Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52015DC0478

    RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL IR-RIEŻAMI TA’ NOFS IL-MANDAT DWAR L-ISTRATEĠIJA TAL-UE GĦALL-BIJODIVERSITÀ SAL-2020

    COM/2015/0478 final

    Brussell, 2.10.2015

    COM(2015) 478 final

    RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

    IR-RIEŻAMI TA’ NOFS IL-MANDAT DWAR L-ISTRATEĠIJA TAL-UE GĦALL-BIJODIVERSITÀ SAL-2020

    {SWD(2015) 187 final}


    RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

    IR-RIEŻAMI TA’ NOFS IL-MANDAT DWAR L-ISTRATEĠIJA TAL-UE GĦALL-BIJODIVERSITÀ SAL-2020

    1.Introduzzjoni

    Il-bijodiversità — il-varjetà unika tal-ħajja fuq il-pjaneta tagħna — tirfed l-ekonomija u l-benessri tagħna. Tipprovdilna l-arja safja u l-ilma nadif, l-ikel, il-materjali u l-mediċini, is-saħħa u r-rikreazzjoni; tappoġġa d-dakkir u l-ħamrija għammiela, tirregola l-klima u tipproteġina mit-taqlib estrem tat-temp.

    Madankollu, il-bidliet fl-ekosistemi kkaġunati mill-bniedem u l-estinzjoni tal-ispeċijiet seħħet b’mod iżjed mgħaġġel f’dawn l-aħħar 50 sena milli fi kwalunkwe żmien ieħor fl-istorja tal-bniedem 1 . It-telf tal-bijodiversità huwa wieħed mit-toroq ewlenin tan-niżla 2 fid-dinja li qabad il-bniedem. Flimkien mat-tibdil fil-klima, dan iżid ir-riskju ta’ bidliet irreversibbli u jxekkel l-iżvilupp ekonomiku u r-reżiljenza tas-soċjetajiet quddiem sfidi ġodda. Il-Forum Ekonomiku Dinji niżżel “it-telf tal-bijodiversità u l-isfaxxar tal-ekosistema” fost l-ogħla għaxar riskji globali fl-2015 3 .

    Ix-xenarju bażi tal-UE għall-bijodiversità fl-2010 4 indika li sa 25 % tal-ispeċijiet tal-annimali fl-Ewropa kienu qegħdin iħabbtu wiċċhom mal-estinzjoni; u 65 % tal-ħabitats ta’ importanza fl-UE kienu fi stat mhux favorevoli ta’ konservazzjoni, l-iktar minħabba l-attivitajiet tal-bniedem. Is-servizzi bażiċi tal-ekosistema komplew jmorru għall-agħar.

    Fl-2011, bħala tweġiba għal dan, il-Kummissjoni Ewropea adottat strateġija tal-UE għall-bijodiversità sal-2020 5 , b’mira ewlenija stipulata mill-Kapijiet ta’ Stat u ta’ Gvern tal-UE sabiex “jitwaqqaf it-telf tal-bijodiversità u tas-servizzi tal-ekosistemi sal-2020, biex l-ekosistemi jerġgħu jiġu f’tagħhom sa fejn dan huwa fattibbli, filwaqt li tiżdied il-kontribuzzjoni tal-UE biex jitrażżan it-telf tal-bijodiversità globali”. L-istrateġija hija parti integrali tal-istrateġija Ewropa 2020 6 u tas-seba’ Programm ta’ Azzjoni Ambjentali 7 . Din timplimenta l-impenji tal-UE fil-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika. L-istrateġija hija mibnija madwar sitt miri u kull waħda minnhom hija appoġġata minn sensiela ta’ azzjonijiet.

    Ir-rieżami attwali ta’ nofs il-mandat jagħti rendikont tal-progress fl-implimentazzjoni tal-istrateġija tal-UE għall-bijodiversità meta mqabbel max-xenarju bażi tal-2010. Dan jimmira li jgħarraf lil dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet dwar l-oqsma li fihom hemm bżonn ta’ sforzi akbar biex jintlaħqu l-għanijiet tal-UE għall-bijodiversità sal-2020.



    Kaxxa 1. Il-kostijiet soċjoekonomiċi li jiġġarbu jekk ma jintlaħqux il-miri tal-UE għall-bijodiversità

    Il-kost tal-għażla li ma tintlaħaqx il-mira ewlenija tal-UE għall-bijodiversità fl-2020 ġie stmat li jlaħħaq sa EUR 50 biljun fis-sena 8 . Wieħed minn kull sitt impjiegi fl-UE jiddependi sa ċertu punt fuq in-natura 9 . Il-valur tas-servizzi tad-dakkir mill-insetti biss ġie stmat li huwa EUR 15-il biljun fis-sena fl-UE. Il-kostijiet annwali taż-żamma tan-netwerk tan-Natura 2000 tal-UE, ta’ madwar EUR 5.8 biljun fis-sena, huma biss frazzjoni tal-benefiċċji ekonomiċi li jiġu ġġenerati min-netwerk permezz ta’ servizzi bħall-ħżin tal-karbonju, il-mitigazzjoni tal-għargħar, il-purifikazzjoni tal-ilma, id-dakkir u l-protezzjoni tal-ħut, li flimkien jammontaw għal bejn EUR 200 biljun u EUR 300 biljun fis-sena. L-għajnuna biex l-ekosistemi jiġu f’tagħhom u l-infrastruttura ekoloġika jistgħu jtejbu l-kwalità tal-arja u tal-ilma kif ukoll il-kontroll tal-għargħar, inaqqsu l-istorbju, iħeġġu r-rikreazzjoni u jippromwovu l-opportunitajiet għan-negozji ekoloġiċi. Fost il-prattiki agroambjentali li jappoġġaw il-bijodiversità, l-agrikoltura organika hija settur b’xejriet pożittivi għall-impjieg u li jattira l-ħaddiema li huma inqas imdaħħlin fiż-żmien, tipprovdi minn 10 % sa 20 % iktar impjiegi għal kull medda ta’ art meta mqabbla mal-azjendi agrikoli konvenzjonali, u toħloq valur miżjud għall-prodotti agrikoli. Huwa essenzjali li jinżammu f’saħħithom il-ħabitats tal-baħar u li jibqgħu sostenibbli l-istokkijiet tal-ħut għall-vijabbiltà fit-tul tas-settur tas-sajd. Hemm dimensjoni ekonomika importanti għall-ġlieda kontra l-ispeċijiet aljeni invażivi, li jikkawżaw dannu ta’ minn tal-inqas EUR 12-il biljun fis-sena lis-setturi tal-UE. In-nuqqas ta’ azzjoni ta’ politika u tat-twaqqif tat-telf tal-bijodiversità globali jistgħu jirriżultaw f’telf annwali fis-servizzi tal-ekosistemi, ekwivalenti għal 7 % tal-prodott domestiku gross (PDG) dinji 10 , bl-ikbar impatti jinħassu minn l-ifqar nazzjonijiet u l-foqra rurali 11 .

    Kaxxa 2. Nota dwar il-metodoloġija

    Il-valutazzjoni tal-progress fir-rieżami ta’ nofs il-mandat tqis il-mod kif il-miri differenti huma ddefiniti. Il-mira ewlenija hija fformulata f’termini tal-istat mixtieq tal-bijodiversità u tas-servizzi tal-ekosistemi fl-UE sal-2020. Il-progress li nkiseb biex tintlaħaq din il-mira fil-punt tar-rieżami ta’ nofs il-mandat, ġie vvalutat kemm fir-rigward tal-istat kif ukoll tax-xejriet. Is-sitt miri operazzjonali għandhom kemm elementi relatati mal-politika u kemm relatati mal-istat. Il-valutazzjoni skont kull waħda minn dawn il-miri tippreżenta: (i) fejn wasalna sa nofs il-mandat; (ii) liema azzjonijiet ġew implimentati; u (iii) id-diskrepanzi u l-isforzi ulterjuri meħtieġa biex tintlaħaq l-mira sal-2020. Ir-rieżami ta’ nofs il-mandat huwa bbażat fuq l-aħjar tagħrif disponibbli minn firxa wiesgħa ta’ sorsi msemmija fil-qosor fid-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal mehmuż miegħu 12 . Ix-xejriet fl-istat tal-ħabitats u tal-ispeċijiet ta’ importanza għall-UE huma bbażati fuq id-dejta rrappurtata taħt id-Direttiva dwar l-Għasafar u taħt id-Direttiva dwar il-Ħabitats (fil-perjodu mill-2007 sal-2012 imqabbel mal-perjodu mill-2001 sal-2006 13 ).

