-kundizzjonijiet imposti minn din il-liġi għall-ipproċessar, il‑ħżin u l-ippakkjar tagħha fl-istess post tal-produzzjoni tagħha.

30      Barra minn hekk, rigward il-fatt li d-DOP “Vostizza” hija rriżervata biss għaż‑żbib ipproċessati u ippakkjati fir-reġjun stess fejn dawn iż-żbib ġew prodotti, huwa biżżejjed li jitfakkar li, skont ġurisprudenza kostanti, il-fatt li l-użu ta’ DOP rreġistrata fil-livell tal-Unjoni Ewropea jiġi suġġett għal kundizzjonijiet marbuta mar-reġjun ta’ produzzjoni jikkostitwixxi wkoll miżura ta’ effett ekwivalenti għal restrizzjoni kwantitattiva għall-esportazzjoni fis-sens tal-Artikolu 29 KE (ara f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-20 ta’ Mejju 2003, Ravil, C‑469/00, Ġabra p. I‑5053, punt 88 kif ukoll Consorzio del Prosciutto di Parma u Salumificio S. Rita, C‑108/01, Ġabra p. I‑5121, punt 59).

31      F’dawn il-kundizzjonijiet, jaqbel, fit-tieni lok, li jiġi ddeterminat jekk tali restrizzjonijiet għall-moviment liberu tal-merkanzija jistgħux jiġu oġġettivament iġġustifikati.

 Fuq l-eventwali ġustifikazzjonijiet tar-restrizzjonijiet inkwistjoni

32      Peress li huma biss iż-żbib prodotti fl-ewwel subżona A, jiġifieri dik tal-varjetà “Vostizza”, li huma koperti minn DOP, huwa importanti li ssir distinzjoni, għal eventwali ġustifikazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni, bejn, minn naħa, il-projbizzjoni ta’ ċirkulazzjoni ta’ żbib bejn iż-żewġ subżoni taż-żona A u, min‑naħa l-oħra, il-projbizzjoni li jiġu introdotti żbib li joriġinaw miż-żona B fit‑tieni subżona taż-żona A, subżona fejn tinsab is-sede ta’ Fragkopoulos u li ma għandhomx DOP.

 Fuq il-projbizzjoni ta’ ċirkulazzjoni bejn iż-żewġ subżoni taż-żona A

33      Fir-rigward tal-ewwel aspett stabbilit fil-punt preċedenti, mill-atti tal-proċess mibgħut lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-obbligu li jsir l-ipproċessar u l‑imballaġġ taż-żbib tal-varjetà “Vostizza” unikament fl-ewwel subżona taż‑żona A kif ukoll, korrelattivament, il-projbizzjoni prevista fl-Artikolu 1(4) tal-Liġi 553/1977 ta’ kwalunkwe ċirkulazzjoni ta’ żbib bejn iż-żewġ subżoni taż‑żona A, bil-konsegwenza li produttur stabbilit fit-tieni subżona tal-imsemmija żona jinsab fl-impossibbiltà assoluta li jipproċessa u li jippakkja żbib tal-varjetà “Vostizza”, huma intiżi sabiex jipproteġu d-DOP li tibbenefika minnha din il-varjetà skont id-dritt tal-Unjoni.

34      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni timmanifesta tendenza ġenerali li tiżdied il-kwalità tal-prodotti fil-kuntest tal-politika agrikola komuni, sabiex tiżdied ir-reputazzjoni tal-imsemmija prodotti, b’mod partikolari, permezz tal-użu ta’ denominazzjonijiet tal-oriġini li jgawdu protezzjoni partikolari (sentenza tas-16 ta’ Mejju 2000, Il-Belġju vs Spanja, C-388/95,Ġabra p. I‑3123, punt 53). Din it-tendenza mmanifestat ruħha bl-adozzjoni tar-Regolament tal‑Kunsill (KEE) Nru 2081/92, tal-14 ta’ Lulju 1992, dwar il-protezzjoni tal‑indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjoni tal-oriġini tal-prodotti agrikoli u l-prodotti tal-ikel (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 13, p. 4), li fid-dawl tal-premessi tagħha, tfittex b’mod partikolari li tissodisfa l-istennija tal‑konsumaturi fil-qasam ta’ prodotti ta’ kwalità u ta’ oriġini ġeografika ċerta kif ukoll li tiffaċilita l-kisba mill-produtturi, f’kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni ugwali, ta’ dħul aħjar minħabba sforz kwalitattiv reali (ara s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Ravil, punt 48 kif ukoll Consorzio del Prosciutto di Parma u Salumificio S. Rita, punt 63).

