Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52020JC0004

    KOMUNIKAZZJONI KONĠUNTA LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL Lejn strateġija komprensiva mal-Afrika

    JOIN/2020/4 final

    Brussell, 9.3.2020

    JOIN(2020) 4 final

    KOMUNIKAZZJONI KONĠUNTA LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

    Lejn strateġija komprensiva mal-Afrika





    Lejn strateġija komprensiva mal-Afrika

    L-Afrika hija l-eqreb ġar tal-Ewropa. Ir-rabtiet ta’ bejn l-Afrika u l-Unjoni Ewropea (UE) huma profondi u wesgħin minħabba l-istorja, ta’ kemm huma qrib u ta’ kemm għandhom interessi inkomuni. Is-sena 2020, bis-Sitt Summit bejn l-Unjoni Afrikana (UA) u l-UE, u l-konklużjoni tan-negozjati tal-ftehim ġdid ta’ sħubija bejn l-UE u l-Istati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku, se tkun sena kruċjali biex fiha nirrealizzaw l-ambizzjoni tagħna li jkollna sħubija aktar b'saħħitha. Fl-Afrika qed ifiġġu prospetti u sfidi ġodda mit-tibdil ekonomiku, politiku, soċjali, teknoloġiku, demografiku, klimatiku u ambjentali. Hemm bżonn nissieħbu mal-Afrika, il-kontinent tewmi tagħna, biex flimkien nindirizzaw l-isfidi tas-seklu 21 u biex navvanzaw l-interessi u l-ġejjieni komuni tagħna.

    L-Afrika, fid-diversità kollha tagħha, hija d-dar ta’ aktar minn biljun ruħ. Il-klassi medja tagħha hija l-iktar żagħżugħa u l-iktar li qed tikber malajr fid-dinja. Iż-żgħażagħ Afrikani għandhom il-potenzjal li jittrasformaw il-prospetti politiċi, ekonomiċi u soċjali, iżda biex jagħmlu dan għandhom bżonn impjiegi deċenti, posthom fis-soċjetà, aċċess għas-servizzi soċjali, enerġija u infrastruttura, kif ukoll rwol attiv biex jiddeterminaw il-ġejjieni tal-pajjiżi tagħhom. B’mod partikolari, in-nisa Afrikani huma muturi ewlenin tat-tkabbir sostenibbli, l-iżvilupp, u l-paċi. Ir-rispons għall-aspirazzjonijiet tagħhom se jiddetermina l-ġejjieni tal-kontinent.

    L-Afrika qed tirreġistra tkabbir ekonomiku stabbli konsistenti. Fl-2018, sitta mill-aktar għaxar ekonomiji li kienu qed jikbru malajr fid-dinja kienu Afrikani. Tletin stat Afrikan huma pajjiżi bi dħul medju jew għoli. L-espansjoni ekonomika tal-kontinent għandha l-potenzjal li taċċellera u tixpruna żvilupp soċjali u uman usa’ bl-opportunitajiet li qed jinbtu mit-trasformazzjoni diġitali, mid-dividend demografiku, l-enerġija rinnovabbli b’kost baxx, mit-tranżizzjoni ekoloġika u ekonomija ċirkolari b’emissjonijiet baxxi ta’ karbonju. Dan jirrifletti l-viżjoni tal-inizjattivi trasformattivi tal-mexxejja Afrikani, inklużi l-Aġenda 2063 tal-Unjoni Afrikana, iż-Żona ta' Kummerċ Ħieles Kontinentali Afrikana, iż-żona Afrikana mingħajr viżi, Suq Diġitali Uniku Afrikan, u s-Suq Uniku għat-Trasport bl-Ajru Afrikan.

    Fl-istess ħin, għad hemm għadd ta’ sfidi. Sitta u tletin mill-aktar pajjiżi fraġli fid-dinja qegħdin fl-Afrika, spiss imdgħajfa mill-kunflitti. Fil-kontinent hemm 390 miljun ruħ li qed jgħixu taħt il-linja tal-faqar. It-tkabbir mhux dejjem kien inklużiv, b’mod partikolari minħabba problemi ta’ governanza. L-Afrika, bħall-bqija tad-dinja, hija wkoll affettwata mill-konsegwenzi tat-tibdil fil-klima, id-degradazzjoni ambjentali, u t-tniġġis. L-UE u l-Afrika jistgħu jaħdmu biex flimkien jaħtfu l-opportunitajiet u jindirizzaw dawn l-isfidi u jiżviluppaw azzjonijiet li jiżguraw l-istabbiltà, il-paċi, is-sigurtà, id-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija, l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, l-għajxien sostenibbli, it-tkabbir ekonomiku sostenibbli bbażat fuq ekosistemi b’saħħithom, il-koeżjoni soċjali u l-governanza tajba.

    Biex igawdu minnha ż-żewġ kontinenti, is-sħubija tagħna għandha tkun ibbażata fuq il-fehim ċar tal-interessi u r-responsabbiltajiet rispettivi u reċiproċi tagħna, b’riflessjoni ta’ kemm ir-relazzjoni tagħna hija komprensiva u matura. Dawn l-interessi jinkludu li: niżviluppaw mudell ta’ tkabbir ekoloġiku; intejbu l-ambjent tan-negozju u l-klima tal-investiment; nagħtu spinta lill-edukazzjoni, lir-riċerka u l-innovazzjoni, lill-ħolqien ta’ impjiegi deċenti u ż-żieda fil-valur permezz tal-investiment sostenibbli; nimmassimizzaw il-benefiċċji tal-integrazzjoni ekonomika reġjonali u l-kummerċ; niżguraw is-sigurtà tal-ikel u l-iżvilupp rurali; niġġieldu t-tibdil fil-klima; niżguraw l-aċċess għall-enerġija sostenibbli u nħarsu l-bijodiversità u r-riżorsi naturali; nippromwovu l-paċi u s-sigurtà, niżguraw li jkun hemm migrazzjoni u mobilità rregolati sew; naħdmu flimkien fl-isfera globali biex insaħħu l-ordni multilaterali bbażat fuq ir-regoli li jippromwovi l-valuri universali, id-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija, l-istat tad-dritt, u l-ugwaljanza bejn il-ġeneri.

    L-iżviluppi pożittivi f’wieħed minn dawn l-oqsma jiddependu fuq il-progress f’oqsma oħra. Tali progress jista’ jinkiseb biss billi naħdmu flimkien fuq il-bażi ta’ impenji kondiviżi globali, bħall-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli, il-Ftehim ta’ Pariġi dwar il-Klima, u l-Aġenda 2063.

    Il-potenzjal tal-Afrika qed jattira aktar interess minn bosta atturi fl-isfera globali. Dan huwa żvilupp pożittiv, minħabba li jżid l-għażliet disponibbli għall-Afrika u joħloq spazju għas-sinerġija. Ifisser ukoll li l-Ewropa, bl-UE u l-Istati Membri jaħdmu flimkien, trid tadatta l-mod li bih tinteraġġixxi mal-Afrika, u tiżgura li l-pożizzjoni tagħha tkun konformi mal-interessi reċiproċi, u tagħti aktar prominenza lill-valuri, lill-prinċipji ewlenin u lil prattiki regolatorji tajbin. L-UE u l-Istati Membri tagħha huma l-akbar sieħeb tal-Afrika f’kull sens, sew hux f'termini tal-investiment, tal-kummerċ, tal-għajnuna uffiċjali għall-iżvilupp, jew għas-sigurtà. Din is-sħubija affidabbli, fit-tul u b’ħafna aspetti issa għandha tissarraf ukoll f’alleanza politika b’saħħitha. Rabtiet politiċi, ekonomiċi u kulturali aktar b’saħħithom bejn l-Ewropa u l-Afrika huma kruċjali f’dinja multipolari li qed tokrob għall-azzjoni kollettiva. Il-kooperazzjoni msaħħa fuq affarijiet globali u multilaterali se tkun fil-qalba tal-azzjoni komuni tagħna.

    Biex insaħħu l-alleanza strateġika tal-UE mal-Afrika, il-Kummissjoni Ewropea u r-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni qed jipproponu li jsiru taħditiet mas-sħab Afrikani bil-ħsieb li fis-Summit UE-UA li ġej niddefinixxu flimkien strateġija komprensiva ġdida tal-UE mal-Afrika li tista’ tissejjes fuq ħames sħubijiet:

    1.Sħubija għat-tranżizzjoni lejn ekonomija ekoloġika u aċċess għall-enerġija;

    2.Sħubija għat-trasformazzjoni diġitali;

    3.Sħubija għat-tkabbir sostenibbli u l-impjiegi;

    4.Sħubija għall-paċi u l-governanza; u

    5.Sħubija għall-migrazzjoni u l-mobilità.

    Din l-istrateġija l-ġdida u dawn is-sħubijiet jimxu mal-prijoritajiet komuni stabbiliti mill-UE u l-UA fis-Summit li sar fl-2017 f’Abidjan. Din hija ispirata b’mod partikolari mid-diskussjonijiet partikolarment produttivi bejn il-Kummissjoni Ewropea u l-Kummissjoni tal-Unjoni Afrikana, li saru f’Addis Ababa fis-27 ta’ Frar 2020, u tirrifletti l-proposti tal-UE għall-iskambji li għaddejjin mas-sħab Afrikani bil-ħsieb li tiġi ddefinita aġenda dwar sħubija konġunta fis-Summit UE-UA li ġej f’Ottubru 2020. L-interazzjoni bejn l-UE u l-Afrika se tkompli fil-livelli bilaterali, reġjonali u kontinentali.

    I.Sħab għat-tranżizzjoni lejn ekonomija ekoloġika u aċċess għall-enerġija;

    Il-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u d-degradazzjoni ambjentali hija l-kompitu emblematiku ta’ din il-ġenerazzjoni. Għaldaqstant, l-Ewropa u l-Afrika huma alleati fl-iżvilupp tal-enerġija sostenibbli, tas-soluzzjonijiet tat-trasport, tal-biedja, tal-ekonomiji ċirkolari u blu li jistgħu jirfdu t-tkabbir ekonomiku Afrikan. Sabiex jiksbu l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli, jenħtieġ li kemm l-UE kif ukoll l-Afrika jagħżlu ġejjieni b’emissjonijiet baxxi ta’ karbonju, effiċjenti fir-riżorsi u reżiljenti għall-klima, f’konformità mal-Ftehim ta’ Pariġi. Il-pajjiżi Afrikani huma partikolarment vulnerabbli għat-tibdil fil-klima, minħabba li hemm riskju li dan jipperikola l-progress li għaddej fuq l-iżvilupp sostenibbli.