    2.Sommarju tal-progress mill-2011

    Il-mira ewlenija: Jitwaqqaf it-telf tal-bijodiversità u d-degradazzjoni tas-servizzi tal-ekosistemi fl-UE sal-2020, u jiġu megħjuna biex jerġgħu jiġu f’tagħhom sa fejn dan huwa fattibbli, filwaqt li tiżdied il-kontribuzzjoni tal-UE biex jitrażżan it-telf tal-bijodiversità globali.

    B’mod ġenerali, meta mqabbel max-xenarju bażi tal-UE għall-bijodiversità fl-2010, it-telf tal-bijodiversità u d-degradazzjoni tas-servizzi tal-ekosistemi fl-UE komplew, kif ikkonfermat mir-rapport tal-2015 dwar l-Ambjent Ewropew — il-qagħda u l-perspettiva 14 . Dan huwa konsistenti max-xejriet globali u għandu implikazzjonijiet serji fuq il-kapaċità tal-bijodiversità biex tissodisfa l-ħtiġijiet tal-bniedem fil-ġejjieni. Filwaqt li bosta suċċessi lokali juru li azzjoni fil-post twassal riżultati pożittivi, dawn l-eżempji jeħtieġ li jsiru fuq skala ikbar biex ikollhom impatt li jista’ jitkejjel fuq ix-xejriet negattivi ġenerali.

    Mill-aħħar perjodu ta’ rappurtar, l-għadd ta’ speċijiet u ta’ ħabitats ta’ importanza għall-UE, fi stat sigur/favorevoli jew imtejjeb ta’ konservazzjoni żdied daqsxejn. Jidher li l-popolazzjonijiet ta’ uħud mill-għasafar komuni qegħdin jistabbilizzaw iżda speċijiet oħra marbuta ma’ ekosistemi fraġli tal-ilma ħelu, kostali u agrikoli qegħdin ikomplu jonqsu; 70 % tal-ispeċijiet tal-UE huma mhedda mit-telf tal-ħabitats. Filwaqt li xi servizzi tal-ekosistema (b’mod partikolari l-provvista) qegħdin jiżdiedu, oħrajn bħad-dakkir qegħdin jonqsu.

    It-theddidiet ewlenin għall-bijodiversità — it-telf tal-ħabitats (b’mod partikolari permezz tat-tifrix urban, tal-intensifikazzjoni agrikola, tal-abbandun tar-raba’, u tal-foresti ġestiti b’mod intensiv), it-tniġġis, l-isfruttament eċċessiv (b’mod partikolari s-sajd), l-ispeċijiet aljeni invażivi, u t-tibdil fil-klima — ikomplu jagħmlu pressjoni li tikkawża t-telf ta’ speċijiet u ta’ ħabitats u tirriżulta fid-degradazzjoni tal-ekosistemi, u jdgħajfu r-reżiljenza tal-ekosistemi 15 . L-impronta ekoloġika tal-UE-28 xorta għadha iżjed mid-doppju tad-daqs tal-bijokapaċità tagħha 16 u dan iwassal biex il-pressjonijiet fuq il-bijodiversità ’l barra mill-Ewropa jmorru għall-agħar.

    Sa mit-tnedija tal-istrateġija, inkiseb progress fit-twaqqif tal-oqfsa ta’ politika, u dan tejjeb il-bażi tal-għarfien u stabbilixxa s-sħubijiet. Dawn l-inizjattivi jeħtieġ li jissarrfu f’azzjonijiet konkreti fil-livell nazzjonali, reġjonali u lokali, jekk irridu li jkun hemm titjib sostnut fil-bijodiversità fil-post. Il-progress li nkiseb biex tintlaħaq il-mira ewlenija jiddependi wkoll fuq l-iffissar u l-ksib tal-għanijiet fl-oqsma ta’ politika li mhumiex fil-mira diretta ta’ din l-istrateġija, b’mod partikolari tal-klima, tal-arja, tal-kimiki, tal-ilma, u tal-protezzjoni tal-ħamrija.

    Hemm evidenza wiegħsa dwar l-isforzi kbar li wettqu l-partijiet kkonċernati u li rriżultaw f’xejriet lokali pożittivi għall-bijodiversità. Dawn l-eżempji jibagħtu messaġġ importanti li l-azzjoni mmirata fil-post tista’ twassal riżultati pożittivi ħafna. Fit-tieni nofs ta’ din l-istrateġija, dawn jipprovdu mudelli li jiggwidaw l-implimentazzjoni.

    2.1.Il-Mira Nru 1: Jitwaqqaf id-deterjorament tal-istat tal-ispeċijiet u tal-ħabitats kollha li huma koperti mil-leġiżlazzjoni tal-UE dwar in-natura, u jinkiseb titjib sinifikanti u li jista’ jitkejjel tal-istat tagħhom sabiex, sal-2020, imqabbel mal-valutazzjonijiet attwali: (i) żieda ta’ 100 % fil-valutazzjonijiet tal-ħabitats u żieda ta’ 50 % fil-valutazzjonijiet tal-ispeċijiet skont id-Direttiva dwar il-Ħabitats juru stat imtejjeb ta’ konservazzjoni; u (ii) żieda ta’ 50 % fil-valutazzjonijiet tal-ispeċijiet skont id-Direttiva dwar l-Għasafar juru stat iktar sigur jew imtejjeb ta’ konservazzjoni.

    L-iżjed rapport reċenti dwar l-istat tan-natura fl-UE 17 juri li l-għadd ta’ speċijiet u ta’ ħabitats fi stat sigur/favorevoli jew imtejjeb ta’ konservazzjoni żdied daqsxejn mix-xenarju bażi tal-2010. Madankollu, bosta ħabitats u speċijiet li diġà kienu fi stat mhux favorevoli għadhom hekk, u xi wħud qegħdin imorru għall-agħar. Filwaqt li mill-2011 inkiseb ħafna fit-twettiq tal-azzjonijiet li jaqgħu taħt din il-mira, l-iżjed sfidi importanti jibqgħu t-tlestija tan-netwerk tal-baħar tan-Natura 2000, l-iżgurar ta’ ġestjoni effettiva tas-siti tan-Natura 2000, u li jiġi assigurat il-finanzjament meħtieġ biex jiġi appoġġat in-netwerk tan-Natura 2000.

    Illustrazzjoni 1 — Il-progress li nkiseb biex tintlaħaq il-Mira Nru 1: il-persentaġġ ta’ valutazzjonijiet dwar l-istat sigur/favorevoli jew imtejjeb ta’ konservazzjoni tal-għasafar (Id-Direttiva dwar l-Għasafar), tal-ħabitats u tal-ispeċijiet ta’ interess Komunitarju (Id-Direttiva dwar il-Ħabitats)

    Is-sors: EEA 2015.

    Kif indikat fl-Illustrazzjoni Nru 1 ta’ hawn fuq, iżjed speċijiet u ħabitats li huma koperti mill-leġiżlazzjoni tal-UE dwar in-natura qegħdin juru stat sigur/favorevoli jew imtejjeb ta’ konservazzjoni mix-xenarju bażi tal-2010. Xi speċijiet emblematiċi, bħall-Ajkla Imperjali tal-Lvant, juru rkupru bħala riżultat ta’ miżuri mmirati ta’ konservazzjoni li jkunu appoġġati minn finanzjament apposta. Madankollu, l-istat ta’ bosta speċijiet u ħabitats oħra għadu mhux favorevoli, b’xi xejriet ta’ tnaqqis numeriku.

    Il-biċċa l-kbira tan-netwerk tan-Natura 2000 għall-ħabitats ta’ fuq l-art u tal-ilmijiet interni li jkopru madwar 18 % ta’ wiċċ l-art tlesta. Il-kopertura tan-netwerk tal-baħar żdied għal 6 %, li xorta waħda għadu ferm taħt il-mira globali ta’ 10 %.

    L-Istati Membri għamlu progress b’rati differenti fl-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ pjanijiet ta’ azzjoni għall-ispeċijiet u ta’ pjanijiet ta’ ġestjoni tas-siti tan-Natura 2000. Fl-2012, 58 % biss tas-siti tan-Natura 2000 kellhom pjanijiet ta’ ġestjoni, jew kienu qegħdin jiżviluppaw dawn il-pjanijiet 18 . Il-proċess bijoġeografiku tan-Natura 2000 ħeġġeġ il-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri biex il-ħabitats jiġu ġestiti u jiġu megħjuna jiġu f’tagħhom, filwaqt li żdiedu l-opportunitajiet ta’ finanzjament għas-siti tan-Natura 2000 19 . Valutazzjoni sħiħa tal-integrazzjoni tan-Natura 2000 fil-qafas finanzjarju multiannwali l-ġdid se jkun possibbli biss ladarba l-programmi kollha jkunu ġew approvati.

