Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52017XX0318(01)

    Sommarju tal-Opinjoni tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data dwar Proposta tal-Kummissjoni li temenda d-Direttiva (UE) 2015/849 u d-Direttiva 2009/101/KE — Aċċess għal informazzjoni dwar is-sjieda benefiċjarja u l-implikazzjonijiet tal-protezzjoni tad-data

    ĠU C 85, 18.3.2017, p. 3–5 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    18.3.2017   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 85/3


    Sommarju tal-Opinjoni tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data dwar Proposta tal-Kummissjoni li temenda d-Direttiva (UE) 2015/849 u d-Direttiva 2009/101/KE

    Aċċess għal informazzjoni dwar is-sjieda benefiċjarja u l-implikazzjonijiet tal-protezzjoni tad-data

    (It-test sħiħ ta’ din l-Opinjoni jista’ jinstab bil-Franċiż, bil-Ġermaniż u bl-Ingliż fuq is-sit web tal-KEPD www.edps.europa.eu)

    (2017/C 85/04)

    Fil-5 ta’ Lulju 2016, il-Kummissjoni ppubblikat sett ta’ emendi proposti għad-Direttiva kontra l-ħasil tal-flus u għad-Direttiva 2009/101/KE li għandhom l-għan li b’mod dirett u inċiżiv jindirizzaw l-evażjoni tat-taxxa, flimkien ma’ prattiki tal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus, sabiex tiġi stabbilita sistema fiskali aktar ġusta u aktar effettiva. Din l-Opinjoni tivvaluta l-implikazzjonijiet tal-protezzjoni tad-data ta’ emendi bħal dawn.

    B’mod ġenerali, dawn jidhru li jieħdu approċċ aktar srett minn qabel għall-problema sabiex il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu tkun waħda effettiva. F’dan ir-rigward, fost miżuri oħra proposti, dawn jiffukaw fuq mogħdijiet u modalitajiet ġodda li jintużaw biex jiġu ttrasferiti fondi illegali għall-ekonomija legali (eż. muniti virtwali, pjattaformi tal-bdil tal-flus, eċċ.).

    Waqt li aħna ma nesprimux xi ġudizzju dwar il-mertu fuq l-iskopijiet tal-politika segwiti mil-liġi, f’dan il-każ speċifiku, aħna ninsabu mħassbin dwar il-fatt li l-emendi jintroduċu wkoll skopijet oħra ta’ politika -barra dak tal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu- li ma jidhrux li huma identifikati b’mod ċar.

    L-ipproċessar tad-data personali li tinġabar għal skop wieħed għal skop ieħor li kompletament mhuwiex relatat jikser il-prinċipju tal-protezzjoni tad-data tal-limitu tal-iskop u jhedded l-implimentazzjoni tal-prinċipju tal-proporzjonalità. B’mod partikolari, l-emendi jqajmu dubji dwar għala ċerti forom ta’ pproċessar ta’ data personali invażiva, li huma aċċettabbli fir-rigward tal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu, huma neċessarji barra minn dawk il-kuntesti u dwar jekk dawn humiex proporzjonali.

    F’dak li jirrigwardja l-proporzjonalità, fil-fatt, l-emendi jitilqu minn approċċ ibbażat fuq ir-riskju adottat mill-verżjoni attwali tad-Direttiva AML, fuq il-bażi li r-riskju ogħla għall-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus, il-finanzjament tat-terroriżmu u l-offiżi predikati assoċjati ma jippermettix l-identifikazzjoni u l-valutazzjoni tiegħu f’waqtu.

    Dawn ineħħu wkoll is-salvagwardji eżistenti li kieku kienu jagħtu ċertu grad ta’ proporzjonalità, pereżempju, fl-istabbiliment tal-kundizzjonijiet għal aċċess għal informazzjoni dwar tranżazzjonijiet finanzjarji mill-Unitajiet tal-Intelligence Finanzarja.

    Fl-aħħar u mhux l-inqas, l-emendi jwessgħu b’mod sinifikanti l-aċċess għal informazzjoni dwar is-sjieda benefiċjarja kemm mill-awtoritajiet kompetenti kif ukoll mill-pubbliku, bħala għodda ta’ politika biex tiffaċilita u tisfrutta l-infurzar tal-obbligi tat-taxxa. Fil-mod ta’ kif soluzzjoni bħal din hi implimentata, aħna naraw nuqqas ta’ proporzjonalità, b’riskji sinifikanti u mhux neċessarji għad-drittijiet individwali tal-privatezza u l-protezzjoni tad-data.