    Irridu naħdmu biex ikollna ekosistemi f’saħħithom, nillimitaw u nwaqqfu t-tisħin globali, innaqqsu l-vulnerabbiltajiet u ntejbu l-opportunitajiet biex in-nies u l-ekosistemi jadattaw ruħhom. Dan jeħtieġ li nżidu l-isforzi għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u r-reżiljenza għaliha kif ukoll li nieħdu l-miżuri ta’ adattament adegwati b’mod soċjalment sostenibbli.

    L-innovazzjoni hija essenzjali biex tmexxi t-tranżizzjoni lejn ekonomija ekoloġika. L-investiment għalhekk irid ikun imfassal biex isaħħaħ il-kapaċità xjentifika fl-Afrika billi jipprovdi l-aċċess u l-adattament lokali għat-teknoloġija. Dan se jippermetti lill-pajjiżi Afrikani li jimbarkaw fuq perkors b’emissjonijiet baxxi tal-karbonju, reżiljenti għall-klima u ta’ tkabbir ekoloġiku, li jevita teknoloġiji ineffiċjenti u li jirreżisti l-investiment ġdid fil-ġenerazzjoni tal-enerġija mill-faħam, u li minflok juża sorsi ġodda ta’ enerġija rinnovabbli u l-produzzjoni tal-idroġenu. Il-kummerċ għandu jiffaċilita wkoll l-adozzjoni ta’ mudelli kummerċjali innovattivi u sostenibbli, u jmexxi t-triq biex infasslu futur newtrali għall-klima.

    L-Afrika għandha kapital naturali kbir, u bijodiversità u ekosistemi uniċi, inkluż foresti. Dan joffri opportunitajiet sinifikanti għall-iżvilupp soċjali u ekonomiku, u jista’ jikkontribwixxi għal soluzzjonijiet dejjiema bbażati fuq in-natura għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u l-adattament għalih. Fl-istess ħin, hemm riskju ta’ sfruttament żejjed u eżawriment flimkien mat-theddid ippreżentat mis-sajd u l-ġestjoni tar-riżorsi tal-ilma insostenibbli, it-tniġġis, id-deżertifikazzjoni u, fil-każ taż-żoni kostali, il-livelli tal-baħar li qed jogħlew.

    Ekonomija ċirkolari nadifa bi ktajjen tal-valur sostenibbli u ġusti se tkun essenzjali għat-tranżizzjoni lejn mudell ekonomikament sostenibbli. Dan ifisser li l-valur tal-prodotti, il-materjali u r-riżorsi jinżamm fl-ekonomija għall-itwal żmien possibbli. Timplika wkoll li l-iskart jiġi minimizzat, filwaqt li r-riżorsi naturali, l-ilma mormi u s-sanitazzjoni jiġu ġestiti b’mod sostenibbli. Dan jeħtieġ kooperazzjoni msaħħa bejn l-UE u l-Afrika fuq settur tal-materja prima responsabbli, ktajjen tal-valur siguri u nodfa, u kollu bir-rispett ta’ standards ambjentali u klimatiċi ambizzjużi.

    Il-bliet Afrikani għandhom rwol ewlieni x’jaqdu fit-tranżizzjoni lejn ekonomija ekoloġika; l-UE għandha tappoġġa l-iżvilupp ta’ mudelli u negozji ta’ urbanizzazzjoni intelliġenti ekoloġiċi fl-Afrika, biex b’hekk tindirizza t-tniġġis.

    Biex tindirizza l-ħtiġijiet tal-popolazzjoni u l-ekonomija tagħha li qed jikbru, l-Afrika għandha bżonn tirdoppja l-provvista tal-enerġija tagħha sal-2040 hija u tiżgura l-aċċess għall-elettriku għal 600 miljun ruħ. Dan ifisser li nqiegħdu aktar enfasi fuq infrastruttura reżiljenti, aċċess għall-enerġija aktar nadifa, sostenibbli u sikura, li nimmassimizzaw is-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli, it-tranżizzjoni enerġetika u l-effiċjenza tul il-ktajjen tal-valur kollha, kif ukoll l-integrazzjoni reġjonali għas-sigurtà tal-enerġija. L-UE għandha tibni sħubija b’saħħitha mal-Afrika għall-enerġija sostenibbli għall-popolazzjonijiet rurali kif ukoll dawk urbani.

    L-UE u l-Afrika jridu jgħaqqdu l-isforzi tagħhom biex jintlaħaq l-Għan ta’ Żvilupp Sostenibbli li nxejnu l-ġuħ u jindirizzaw l-isfidi tan-nutrizzjoni u s-sigurtà tal-ikel billi nagħtu spinta lil sistemi agroalimentari siguri u sostenibbli. Sħubija dwar l-agrikoltura tkun tappoġġa l-iżvilupp ta’ prattiki agrikoli li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent, tippromwovi l-produzzjoni lokali u tintegra t-tħassib dwar il-bijodiversità. Dan jinkludi l-istabbiliment ta’ standards sanitarji u fitosanitarji u l-protezzjoni tar-riżorsi naturali. Il-kummerċ bejn l-UE u l-Afrika għandu rwol strumentali biex jappoġġa l-opportunitajiet għal sistemi alimentari sostenibbli.

    Fl-istess ħin, il-produzzjoni agrikola, l-ipproċessar u d-distribuzzjoni tal-ikel jipprovdu l-biċċa l-kbira tax-xogħol u d-dħul dirett fl-Afrika, b’mod partikolari f’żoni rurali, li b’hekk jikkontribwixxu għal żvilupp territorjali bbilanċjat. Hemm il-potenzjal li jipprovdi xogħol għal parti sinifikanti mit-800 miljun persuna Afrikana li mistennija tidħol fil-forza tax-xogħol fit-30 sena li ġejjin 1 .

    Azzjoni proposta 1 – Nissieħbu mal-Afrika biex nimmassimizzaw il-benefiċċji tat-tranżizzjoni ekoloġika u nimminimizzaw it-theddid għall-ambjent f’konformità sħiħa mal-Ftehim ta’ Pariġi 2 . 

    Biex isir dan, huwa propost li l-UE tappoġġa l-implimentazzjoni ta’ kontributi stabbilit fil-livell nazzjonali, tgħin biex tfassal strateġiji ambizzjużi fit-tul għat-tnaqqis tal-emissjonijiet u tikkontribwixxi għall-iżvilupp ta’ pjanijiet ta’ adattament nazzjonali.

    Billi tappoġġa oqfsa ta’ finanzjament integrati nazzjonali, l-UE qed tkompli taħdem mal-pajjiżi fl-isforzi tagħhom biex jimmobilizzaw u jallinjaw firxa wiesgħa ta’ sorsi ta’ finanzjament mal-prijoritajiet ta’ żvilupp sostenibbli tagħhom. L-UE għandha tissieħeb mal-Afrika fuq il-finanzjament ekoloġiku, fuq l-enerġija sostenibbli u l-effiċjenza enerġetika permezz tat-tnedija ta’ inizjattiva għall-enerġija ekoloġika, li tibni fuq ir-rakkomandazzjonijiet ta’ Pjattaforma ta' Livell Għoli bejn l-Afrika u l-Ewropa għall-Investimenti fl-Enerġija Sostenibbli. L-UE u l-Afrika għandhom ukoll jaqsmu l-esperjenzi fil-ġestjoni tat-tranżizzjoni soċjalment ġusta mill-fjuwils fossili.

    Fi sħubija mal-Afrika, l-UE għandha tħeġġeġ governanza tal-oċeani aħjar, inkluż l-iżvilupp tas-sajd sostenibbli u l-ekonomija blu. L-UE disposta tintensifika l-ġlieda kontra s-sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat biex tindirizza t-theddida ambjentali li dan jippreżenta għas-sostenibbiltà tal-istokkijiet tal-ħut, il-qligħ tas-sajjieda u tal-komunitajiet kostali li jimxu mar-regoli.

    Finalment, l-UE u l-Afrika għandhom jieħdu azzjoni konġunta biex jipproteġu u jnaqqsu l-pressjoni fuq il-foresti, u l-ekosistemi tal-ilma u tal-baħar huma u jsaħħu l-ġestjoni tagħhom billi jindirizzaw il-ħsad illegali u jiġġieldu l-kriminalità ambjentali, biex b’hekk jindirizzaw dak li jwassal għat-telfien tal-bijodiversità. Dan jista’ jsir, fost l-oħrajn, billi titnieda inizjattiva “NaturAfrica”.

    II.Sħab għat-trasformazzjoni diġitali

    Jenħtieġ li jiġu żgurat l-aċċess għas-servizzi diġitali siguri u affordabbli għal kulħadd permezz tal-investiment fl-infrastruttura u f’sorsi affidabbli tal-elettriku. Huwa wkoll kruċjali li jiġi stabbilit ambjent regolatorju għal swieq tal-konnettività reġjonali kompetittivi u armonizzati. L-iżvilupp tal-benefiċċji potenzjali tad-diġitalizzazzjoni jirrikjedi qafas regolatorju b’saħħtu, f’oqsma bħall-protezzjoni tad-data u tal-konsumatur, is-servizzi finanzjarji diġitali, iċ-ċiberkriminalità u l-governanza elettronika. Hemm bżonn ta’ politiki speċifiċi biex ikun żgurat li n-nisa u l-komunitajiet marġinalizzati jkollhom inklużjoni diġitali u ugwaljanza diġitali sħaħ.

    Huwa stmat li żieda ta’ 10 % fil-kopertura diġitali tista’ tirriżulta f’żieda ta’ aktar minn 1 % fil-PDG Afrikan. Permezz tar-riformi u l-investimenti adegwati biex jappoġġaw l-aspirazzjonijiet Afrikani li jinbena suq diġitali uniku Afrikan, u bl-istrateġija dwar it-trasformazzjoni diġitali bħala pedament, l-Afrika tista’ tisfrutta d-diġitalizzazzjoni bħala mutur għat-tkabbir madwar is-setturi kollha tal-ekonomija. L-infrastruttura diġitali u l-appoġġ għall-intraprenditorija u l-innovazzjoni diġitali għandhom il-potenzjal li jipprovdu impjiegi tant meħtieġa għall-15 sa 20 miljun żagħżugħ u żagħżugħa li qed jidħlu fil-forza tax-xogħol kull sena.