    Ġiet żviluppata gwida dwar l-użu tal-enerġija mir-riħ, l-iżvilupp tal-portijiet u t-tħammil, l-industriji estrattivi, l-agrikoltura, l-akkwakoltura, il-foresti u infrastruttura tal-enerġija fil-kuntest tas-siti tan-Natura 2000 20 .

    Ġie organizzat taħriġ għall-imħallfin u għall-prosekuturi dwar l-infurzar tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-leġiżlazzjoni dwar in-natura. Kien hemm titjib kbir fil-monitoraġġ u r-rappurtar tad-dejta dwar il-bijodiversità, u fis-simplifikazzjoni tar-rekwiżiti tar-rappurtar li jaqgħu taħt iż-żewġ Direttivi dwar in-natura.

    Bit-tnedija tal-pjattaforma ta’ komunikazzjoni tan-Natura 2000, bl-iskema annwali tal-premju tan-Natura 2000 u bil-kampanji nazzjonali l-komunikazzjoni u s-sensibilizzazzjoni ġew intensifikati.

    Il-Kummissjoni qiegħda twettaq kontroll tal-idoneità tad-Direttiva dwar l-Għasafar u d-Direttiva dwar il-Ħabitats 21 bħala parti mill-Programm tagħha dwar l-idoneità u l-prestazzjoni tar-regolamentazzjoni. Dan se jkun analiżi komprensiva u bbażata fuq l-evidenza dwar jekk il-leġiżlazzjoni u l-implimentazzjoni tagħha humiex proporzjonati mal-għanijiet stabbiliti u jekk humiex qegħdin iwasslu r-riżultati mistennija. Ir-riżultati se jiġu ppreżentati fl-ewwel nofs tal-2016.  

    Filwaqt li jrid jgħaddi ż-żmien biex isiru evidenti l-effetti pożittivi ta’ ħafna minn dawn l-azzjonijiet, huwa ċar li se jkunu meħtieġa iżjed sforzi u investiment sinifikanti fil-perjodu li fadal sal-2020, sabiex jitlesta n-netwerk tan-Natura 2000 fiż-żoni tal-baħar biex tintlaħaq il-mira globali ta’ 10 %, sabiex jiġi żgurat li s-siti kollha tan-Natura 2000 jiġu ġestiti b’mod effettiv, u sabiex jiġu stabbiliti l-kundizzjonijiet finanzjarji u amministrattivi xierqa biex jinkisbu l-għanijiet ta’ konservazzjoni u biex jippermettu li l-potenzjal tas-servizzi tal-ekosistemi jissarraf f’riżultati fi ħdan it-territorji tan-Natura 2000 u lil hinn minnhom.

    2.2.Il-Mira Nru 2: Sal-2020, l-ekosistemi u s-servizzi tagħhom jinżammu u jittejbu billi tiġi stabbilita infrastruttura ekoloġika u billi jiġu megħjuna jiġu f’tagħhom minn tal-inqas 15 % tal-ekosistemi ddegradati.

    Sar progress dwar it-titjib tal-azzjonijiet ta’ politika u tal-għarfien b’din il-mira, u seħħew xi attivitajiet ta’ għajnuna fl-Istati Membri biex l-ekosistemi jiġu f’tagħhom. Madankollu, dan għadu ma waqqafx ix-xejra ta’ degradazzjoni tal-ekosistemi u tas-servizzi. Jeħtieġ jiġu żviluppati u implimentati l-oqfsa nazzjonali u reġjonali ta’ promozzjoni tal-irkupru u tal-infrastruttura ekoloġika. Għad fadal ħafna xi jsir biex jitwaqqaf it-telf tal-bijodiversità ordinarja ’l barra min-netwerk tan-Natura 2000.

     

    Illustrazzjoni Nru 2 2 — Ix-xejriet tal-pressjonijiet fuq l-ekosistemi

    Tip ta’ ekosistema

    Tibdil fil-ħabitats

    Tibdil fil-klima

    Sfruttament:

    Speċijiet invażivi

    Tniġġis u arrikkiment tan-nutrijenti

    Urbana

    Raba’ għall-għelejjel

    Bur

    Masġar u foresta

    Xagħri, arbuxxelli u art moxa b’veġetazzjoni sparsa

    Artijiet mistagħdra

    Ilma ħelu (xmajjar u lagi)

    Ilma baħar (ilmijiet tranżizzjonali u tal-baħar, flimkien)*

    *NB: ir-riżultati tal-ekosistema tal-baħar huma preliminari.

    Spjega:

    Xejriet futuri previsti tal-pressjonijiet

    Se jonqsu

    Se jkompli

    Se jiżdiedu

    Se jkun hemm żieda rapida

    Impatt osservat fuq il-bijodiversità sa issa

    Baxx

    Moderat

    Għoli

    Għoli ħafna

    Is-sors: EEA 2015 22  

    Analiżi reċenti 23 tikkonferma x-xejriet ta’ xi servizzi ta’ provvista (eż. il-produzzjoni tal-injam) li żdiedu u x-xejriet tas-servizzi relatati direttament mal-bijodiversità (eż. id-dakkir) li naqsu fil-perjodu bejn is-sena 2000 u l-2010. Kif muri fl-Illustrazzjoni Nru 2, xi pressjonijiet kbar fuq l-ekosistemi qegħdin jonqsu (eż. id-depożizzjoni atmosferika tal-kubrit); madankollu, għad hemm theddidiet oħra għall-ekosistemi u għas-servizzi tagħhom filwaqt li ħafna minnhom qegħdin jiżdiedu, u b’hekk qiegħed imajna l-progress ġenerali biex tintlaħaq il-mira.

    Il-Kummissjoni u l-Istati Membri ħadu passi importanti biex tittejjeb il-bażi tal-għarfien. Meta jitlestew l-immappjar u l-valutazzjoni tal-ekosistemi u tas-servizzi tagħhom skont il-mira għall-2020, se jippermettu lil dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet fis-settur pubbliku u lill-partijiet ikkonċernati tas-settur privat li jgawdu mill-valur tal-ġid tal-ekosistemi tal-UE u mill-benefiċċji soċjoekonomiċi assoċjati fid-deċiżjonijiet tagħhom dwar l-ippjanar. Ir-rapport taċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka (JRC) jipprovdi xenarju bażi sod li abbażi tiegħu se jitkejjel il-progress, bl-ewwel aġġornament mistenni fl-2016.

    L-istrateġija tal-UE dwar l-infrastruttura ekoloġika 24 tippromwovi l-integrazzjoni ta’ soluzzjonijiet tal-infrastruttura ekoloġika f’politiki u strumenti finanzjarji oħra tal-UE. Il-Kummissjoni ppubblikat ukoll studju 25 biex tappoġġa lill-Istati Membri biex jagħtu prijorità għall-għajnuna biex l-ekosistemi ddegradati jiġu f’tagħhom. Minkejja li hemm ftit strateġiji komprensivi ta’ dan it-tip fil-livell nazzjonali u sottonazzjonali, ta’ sikwit l-għajnuna biex l-ekosistemi jiġu f’tagħhom qiegħda titwassal bħala tweġiba għal-leġiżlazzjoni tal-UE bħad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma, id-Direttiva Qafas dwar l-Istrateġija tal-Baħar, u d-Direttivi dwar l-Għasafar u d-Direttiva dwar il-Ħabitats.

    Matul is-snin li ġejjin, se jkun hemm bżonn ta’ iżjed sforzi biex jitlestew u jiġu implimentati l-oqfsa nazzjonali ta’ prijoritizzazzjoni tal-għajnuna biex l-ekosistemi jiġu f’tagħhom. Xpruni importanti biex jinżammu u jiġu megħjuna jiġu f’tagħhom l-ekosistemi u s-servizzi tagħhom se jkunu l-investimenti ulterjuri, flimkien mat-tisħiħ tal-kapaċitajiet u mal-integrazzjoni tal-infrastruttura ekoloġika f’oqfsa nazzjonali u sottonazzjonali tal-ippjanar. Għad fadal ħafna xi jsir biex jitwaqqaf it-telf tal-bijodiversità ordinarja fit-80 % tat-territorju tal-UE li huwa ’l barra min-netwerk tan-Natura 2000, u b’hekk jeħtieġ li jitqies l-iżjed approċċ adattat li jiżgura li ma jkun hemm l-ebda telf nett tal-bijodiversità u tas-servizzi tal-ekosistemi.