35      Il-leġiżlazzjoni applikabbli tipproteġi lill-benefiċjarji tagħhom minn użu abbużiv tad-denominazzjonijiet minn terzi li jixtiequ japprofittaw mir-reputazzjoni li dawn ikunu kisbu. Dawn id-denominazzjonijiet huma intiżi sabiex jiggarantixxu li l‑prodott kopert bihom ikun ġej minn żona ġeografika speċifika u li għandu ċerti karatteristiċi partikolari. Huma jistgħu jgawdu reputazzjoni kbira fost il‑konsumaturi u jikkostitwixxu għall-produtturi li jissodisfaw il-kundizzjonijiet sabiex jużawhom mezz essenzjali sabiex jattiraw klijentela. Ir-reputazzjoni tad‑denominazzjonijiet ta’ oriġini tiddependi mill-impressjoni tagħhom li jkollhom il-konsumaturi. Din l-impressjoni tiddependi, hi stess, essenzjalment, mill-karatteristiċi partikolari, u b’mod ġenerali tal-kwalità tal-prodott (ara s‑sentenza Il-Belġju vs Spanja, iċċitata iktar ’il fuq, punti 54 sa 56). Fil‑perċezzjoni tal-konsumatur, ir-rabta bejn ir-reputazzjoni tal-produtturi u l‑kwalità tal-prodotti tiddependi wkoll mill-konvinzjoni tiegħu li l-prodotti mibjugħa bid-denominazzjoni tal-oriġini huma awtentiċi (ara s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Ravil, punt 49 kif ukoll Consorzio del Prosciutto di Parma u Salumificio S. Rita, punt 64).

36      Skont l-Artikolu 30 KE, l‑Artikolu 29 KE ma jeskludix projbizzjonijiet jew restrizzjonijiet fuq l‑esportazzjoni li huma ġġustifikati għal raġunijiet, b’mod partikolari, ta’ protezzjoni ta’ proprjetà industrijali u kummerċjali.

37      Peress li ma hemmx dubju li d-denominazzjonijiet ta’ oriġini jaqgħu taħt id‑drittijiet ta’ proprjetà industrijali u kummerċjali fis-sens tal-Artikolu 30 KE, kundizzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprojbixxi kwalunkwe trasport ta’ żbib bejn iż-żewġ subżoni taż-żona A, għandha għalhekk tiġi kkunsidrata konformi mad-dritt tal-Unjoni, minkejja l-effetti restrittivi tagħha fuq l-iskambji, sakemm tkun tikkostitwixxi mezz neċessarju u proporzjonat ta’ natura li jippreżerva r-reputazzjoni tad-DOP “Κορινθιακή Σταφίδα Βοστίτσα (Korinthiaki Stafida Vostitsa)” (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ċċitata iktar ’il fuq Il-Belġju vs Spanja, punti 58 u 59, kif ukoll Consorzio del Prosciutto di Parma u Salumificio S. Rita, punt 66).

38      Issa, għalkemm miżura ta’ dan it-tip hija ċertament xierqa sabiex tipproteġi d‑DOP li minnha jibbenefikaw iż-żbib tal-varjetà “Vostizza”, madankollu, kuntrarjament għal dak li ssostni l-qorti tar-rinviju, sabiex jiġi konkluż li din hija ġġustifikata ma huwiex biżżejjed li jiġi kkonstatat li l-ebda miżura oħra ma hija ta’ natura li jkollha l-istess grad ta’ effettività ħlief projbizzjoni assoluta taċ‑ċirkulazzjoni taż-żbib bejn iż-żewġ subżoni taż-żona A.