    It-trasformazzjoni diġitali tista’ wkoll timmodernizza setturi tradizzjonali bħall-agrikoltura; ittejjeb l-aċċess għal servizzi ta’ kwalità; iżżid id-dħul pubbliku; u tagħmel is-settur pubbliku aktar trasparenti u akkontabbli, biex b’hekk tissaħħaħ il-fiduċja pubblika fil-gvernijiet. Tista’ tittrasforma wkoll l-għoti ta' servizzi pubbliċi inkluż l-edukazzjoni, it-taħriġ, l-enerġija u s-saħħa, inkluż billi ttejjeb l-aċċess għas-servizzi tas-saħħa f’żoni remoti u billi tiffaċilita d-dijanjostika u t-trattamenti. Il-governanza elettronika se tipproteġi lill-konsumaturi u l-privatezza, u tappoġġa l-ġlieda kontra l-korruzzjoni. Il‑kummerċ elettroniku u s-servizzi finanzjarji diġitali għandhom il-potenzjal li jagħtu spinta lill-integrazzjoni ekonomika tal-Afrika billi jtejbu l-aċċess għall-oġġetti u s-servizzi madwar il-kontinent. Is-servizzi diġitali jistgħu wkoll iżidu l-aċċess għall-kontijiet tat-tranżazzjonijiet u soluzzjonijiet tal-finanzi diġitali għas-servizzi bankarji, tal-assigurazzjoni jew tal-ħlas, inkluż ir-rimessi.

    L-aċċellerazzjoni tad-diġitalizzazzjoni tal-amministrazzjoni pubblika hija kundizzjoni neċessarja biex jinħoloq il-valur għaċ-ċittadini u n-negozji madwar l-Ewropa u l-Afrika, kif ukoll element essenzjali biex jinkisbu l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli. Għal dan il-għan, il-kooperazzjoni msaħħa fl-implimentazzjoni ta’ soluzzjonijiet diġitali interoperabbli tkun utli biex tindirizza d-diskrepanza fil-ħiliet diġitali, tippromwovi l-użu tad-data miftuħa, issaħħaħ iċ-ċibersigurtà u tisfrutta t-teknoloġiji ġodda bħall-intelliġenza artifiċjali, il-blockchain u l-big data. F’dak ir-rigward, il-bini tal-kapaċità fis-settur pubbliku huwa importanti biex jappoġġa l-aġenda usa’ tat-trasformazzjoni diġitali.

    Id-diġitalizzazzjoni trid tiġi akkumpanjata minn miżuri b’saħħithom biex jiżguraw is-sigurtà, ir-reżiljenza u d-deterrenza kontra ċ-ċiberkriminalità, inkluż il-kooperazzjoni internazzjonali fl-oqfsa legali stabbiliti. L-UE u l-Afrika għandhom japprofondixxu l-kollaborazzjoni tagħhom f’dan ir-rigward, inkluż biex jipprevjenu l-isfruttament tal-Internet għat-terroriżmu u l-estremiżmu vjolenti.

    Il-leġiżlazzjoni xierqa u l-kapaċità operazzjonali se jkunu meħtieġa biex jiksbu l-progress f’dawn l-oqsma u xxekkel it-theddid online għad-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem. Biex tiġi indirizzata d-diżinformazzjoni, l-UE żviluppat strumenti utli u se tkompli taħdem mill-qrib mas-sħab Afrikani tagħha biex jinstabu approċċi komuni u jiġu kondiviżi l-aħjar prattiki.

    L-ekonomija diġitali tirrikjedi ħiliet u litteriżmu diġitali aħjar, u tiġġenera domanda għolja għal forza tax-xogħol ikkwalifikata u lokali fis-setturi kollha li jistgħu jibbenefikaw mit-trasformazzjoni diġitali. Hemm bżonn li jkomplu jiġu żviluppati l-opportunitajiet ta’ tagħlim u taħriġ vokazzjonali ta’ kwalità mogħtija minn istituzzjonijiet pubbliċi u privati.

    L-użu tad-data u t-teknoloġija spazjali jikkontribwixxi għal trasport intelliġenti u sigur, bliet ekoloġiċi, ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi naturali u agrikoltura effiċjenti. Id-data miftuħa u mingħajr ħlas ipprovduta mill-programmi spazjali tal-UE tista’ tagħti spinta lis-settur privat spazjali Afrikan naxxenti, u tippermetti lin-negozji l-ġodda u lill-intrapriżi żgħar u medji (SMEs) jiżviluppaw soluzzjonijiet u servizzi innovattivi lokali. Il-monitoraġġ, mill-osservazzjoni tad-dinja, tar-riżorsi naturali, tal-użu tal-art, tar-riżorsi tal-ilma interni, u tal-ekosistemi marini u kostali jistgħu jirfdu t-tfassil tal-politika u t-teħid tad-deċiżjonijiet fl-Afrika.

    Azzjoni proposta 2 – Nissieħbu mal-Afrika biex nagħtu spinta lit-trasformazzjoni diġitali tal-kontinent 3 . 

    Din teħtieġ enfasi fuq il-konverġenza regolatorja, inkluż it-tisħiħ tal-protezzjoni tal-privatezza tad-data, l-investiment fl-infrastruttura abilitanti essenzjali sostenibbli, id-diġitalizzazzjoni tal-amministrazzjonijiet pubbliċi għall-għoti ta’ servizzi elettroniċi, aktar opportunitajiet ta’ edukazzjoni u taħriġ, kif ukoll iż-żieda fil-flussi tad-data siguri. L-UE għandha wkoll tkompli l-kooperazzjoni tagħha mal-Afrika dwar l-intelliġenza artifiċjali, li għandha tiġi żviluppata u użata b’mod intelliġenti.

    III.Sħab għat-tkabbir sostenibbli u l-impjiegi

    Ir-rabtiet mill-qrib u l-prossimità ġeografika bejn l-UE u l-Afrika jagħmluhom alleati naturali biex iġibu t-tkabbir ekonomiku inklużiv u sostenibbli fiż-żewġ kontinenti. L-opportunitajiet ekonomiċi u l-ħolqien tal-impjiegi deċenti fl-Afrika u l-UE jista’ jissaħħaħ sostanzjalment permezz tal-azzjoni konġunta f’erba’ oqsma prijoritarji:

    (a)nagħtu spinta lill-kummerċ u l-investiment sostenibbli fl-Afrika;

    (b)intejbu l-klima tal-investiment u l-ambjent tan-negozju;

    (c)inżidu l-aċċess għall-edukazzjoni ta’ kwalità, il-ħiliet, ir-riċerka, l-innovazzjoni, is-saħħa u d-drittijiet soċjali;

    (d)navvanzaw l-integrazzjoni ekonomika reġjonali u kontinentali.

    Il-Patt Ekoloġiku Ewropew 4 huwa kemm l-istrateġija l-ġdida tat-tkabbir tal-UE kif ukoll pjan biex l-Ewropa ssir l-ewwel kontinent newtrali għall-klima sal-2050. Bil-potenzjal enormi tagħha ta’ enerġija rinnovabbli u bijodiversità, l-Afrika qiegħda f’pożizzjoni tajba immens biex tiżviluppa u timplimenta soluzzjonijiet sostenibbli hija u tikber l-ekonomija tagħha.

    Hija u tibni fuq is-suċċessi inizjali tal-Alleanza Afrika - Ewropa għall-Investiment u għall-Impjiegi Sostenibbli u fuq ix-xogħol mit-task forces konġunti dwar l-ekonomija diġitali, l-enerġija, it-trasport u l-Afrika rurali, l-UE tipproponi li l-Alleanza 5 ssir il-pilastru ċentrali tar-relazzjonijiet ekonomiċi bejn iż-żewġ kontinenti.

    a.Investimenti sostenibbli

    L-investimenti tas-settur pubbliku u tas-settur privat huma kruċjali biex jistimulaw l-intraprenditorija u d-diversifikazzjoni ekonomika sostenibbli. L-enfasi għandha tkun: infrastruttura ewlenija ta’ kwalità li tkun reżiljenti għat-tibdil fil-klima; aċċess għal finanzjament; data aħjar biex tgħinna nidentifikaw l-implimentazzjoni l-aktar effiċjenti u effettiva ta’ sorsi sostenibbli ġodda tal-enerġija; l-iżvilupp ta’ settur privat li jżid il-valur, b’potenzjal kbir għat-tkabbir ekonomiku u l-ħolqien ta’ impjiegi deċenti. Bi stokk ta’ investiment dirett barrani li laħaq il-EUR 222 biljun, l-UE hija l-akbar investitur fl-Afrika, ferm quddiem l-Istati Uniti (EUR 42 biljun) u ċ-Ċina (EUR 38 biljun) 6 . Taħt il-kappa tal-Alleanza Afrika-Ewropa għall-Investiment u għall-Impjiegi Sostenibbli, strumenti tal-UE bħall-Mandat ta’ Self Estern, il-Faċilità ta' Investiment tal-AKP u, aktar reċentement, il-Pjan ta' Investiment Estern Ewropew, fetħu l-bieb għal investimenti konsiderevoli fl-Afrika.

    Dawn jinkludu investimenti fis-setturi tat-trasport, tal-enerġija nadifa, u tal-agrikoltura, kif ukoll fl-iżvilupp tas-settur privat. Hemm bżonn li l-Afrika u l-UE jkomplu jaħdmu flimkien biex ikomplu jaċċelleraw tali investimenti sostenibbli.

    F’konformità mal-proposta tal-Kummissjoni għal Strument ta' Viċinat, ta' Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta’ Kooperazzjoni Internazzjonali (NDICI) 7 , l-UE għandha tkun kapaċi tagħmel użu sħiħ mill-bosta strumenti finanzjarji tal-UE, bħall-garanziji baġitarji u t-taħlit skont il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Sostenibbli, li għandu jibda jiġi implimentat mill-2021. Taħt l-NDICI propost, il-Garanzija għall-Azzjoni Esterna tkun tista’ tipprovdi sa EUR 60 biljun f’operazzjonijiet tal-garanzija biex tistimula l-investiment sostenibbli fil-perjodu 2021–2027, b’enfasi primarja fuq l-Afrika.

    Dawn l-operazzjonijiet se jitwettqu f’azzjoni kkoordinata flimkien ma’ istituzzjonijiet Ewropej tal-finanzi għall-iżvilupp. Flimkien, dawn l-istituzzjonijiet għandhom l-akbar preżenza u enfasi fuq l-Afrika sub-Saħarjana b’portafoll ikkombinat li jammonta għal terz tal-attività tal-istituzzjonijiet tal-finanzi għall-iżvilupp kollha u li jirrappreżenta tliet kwarti tal-kapital li l-aktar jassorbi r-riskju. Approċċ aktar magħqud bejn l-istrumenti finanzjarji tal-UE u l-istituzzjonijiet Ewropej tal-finanzi għall-iżvilupp se jżid il-mobilizzazzjoni tal-investituri privati u r-riżorsi domestiċi, jaċċellera t-tranżizzjoni lejn investimenti aktar responsabbli u newtrali għall-klima, u jixpruna l-iżvilupp tas-settur privat fl-Afrika.

    b.I-integrazzjoni ekonomika reġjonali u kontinentali.