    2.3.Il-Mira Nru 3: Tiżdied l-kontribuzzjoni tal-agrikoltura u tal-forestrija għaż-żamma u għat-titjib tal-bijodiversità

    2.3.1.Il-Mira Nru 3A — Il-biedja: Sal-2020, ir-raba’ għall-biedja jiġu mmassimizzati billi jintużaw il-bwar, ir-raba’ li tinħadem u l-għelejjel permanenti li huma koperti minn miżuri relatati mal-bijodiversità fil-qafas tal-PAK, bil-għan li tiġi żgurata l-konservazzjoni tal-bijodiversità u li jsir titjib li jista’ jitkejjel* fl-istat ta’ konservazzjoni tal-ispeċijiet u tal-ħabitats li jiddependu mill-biedja jew huma affettwati minnha, kif ukoll fil-provvista tas-servizzi tal-ekosistemi, imqabbel max-xenarju bażi tal-2010 tal-UE, u b’hekk jikkontribwixxu għat-titjib tal-ġestjoni sostenibbli.

    (*) It-titjib irid jitkejjel abbażi tal-miri kkwantifikati ta’ titjib tal-istat ta’ konservazzjoni tal-ispeċijiet u tal-ħabitats ta’ interess għall-UE, kif stipulat fil-Mira Nru 1, u għall-għajnuna biex l-ekosistemi ddegradati jiġu f’tagħhom, kif stipulat fil-Mira Nru 2.

    It-tnaqqis kontinwu tal-istat tal-ispeċijiet u tal-ħabitats ta’ importanza tal-UE flimkien mal-biedja jindikaw li jeħtieġ li jsiru iżjed sforzi għall-konservazzjoni u għat-titjib tal-bijodiversità f’dawn iż-żoni. Il-politika agrikola komuni (PAK) għandha rwol essenzjali x’taqdi f’dan il-proċess f’interazzjoni mal-politiki ambjentali rilevanti 26 .

    Ir-riforma tal-PAK għall-perjodu mill-2014 sal-2020 tipprovdi sensiela ta’ strumenti li jistgħu jikkontribwixxu biex tiġi appoġġata l-bijodiversità. Sabiex il-mira tkun tista’ tintlaħaq, issa jeħtieġ li dawn l-opportunitajiet jinħatfu mill-Istati Membri fuq skala suffiċjenti. Eżempji lokali juru prattiki agrikoli sostenibbli li rnexxew. Jekk jiġu implimentati b’mod usa’, jistgħu jpoġġu lill-UE lura fit-triq it-tajba biex tintlaħaq il-mira sal-2020.

    Illustrazzjoni 3 — Il-bidliet (il-perjodu mill-2007 sal-2012 imqabbel mal-perjodu mill-2001 sal-2006) fl-istat ta’ konservazzjoni tal-ħabitats ta’ interess Komunitarju li huma assoċjati ma’ ekosistemi agrikoli (bwar u raba’ għall-għelejjel)

    Is-sors: EEA 2015

    Ir-rapport tal-2015 dwar l-Ambjent Ewropew — il-qagħda u l-perspettiva, jidentifika l-intensifikazzjoni fil-prattiki agrikoli u l-abbandun tar-raba’, flimkien mat-tifrix urban u mal-infrastruttura mhux ekoloġika, bħala l-pressjonijiet prinċipali fuq il-bijodiversità. Ir-Rapport tal-2015, L-Istat tan-Natura fl-Unjoni Ewropea, jindika wkoll li l-biedja u l-modifiki tal-kundizzjonijiet naturali kkaġunati mill-bniedem wasslu l-iżjed pressjoni prominenti fuq l-ekosistemi ta’ fuq l-art fil-perjodu mill-2007 sal-2012, b’20 % tal-pressjoni mill-biedja biss. Kif muri fl-Illustrazzjoni Nru 3, ma kien hemm l-ebda titjib li jista’ jitkejjel fl-istat tal-maġġoranza tal-ispeċijiet u tal-ħabitats relatati mal-biedja li huma koperti mil-leġislazzjoni tal-UE dwar in-natura mill-aħħar perjodu ta’ rappurtar. Il-bwar u l-artijiet mistagħdra għandhom l-ogħla proporzjon ta’ ħabitats fi stat “mhux favorevoli — ħażin” jew li “qiegħed jiddeterjora”. Filwaqt li l-popolazzjonijiet tal-ispeċijiet ta’ għasafar komuni bdew jistabbilizzaw sa mill-2010, l-għasafar tar-raba’ agrikoli komplew jonqsu. Is-servizzi tad-dakkir qegħdin jonqsu b’rata qawwija 27 b’diversi pressjonijiet fuq in-naħal selvaġġ 28 . Il-friefet tal-bwar qegħdin jonqsu ferm u ma jidher li hemm l-ebda sinjal ta’ rpiljar.

    Filwaqt li x-xejriet ġenerali jkomplu jikkawżaw tħassib serju, hemm ħafna titjib lokali bħala riżultat dirett ta’ prattiki agrikoli tajbin u miżuri tajbin għall-bijodiversità li jaqgħu taħt il-PAK, b’mod partikolari taħt il-miżuri agroambjentali u fis-siti tan-Natura 2000. Dawn is-suċċessi jibagħtu messaġġ importanti dwar il-possibbiltà li tintlaħaq il-mira tal-2020 għall-bijodiversità, iżda jeħtieġ li jinfirxu iżjed biex jinkisbu riżultati li jistgħu jitkejlu fil-livell tal-UE.

    Ir-riforma tal-PAK għall-perjodu mill-2014 sal-2020 tinkludi bosta strumenti li jistgħu jikkontribwixxu biex tiġi appoġġata l-bijodiversità. Il-kundizzjonalità tirrappreżenta il-livell bażiku ta’ rekwiżiti u ta’ obbligi ambjentali li jridu jiġu ssodisfati mill-bdiewa. Il-pagamenti diretti jippremjaw it-twassil ta’ prodotti pubbliċi ambjentali. Waħda mit-tliet prattiki ta’ ekoloġizzazzjoni li jaqgħu taħt l-ewwel pilastru, l-erjas b’fokus ekoloġiku, jimmiraw speċifikament għall-bijodiversità. Fl-aħħar nett, ir-Regolament dwar l-Iżvilupp Rurali 29 jipprovdi lill-awtoritajiet nazzjonali u reġjonali b’firxa wiesgħa ta’ għażliet li jiffavurixxu l-bijodiversità. Dawn l-għażliet jinkludu sottoprijorità dwar il-konservazzjoni, u t-titjib tal-ekosistemi u l-għajnuna biex jiġu f’tagħhom, mira dwar il-prestazzjoni fil-konfront tal-bijodiversità fil-programmi tal-iżvilupp rurali, mekkaniżmi ta’ kollaborazzjoni fost il-bdiewa u dawk li jaħdmu fil-forestrija, u enfasi ikbar fuq l-għoti ta’ pariri lill-bdiewa dwar l-użu tal-ilma u tal-pestiċidi iżda anke fuq il-bijodiversità, inklużi l-obbligi tad-Direttiva dwar l-Għasafar u d-Direttiva dwar il-Ħabitats.

    Il-PAK irriformata tagħti l-flessibbiltà lill-awtoritajiet nazzjonali u reġjonali tal-Istati Membri biex jiddeċiedu kif u kemm jagħmlu użu minn dawn l-opportunitajiet. Il-programmi tal-iżvilupp rurali u l-għażliet relatati mal-erjas b’fokus ekoloġiku tal-Istati Membri se jiġu ssorveljati u evalwati fir-rigward tal-protezzjoni tal-bijodiversità. Abbażi ta’ programmi adottati waqt li kien qiegħed jitlesta dan ir-rapport, 19.1 % 30 tar-raba’ agrikoli totali qegħdin taħt kuntratti ta’ ġestjoni li jappoġġaw il-bijodiversità u/jew il-pajsaġġi, b’diskrepanzi kbar ħafna fost l-Istati Membri u r-reġjuni. Se jkun iħoll u jorbot li jiġu mifhuma r-raġunijiet għalfejn hemm diskrepanza fl-użu bejn l-Istati Membri, sabiex isir iktar progress biex tintlaħaq il-mira tal-2020.

    2.3.2.Il-Mira Nru 3B — Il-foresti: Sal-2020, ikunu fis-seħħ il-Pjanijiet għall-Ġestjoni tal-Foresti jew l-istrumenti ekwivalenti, f’konformità mal-Ġestjoni Sostenibbli tal-Foresti (ĠSF), għall-foresti kollha ta’ proprjetà pubblika kif ukoll għall-impriżi forestali li jisbqu ċertu daqs** (li jrid jiġi ddefinit mill-Istati Membri jew mir-reġjuni, u jrid jiġi kkomunikat fil-Programmi tagħhom ta’ Żvilupp Rurali), li jirċievu finanzjamenti permezz tal-Politika tal-UE għall-Iżvilupp Rurali, bil-għan li jsir titjib li jista’ jitkejjel* fl-istat ta’ konservazzjoni tal-ispeċijiet u tal-ħabitats li jiddependu mill-forestrija jew li jiġu affettwati minnha, kif ukoll titjib fil-provvista ta’ servizzi relatati mal-ekosistemi, imqabbel max-xenarju bażi tal-2010 tal-UE.