39      Kuntrarjament għal dan, għall-finijiet tal-eżami tal-proporzjonalità tar-restrizzjoni inkwistjoni, huwa importanti li jiġi vverifikat jekk il-mezzi implementati f’dan il‑kuntest imorrux lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan leġittimu intiż. Fi kliem ieħor, għandu jiġi evalwat jekk jeżistux miżuri alternattivi li jistgħu jilħqu wkoll dan il-għan, imma li għandhom effett inqas restrittiv fuq il‑kummerċ intra-Komunitarju.

40      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrelevat li, kif sostna l-Gvern Olandiż fl‑osservazzjonijiet tiegħu bil-miktub u kif fakkar l-Avukat Ġenerali fil-punt 77 tal-konklużjonijiet tiegħu, soluzzjoni inqas minatorja għall-moviment liberu tal‑merkanzija, bħal dik li tikkonsisti f’li jiġu previsti linji ta’ produzzjoni separati, jiġifieri mħażen separati fejn iż-żbib tal-istess oriġini ġeografika biss jiġu maħżuna, ipproċessati u ppakkjati, tidher assolutament possibbli.

41      Barra minn hekk Fragkopoulos tenfasizza li t-talba tagħha, li tat lok għall-kawża prinċipali, ma hijiex intiża sempliċement sabiex tinkiseb l-awtorizzazzjoni li jitħalltu d-diversi varjetajiet ta’ żbib. Barra minn hekk, Fragkopoulos ippreċiżat waqt is-seduta li n-numru ta’ produtturi ta’ żbib stabbiliti fiż-żewġ subżoni taż-żona A huwa ta’ inqas minn għaxra, b’mod li, kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 78 tal-konklużjonijiet tiegħu, jistgħu faċilment isiru kontrolli mhux imħabbra fuq is-siti ta’ produzzjoni rispettivi. Fil-fatt, peress li t-taħlit tal-varjetajiet differenti taż-żbib huwa awtorizzat fiż-żona B, tali kontrolli jkollhom isiru biss fiż-żona A.

42      Barra minn hekk, huwa importanti li jitfakkar f’dan il-kuntest li miżura restrittiva tista’ tiġi kkunsidrata bħala konformi mal-rekwiżiti tad-dritt tal-Unjoni biss jekk tirrispondi verament għall-ħsieb li tintlaħaq l-implementazzjoni tal-għan intiż b’mod koerenti u sistematiku.

43      Issa, jidher li fil-Liġi 553/1977 ma ġewx previsti, f’dak li jikkonċerna ż-żbib tal‑varjetà “Vostizza” li jibbenefikaw minn DOP, speċifikazzjonijiet tat-tip bħal dawk li kienu previsti mil-leġiżlazzjonijiet nazzjonali inkwistjoni fil-kawżi li wasslu għas-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Ravil kif ukoll Consorzio del Prosciutto di Parma u Salumificio S. Rita. Fin-nuqqas tal-kriterji oġġettivi stabbiliti minn qabel, bħad-deskrizzjoni dettaljata tal-prodott protett kif ukoll tal-karatteristiċi prinċipali tiegħu, il-provi li jipprovaw li l-prodott ikkonċernat joriġina minn żona ġeografika determinata, id-deskrizzjoni tal-metodu, skont il-każ lokali, ta’ ksib ta’ dan il-prodotti, l-istess bħar-rekwiżiti li għandhom jiġu osservati għall-finijiet tal‑użu tad-DOP, jidher għaldaqstant diffiċli li tiġi ggarantita l-kwalità għolja tal‑prodott li d-DOP għandha tipproteġi.

44      Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil‑kawża prinċipali timplementa regoli differenti għad-diversi żoni ta’ produzzjoni taż-żbib.