    L-avvanz tal-integrazzjoni ekonomika fil-livelli reġjonali u kontinentali huwa komponent essenzjali ta’ strateġija ekonomika koerenti u sostenibbli.

    Nilqgħu il-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles Kontinentali Afrikan li ilu fis-seħħ minn Mejju 2019, li joħloq momentum sinifikanti għall-integrazzjoni kontinentali, kif ukoll l-ambizzjoni aħħarija ta’ suq uniku kontinentali. Dan se jżid il-kummerċ intra-Afrikan, inkluż mal-pajjiżi fl-Afrika ta’ Fuq, jiddiversifika l-esportazzjonijiet, u jtejjeb il-kwalità u s-sikurezza tal-prodotti.

    Il-bini ta’ sistemi kontinentali affidabbli u sostenibbli tal-enerġija, it-trasport u diġitali għan-nies, in-negozji u l-kumpaniji se jappoġġaw l-iżvilupp ta’ ktajjen tal-valur li jistgħu jikkontribwixxu għal Żona ta’ Kummerċ Ħieles Kontinentali Afrikana. L-UE u l-Unjoni Afrikana għandhom interess komuni f’sistema kummerċjali multilaterali stabbli bbażata fuq ir-regoli iċċentrata fuq l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO).

    Azzjoni proposta 3 — Nissieħbu mal-Afrika biex inżidu sostanzjalment l-investimenti ambjentalment, soċjalment u finanzjarjament sostenibbli li huma reżiljenti għall-impatti tat-tibdil fil-klima; biex nippromwovu l-opportunitajiet ta’ investiment billi nintensifikaw l-użu ta’ mekkaniżmi ta’ finanzjament innovattivi 8 ; u biex nagħtu spinta lill-integrazzjoni ekonomika reġjonali u kontinentali, partikolarment permezz tal-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles Kontinentali Afrikan 9 .

    Dan tal-aħħar se jsir billi l-appoġġ politiku, tekniku u finanzjarju għall-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles Kontinentali Afrikan (li l-appoġġ mill-UE għalih diġà żdied minn EUR 12,5 miljun bejn l-2014 u l-2017 għal EUR 60 miljun bejn l-2018 u l-2020) jingħata l-ogħla prijorità. Aħna lesti li naqsmu l-esperjenza tagħna mal-unjoni doganali u s-suq uniku. Il-kooperazzjoni dwar il-kurituri strateġiċi li jiffaċilitaw il-kummerċ u l-investiment intra-Afrikan u bejn l-Afrika u l-Ewropa, u biex ittejjeb il-konnettività sostenibbli, effiċjenti u sigura bejn iż-żewġ kontinenti, se tissaħħaħ ukoll bil-prospett fit-tul li tinħoloq żona ta’ kummerċ ħieles komprensiva interkontinentali. L-assoċjazzjonijiet ta’ impriżi tal-UE jistgħu jaqdu rwol importanti fil-Forum tan-Negozju organizzat fil-marġni tas-Summit UA-UE li ġej. Il-kooperazzjoni u d-djalogu, is-sħubijiet kummerċjali tul ktajjen tal-valur kritiċi, kif ukoll l-approfondiment tal-Ftehimiet ta’ Sħubija Ekonomika, u ftehimiet kummerċjali tal-UE oħrajn ma’ pajjiżi sħab Afrikani, huma l-għodod li bihom dan jista’ jinkiseb.

    **Il-Ftehim fil-Forma ta’ Skambju ta’ Ittri bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju tal-Marokk dwar l-emenda tal-Protokolli minn 1 sa 4 tal-Ftehim Ewro-Mediterranju ta’ Assoċjazzjoni, li daħal fis-seħħ fid-9 ta’ Lulju 2019, jipprevedi l-estensjoni tal-preferenzi tariffarji għal prodotti li joriġinaw fit-territorju mhux awtonomu tas-Saħara tal-Punent.

    c.L-ambjent tan-negozju u l-klima tal-investiment

    Huwa kruċjali li nagħtu spinta għall-investiment tas-settur privat biex naċċelleraw it-tkabbir ekonomiku sostenibbli u l-ħolqien ta’ impjiegi deċenti. Biex tiżdied il-kunfidenza tal-investituri fl-Afrika se jkun kruċjali li jkun hemm sigurtà mtejba, oqfsa regolatorji effettivi, trasparenti, u stabbli, flimkien mal-ħarsien u faċilitazzjoni tal-investiment, l-istabbiltà makroekonomika, sistemi finanzjarji robusti, aċċess għall-kreditu, u l-innovazzjoni, u d-data neċessarja biex tirfed it-tranżizzjoni ekoloġika.

    Ir-riforma tal-politika hija wkoll essenzjali f’oqsma ewlenin bħal: il-governanza; l-istat tad-dritt; is-sistema ġudizzjarja; il-ġestjoni finanzjarja pubblika (inkluża l-kwalità u l-effettività tan-nefqa pubblika); l-immaniġġjar tad-dejn; l-akkwist pubbliku trasparenti; il-kompetizzjoni; l-istandards u l-faċilitazzjoni tal-kummerċ; l-oqfsa tal-investiment u t-tassazzjoni tat-tkabbir ekoloġiku. Dan jinkludi wkoll il-ġlieda kontra l-korruzzjoni, il-frodi, il-flussi finanzjarji illeċiti, il-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu.

    Azzjoni proposta 4 — Nissieħbu mal-Afrika biex nattiraw l-investituri billi nappoġġaw lill-istati Afrikani biex jadottaw politiki u riformi regolatorji li jtejbu l-ambjent tan-negozju u l-klima tal-investiment, inkluż kondizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni għan-negozju 10 .

    B’dan il-ħsieb, qed jiġi propost li l-UE tiżviluppa arranġamenti aktar ambizzjużi biex tiffaċilita, tiġbed u tappoġġa l-investiment fl-Afrika. L-UE għandha tkompli tiżviluppa l-użu ta’ pjattaformi bħall-Pjattaforma tan-Negozju Sostenibbli għall-Afrika, u l-Pjattaforma Internazzjonali dwar il-Finanzjament Sostenibbli. Fl-istess ħin, huwa importanti li jiġu promossi r-riformi regolatorji u li tissaħħaħ il-kapaċità istituzzjonali tal-awtoritajiet pubbliċi, l-organizzazzjonijiet kummerċjali u l-imprendituri, inkluż l-imprendituri soċjali, filwaqt li jissaħħaħ il-bini ta’ kapaċità istituzzjonali relatat mal-aċċess tal-SMEs għas-swieq u l-finanzjament. F’dan ir-rigward, l-organizzazzjonijiet tan-negozju Ewropej għandhom ikomplu jappoġġaw l-intraprenditorija fl-Afrika.

    L-UE għadha tinkoraġġixxi wkoll id-djalogu regolatorju mal-amministrazzjonijiet pubbliċi biex niskambjaw il-prattiki tajbin. Id-djalogi dwar l-appoġġ baġitarju għandhom ikomplu jkunu strument ewlieni fil-promozzjoni tar-riforma. Finalment, il-ftehimiet kummerċjali u d-dispożizzjonijiet tal-investiment biex jattiraw, jiffaċilitaw u jappoġġaw l-investiment sostenibbli wkoll se jikkontribwixxu biex itejbu l-klima kummerċjali.

    d.L-edukazzjoni , il-ħiliet, ir-riċerka, l-innovazzjoni, is-saħħa u d-drittijiet soċjali

    L-investiment fin-nies, b’mod partikolari fiż-żgħażagħ, huwa tal-akbar importanza biex tinbena sħubija aktar b’saħħitha bejn iż-żewġ kontinenti tagħna. Fil-15-il sena li ġejjin, huwa mistenni li madwar 375 miljun żagħżugħ u żagħżugħa se jilħqu l-età tax-xogħol fl-Afrika.

    Bħalissa, anqas minn 10 % taż-żgħażagħ Afrikani bejn it-18 u l-24 sena huma rreġistrati f’xi forma ta’ edukazzjoni jew taħriġ postsekondarji. Li ż-żgħażagħ jingħataw edukazzjoni, taħriġ, u ħiliet, u li jitħejjew għall-opportunitajiet ġodda tas-suq tax-xogħol tal-futur hija prijorità strateġika komuni. Sabiex in-nisa u l-irġiel żgħażagħ ikunu jistgħu japprofittaw għalkollox mill-opportunitajiet ekonomiċi, se jkunu jeħtieġu aċċess akbar għal opportunitajiet inklużivi u ekwi ta’ edukazzjoni, inkluża l-edukazzjoni għolja, tagħlim u taħriġ ta’ kwalità. Dan jeħtieġ li tingħata attenzjoni speċjali lill-bniet u n-nisa. L-appoġġ għall-emanċipazzjoni tan-nisa jeħtieġ li jiġu indirizzati regolamenti u prattiki diskriminatorji u li jiġi żgurat li jkollhom l-għarfien, il-ħiliet, il-mikrokreditu u l-finanzjament għall-intraprenditorija.

    Sabiex l-impjegabbiltà tal-gradwati u s-sens ta’ intraprenditorija tagħhom jiżdiedu, hemm bżonn li s-sistemi edukattivi jallinjaw il-ħiliet u l-eżiti edukattivi aktar mad-domanda tas-suq tax-xogħol u ta’ setturi emerġenti ġodda, b’mod partikolari fis-settur diġitali u f’teknoloġiji ekoloġiċi u li ma jagħmlux ħsara lill-klima. Se jkun fundamentali wkoll li tiġi inċentivizzata l-kollaborazzjoni bejn l-akkademja, ir-riċerka u n-negozji lokali, u li jiġu appoġġati approċċi ta’ tagħlim innovattivi. Iż-żieda fil-kooperazzjoni fis-settur kulturali wkoll għandha potenzjal kbir għall-ħolqien tal-impjiegi u kuntatti eqreb bejn il-persuni.