    (*) It-titjib irid jitkejjel abbażi tal-miri kkwantifikati ta’ titjib tal-istat ta’ konservazzjoni tal-ispeċijiet u tal-ħabitats ta’ interess għall-UE, kif stipulat fil-Mira Nru 1, u għall-għajnuna biex l-ekosistemi ddegradati jiġu f’tagħhom, kif stipulat fil-Mira Nru 2.

    (**) Għall-impriżi forestali ta’ daqs iżgħar, l-Istati Membri jistgħu jipprovdu inċentivi addizzjonali biex iħeġġu l-adozzjoni tal-Pjanijiet għall-Ġestjoni jew ta’ strumenti ekwivalenti li jikkonformaw mal-ĠSF.

    L-erja tal-foresti fl-UE żdiedet meta mqabbel max-xenarju bażi tal-UE għall-bijodiversità fl-2010. Madankollu, l-istat ta’ konservazzjoni tal-ħabitats u tal-ispeċijiet tal-foresti li huma koperti mil-leġislazzjoni tal-UE dwar in-natura mhu juri l-ebda sinjal sinifikanti ta’ titjib. Id-dejta fil-livell tal-UE dwar l-istat tal-ħabitats tal-foresti ’l barra min-Natura 2000 hija limitata.

    Il-pjanijiet għall-ġestjoni tal-foresti jew l-istrumenti ekwivalenti jistgħu jaqdu rwol pożittiv importanti biex tintlaħaq il-mira, iżda l-potenzjal tagħhom fil-biċċa l-kbira għadu mhuwiex qiegħed jintuża.

    Il-valutazzjonijiet ta’ status favorevoli ta’ konservazzjoni tal-ħabitats forestali ta’ importanza Ewropea naqsu minn kważi 17 % għal madwar 15 % fl-iżjed valutazzjoni reċenti. Il-maġġoranza l-kbira tal-valutazzjonijiet jibqgħu mhux favorevoli (80 %), iżda r-riżultati jvarjaw b’mod konsiderevoli madwar ir-reġjuni bijoġeografiċi tal-Ewropa, bl-ogħla proporzjon ta’ valutazzjonijiet favorevoli jinsabu fir-reġjun tal-Mediterran.

    Illustrazzjoni 4 — Bidla (il-perjodu mill-2007 sal-2012 imqabbel mal-perjodu mill-2001 sal-2006) fl-istat ta’ konservazzjoni tal-ħabitats ta’ interess Komunitarju li huma assoċjati ma’ ekosistemi ta’ msaġar u ta’ foresti fil-livell tal-UE-27 31

    Is-sors: EEA 2015

    L-Istrateġija tal-UE għall-foresti 32 tenfasizza l-importanza ekonomika, soċjali u ambjentali tal-ekosistemi forestali tal-Ewropa u tistabbilixxi l-prinċipji gwida tal-ġestjoni sostenibbli tal-foresti, tal-effiċjenza fir-riżorsi u tar-responsabbiltà globali għall-foresti. Il-Kummissjoni qiegħda tiżviluppa wkoll il-kriterji u l-indikaturi għall-ġestjoni sostenibbli tal-foresti. L-iżgurar ta’ finanzjament adegwat għall-miżuri li jiffavorixxu l-bijodiversità fl-erjas forestali tibqa’ sfida. Matul il-perjodu mill-2007 sal-2013, total ta’ EUR 5.4 biljun ġie allokat għall-foresti permezz tal-programmi tal-iżvilupp rurali, billi l-kost annwali tal-ġestjoni tan-netwerk tan-Natura 2000 (li iktar minn nofsu huwa foresti) huwa madwar EUR 5.8 biljun.

    Il-pjanijiet għall-ġestjoni tal-foresti jew l-istrumenti ekwivalenti jistgħu jaqdu rwol ewlieni biex tintlaħaq il-Mira Nru 3B, inkluż fil-foresti privati. B’mod ġenerali, sehem kbir tal-foresti tal-UE huwa kopert minn xi forma ta’ pjan għall-ġestjoni iżda xorta waħda għad hemm varjazzjonijiet sinifikanti fost l-Istati Membri. L-użu ta’ wħud mill-miżuri li ġew identifikati fl-istrateġija tal-UE għall-bijodiversità kien limitat. It-titjib tat-tagħrif dwar l-istat tal-foresti fil-livell tal-UE se jippermetti valutazzjoni iżjed preċiża tas-sitwazzjoni u t-tfassil ta’ tweġibiet xierqa ta’ politika biex tintlaħaq il-mira.

    2.4.    Il-Mira Nru 4: Jinkiseb ir-Rendiment Massimu Sostenibbli (MSY) sal-2015*.Tinkiseb distribuzzjoni tal-popolazzjoni abbażi tal-età u tad-daqs li tkun xhieda ta’ stokk f’saħħtu, u dan permezz ta’ ġestjoni tas-sajd li ma jkollha l-ebda impatt negattiv sinifikanti fuq l-istokkijiet, l-ispeċijiet u l-ekosistemi l-oħra, biex b’hekk tgħin sabiex sal-2020 jinkiseb Stat Ambjentali Tajjeb, kif meħtieġ skont id-Direttiva Qafas dwar l-Istrateġija tal-Baħar.

    * Il-Politika Komuni tas-Sajd (PKS) irriformata li daħlet fis-seħħ fl-2014, timmira li sal-2015, u mhux iktar tard mill-2020, tiżgura r-rati tal-isfruttar tal-MSY għall-istokkijiet kollha, meta dan ikun possibbli.

       

    Sar progress sinifikanti fit-twaqqif ta’ qafas ta’ politika għas-sajd sostenibbli fil-politika komuni rriformata tas-sajd tal-UE, u biex jinkiseb stat ambjentali tajjeb skont id-Direttiva Qafas dwar l-Istrateġija tal-Baħar (MFSD). Il-Kummissjoni qiegħda tippromwovi titjib fil-governanza tal-oċeani għal ġestjoni iżjed sostenibbli tar-riżorsi tal-baħar. Madankollu, l-implimentazzjoni tal-politiki ma kinitx uniformi madwar l-UE u għad fadal sfidi kbar biex jiġi żgurat li l-għanijiet jinkisbu fiż-żmien stipulat. Ftit iktar minn 50 % tal-istokkijiet ivvalutati għall-MSY ġew mistada b’mod sostenibbli fl-2013.

    Bħala riżultat ta’ diversi pressjonijiet, l-ispeċijiet u l-ekosistemi tal-baħar qegħdin ikomplu jonqsu fl-ibħra tal-Ewropa.

    Il-politika komuni rriformata tas-sajd tipprovdi qafas sod ta’ politika għas-sajd sostenibbli, u l-implimentazzjoni miexja ’l quddiem. Il-livelli tal-qbid għal għadd dejjem jikber ta’ stokkijiet kummerċjali laħqu r-rendiment massimu sostenibbli jew waslu biex. Il-progress kien notevoli fl-ibħra tat-Tramuntana fejn il-biċċa l-kbira tal-istokkijiet li kienu soġġetti għal limiti tal-qbid ġew ivvalutati (sa 90 % fil-Baħar Baltiku) u l-maġġoranza huma ġestiti skont ir-rendiment massimu sostenibbli. Madankollu, fil-Mediterran u fil-Baħar l-Iswed, inqas minn 10 % tal-ħut li jittella’ l-art jiġi minn stokkijiet ivvalutati u madwar 90 % tal-istokkijiet ivvalutati għadhom sfruttati ż-żejjed 33

    Il-mortalità mis-sajd naqset b’mod sinifikanti għal għadd ta’ stokkijiet fil-Baħar Baltiku u fil-Baħar tat-Tramuntana l-Kbir 34 . Din hija evidenza li l-implimentazzjoni tal-pjanijiet għall-ġestjoni fit-tul u tal-prattiki tas-sajd li jirrispettaw l-għan tar-rendiment massimu sostenibbli qiegħed ikollha impatt pożittiv.