45      Għalhekk, huwa paċifiku li l-produtturi li jinsabu fiż-żona B huma awtorizzati jipproċessaw, jaħżnu, jippakkjaw u jesportaw żbib li joriġinaw miż-żona A kollha, inkluż l-ewwel subżona tagħha, minn fejn toriġina l-varjetà “Vostizza”. F’dan ir‑rigward, il-leġiżlazzjoni Ellenika tipprovdi biss obbligu ta’ indikazzjoni b’mod xieraq tat-taħlita taż-żbib ta’ dawn id-diversi provenjenzi, f’dan il-każ permezz ta’ tikketta li turi tali taħlita ta’ żbib li joriġinaw miż-żoni A u B. Il-leġiżlatur Elleniku għalhekk jidher li kkunsidra li l-opertaturi stabbiliti f’reġjun minn fejn joriġinaw iż-żbib ta’ kwalità notorjament inferjuri jistgħu effettivment jipproċessaw żbib ta’ kwalità superjuri prodotti f’żona ġeografika oħra, inkluż dik li tibbenefika minn DOP, sakemm jiġi osservat l-obbligu sempliċi ta’ tikketta, b’mod li jiġi evitat kwalunkwe qerq.

46      Issa, kif enfasizza l-Avukat Ġenerali fil-punt 75 tal-konklużjonijiet tiegħu, ma huwiex evidenti għal liema raġuni prattika simili ma tistax tiġi implementata bejn iż-żewġ subżoni taż-żona A. Fi kliem ieħor, ma huwiex ċar għalfejn miżura ħafna iktar limitattiva hija imposta fuq il-produtturi tat-tieni subżona A, sa fejn għandom projbizzjoni pura u sempliċi milli jipproċessaw żbib li joriġinaw mill-ewwel subżona A fejn tiġi prodotta l-varjetà “Vostizza”.

47      Barra minn hekk, Fragkopoulos enfasizzat, mingħajr ma ġiet ikkontestata fuq dan il-punt, li t-talba tagħha qatt ma kienet intiża sabiex tapprofitta indebitament mid‑DOP riżervata għaż-żbib li joriġina mill-ewwel subżona taż-żona A u li kienet disposta tuża tikketta għall-prodotti fejn turi b’mod ċar l-oriġini ġeografika rispettiva taż-żbib ikkonċernati.

48      Barra minn hekk, is-sistema bħal dik attwalment fis-seħħ fil-Greċja tidher iktar problematika f’dak li jikkoċerna l-koerenza tagħha peress li, matul is-sena 2008, iż-żbib li joriġinaw mill-gżira ta’ Zante, jiġifieri reġjun li jagħmel parti miż-żona B fejn iż‑żbib huma mingħajr dubju ta’ kwalità baxxa, ibbenefikaw minn DOP, meta ż‑żbib li joriġinaw mit-tieni subżona taż-żona A, li huma komparattivament ta’ kwalità aħjar għadhom sal-lum mhux protetti.

49      F’dawn iċ-ċirkustanzi għandu jiġi kkonstatat li projbizzjoni assoluta taċ‑ċirkulazzjoni taż-żbib bejn iż-żewġ subżoni taż-żona A, hekk kif previst mil‑leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma tistax tiġi kkunsidrata bħala oġġettivament iġġustifikata taħt il-protezzjoni tal-proprjetà industrijali u kummerċjali fis-sens tal-Artikolu 30 KE, sa fejn din ma ssegwix dan l-għan b’mod koerenti u ma hijiex konformi mar-rekwiżiti tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

 Fuq il-projbizzjoni taċ-ċirkulazzjoni fit-tieni subżona taż-żona A ta’ prodotti li joriġinaw miż-żona B