    L-opportunitajiet ta’ xogħol deċenti se jkunu essenzjali biex jipprovdu prospetti għaż-żgħażagħ Afrikani li kulma jmur qed jiżdiedu. Dawn jimxu id f’id ma’ forza tax-xogħol u ambjent f’saħħithom, u kundizzjonijiet tax-xogħol deċenti. B’mod partikolari, dan jeħtieġ is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol, sistemi ta’ ħarsien soċjali inklużivi, kopertura tas-saħħa universali, aċċess għal servizzi tas-saħħa ta’ kwalità, inkluż l-ippjanar tal-familja, u l-ġlieda kontra l-inugwaljanza, id-diskriminazzjoni, l-impjieg tat-tfal (b’mod partikolari fis-settur agrikolu), u x-xogħol furzat. Jeħtieġ ukoll tranżizzjoni mill-ekonomija informali għal dik formali. F’dan ir-rigward, id-djalogu soċjali effettiv mal-awtoritajiet pubbliċi, l-organizzazzjonijiet tal-ħaddiema u tal-impjegaturi se jtejjeb kemm il-klima soċjali kif ukoll dik kummerċjali.

    L-UE u l-Afrika wkoll għandhom interess komuni li jippromwovu l-investiment fil-kura tas-saħħa bażika, l-ilma nadif, l-akkomodazzjoni u li jiżviluppaw infrastruttura u kapaċità li biex jindirizzaw it-tifqigħ tal-mard.

    Azzjoni proposta 5 – Nissieħbu mal-Afrika biex intejbu malajr it-tagħlim, l-għarfien u l-ħiliet, il-kapaċitajiet tar-riċerka u innovazzjoni, b'mod partikolari għan-nisa u ż-żgħażagħ, inħarsu u ntejbu d-drittijiet soċjali, u neqirdu l-impjieg tat-tfal 11 .

    Huwa propost li l-UE żżid il-kooperazzjoni akkademika u xjentifika bejn l-UE u l-Afrika, inkluż fuq l-edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali u tekniċi, u t-titjib tal-iżvilupp tal-ħiliet (f’assoċjazzjoni wkoll man-negozji tal-UE) bil-ħsieb li jinħolqu soċjetà u ekonomija tal-għarfien. L-UE għandha tiffaċilita l-mobilità tal-istudenti, l-għalliema, il-ħarrieġa, u r-riċerkaturi. L-UE għandha wkoll tappoġġa l-bini ta' kapaċità fl-Afrika; taħriġ ta’ kwalità għall-għalliema; l-iżvilupp ta’ kapaċitajiet ta’ riċerka u innovazzjoni; l-isfruttar tal-interazzjoni bejn l-edukazzjoni, ix-xjenza, it-teknoloġija, u l-innovazzjoni għal tagħlim aħjar. Barra minn hekk, l-UE għandha tfittex li tidħol fi djalogi dwar ix-xogħol mal-pajjiżi Afrikani għall-protezzjoni tad-drittijiet soċjali u, b’mod partikolari, biex jinqered l-impjieg tat-tfal. L-UE tipproponi li taġġorna l-appoġġ tagħha għat-tisħiħ tas-sistemi tas-saħħa.

    IV.Sħab għall-paċi, is-sigurtà, il-governanza u r-reżiljenza

    Li niżguraw li jkollna paċi u sigurtà dejjiema fl-Afrika huwa fl-interess tal-Afrika daqs kemm hu tal-UE. Il-paċi u s-sigurtà huma kundizzjonijiet essenzjali għall-iżvilupp sostenibbli.

    Filwaqt li l-objettiv huwa l-kisba tal-paċi u s-sigurtà madwar l-Afrika, l-isforzi għandhom isiru fir-reġjuni li fihom hemm l-ogħla tensjonijiet. L-istati Afrikani, bl-appoġġ ta’ organizzazzjonijiet reġjonali u kontinentali, iġorru r-responsabbiltà ewlenija li jaġixxu, minħabba li ħadd aktar minnhom ma jista’ jiggarantixxi s-sigurtà tagħhom stess. Iżda l-UE hija disposta li żżid l-appoġġ tagħha lill-Afrika b’mod sinifikanti, f’kooperazzjoni mal-komunità internazzjonali. B’mod partikolari, hemm bżonn li r-reżiljenza tkun fil-qalba tal-isforzi tal-Afrika u tal-UE biex jindirizzaw il-kunflitti u l-fraġilità fit-tul.

    L-instabbiltà fl-Afrika ma għadhiex qed tiġi ddefinita mill-kunflitti bejn l-istati iżda mill-kontroll ristrett mill-istat fuq it-territorji u d-dominji marittimi, il-koeżjoni soċjali, l-estremiżmu domestiku, il-kunflitti bejn il-komunitajiet, il-proliferazzjoni tal-gruppi armati, it-terroriżmu u l-kriminalità transnazzjonali, inkluż iċ-ċiberkriminalità. It-tibdil fil-klima, il-kompetizzjoni ikbar għar-riżorsi naturali, l-isfidi ambjentali, in-nuqqas ta’ servizzi soċjali bażiċi, il-pandemiji, u theddid ieħor għas-saħħa huma sorsi addizzjonali ta’ instabbiltà.

    Il-gvernijiet qed jaffaċċjaw l-isfida li jwettqu l-aspettattivi politiċi u ekonomiċi ta’ popolazzjoni żagħżugħa li qed tikber, inkluż dwar id-drittijiet tal-bniedem, li n-nuqqas ta’ rispett lejhom qed jiggrava t-tensjonijiet li jeżistu fil-komunitajiet.

    a.Paċi u sigurtà

    Filwaqt li nkisbu bosta riżultati tajbin permezz tas-sħubija UE-Afrika għall-paċi u s-sigurtà — li nqabdu b’mod partikolari fil-Memorandum ta’ Qbil UE-UA dwar il-Paċi, is-Sigurtà u l-Governanza — il-kumplessità tal-isforzi u s-sitwazzjoni li qed tiddeterjora f’ċerti reġjuni jeħtieġu li nżidu l-involviment tagħna flimkien sostanzjalment. Dan ifisser ukoll li naħdmu ma’ sħab internazzjonali, b’mod partikolari n-Nazzjonijiet Uniti. L-inizjattiva mmexxija mill-UA, “Silencing the Guns” (Insikktu l-Armi tan-Nar), hija importanti f’dan il-kuntest.

    L-istrumenti tal-UE u l-kapaċitajiet Afrikani għandhom jiġu allinjati aktar. Hemm ħtieġa ċara li nirrevedu u nsaħħu aktar il-kooperazzjoni tagħna, b’mod aktar strateġiku u mfassal aħjar, abbażi ta’ impenji reċiproċi, akkontabilità, u sens ta’ sjieda. Minkejja l-progress li kien hemm fuq il-Fond tal-UA għall-Paċi, il-finanzjament ta’ inizjattivi favur il-paċi mmexxijin mill-Afrika, inkluż permezz ta’ kontribuzzjonijiet ivvalutati min-NU, għad irid jiġi indirizzat. Hemm bżonn ukoll li l-UE u l-Afrika jadattaw il-mod tagħhom li jaħdmu flimkien f’oqsma fraġli sabiex ikollhom impatt fuq il-governanza fil-livell lokali.

    L-approċċ integrat li l-UE għandha bħalissa jimmobilizza l-firxa sħiħa tal-istrumenti tagħha, inkluż l-ogħla diplomazija politika, konsultazzjonijiet regolari, medjazzjonijiet għall-prevenzjoni u r-riżoluzzjoni tal-kunflitti, miżuri restrittivi, u kooperazzjoni kontra t-terroriżmu, il-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata, inkluż it-traffikar ta’ bnedmin, u s-sigurtà marittima. Permezz tal-Faċilità għall-Paċi fl-Afrika 12 , l-UE tappoġġa operazzjonijiet tal-paċi mmexxija mill-Afrika u l-Arkitettura Afrikana għall-Paċi u s-Sigurtà (APSA). Fil-livell operazzjonali, il-missjonijiet tal-Politika ta’ Sigurtà u ta’ Difiża Komuni (PSDK) kif ukoll skjeramenti ta’ sigurtà u difiża oħrajn mill-Istati Membri tal-UE jagħmlu kontribuzzjoni tanġibbli għall-paċi u s-sigurtà fis-Saħel, fil-Qarn tal-Afrika, fil-Golf tal-Guinea, fil-Baċir tal-Lag Chad u fir-Repubblika Ċentru-Afrikana.

    Azzjoni proposta 6 — Nissieħbu mal-Afrika biex nadattaw u napprofondixxu l-appoġġ tal-UE għall-isforzi ta’ paċi Afrikani permezz ta’ kooperazzjoni aktar strutturata u strateġika, b’enfasi partikolari fuq ir-reġjuni li għandhom l-ogħla tensjonijiet u vulnerabbiltajiet 13 .

    Sabiex niksbu l-objettivi tagħna, is-summits u d-diplomazija fil-livelli għoljin se tiffoka b’mod partikolari fuq l-iżviluppar ta’ strateġiji u passi konkreti biex jgħinu fis-soluzzjoni ta’ kriżijiet, pereżempju dawk fil-Libja, fis-Saħel, fir-Reġjun tal-Lagi l-Kbar, jew fil-Qarn tal-Afrika. L-UE tipproponi li tappoġġa l-isforzi tas-sħab Afrikani tagħha biex tindirizza l-firxa sħiħa tal-isfidi u żżid ir-reżiljenza ġenerali tagħhom. L-UE tipproponi wkoll li tappoġġa l-kapaċità Afrikana fid-difiża u s-sigurtà, bl-użu tal-Faċilità Ewropea għall-Paċi proposta, il-missjonijiet PSDK u l-għodod relatati mas-sigurtà u d-difiża tagħha biex tindirizza aħjar l-isfidi li l-operaturi tas-sigurtà u d-difiża Afrikana qed iħabbtu wiċċhom magħhom fil-post. L-UE tipproponi li ssaħħaħ l-isforzi kontinwi tagħha biex tiżgura l-konformità mad-drittijiet tal-bniedem, il-protezzjoni tal-popolazzjoni ċivili waqt konflitti armati, u l-liġi umanitarja internazzjonali. L-azzjonijiet se jitwettqu f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri tal-UE, l-Unjoni Afrikana, l-organizzazzjonijiet reġjonali Afrikani, in-NU u sħab ewlenin oħrajn — inkluż permezz tal-kooperazzjoni trilaterali UA-UE-NU. Se tingħata wkoll attenzjoni speċjali għall-implimentazzjoni tal-Aġenda dwar in-Nisa, il-Paċi u s-Sigurtà u l-Aġenda għaż-Żgħażagħ, il-Paċi u s-Sigurtà.