    Il-bijodiversità tal-baħar fl-ibħra reġjonali tal-Ewropa qiegħda tkompli tonqos. Li tinkiseb dejta ta’ kwalità tajba, affidabbli u komprensiva dwar l-ambjent tal-baħar hija sfida fiha nnifisha, bi 80 % tal-ispeċijiet u tal-ħabitats fid-Direttiva Qafas dwar l-Istrateġija tal-Baħar ikkategorizzati bħala ‘mhux magħruf’ (l-istokkijiet kummerċjali tal-ħut huma eċċezzjoni pożittiva). 4 % biss mill-ħabitats huma ddokumentati li għandhom stat ambjentali tajjeb. It-tibdil fil-klima u l-aċidifikazzjoni jżidu l-impatti negattivi tas-sajd żejjed, tat-tniġġis u tal-iskart fil-baħar, tal-qerda tal-ħabitats u tal-ispeċijiet aljeni invażivi 35 .

    B’appoġġ biex jitnaqqas l-impatt negattiv tas-sajd fuq l-ispeċijiet u l-ekosistemi li mhumiex fil-mira, il-politika komuni l-ġdida tas-sajd timmira li sal-2019 jiġi eliminat l-iskartar permezz tal-introduzzjoni gradwali ta’ obbligu tal-ħatt l-art. Dan se jeħtieġ sorveljanza msaħħa fil-livell tal-Istati Membri sabiex dan iwassal għal prattiki li huma iktar nodfa, iżjed selettivi u li jevitaw il-qabdiet aċċessorji, u għat-titjib tad-dejta dwar il-qabdiet aċċessorji.

    Flimkien ma’ monitoraġġ imtejjeb, it-twessigħ tal-bażi tal-għarfien u l-koordinazzjoni tat-tagħrif dwar il-bijodiversità tal-baħar, se jkunu ferm importanti l-isforzi kontinwi fil-livell nazzjonali biex jiġu implimentati l-pjanijiet għall-ġestjoni u biex jiġi ssorveljat l-infurzar tar-regoli, sabiex sal-2020 jiġu indirizzati l-pressjonijiet fuq il-bijodiversità tal-baħar. Kompitu ewlieni se jkun li tkompli tinbena l-esperjenza u l-espansjoni tan-netwerks tar-riċerka.

    2.5.Il-Mira Nru 5: Sal-2020, jiġu identifikati u mogħtija prijorità l-Ispeċijiet Aljeni Invażivi (IAS) u l-mogħdijiet tagħhom, l-ispeċijiet prijoritarji jiġu kkontrollati jew eradikati, u l-mogħdijiet jiġu ġestiti biex tiġi evitata l-introduzzjoni u l-istabbiliment ta’ IAS ġodda.

    L-ispeċijiet aljeni invażivi malajr qegħdin isiru theddida għall-bijodiversità. Ir-Regolament dwar l-IAS 36 daħal fis-seħħ fl-2015. Bħalissa għaddejja l-ħidma biex tiġi proposta l-ewwel lista tal-ispeċijiet aljeni invażivi li jikkonċernaw l-Unjoni. Jekk din il-lista tiġi adottata sal-aħħar tal-2015, l-UE tista’ titqies li tkun fi triqitha biex tosserva l-azzjonijiet previsti fil-Mira Nru 5.

    Imbagħad, il-pass kritiku li jkun imiss biex tintlaħaq il-mira, tkun l-implimentazzjoni mill-Istati Membri. Ir-ratifika tal-Konvenzjoni dwar l-Ilma tas-Saborra, li hija kruċjali biex jiġu indirizzati l-ispeċijiet aljeni invażivi tal-baħar, għadha lura u sa issa seba’ Stati Membri biss irratifikawha. Il-mardiet tal-organiżmi selvaġġi u r-rilaxx tal-makroorganiżmi aljeni għall-kontroll bijoloġiku hemm bżonn jiġu indirizzati fil-livell tal-UE.

    Attwalment, hemm iżjed minn 11 000 speċi aljena fl-ambjent Ewropew u bejn 10 % u 15 % minnhom qegħdin jikkawżaw il-problemi. Fl-ibħra madwar l-Ewropa, iżjed minn 80 % tal-ispeċijiet mhux indiġeni ġew introdotti mill-1950 ’il hawn (ara l-Illustrazzjoni 5 ).

    Illustrazzjoni 5 — Ir-rata ta’ introduzzjoni tal-ispeċijiet tal-baħar mhux indiġeni 37

    Ċart – Ir-rata ta’ introduzzjoni tal-ispeċijiet tal-baħar mhux indiġeni

    Nota: Din l-illustrazzjoni turi l-għadd ta’ introduzzjonijiet ġodda ta’ Speċijiet tal-baħar Mhux Indiġeni (SMI). L-analiżi qiegħda ssir fil-livell Pan-Ewropew u qiegħda tintwera skont id-deċennji. L-iktar perjodu reċenti jkopri biss mill-2011 sal-2014.

    Is-sors: EEA 2015

    Ir-Regolament il-ġdid dwar l-IAS jipprovdi qafas biex jiġu evitati u ġestiti l-introduzzjoni u t-tixrid tal-ispeċijiet aljeni invażivi fl-UE. In-Netwerk Ewropew ta’ Informazzjoni dwar l-Ispeċijiet Aljeni (EASIN) 38 qiegħed jiġi stabbilit biex jgħin lill-Istati Membri fl-implimentazzjoni tiegħu. Bħalissa għaddejja l-ħidma mal-Istati Membri biex titlesta l-ewwel lista tal-ispeċijiet aljeni invażivi li jikkonċernaw l-Unjoni abbażi tal-valutazzjonijiet tar-riskji tal-ispeċijiet, inkluż t-theddidiet potenzjali ekonomiċi. Jiġi appoġġat approċċ preventiv permezz ta’ eżerċizzju ta’ analiżi li jagħti prijorità lill-valutazzjonijiet tar-riskju fil-ġejjieni. Il-proposti tal-Kummissjoni tal-2013 dwar is-saħħa tal-pjanti 39 u tal-annimali 40 jimmiraw ukoll li jappoġġaw il-protezzjoni tal-bijodiversità.

    L-adozzjoni rapida tal-ewwel lista tal-ispeċijiet aljeni invażivi li jikkonċernaw l-Unjoni u l-implimentazzjoni effettiva mill-Istati Membri se jkunu deċiżivi biex jissokta l-progress sabiex tintlaħaq din il-mira. Il-progress f’politiki relatati se jkun kruċjali, b’mod partikolari r-ratifika u l-infurzar tal-Konvenzjoni dwar l-Ilma tas-Saborra u l-applikazzjoni tas-sistema tas-saħħa tal-annimali għall-mardiet tal-organiżmi selvaġġi.

    2.6.Il-Mira Nru 6: Sal-2020, l-UE tkun żiedet il-kontribuzzjoni tagħha biex trażżan it-telf tal-bijodiversità globali.



    L-UE tibqa’ l-ikbar donatur finanzjarju bil-bosta u tkun għamlet progress biex jiżdiedu r-riżorsi għall-bijodiversità globali. L-UE tkun ħadet l-ewwel passi biex tnaqqas l-ixpruni indiretti li jwasslu għat-telf tal-bijodiversità globali, inkluż il-kummerċ tal-organiżmi selvaġġi, u biex tiġi integrata l-bijodiversità fil-ftehimiet kummerċjali tagħha. Madankollu, il-progress mhuwiex biżżejjed biex jitnaqqsu l-impatti tat-tendenzi tal-konsum fl-UE fuq il-bijodiversità globali. Fuq it-trajettorja attwali, l-isforzi eżistenti jistgħu ma jkunux biżżejjed sabiex jintlaħqu l-Miri ta’ Aichi għall-Bijodiversità sad-dati ta’ skadenza 41 .

    L-UE hija l-ikbar kontributur ta’ għajnuna uffiċjali għall-iżvilupp relatat mal-bijodiversità u bejn l-2006 u l-2013 żiedet il-finanzjament b’iżjed mid-doppju.

    Sabiex jiġi rregolat l-aċċess għar-riżorsi ġenetiċi u l-qsim ġust u imparzjali tal-benefiċċji li jirriżultaw mill-użu tagħhom, l-UE rratifikat il-Protokoll ta’ Nagoya fl-2014. Ġiet adottata leġiżlazzjoni ġdida biex jiġu rregolati l-miżuri ta’ konformità, u qiegħed jitħejja att ta’ implimentazzjoni.

    Ir-Regolament tal-2013 tal-UE dwar l-Injam jimmira li jwaqqaf iċ-ċirkolazzjoni ta’ injam maqtugħ illegalment fis-suq tal-UE. Il-Pjan tal-UE dwar l-Infurzar tal-Liġi, il-Governanza u l-Kummerċ fis-settur Forestali jħeġġeġ il-kummerċ tal-injam maqtugħ legalment. Kulma jmur l-konsumaturi qegħdin jippreferu iżjed il-prodotti minn foresti ġestiti b’mod sostenibbli. Sar ukoll xi progress dwar iż-żejt tal-palm, iżda ftit li xejn ittieħdet azzjoni rigward prodotti bażiċi oħra u l-impronta ekoloġika tal-UE-28 xorta għadha iżjed mid-doppju tad-daqs tal-bijokapaċità tagħha.