50      F’dak li għandu x’jaqsam mat-tieni aspett imsemmi fil-punt 32 ta’ din is-sentenza, jiġifieri l-projbizzjoni li jiġu introdotti żbib li joriġinaw miż-żona B fit-tieni subżona taż-żona A, bħall-projbizzjoni prevista fl-Artikolu 1(2) tal-Liġi 553/1977, għandu jitfakkar li ż-żbib tal-varjetà “Korfos”, prodotti fl-imsemmija tieni subżona fejn hija stabbilita Fragkopoulos, ma humiex koperti mid-DOP li jibbenefikaw minnha ż-żbib tal-varjetà “Vostizza” li joriġinaw mill-ewwel subżona taż-żona A. Minn dan isegwi li l-projbizzjoni li jiġu introdotti fit-tieni subżona taż-żona A żbib li joriġinaw miż-żona B ma tistax tiġi ġġustifikata min‑neċessità li tiġi prodotta din id-DOP.

51      Madankollu, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li miżura nazzjonali ta’ effett ekwivalenti għal restrizzjoni kwantitattiva ta’ esportazzjoni, bħala prinċipju kuntrarja għall-Artikolu 29 KE, tista’ tkun iġġustifikata mhux biss b’waħda mir‑raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 30 KE, imma wkoll b’rekwiżiti obbligatorji fl-interess ġenerali, sakemm l-imsemmija miżura tkun proporzjonata għall-għan leġittimu intiż (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas-16 ta’ Diċembru 2008, Gysbrechts u Santurel Inter, C-205/07, Ġabra p. I‑9947, punt 45).

52      Għalhekk, għandu jiġi determinat f’dan il-każ jekk, f’sitwazzjoni fejn ma tkun ġiet reġistrata ebda DOP fuq il-livell tal-Unjoni għaż-żbib prodotti fit-tieni subżona A, jiġifieri dawk tal-varjetà “Korfos”, huwiex possibbli li jiġi invokat b’mod effettiv wieħed mill-motivi ta’ ġustifikazzjoni msemmija fl-Artikolu 30 KE jew xi raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali.

53      Fl-ewwel lok, il-Gvern Elleniku jsostni li l-għan intiż mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali huwa li jiġi evitat taħlit bejn id-diversi varjetajiet ta’ żbib sabiex tiġi ppreżervata l-kwalità taż-żbib prodotti fiż-żona A, li għandhom ir-reputazzjoni li huma ta’ kwalità superjuri għal dawk prodotti fiż-żona B.

54      Għaldaqstant, huwa importanti li jitfakkar li miżura nazzjonali li xxekkel il‑moviment liberu tal-merkanzija ma tistax tiġi ġġustifikata biss minħabba li hija intiża sabiex tippreżerva fi ħdan l-Istat Membru l-allegata kwalità ta’ prodott mingħajr ma dan ikollu DOP (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-14 ta’ Settembru 2006, Alfa Vita Vassilopoulos u Carrefour-Marinopoulos, C‑158/04 u C‑159/04, Ġabra p. I‑8135, punt 23).

55      Fil-fatt, kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 66 tal-konklużjonijiet tiegħu, l‑ispirtu tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat fil-qasam tal-moviment liberu tal‑merkanzija jipprekludi l-Istati Membri milli jwaqqfu fruntieri interni li ma jistgħux jinqabżu sabiex tiġi ggarantita l-allegata kwalità superjuri ta’ ċerti prodotti, iktar u iktar meta d-dritt tal-Unjoni joffri l-għodda neċessarja għall‑preservazzjoni tal-kwalità tal-prodotti li jkollhom karatteristiċi li tixirqilhom protezzjoni partikolari (ara, f’dan is-sens, ukoll il-punti 34 et seq ta’ din is‑sentenza).

56      Fit-tieni lok, il-qorti tar-rinviju tesponi fit-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari li ż-żbib li joriġinaw miż-żona A igawdu minn reputazzjoni u minn stima partikolari fi ħdan il-konsumaturi fil-Greċja. Abbażi ta’ din l-evalwazzjoni, jidher li tammetti li r-raġuni wara l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni hija l-protezzjoni tal-konsumaturi, billi tipprova tevita kwalunkwe possibbiltà ta’ frodi li tirriżulta minn taħlita ta’ varjetajiet differenti ta’ żbib.