    1.   INTRODUZZJONI

    1.1.   Sfond dwar id-Direttiva dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus

    1.

    F’Mejju 2015 ġiet adottata direttiva ġdida tal-UE dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus (“id-Direttiva AML”) (1). L-objettiv iddikjarat tal-leġislazzjoni l-ġdida hu li ttejjeb l-għodod għall-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus, peress li l-flussi ta’ flus illeċiti jheddu li jagħmlu ħsara lill-integrità, l-istabbiltà u r-reputazzjoni tas-settur finanzjarju, kif ukoll is-suq intern tal-Unjoni u l-iżvilupp internazzjonali.

    2.

    Il-protezzjoni tas-solidità, l-integrità u l-istabbiltà tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u tal-istituzzjonijiet finanzjarji u l-kunfidenza fis-sistema finanzjarja mhumiex l-uniċi għanijiet ta’ politika tad-Direttiva AML. Tabilħaqq, f’Ġunju 2003, it-Task Force ta’ Azzjoni Finanzjarja (FATF (2)) irrevediet ir-Rakkomandazzjonijiet tagħha sabiex tkopri l-finanzjament tat-terroriżmu, u pprovdiet aktar rekwiżiti ddettaljati fir-rigward tal-identifikazzjoni u l-verifika tal-konsumatur. Din indikat is-sitwazzjonijiet fejn riskju ogħla ta’ ħasil tal-flus jew finanzjament tat-terroriżmu jista’ jiġġustifika miżuri politiċi mtejba u wkoll is-sitwazzjonijiet fejn riskju mnaqqas jista’ jiġġustifika kontrolli inqas rigorużi.

    3.

    Id-Direttiva AML, bħala konsegwenza, tipprovdi sett artikulat ta’ regoli mfassal biex jipprevjeni kemm il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus kif ukoll il-finanzjament tat-terroriżmu permezz ta’ flussi finanzjarji illeċiti. Din tippromulga applikazzjoni tal-konsumatur ibbażata fuq ir-riskju minħabba diliġenza għal tranżazzjonijiet suspettużi. Din tiddependi fuq l-akkwist u l-analiżi tal-informazzjoni dwar is-sjieda benefiċjarja u dwar l-attivitajiet investigattivi koordinati tal-UIFs (Unità tal-Intelligence Finanzjarja) li huma stabbiliti fl-Istati Membri.

    1.2.   Il-Proposta: nindirizzaw l-evażjoni tat-taxxa u l-finanzjament tat-terroriżmu

    4.

    Fit-2 ta’ Frar 2016, il-Kummissjoni Ewropea ppubblikat Komunikazzjoni li tistipula Pjan ta’ Azzjoni għat-tisħiħ tal-ġlieda kontra l-finanzjament tat-terroriżmu, inkluż emendi fid-Direttiva AML sabiex tiġi indirizzata l-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus permezz ta’ pjattaformi ta’ trasferiment u muniti virtwali u sabiex ir-rwol tal-UIFs jitfassal mill-ġdid (3).

    5.

    Barra minn hekk, l-iskandli finanzjarji (4) u riskju miżjud tal-evażjoni tat-taxxa jidher li ġibdu l-attenzjoni tal-Kummissjoni għall-bżonn sabiex l-azzjoni tad-Direttiva AML tiġi kkalibrata mill-ġdid u sabiex timmiraha aktar direttament lejn l-evażjoni tat-taxxa, li, skont il-verżjoni attwali tad-Direttiva, tidher biss bħala sors ta’ fondi illeċiti, iżda li mhijiex immirata direttament.

    6.

    Fil-5 ta’ Lulju 2016, il-Kummissjoni ppubblikat sett ta’ emendi proposti (il-“Proposta”) għad-Direttiva AML u d-Direttiva 2009/101/KE li, fil-kuntest ta’ azzjoni koordinata mal-G20 u l-OECD, immirat sabiex jindirizza b’mod dirett u b’mod inċiżiv l-evażjoni tat-taxxa kemm minn persuni ġuridiċi kif ukoll fiżiċi bl-iskop li tiġi stabbilita sistema fiskali aktar ġusta u aktar effettiva (5). Aħna ninnutaw li f’dan il-kuntest, għall-kuntrarju tal-premessa 42, il-KEPD ma ġiex ikkonsultat qabel l-adozzjoni tal-Proposta (6).