    Illustrazzjoni 6 — Il-varjazzjoni tal-impronta ekoloġika f’kull reġjun tad-dinja

    Is-sors: EEA (SEBI) 42

    Il-ftehimiet reċenti kollha ta’ kummerċ ħieles tal-UE fihom dispożizzjonijiet dwar l-implimentazzjoni tal-ftehimiet ambjentali multilaterali. L-UE appoġġat ukoll l-isforzi globali kontra t-traffikar tal-organiżmi selvaġġi 43 , fosthom il-promozzjoni tal-progress għall-adozzjoni ta’ Riżoluzzjoni komprensiva tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-indirizzar tat-traffikar illeċitu tal-organiżmi selvaġġi. Fit-8 ta’ Lulju 2015, l-UE saret uffiċjalment Parti Kontraenti għall-Konvenzjoni dwar il-Kummerċ Internazzjonali fl-Ispeċijiet ta’ Fawna u ta’ Flora Selvaġġi fil-Periklu.

    L-azzjonijiet biex il-kooperazzjoni tal-UE għall-iżvilupp ma jkollha l-ebda impatt negattiv fuq il-bijodiversità ġew indirizzati permezz tal-integrazzjoni tal-ambjent u t-tibdil fil-klima. Analiżi ambjentali obbligatorja għal kwalunkwe azzjoni ġdida ta’ kooperazzjoni għall-iżvilupp tindirizza l-impatti potenzjali fuq iż-żoni protetti jew vulnerabbli, is-servizzi tal-ekosistemi, l-introduzzjoni ta’ speċijiet aljeni, kif ukoll l-użu ta’ fertilizzanti, ta’ pestiċidi jew ta’ kimiki oħra. L-ipprogrammar ta attenzjoni speċjali għall-protezzjoni u għat-titjib potenzjali tal-bijodiversità.

    L-UE u l-Istati Membri tagħha kellhom rwol attiv fit-tiswir tal-Aġenda globali sal-2030 dwar l-Iżvilupp Sostenibbli. L-implimentazzjoni ta’ dawn l-impenji fl-UE u l-appoġġ biex jinkisbu fuq skala globali, se jgħinu biex l-UE timxi ’l quddiem biex tintlaħaq din il-mira. Il-kisba tal-mira internazzjonali li sal-2015 jiġu rdoppjati l-flussi tal-finanzjament relatat mal-bijodiversità għall-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw u biex dawn jinżammu sal-2020, kif ukoll li tiżdied l-effettività tal-finanzjament, se jeħtieġu impenn kontinwu, prijoritizzazzjoni aħjar u koordinazzjoni ma’ donaturi oħra. Sabiex jinkisbu l-għanijiet tal-UE se jkun hemm bżonn ta’ iktar azzjoni biex tiġi indirizzata l-impronta ekoloġika tal-UE, u l-implimentazzjoni effettiva tal-politiki u tal-leġiżlazzjoni li ġew adottati dan l-aħħar, b’enfasi partikolari fuq il-konformità skont il-Protokoll ta’ Nagoya. Hemm bżonn ta’ iżjed sforzi wkoll biex jiġu implimentati d-dispożizzjonijiet dwar il-bijodiversità fil-ftehimiet kummerċjali reċenti, biex b’hekk l-għanijiet għall-bijodiversità jiġu integrati iktar fil-politiki kummerċjali tal-UE u sabiex jitħeġġu inizjattivi biex jiġi promoss il-kummerċ sostenibbli.

    3.Il-miżuri orizzontali

    3.1.Il-finanzjament

    Fattur ewlieni li wassal biex ma tintlaħaqx il-mira tal-2010 għall-bijodiversità kien li ma kienx hemm biżżejjed finanzjament. L-aspetti tal-bijodiversità ġew integrati b’livelli varji fil-fondi strutturali u ta’ investiment Ewropej, b’mod partikolari l-politika agrikola komuni, fil-fondi tal-politika ta’ koeżjoni u fil-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u għas-Sajd. Analiżi robusta tal-allokazzjonijiet għall-bijodiversità se tkun possibbli biss ladarba jiġu adottati l-programmi operazzjonali kollha għall-iżvilupp rurali. Il-Programm għall-Ambjent u għall-Azzjoni Klimatika (LIFE) jibqa’ sors żgħir ta’ finanzjament għan-natura u għall-bijodiversità iżda huwa effettiv ferm. Se jappoġġa wkoll il-finanzjament innovattiv permezz tal-Faċilità ta’ Finanzjament għall-Kapitali Naturali li tnediet dan l-aħħar.

    Il-Kummissjoni żviluppat proċess tissorvelja n-nefqa marbuta mal-bijodiversità fil-baġit tal-UE sabiex l-integrazzjoni tal-bijodiversità fl-ipprogrammar 44 tiġi stmata b’iktar reqqa. Ġiet żviluppata wkoll metodoloġija biex il-baġit tal-UE jħares l-bijodiversità, biex jiġi żgurat li l-infiq ma jkollu l-ebda impatt negattiv fuq l-għanijiet għall-bijodiversità iżda anzi jappoġġaha.

    L-istrumenti ta’ finanzjament tal-UE huma ta’ importanza kruċjali biex jitwettqu l-impenji internazzjonali għall-bijodiversità, b’mod partikolari permezz tal-Istrument tal-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp, kif ukoll permezz tal-Istrument ta’ Sħubija. L-isforzi tal-UE biex tissaħħaħ il-mobilizzazzjoni tar-riżorsi minn dawn l-istrumenti esterni huma stipulati fl-inizjattiva ewlenija “Il-Bijodiversità għall-Ħajja” (B4Life), li tnediet fl-2014.

    3.2.Is-sħubijiet

    Kien hemm progress konsiderevoli fit-twaqqif ta’ sħubijiet u fl-involviment tal-partijiet ikkonċernati u tas-soċjetà ċivili. Il-Pjattaforma tal-UE għan-Negozju u għall-Bijodiversità li tnediet mill-ġdid tappoġġa l-involviment attiv tan-negozji fl-implimentazzjoni tal-istrateġija. L-azzjoni preparatorja għall-Bijodiversità u għas-Servizzi tal-Ekosistemi fit-Territorji Extra-Ewropej (BEST) tikkontribwixxi għat-tranżizzjoni lejn aċċess rapidu u faċli għall-finanzjament għall-ħarsien tal-bijodiversità u għall-użu sostenibbli tas-servizzi tal-ekosistemi. L-UE appoġġat ukoll l-inizjattiva dwar l-Ekonomija tal-Ekosistemi u tal-Bijodiversità fi ħdanha u fil-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw, u ħeġġet li jkun hemm sinerġiji bejn il-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika u konvenzjonijiet oħra.

    3.3.It-tisħiħ tal-bażi tal-għarfien

    Il-bażi tal-għarfien u tal-evidenza għall-politika tal-UE għall-bijodiversità tal-UE ġiet imtejba permezz tar-rappurtar issimplifikat skont id-Direttivi dwar in-natura, u l-immappjar u l-valutazzjoni tal-ekosistemi u tas-servizzi tagħhom, li hija rikonoxxuta internazzjonalment bħala l-iżjed skema avvanzata ta’ valutazzjoni reġjonali li taqa’ taħt il-Pjattaforma Intergovernattiva dwar il-Bijodiversità u s-Servizzi tal-Ekosistemi. F’sinerġija ma’ fondi oħra tal-UE, il-programmi qafas tar-riċerka u tal-innovazzjoni għandhom rwol importanti għall-valutazzjoni tas-servizzi tal-ekosistemi. Il-programm qafas Orizzont 2020 jappoġġa l-valutazzjonijiet integrati u l-interfaċċi bejn ix-xjenza u l-politika, b’enfasi fuq is-soluzzjonijiet ibbażati fuq in-natura. Sors ieħor ta’ appoġġ huwa l-finanzjament tal-politika ta’ koeżjoni għar-riċerka u għall-innovazzjoni. Madankollu, għad baqa’ lakuni kbar fid-dejta u fl-għarfien, b’mod partikolari fir-rigward tal-ambjent tal-baħar, il-valutazzjoni tas-saħħa tal-ekosistemi u r-rabtiet mas-servizzi tal-ekosistemi u r-reżiljenza. Hemm bżonn li l-integrazzjoni tad-dejta u l-aċċess miftuħ għaliha mill-monitoraġġ u mir-rappurtar tal-bijodiversità skont il-leġiżlazzjoni rilevanti tal-UE (bħall-agrikoltura, is-sajd u l-politika reġjonali) jissaħħu bħala prijorità għall-kumplament tal-perjodu ta’ implimentazzjoni. L-istrumenti esterni tal-UE wasslu għall-ħolqien tal-osservatorji reġjonali fil-pajjiżi Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku li jgħarrfu aħjar lil dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet dwar il-ġestjoni tar-riżorsi naturali.