57      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, kif jirriżulta diġà mill-punti 43 et seq ta’ din is-sentenza, li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tidhirx koerenti inkwantu tippermetti, fiż-żona B, it-taħlit tal-varjetajiet differenti taż-żbib – inkluż dawk li joriġinaw miż-żona A fl-intier tagħha, li tinkludi reġjun li jibbenefika minn DOP – , meta kull taħlit huwa pprojbit fiż-żona A kollha, inkluż fit-tieni subżona tagħha, li ma hijiex protetta minn DOP.

58      Minn dan isegwi li l-imsemmija leġiżlazzjoni ma tipprojbixxix b’mod assolut kull taħlit ta’ varjetajiet differenti ta’ żbib u li, barra minn hekk, il-livell ta’ kwalità tal‑prodott ma jidhirx li kien kriterju determinanti għal-leġiżlatur.

59      Fi kwalunkwe każ, anki fl-ipoteżi li l-għan leġittimu ta’ interess ġenerali għall‑protezzjoni tal-konsumaturi u għall-prevenzjoni ta’ frodi jista’ jiġi utilment invokat fil-kawża prinċipali, xorta għandha tingħata attenzjoni sabiex ir‑restrizzjoni inkwistjoni tkun konformi mal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

60      Issa, għall-istess motivi bħal dawk li jinsabu fil-punti 40 u 41 ta’ din is-sentenza, u li japplikaw mutatis mutandis ukoll għall-eżami ta’ proporzjonalità tal-miżuri li jipprojbixxu l-introduzzjoni ta’ żbib li joriġinaw miż-żona B fit-tieni subżona taż‑żona A, għandu jiġi konkluż li jeżistu miżuri oħra inqas minatorji għall‑moviment liberu taż-żbib prodotti fuq it-territorju Elleniku, bħall-possibbiltà li l-operaturi kkonċernati jkollhom linji ta’ produzzjoni u/jew positjiet ta’ ħżin differenti kif ukoll li japplikaw tikketti xierqa skont l-oriġini ġeografika taż-żbib ipproċessati, kif ukoll il-possibbiltà li tiġi ggarantita l-osservanza ta’ dawn l‑obbligi b’kontrolli mhux mistennija u sanzjonijiet adegwati.

61      F’dawn il-kundizzjonijiet, projbizzjoni assoluta ta’ ċirkulazzjoni ta’ żbib bejn it‑tieni subżona taż-żona A u ż-żona B, kif previst mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma tistax tiġi kkunsidrata ġġustifikata skont il-protezzjoni tal‑konsumaturi u l-prevenzjoni ta’ frodi, sa fejn ma ssegwix dan l-għan b’mod koerenti u ma hijiex konformi mar-rekwiżiti tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

62      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għad-domandi magħmula għandha tkun li l-Artikolu 29 KE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprovdi projbizzjoni assoluta ta’ introduzzjoni, ta’ ħżin, ta’ pproċessar u ta’ imballaġġ, għall-finijiet ta’ esportazzjoni, ta’ żbib kemm bejn iż-żewġ subżoni taż-żona A kif ukoll bejn it-tieni subżona taż-żona A u ż-żona B, sa fejn ma tippermettix li jintlaħqu b’mod koerenti l-għanijiet leġittimi intiżi u tmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq dan l-għan.

 Fuq l-ispejjeż

63      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in‑natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal‑osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 29 KE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprovdi projbizzjoni assoluta ta’ introduzzjoni, ta’ ħżin, ta’ pproċessar u ta’ imballaġġ, għall‑finijiet ta’ esportazzjoni, ta’ żbib kemm bejn iż-żewġ subżoni taż‑żona A kif ukoll bejn it-tieni subżona taż-żona A u ż-żona B, sa fejn ma tippermettix li jintlaħqu b’mod koerenti l-għanijiet leġittimi intiżi u tmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq dan l-għan.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Grieg.

Top