    7.

    Aktar tard, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea talab l-Opinjoni tal-KEPD, li fid-19 ta’ Diċembru adotta test ta’ kompromess dwar il-Proposta (“Il-Pożizzjoni tal-Kunsill” (7)). Il-Pożizzjoni tal-Kunsill għandha l-għan li temenda d-Direttiva AML biss (u mhux id-Direttiva 2009/101/KE) u prinċipalment tiffoka fuq il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu. Filwaqt li l-iskop tal-ġlieda kontra l-evażjoni tat-taxxa m’għadux imsemmi b’mod espliċitu, l-għodod li fil-Proposta kienu tfasslu sabiex jintlaħaq dak l-iskop (eż. aċċess pubbliku għal informazzjoni dwar is-sjieda benefiċjarja u aċċess mill-awtoritajiet tat-taxxa għal informazzjoni dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus) għadhom hemm, għalkemm ġew modifikati sa ċertu limitu.

    1.3.   Il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din l-Opinjoni

    8.

    Din l-Opinjoni tanalizza l-impatt tal-Proposta fuq id-drittijiet fundamentali għall-privatezza u l-protezzjoni tad-data. Aħna nagħtu wkoll rendikont ta’ kif impatt bħal dan jinbidel, wara l-adozzjoni tal-Pożizzjoni tal-Kunsill.

    9.

    L-Opinjoni tivvaluta wkoll in-neċessità u l-proporzjonalità tal-ipproċessar tad-data personali li jkun qed isir skont l-emendi proposti lid-Direttiva AML fid-dawl tal-iskopijiet tal-politika identifikati mil-liġi. Meta aħna nirreferu għall-Proposta, għalkemm din tipproponi emendi għal żewġ direttivi distinti, aħna nittrattawha bħala għodda ta’ politika unika u integrata.

    10.

    Il-qrati diġà jafu bl-interazzjoni tal-ordni pubbliku mad-drittijiet fundamentali. Fil-każ tagħha Digital Rights Ireland  (8), il-Qorti tal-Ġustizzja tirrikonoxxi li l-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità serja internazzjonali tikkostitwixxi objettiv ta’ interess ġenerali (9). Madankollu, peress li l-għodod legali ppromulgati għall-ilħuq ta’ dak l-objettiv jinterferixxu mad-drittijiet fundamentali għall-privatezza u l-protezzjoni tad-data, skont il-Qorti, huwa neċessarju, li tiġi vvalutata l-proporzjonalità ta’ miżuri bħal dawn (10).

    11.

    Għalhekk, l-iskop tal-Opinjoni mhuwiex li tesprimi xi mertu tal-ġudizzju dwar l-għażla tal-objettivi tal-politika li l-leġiżlatur jiddeċiedi li jimmira għalihom. Minflok, l-attenzjoni tagħna tiffoka fuq l-għodod u l-modi ta’ azzjoni li tadotta l-liġi. Huwa l-iskop tagħna li niżguraw li l-għanijiet ta’ politika leġittimi jintlaħqu b’mod effettiv u f’waqthom, bl-interferenza minima bl-eżerċitar tad-drittijiet fundamentali u b’rispett sħiħ lejn ir-rekwiżiti tal-Artikolu 52(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE.

    4.   KONKLUŻJONI

    65.

    Il-Kummissjoni qed tipproponi emendi ġodda għad-Direttiva AML, sabiex iżżommha aġġornata ma’ innovazzjoni teknika u finanzjarja u ma’ mezzi ġodda ta’ kif twettaq ħasil tal-flus u finanzjament tat-terroriżmu. Fl-istess waqt, il-Proposta għandha l-għan li ttejjeb it-trasparenza tas-swieq finanzjarji għal numru ta’ proposti li aħna nidentifikaw, fost l-oħrajn, fil-ġlieda kontra l-evażjoni tat-taxxa, il-protezzjoni tal-investituri u l-ġlieda kontra l-abbużi mis-sistema finanzjarja.

    66.