    4.Konklużjoni

    Ir-rieżami ta’ nofs il-mandat li jivvaluta l-progress li sar permezz tal-istrateġija tal-UE għall-bijodiversità juri li l-miri tal-2020 għall-bijodiversità jistgħu jintlaħqu biss jekk l-isforzi ta’ implimentazzjoni u ta’ infurzar ikunu ferm iżjed kuraġġużi u iktar ambizzjużi. Bir-rata attwali ta’ implimentazzjoni, it-telf tal-bijodiversità u d-degradazzjoni tas-servizzi tal-ekosistemi se jissoktaw kullimkien fl-UE u fid-dinja, b’implikazzjonijiet sinifikanti biex il-kapaċità tal-bijodiversità tissodisfa l-ħtiġijiet tal-bniedem fil-ġejjieni.

    Sar progress biex jiġu stabbiliti oqfsa importanti ta’ politika, fosthom jistgħu jissemmew xi wħud: il-politika komuni l-ġdida tas-sajd, ir-Regolament dwar l-ispeċijiet aljeni invażivi, ir-Regolament dwar l-Injam, u l-introduzzjoni ta’ dispożizzjonijiet dwar il-bijodiversità fi ftehimiet kummerċjali bilaterali. Il-politika agrikola komuni rriformata tipprovdi opportunitajiet għall-integrazzjoni imtejba tal-kwistjonijiet tal-bijodiversità, iżda biex tirnexxi se jkun deċiżiv il-livell ta’ implimentazzjoni tal-Istati Membri. Il-Kummissjoni appoġġat u akkumpanjat l-isforzi li għamlu l-Istati Membri, l-awtoritajiet reġjonali u lokali, u l-partijiet ikkonċernati biex tiġi infurzata l-leġiżlazzjoni ambjentali, jiġu indirizzati l-lakuni fil-politika, jiġu pprovduti l-linji gwida, jingħata l-finanzjament, jiġu promossi s-sħubijiet u jiġu xprunati r-riċerka u l-iskambju tal-aqwa prattiki. Hemm abbundanza ta’ esperjenzi pożittivi li jistgħu jkunu mudell biex fil-perjodu li fadal sal-2020 isir progress fir-rigward tal-miri tal-UE għall-bijodiversità.

    Issa huwa urġenti li tiġi intensifikata l-implimentazzjoni ta’ miżuri trasversali għall-miri kollha u li jiġi żgurat li l-prinċipji inklużi fl-oqfsa ta’ politika jiġu riflessi għalkollox fil-prattika. Sabiex jinkisbu l-għanijiet tal-2020 għall-bijodiversità jeħtieġ li jkun hemm sħubijiet b’saħħithom u involviment sħiħ u sforzi mill-atturi ewlenin fil-livelli kollha, b’mod partikolari fir-rigward tat-tlestija tan-netwerk tan-Natura 2000 għall-ambjent tal-baħar, filwaqt li tiġi żgurata l-ġestjoni effettiva tas-siti tan-Natura 2000 u l-implimentazzjoni tar-Regolament dwar l-Ispeċijiet Aljeni Invażivi, u billi jitqies l-iżjed approċċ adattat biex jiġi rikonoxxut il-kapital naturali madwar l-UE.

    Sabiex tintlaħaq din il-mira, jeħtieġ ukoll li jkun hemm integrazzjoni effettiva iżjed b’firxa wiesgħa ta’ politiki, billi jiġu stabbiliti prijoritajiet koerenti li jkunu mirfuda minn finanzjament adegwat — b’mod partikolari fis-setturi tal-agrikoltura u tal-forestrija li flimkien jirrappreżentaw 80 % tal-użu tal-art fl-UE, kif ukoll fis-setturi tal-baħar, tas-sajd u tal-iżvilupp reġjonali. F’dan il-proċess, jistgħu jkunu ta’ għajnuna l-istrumenti ta’ finanzjament tal-UE. Il-ksib tal-għanijiet tal-bijodiversità jikkontribwixxi wkoll għall-aġenda dwar it-tkabbir u l-impjiegi, għas-sigurtà tal-ikel u tal-ilma, u għall-kwalità tal-ħajja, kif ukoll għall-implimentazzjoni tal-għanijiet ta’ żvilupp sostenibbli, fil-livell dinji u fl-UE.

    (1) http://advances.sciencemag.org/content/1/5/e1400253.full  .
    (2) http://www.sciencemag.org/content/347/6223/1259855.full  .
    (3) http://www.weforum.org/reports/global-risks-report-2015  .
    (4) http://www.eea.europa.eu/publications/eu-2010-biodiversity-baseline  .
    (5) COM(2011) 244 finali.
    (6) COM(2010) 2020 finali.
    (7) Id-Deċiżjoni Nru 1386/2013/UE.
    (8) http://ec.europa.eu/environment/enveco/economics_policy/pdf/report_sept2011.pdf  .
    (9) http://www.teebweb.org/  .
    (10) http://ec.europa.eu/environment/enveco/biodiversity/pdf/ieep_alterra_report.pdf  .
    (11) http://ec.europa.eu/environment/nature/biodiversity/economics/pdf/teeb_report.pdf  .
    (12) SWD(2015) 187.
    (13) COM(2015) 219 finali.
    (14) http://www.eea.europa.eu/soer  .
    (15) http://www.eea.europa.eu/soer-2015/europe/biodiversity  .
    (16) SEBI 023, EEA, 2015.
    (17) COM(2015) 219 finali.
    (18) http://www.eea.europa.eu/publications/state-of-nature-in-the-eu  .
    (19) SEC(2011) 1573 finali.
    (20) http://ec.europa.eu/environment/nature/natura2000/management/guidance_en.htm  .
    (21) http://ec.europa.eu/environment/nature/legislation/fitness_check/index_en.htm  .
    (22) Ir-Rapport Tekniku tal-EEA 6/2015.
    (23) Ir-Rapport Tekniku tal-2015 tal-JRC, L-Immappjar u l-Valutazzjoni tal-Ekosistemi u tas-Servizzi tagħhom.
    (24) COM(2013) 249 finali.
    (25) http://ec.europa.eu/environment/nature/biodiversity/comm2006/pdf/2020/RPF.pdf  .
    (26) Bosta politiki u testi ġuridiċi tal-UE għandhom impatti (diretti u indiretti) fuq l-istat tal-bijodiversità fiż-żoni rurali. Il-Mira Nru 3A tiffoka fuq il-kontribuzzjoni tal-politika agrikola komuni.
    (27) Ir-Rapport tal-2015 tal-JRC, L-Immappjar u l-Valutazzjoni tal-Ekosistemi u tas-Servizzi tagħhom.
    (28) Il-Lista l-Ħamra Ewropea tan-Naħal Selvaġġ (2015).
    (29) Ir-Regolament (UE) Nru 1305/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.
    (30) It-73 programm tal-iżvilupp rurali (minn total ta’ 118) adottati sat-23 ta’Awwissu 2015 ikopru tliet kwarti tal-baġit u tliet kwarti tal-erja agrikola utilizzata.
    (31) L-illustrazzjoni tirreferi għall-UE-27 peress li tagħti tagħrif dwar żmien qabel l-adeżjoni tal-Kroazja.
    (32) COM(2013) 659 finali.
    (33) COM(2015) 239 finali.
    (34) JRC (2015) Il-monitoraġġ tal-prestazzjoni tal-politika komuni tas-sajd STECF-15-04 (STECF — Il-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd).
    (35) Ir-Rapport tal-EEA Nru 2/2015.
    (36) Ir-Regolament (UE) Nru 1143/2014.
    (37) http://www.eea.europa.eu/data-and-maps/indicators/trends-in-marine-alien-species-mas-2/assessment  .
    (38) http://easin.jrc.ec.europa.eu/  .
    (39) COM(2013) 267.
    (40) COM(2013) 260.
    (41) Il-Prospettiva Nru 4 għall-Bijodiversità Globali tal-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika.
    (42) http://www.eea.europa.eu/data-and-maps/indicators/ecological-footprint-of-european-countries/ecological-footprint-of-european-countries-2  .
    (43)  COM(2014) 64 finali.
    (44) SEC(2015)240.
    Top