    L-UE għandha tadatta u tapprofondixxi l-appoġġ tagħha għall-isforzi Afrikani favur il-paċi, b’enfasi fuq approċċ integrat għal konflitti u kriżijiet, azzjoni fl-istadji kollha taċ-ċiklu ta’ konflitt, l-investiment fil-prevenzjoni, fil-ġlieda kontra r-radikalizzazzjoni, l-istabbilizzazzjoni, u konnessjoni aħjar bejn l-isforzi umanitarji, tal-iżvilupp, tal-paċi u tas-sigurtà.

    b.Il-governanza, id-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt

    Is-sigurtà u l-iżvilupp jistgħu jkunu sostenibbli fit-tul biss jekk ikunu ankrati fir-rispett sħiħ tad-drittijiet tal-bniedem mingħajr ebda diskriminazzjoni għal ebda raġuni 14 , fil-prinċipji demokratiċi, fl-ugwaljanza bejn il-ġeneri, u fl-istat tad-dritt. Filwaqt li jirrikonoxxu li d-drittijiet tal-bniedem huma universali, indiviżibbli, interdipendenti u interrelatati, l-UE u l-pajjiżi Afrikani huma impenjati li jippromwovu u li jipproteġu d-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali kollha globalment.

    Il-governanza tajba, il-politiki ekonomiċi, soċjali, edukattivi u tas-saħħa effettivi u inklużivi, l-aċċess ugwali għas-servizzi soċjali bażiċi, l-aċċess ugwali għar-riżorsi u r-ridistribuzzjoni ġusta tagħhom, l-aċċess ugwali għall-ġustizzja, u soċjetajiet miftuħa u inklużivi, irawmu l-paċi u l-istabbiltà, u jservu bħala l-pedament għall-impjiegi u t-tkabbir, u b’hekk jiġi attirat l-investiment. Is-salvagwardja u l-protezzjoni tad-drittijiet tat-tfal jistħoqqilhom attenzjoni partikolari.

    Azzjoni proposta 7 – Nissieħbu mal-Afrika biex nintegraw il-governanza tajba, id-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem, l-istat tad-dritt u l-ugwaljanza bejn il-ġeneri fl-azzjoni u l-kooperazzjoni 15 .

    Ir-rispett għad-drittijiet universali tal-bniedem — politiċi, ċivili, ekonomiċi, soċjali, jew kulturali — se jibqa’ karatteristika ewlenija tas-sħubija tagħna mal-atturi rilevanti kollha l-inizjattivi ewlenin li jappoġġawhom bħall-Arkitettura tal-Governanza Afrikana. Approċċ aktar strateġiku u strutturat għad-djalogi politiċi dwar id-drittijiet tal-bniedem mal-pajjiżi Afrikani se jiġi adottat, b’komplementarjetà mal-konsultazzjonijiet regolari mal-organizzazzjonijiet reġjonali Afrikani u d-Djalogu dwar id-Drittijiet tal-Bniedem UA-UE li issa huwa stabbilit sew.

    L-UE qed tfittex li tkompli tappoġġa proċessi elettorali u demokratiċi kredibbli, inklużivi u trasparenti, inkluż permezz ta’ koordinazzjoni akbar bejn l-UA u l-UE dwar l-osservazzjonijiet elettorali u s-segwitu għalihom. L-UE għandha wkoll il-ħsieb li żżid il-kooperazzjoni fuq il-governanza demokratika u l-istat tad-dritt fiż-żewġ kontinenti, inkluż l-akkontabilità u t-trasparenza tal-istituzzjonijiet pubbliċi; il-ġustizzja indipendenti u imparzjali, il-korruzzjoni u l-kriminalità transnazzjonali, kif ukoll it-traffikar tal-bnedmin.

    L-UE għandha wkoll tappoġġa inizjattivi konkreti biex issaħħaħ l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem; biex tintemm l-impunità, jiġi żgurat rimedju għall-vittmi, u tiġi mrawma r-rikonċiljazzjoni. Se jittieħdu inizjattivi indirizzati għan-nisa u ż-żgħażagħ (inklużi t-tfal) u li jinvolvuhom, li jappoġġaw l-emanċipazzjoni ekonomika tagħhom, li jiżguraw l-involviment attiv tagħhom fil-proċessi tat-teħid ta’ deċiżjonijiet fil-ħajja ċivika u politika, li jippromwovu s-saħħa sesswali u riproduttiva u d-drittijiet relatati, u li jipprevjenu u jeliminaw kull forma ta’ vjolenza kontra n-nisa u l-bniet, inkluż vjolenza sesswali u sessista relatati mal-kunflitti.

    c.    Ir-reżiljenza

    Ir-reżiljenza, il-paċi, is-sigurtà u l-governanza huma marbutin mill-qrib flimkien. Għaldaqstant l-UE għandha tissieħeb mal-partijiet ikkonċernati Afrikani biex insaħħu r-reżiljenza, filwaqt li jitqies l-ispettru sħiħ tal-isfidi, mill-kawżi ewlenin tal-kunflitti sal-impatt tal-kriżijiet. Dan se jsir billi jiġi approfondit l-appoġġ tal-UE għall-isforzi Afrikani favur il-paċi permezz ta’ approċċ integrat, b’azzjoni f’kull stadju taċ-ċiklu tal-kunflitti u tal-kriżijiet huma u jiżviluppaw. Dan jinvolvi sforzi ta’ prevenzjoni, riżoluzzjoni, u stabbilizzazzjoni minn azzjonijiet umanitarji, ta’ żvilupp, paċi u sigurtà mmirati tajjeb, f’konformità mal-valur miżjud u l-mandati rispettivi tagħhom.

    Azzjoni proposta 8 — niżguraw ir-reżiljenza permezz tal-interkonnessjoni tal-interventi umanitarji, tal-iżvilupp, tal-paċi u tas-sigurtà f’kull stadju tal-konflitti u l-kriżijiet.

    V.Sħab għall-migrazzjoni u l-mobilità

    Ix-xejriet demografiċi, l-aspirazzjoni għall-opportunitajiet ekonomiċi u l-istabbiltà politika, il-ħarba mill-kriżijiet u l-konflitti, u l-adattament għat-tibdil fil-klima u d-degradazzjoni ambjentali, kollha jfissru li l-livelli tal-migrazzjoni u ċ-ċaqliq sforzat tal-popolazzjoni se jkomplu jippreżentaw sfidi kif ukoll opportunitajiet għaż-żewġ kontinenti tagħna.

    Il-migrazzjoni u l-mobilità mmaniġġjati tajjeb jista’ jkollhom impatt pożittiv fuq il-pajjiżi tal-oriġini, ta’ tranżitu, u ta’ destinazzjoni. Il-flussi ta’ migrazzjoni u ta’ mobilità Afrikani fil-maġġoranza tagħhom huma fl-Afrika stess, u qed jiġu stabbiliti sistemi għall-moviment liberu kemm fil-livell reġjonali kif ukoll f’dak kontinentali. Xi Stati Membri tal-Unjoni Afrikana jospitaw għadd sostanzjali ta’ migranti, refuġjati u persuni spostati u b’hekk għandhom quddiemhom sfidi u opportunitajiet sinifikanti. Il-migrazzjoni tippreżenta wkoll sfidi u opportunitajiet għall-Istati Membri tal-UE.

    Mill-2015, il-pajjiżi tal-UE u dawk Afrikani żviluppaw approċċ konġunt għall-ġestjoni tal-migrazzjoni u tal-mobilità 16 . Dan l-approċċ wassal għal tnaqqis fil-wasliet irregolari fl-Ewropa, kooperazzjoni mtejba fil-ġlieda kontra l-kuntrabandu ta’ migranti, u għall-iżvilupp ta’ approċċi aktar sostenibbli għar-refuġjati f’pajjiżi ospitanti fl-Afrika.

    Madankollu, fadal sfidi sinifikanti. L-Afrika sub-Saħarjana tospita aktar minn kwart tal-popolazzjoni dinjija tar-refuġjati. Il-vjaġġi u t-tentattivi perikolużi ta’ qsim tal-Mediterran qed ikomplu joħolqu ħafna telfien ta’ ħajjiet u jalimentaw in-negozju kriminali. Biex jindirizzaw tali sfidi, l-Afrika u l-UE jeħtieġu approċċ bilanċjat, koerenti u komprensiv għall-migrazzjoni u l-mobilità mmexxi mill-prinċipji ta’ solidarjetà, sħubija u responsabbiltà kondiviża, u bbażat fuq ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u d-dritt internazzjonali. L-għan konġunt għall-UE u s-sħab Afrikani tagħha għandu jkun ġestjoni tal-migrazzjoni sostenibbli u effettiva.

    F’dawn l-attivitajiet kollha, l-UE se tkompli tagħti attenzjoni partikolari lir-rispett tal-valuri ewlenin tagħha, u b’mod partikolari billi tqis il-ħtiġijiet partikolari tal-persuni f’sitwazzjonijiet vulnerabbli, inkluż in-nisa, it-tfal, il-minorenni mhux akkumpanjati u l-persuni b’diżabilità.

    Il-protezzjoni ta’ dawk fil-bżonn, bħalma huma r-refuġjati, il-persuni spostati f’pajjiżhom, u persuni spostati vulnerabbli oħrajn għandhom jibqgħu prijorità komuni. L-UE għadha impenjata li tgħin lis-sħab Afrikani jindirizzaw il-kriżijiet tar-refuġjati u jsibu soluzzjonijiet durevoli għar-refuġjati fil-pajjiżi ospitanti. L-UE għandha bl-istess mod tkompli l-isforzi tagħha ta’ risistemazzjoni tan-nies fil-ħtieġa tal-protezzjoni internazzjonali lejn l-Ewropa.

    Hemm bżonn ta’ ingaġġ aktar qawwi għall-prevenzjoni tal-migrazzjoni irregolari u biex jintemm it-telfien ta’ ħajja fil-baħar. Dan jinkludi li tiġi intensifikata l-ġlieda kontra l-kuntrabandu ta' migranti, b’enfasi fuq li jiġi indirizzat ir-rwol tan-netwerks kriminali, u għandu jimxi id f’id mal-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin. Il-bini ta' kapaċità għall-ġestjoni effettiva tal-migrazzjoni inkluża l-ġestjoni effettiva tal-fruntieri, huwa partikolarment importanti, u l-UE għandha tkompli tappoġġa lis-sħab Afrikani tagħha f'dan il-qasam. Hemm bżonn ukoll ta’ aktar azzjoni biex jiġu indirizzati l-kawżi ewlenin tal-migrazzjoni irregolari u ċ-ċaqliq sfurzat tal-popolazzjoni, li tibni fuq l-appoġġ varjat ipprovdut mill-Fond Fiduċjarju tal-UE għall-Afrika.