    Aħna rrevedjna l-Proposta u nikkunsidraw li din jenħtieġ li:

    Tkun żgurat li kwalunkwe pproċessar ta’ data personali jservi skop leġittimu, speċifiku u identifikat tajjeb u li jkun marbut magħha b’neċessità u bi propozjonalità. Il-kontrollur tad-data li jkun qed iwettaq l-ipproċessar ta’ data personali għandu jkun identifikat u jinżamm responsabbli għall-konformità mar-regoli tal-protezzjoni tad-data.

    Tkun żgurat li kwalunkwe limitu fuq l-eżerċitar tad-drittijiet fundamentali għall-privatezza u l-protezzjoni tad-data għandu jkun stipulat mil-liġi, tirrispetta l-essenza tagħhom u, suġġetta għall-prinċipju tal-proporzjonalità, u tiġi ppromulgata biss jekk ikun meħtieġ li jinkisbu objettivi ta’ interess ġenerali rikonoxxuti mill-Unjoni jew il-bżonn li jitħarsu d-drittijiet u l-libertajiet tal-oħrajn.

    Tkun żgurat valutazzjoni xierqa tal-propozjonalità tal-miżuri politiċi proposti fir-rigward tal-iskopijiet imfittxija, peress li miżuri bbażati fuq emerġenza li jkunu aċċettabbli sabiex jiġi indirizzat ir-riskju ta’ attakki terroristiċi jistgħu jirriżultaw bħala eċċessivi meta jiġu applikati għall-prevenzjoni tar-riskju tal-evażjoni tat-taxxa.

    Tkun żammet fis-seħħ salvagwardji li jkunu taw ċertu grad ta’ proporzjonalità (pereżempju, fl-istabbiliment tal-kundizzjonijiet għall-aċċess għal informazzjoni dwar tranżazzjonijiet finanzjarji mill-UIFs.

    Tkun fasslet aċċess għal informazzjoni dwar is-sjieda benefiċjarja f’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, inter alia, waqt li tiżgura aċċess għall-entitajiet inkarigati mill-infurzar tal-liġi biss.

    Brussell, it-2 ta’ Frar 2017.

    Wojciech Rafał WIEWIÓROWSKI

    Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data


    (1)  Id-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2015 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu, li temenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li tħassar id-Direttiva 2005/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/70/KE (ĠU L 141, 5.6.2015, p. 73).

    (2)  It-Task Force ta’ Azzjoni Finanzjarja (FATF) hija korp intergovernattiv li ġie stabbilit fl-1989 mill-Ministri tal-ġurisdizzjonijiet tal-Membri tagħha. L-objettivi tal-FATF huma li tistabbilixxi standards u li tippromwovi implimentazzjoni effettiva tal-miżuri legali, regolatorji u operattivi għall-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus, il-finanzjament tat-terroriżmu u theddid ieħor relatat mal-integrità tas-sistema finanzjarja internazzjonali.

    (3)  COM/2016/050 final.

    (4)  B’mod espliċitu, il-Kummissjoni tagħmel referenza għall-iskandlu tal-“Panama Papers” fil-Komunikazzjoni dwar miżuri ulterjuri biex jittejbu t-trasparenza u l-ġlieda kontra l-evażjoni u l-evitar tat-taxxa, COM(2016) 451 final.

    (5)  Proposta għal DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL li temenda d-Direttiva (UE) 2015/849 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu, li temenda d-Direttiva 2009/101/KE, COM/2016/0450 final.

    (6)  L-ebda test ma ġie sottomess f’abbozz lill-KEPD qabel il-pubblikazzjoni fil-5 ta’ Lulju 2016.

    (7)  Ara http://data.consilium.europa.eu/doc/document/ST-15468-2016-INIT/en/pdf

    (8)  Ġudizzju tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta’ April 2014 f’Kawżi Konġunti C-293/12 u C-594/12, Digital Rights Ireland.

    (9)  Digital Rights Ireland, paragrafi 41-42.

    (10)  Barra minn hekk, il-Qorti tikkjarifika, “fid-dawl tar-rwol importanti li taqdi l-protezzjoni tad-data personali fid-dawl tad-dritt fundamentali għar-rispett tal-ħajja privata u l-limitu u s-serjetà tal-interferenza ma’ dak id-dritt ikkawżat mid-Direttiva 2006/24/KE, id-diskrezzjoni tal-leġiżlatura tal-UE titnaqqas, bir-riżultat li r-reviżjoni ta’ dik id-diskrezzjoni jenħtieġ li tkun stretta”, Digital Rights Ireland, paragrafi 45-48.


    Top