    Il-kooperazzjoni dwar ir-ritorn u r-riammissjoni, u r-rati ta’ ritorn effettivi hemm bżonn li jittejbu. L-UE u l-Afrika għandhom jaħdmu biex jiksbu mekkaniżmi aktar effiċjenti u sostenibbli, inkluż permezz tal-appoġġ għar-ritorni volontarji, u permezz tal-implimentazzjoni effettiva u l-konklużjoni ta’ arranġamenti ta’ riammissjoni. Ir-ritorni għandhom ikunu akkumpanjati mir-riintegrazzjoni sostenibbli fil-pajjiżi tal-oriġini.

    Fl-istess ħin, il-kooperazzjoni intensifikata fuq il-migrazzjoni legali tista’ tipprovdi benefiċċji sinifikanti fiż-żewġ direzzjonijiet, billi tipprovdi opportunitajiet ta’ impjieg li jikkorrispondu mal-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol fiż-żewġ kontinenti. Il-proġetti fuq il-migrazzjoni legali u ċirkolari u l-mobilità tax-xogħol mal-pajjiżi Afrikani, kif ukoll l-isforzi biex jittejbu l-benefiċċji għall-iżvilupp tal-migrazzjoni, inkluż permezz tal-faċilitazzjoni tar-rimessi, jistgħu jikkontribwixxu b’mod sinifikanti għall-migrazzjoni u l-mobilità sigura u regolari.

    Azzjoni proposta 9 – Nissieħbu mal-Afrika biex niżguraw approċċ bilanċjat, koerenti u komprensiv għall-migrazzjoni u l-mobilità 17 .

    Dan se jsir billi l-mobilità u l-migrazzjoni jiġu integrati b’mod bilanċjat fis-sħubija ġenerali tagħna fil-livelli kollha. Se naħdmu fuq approċċ "mill-bidu sat-tmiem", billi naħdmu mal-pajjiżi ta’ oriġini, ta’ tranżitu u tad-destinazzjoni. Se ssir ukoll ħafna enfasi fuq it-titjib tal-governanza tal-migrazzjoni, fuq l-abbiltà tal-pajjiżi sħab li jimmaniġġjaw aħjar il-fruntieri tagħhom, it-tisħiħ tal-kapaċitajiet u l-kooperazzjoni bbażata fuq l-evidenza.

    Fil-livell kontinentali, l-UE tipproponi li twaqqaf qafas konġunt għad-Djalogu Dwar il-Migrazzjoni u l-Mobilità Interkontinentali u tkompli ttejjeb il-kooperazzjoni trilaterali UA-UE-NU, billi tuża l-esperjenza pożittiva tat-Task Force dwar il-Migrazzjoni. Fil-livell reġjonali, l-UE tipproponi li tavvanza l-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni tal-Belt Valletta u tal-proċessi ta’ Khartoum u ta’ Rabat, flimkien mal-UA, in-NU, l-Istati Membri tal-UE u l-organizzazzjonijiet reġjonali.

    Fil-livell bilaterali, l-UE għandha tiżviluppa djalogi u sħubijiet imfasslin apposta bħala parti mir-relazzjonijiet ġenerali tagħha mal-pajjiżi Afrikani. Huwa importanti li tiġi żgurata l-komplementarjetà u l-valur miżjud tal-oqfsa ta’ kooperazzjoni eżistenti u futuri.

    VI.Konklużjoni: naħdmu flimkien biex nimplimentaw is-sħubija

    Sabiex jintlaħqu l-ambizzjonijiet deskritti hawn fuq u sabiex tiġi implimentata b’mod effettiv is-sħubija l-ġdida, l-UE u l-Afrika għandhom isibu modi kif jaħdmu aktar mill-qrib flimkien.

    a.Fil-livell globali: insaħħu l-multilateraliżmu bbażat fuq ir-regoli

    L-Unjoni Afrikana u l-UE huma impenjati għall-ordni internazzjonali bbażat fuq ir-regoli u s-sistema multilaterali, bin-Nazzjonijiet Uniti fil-qalba 18 . Aħna nikkondividu l-konvinzjoni li l-ebda sfida globali ma tista’ tissolva minn xi pajjiż jew grupp ta’ pajjiżi individwali. Il-kooperazzjoni globali u l-integrazzjoni globali joffru l-aħjar garanziji għall-istabbiltà internazzjonali u t-tkabbir ekonomiku. Għaldaqstant għandna interess komuni li nikkooperaw dwar il-multilateraliżmu u l-aġendi komuni (pereżempju l-azzjoni klimatika, il-governanza tad-diġitalizzazzjoni, eċċ.) li jistgħu jiġu indirizzati effettivament biss jekk naħdmu flimkien. Flimkien, l-Afrika u l-Ewropa jiffurmaw l-akbar blokk ta’ votazzjoni fin-NU. Billi ġbarna l-forzi tagħna, wassalna għal ftehimiet internazzjonali ewlenin bħall-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli u l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tagħha, kif ukoll il-Ftehim ta' Pariġi dwar il-Klima, u impenjajna ruħna li nimplimentawhom. Dan l-approċċ għandu jintuża wkoll fil-bosta aġenziji speċjalizzati tan-NU. L-Afrika u l-UE għandhom jaħtfu kull opportunità biex ikomplu jaġixxu b’effettività flimkien fl-oqsma strateġiċi kollha ta’ interess reċiproku fit-tliet pilastri tan-NU u jiżguraw li jkun hemm kooperazzjoni u allinjament tal-pożizzjonijiet kull meta jkun rilevanti. Għandna wkoll nissieħbu u nfittxu li nkunu allinjati fil-fora multilaterali l-oħra kollha bħall-G20 u l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO).

    Il-membri tal-UE u tal-UA jirrikjedu azzjoni kollettiva u ħidma ta' sensibilizzazzjoni favur l-ordni internazzjonali bbażat fuq ir-regoli. F’dinja li kulma jmur qed issir aktar kompetittiva, fejn l-ideat jiċċirkolaw liberament u l-valuri jiġu mhedda, se tingħata attenzjoni partikolari għad-diplomazija pubblika favur il-multilateraliżmu fiż-żewġ kontinenti, u madwar id-dinja, billi jintlaħqu ż-żgħażagħ, l-akkademiċi u partijiet ikkonċernati oħrajn li flimkien qed isawru l-ordni globali futur.

    Azzjoni proposta 10 - Nissieħbu mal-Afrika biex insaħħu l-ordni internazzjonali bbażat fuq ir-regoli u s-sistema multilaterali, bin-NU fil-qalba 19 .

    Id-djalogi politiċi regolari mal-kontropartijiet Afrikani dwar il-kooperazzjoni fis-sistema multilaterali fil-livell bilaterali u fi ħdan l-UE, għandha tindirizza kwistjonijiet li jmorru minn sfidi globali ġodda għall-kooperazzjoni fuq kwistjonijiet relatati mal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU. L-UE għandha tistinka biex tistabbilixxi kooperazzjoni trilaterali UA-UE-NU aktar strutturata madwar l-oqsma ta’ interess reċiproku. Għandha wkoll tappoġġa r-riformi neċessarji u l-immodernizzar tal-istituzzjonijiet multilaterali eżistenti biex tiżgura li jkunu adattati għall-iskop tagħhom. Bil-ħsieb li tappoġġa sforzi biex l-Afrika jkollha vuċi aktar b’saħħitha fin-NU, l-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali, u f’organizzazzjonijiet multilaterali oħra, l-UE tappoġġa l-applikazzjoni tal-UA għall-istatus ta’ osservatur privileġġat fid-WTO.

    b.Fil-livell bilaterali: nintensifikaw il-kooperazzjoni mal-Afrika

    Is-summits u l-laqgħat ministerjali tal-Kapijiet ta’ Stat u tal-Gvernijiet bejn l-UA u l-UE se jipprovdu direzzjoni politika għall-kooperazzjoni tal-UE mal-Afrika. Għandha tiġi tiġi żgurata koerenza bejn din l-istrateġija u l-ftehimiet legalment vinkolanti bejn l-UE u pajjiżi Afrikani, kemm permezz tal-protokoll li jkopri l-pajjiżi tal-Afrika sub-Saħarjana taħt il-ftehim ta’ sħubija ġdid bejn l-UE u l-Istati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku, kif ukoll permezz tal-ftehimiet ta’ assoċjazzjoni bejn l-UE u l-pajjiżi tal-Afrika ta’ fuq. Tali koerenza se tiġi żgurata billi nibnu fuq l-istrutturi ta’ governanza eżistenti, bħas-summits, il-laqgħat ministerjali, bejn il-Kummissjonijiet u l-Kumitati tal-Politika/tal-Paċi u s-Sigurtà. Għandha wkoll tiftaħ djalogi mal-atturi ewlenin, bħaż-żgħażagħ, in-nisa, il-mexxejja tan-negozju, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, l-akkademja u l-gruppi ta’ riflessjoni 20 . L-UE għandha tkun lesta biex tappoġġa l-proċess ta’ riforma istituzzjonali mibdi mill-UA. L-UE għandha tkompli wkoll taħdem mad-dijaspori biex issaħħaħ il-modi differenti li jistgħu jikkontribwixxu bihom.

    Lil hinn mid-djalogi formali, l-UE u l-Afrika għandhom ifittxu modi biex jintensifikaw il-kuntatti bejn il-persuni permezz ta’ programmi ta’ skambju, attivitajiet ta’ riċerka konġunti jew inizjattivi ta’ ġemellaġġ bejn istituzzjonijiet akkademiċi u kulturali, is-settur privat, in-negozji, l-aġenziji u l-utilitajiet, il-parlamenti, l-awtoritajiet lokali jew il-bliet u r-reġjuni. L-UE tipproponi li taħdem mas-sħab Afrikani tagħha biex jindirizzaw il-fraġilità, isaħħu r-reżiljenza u tuża l-għodod għad-dispożizzjoni tagħha b’mod koerenti. Il-faċilitajiet għandhom jappoġġaw id-djalogu politiku u ta’ politika permezz tal-mobilizzazzjoni rapida tal-għarfien espert speċifiku u l-ħolqien ta’ pjattaformi ta’ għarfien aċċessibbli għall-bosta partijiet ikkonċernati. L-esperjenza li rnexxiet tat-Task Forces Settorjali mwaqqfa taħt l-Alleanza Afrika-Ewropa għall-Investiment u għall-Impjiegi Sostenibbli għandha titkompla u, jekk ikun possibbli, tiġi rreplikata. Għandhom ikunu promossi l-iskambji tal-aħjar prassi u tal-għarfien espert.

    c.Min-naħa tal-UE: naħdmu flimkien u nimmobilizzaw il-mezzi li għandna

    L-UE għadha l-ikbar sieħeb tal-Afrika f’dak li jirrigwarda l-investiment, il-kummerċ u l-iżvilupp. Biex niżguraw li l-interazzjoni sostanzjali tal-UE mal-Afrika twassal ir-riżultati mistennija, hemm bżonn li l-UE żżid il-koordinazzjoni u l-azzjoni konġunta strateġiċi u operazzjonali fil-livell tal-kwartieri ġenerali u tal-pajjiżi sħab ma’ Stati Membri tal-UE u atturi oħra, bħas-settur privat, l-istituzzjonijiet tal-finanzi għall-iżvilupp, il-banek, aġenziji tal-implimentazzjoni tal-iżvilupp, aġenziji ta’ kreditu għall-esportazzjoni, l-awtoritajiet lokali, organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jew istituzzjonijiet kulturali, edukattivi jew tar-riċerka. Huwa kruċjali li jkun hemm ingranaġġ u koordinazzjoni aħjar tal-parteċipazzjoni u x-xogħol konsiderevoli mill-UE u l-Istati Membri tagħha fl-Istituzzjonijiet Finanzjarji Internazzjonali. Sforzi li għaddejjin bħalissa, bħall-approċċ “Naħdmu Aħjar Flimkien” permezz ta’ programmazzjoni u implimentazzjoni konġunti, diġà qed jappoġġaw approċċ strateġiku Ewropew koerenti u kkoordinat fil-livell tal-pajjiżi.

    L-importanza strateġika tas-sħubija bejn l-UE u l-Afrika trid ukoll tiġi korrisposta mir-riżorsi mmobilizzati biex jappoġġawha. Il-Kummissjoni pproponiet li l-Istrument ta’ Viċinat, ta’ Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta’ Kooperazzjoni Internazzjonali mill-2021 ikun jinkludi aktar minn 60 % tal-fondi disponibbli għalih għall-Afrika sub-Saħarjana u l-pajjiżi ġirien tal-UE.

    Hija u timxi mal-prinċipju li l-politiki jiġu l-ewwel, l-UE għandha tiskjera l-istrumenti tagħha f’konformità sħiħa mal-għanijiet, l-istandards u r-regoli tal-UE għall-politika esterna, u b’koerenza mal-politiki interni.

    F’konformità mal-Aġenda ta’ Azzjoni ta’ Addis Ababa, l-UE għandha taħdem aktar mal-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tagħha, inklużi l-istituzzjonijiet tal-finanzi għall-iżvilupp Ewropej, biex timmobilizza l-finanzjament privat. Biex tattira lill-investituri internazzjonali, l-UE għandha tkompli tmexxi sforzi innovattivi biex titwaqqaf sistema finanzjarja li tappoġġa t-tkabbir sostenibbli. Hija u tagħmel dan, l-UE se tibni fuq inizjattivi bħall-Pjan ta’ Investiment Estern Ewropew, l-Alleanza Afrika-Ewropa għall-Investiment u għall-Impjiegi Sostenibbli, u l-Pjattaforma Internazzjonali dwar il-Finanzjament Sostenibbli.

    Is-suċċess tas-Sħubija UE-Afrika se jitkejjel mill-eżiti konkreti tal-azzjonijiet żviluppati f’dan id-dokument u mir-riżultati tanġibbli li s-sħubija se tkun kisbet għaċ-ċittadini fiż-żewġ kontinenti.

    Biex nirrikapitulaw, qed jiġi propost li l-UE tissieħeb mal-Afrika għall-10 azzjonijiet li ġejjin:

    1.nimmassimizzaw il-benefiċċji tat-tranżizzjoni ekoloġika u nimminimizzaw it-theddid għall-ambjent f’konformità sħiħa mal-Ftehim ta’ Pariġi;

    2.nagħtu spinta lit-trasformazzjoni diġitali tal-kontinent;

    3.inżidu sostanzjalment l-investimenti ambjentalment, soċjalment u finanzjarjament sostenibbli li huma reżiljenti għall-impatti tat-tibdil fil-klima; nippromwovu l-opportunitajiet ta’ investiment billi nintensifikaw l-użu ta’ mekkaniżmi ta’ finanzjament innovattivi; u nagħtu spinta lill-integrazzjoni ekonomika reġjonali u kontinentali, partikolarment permezz tal-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles Kontinentali Afrikan.

    4.nattiraw l-investituri billi nappoġġaw lill-istati Afrikani biex jadottaw politiki u riformi regolatorji li jtejbu l-ambjent tan-negozju u l-klima tal-investiment, inkluż kondizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni għan-negozju; 

    5.intejbu t-tagħlim, l-għarfien u l-ħiliet, il-kapaċitajiet tar-riċerka u innovazzjoni, partikolari għan-nisa u ż-żgħażagħ, insaħħu u ntejbu d-drittijiet soċjali, u neqirdu l-impjieg tat-tfal;

    6.nadattaw u napprofondixxu l-appoġġ tal-UE għall-isforzi ta’ paċi Afrikani permezz ta’ kooperazzjoni aktar strutturata u strateġika, b’enfasi partikolari fuq ir-reġjuni li għandhom l-ogħla tensjonijiet u vulnerabbiltajiet;

    7.nintegraw il-governanza tajba, id-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem, l-istat tad-dritt u l-ugwaljanza bejn il-ġeneri fl-azzjoni u l-kooperazzjoni;

    8.niżguraw ir-reżiljenza permezz tal-interkonnessjoni tal-interventi umanitarji, tal-iżvilupp, tal-paċi u tas-sigurtà f’kull stadju tal-konflitti u l-kriżijiet;

    9.niżguraw sħubijiet bilanċjati, koerenti u komprensivi dwar il-migrazzjoni u l-mobilità;

    10.insaħħu l-ordni internazzjonali bbażat fuq ir-regoli u s-sistema multilaterali, bin-Nazzjonijiet Uniti fil-qalba.

    (1)

    UNDESA world population prospects 2017.

    (2)

    Din l-azzjoni proposta timxi mal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli 2 (inxejnu l-ġuħ), 6 (ilma nadif), 7 (enerġija affordabbli u nadifa), 8 (xogħol deċenti u tkabbir ekonomiku), 9 (industrija, innovazzjoni u infrastruttura), 11 (bliet u komunitajiet sostenibbli), 12 (konsum u produzzjoni responsabbli), 13 (azzjoni klimatika), 14 (il-ħajja taħt l-ilma) u 15 (il-ħajja fuq l-art).

    (3)

    Din l-azzjoni proposta hija konformi mal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli 4 (edukazzjoni ta' kwalità), 5 (ugwaljanza bejn il-ġeneri), u 9 (industrija, innovazzjoni u infrastruttura).

    (4)

    Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni, Il-Patt Ekoloġiku Ewropew, 11 ta’ Diċembru 2019, COM/2019/640 final.

    (5)

    Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew u lill-Kunsill dwar Alleanza ġdida Afrika - Ewropa għall-Investiment u għall-Impjiegi Sostenibbli: Nieħdu s-sħubija tagħna għall-investiment u għall-impjiegi fil-livell li jmiss, 12 ta’ Settembru 2018, COM(2018)643 final.

    (6)

     Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Kummerċ u l-Iżvilupp, World Investment Report 2018, ċifri tal-2016.

    (7)

    Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Istrument ta’ Viċinat, ta’ Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta’ Kooperazzjoni Internazzjonali, COM(2018)460 final.

    (8)

    Din l-azzjoni proposta timxi mal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli nru 1 (inxejnu l-faqar), nru 2 (inxejnu l-ġuħ), nru 7 (enerġija affordabbli u nadifa), nru 8 (xogħol deċenti u tkabbir ekonomiku), u nru 9 (industrija, innovazzjoni u infrastruttura).

    (9)

    Din l-azzjoni proposta hija konformi mal-Għan ta’ Żvilupp Sostenibbli 8 (xogħol Deċenti u Tkabbir Ekonomiku).

    (10)

    Din l-azzjoni proposta hija konformi mal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli 1 (inxejnu l-faqar), 9 (industrija, innovazzjoni u infrastruttura), u 16 (paċi, ġustizzja u istituzzjonijiet b'saħħithom).

    (11)

    Din l-azzjoni proposta timxi mal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli 1 (inxejnu l-faqar), 3 (saħħa u benessri), 4 (edukazzjoni ta' kwalità), 5 (ugwaljanza bejn il-ġeneri), 8 (xogħol deċenti u tkabbir ekonomiku) u 10 (inqas inugwaljanzi).

    (12)

    Li mill-2004 ’l hawn l-UE impenjat EUR 3,5 biljun għaliha.

    (13)

    Din l-azzjoni proposta hija konformi mal-Għan ta’ Żvilupp Sostenibbli 16 (paċi, ġustizzja u istituzzjonijiet b'saħħithom).

    (14)

    Inkluż fuq bażi ta’ sess, razza, oriġini etnika jew soċjali, reliġjon jew twemmin, opinjoni politika jew ta’ xorta oħra, diżabilità, età, orjentazzjoni sesswali u l-identità tal-ġeneru.

    (15)

    Din l-azzjoni proposta hija konformi mal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli 10 (inqas inugwaljanzi), 15 (l-ugwaljanza bejn il-ġeneri), u 16 (paċi, ġustizzja u istituzzjonijiet b'saħħithom).

    (16)

    Dan jinkludi l-Pjan ta’ Azzjoni tal-Belt Valletta, il-proċessi ta’ Khartoum u ta’ Rabat, il-qafas ta’ sħubija tal-UE dwar il-migrazzjoni għar-relazzjonijiet bilaterali mal-pajjiżi sħab, it-Task Force Trilaterali UA-UE-NU dwar il-Migrazzjoni, jew l-impenn li jiġi żviluppat qafas konġunt għad-djalogu dwar il-migrazzjoni u l-mobilità interkontinentali.

    (17)

    Din l-azzjoni proposta hija konformi mal-Għan ta’ Żvilupp Sostenibbli 1 (inxejnu l-faqar).

    (18)

    Kif inhu rifless fit-Trattat tal-UE, fl-Aġenda 2063 tal-Unjoni Afrikana, fl-Istrateġija Globali tal-UE għall-Politika Estera u ta' Sigurtà u l-Konsensus Ewropew dwar l-Iżvilupp.

    (19)

    Din l-azzjoni proposta hija konformi mal-Għan ta’ Żvilupp Sostenibbli 17 (sħubija).

    (20)

    Id-djalogi tal-politika settorjali taħt l-Alleanza Afrika-Ewropa (dwar l-ekonomija diġitali, it-trasport, l-investimenti rurali/agrikoli u fl-enerġija sostenibbli) joffru mudell li għandu bżonn jiġi approfondit u mwessa’. Pereżempju dwar it-Tranżizzjoni Ekoloġika.

    Top