EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52014XG0614(04)

Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-20 ta' Mejju 2014 dwar Il-promozzjoni tal-intraprenditorija taż-żgħażagħ għat-trawwim tal-inklużjoni soċjali taż-żgħażagħ

ĠU C 183, 14.6.2014, p. 18–21 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

14.6.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 183/18


Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-20 ta' Mejju 2014 dwar Il-promozzjoni tal-intraprenditorija taż-żgħażagħ għat-trawwim tal-inklużjoni soċjali taż-żgħażagħ

2014/C 183/04

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

WAQT LI JIRRIKONOXXI LI:

1.

Il-kriżi ekonomika li bdiet fit-tieni nofs tal-aħħar deċennju ħolqot sitwazzjoni partikolarment fraġli għall-ġenerazzjoni żagħżugħa tal-lum. Ir-rati tal-qgħad fost iż-żgħażagħ għadhom storikament għoljin, għal 23,2 % fl-UE-28 u 23,8 % fiż-żona tal-Euro (Diċembru 2013).

2.

B'riżultat ta' dan il-qgħad għoli fost iż-żgħażagħ, iż-żgħażagħ qed jesperjenzaw livelli ogħla ta' faqar u esklużjoni soċjali u għadd dejjem akbar iħossuhom obbligati jħallu l-pajjiżi ta' oriġini tagħhom, u xi drabi l-Ewropa kompletament, biex ifittxu opportunitajiet aħjar. Dan f'xi Stati Membri qed jiġġenera effett ta' eżodu ta' mħuħ li jista' jkun diffiċli jittreġġa' lura.

3.

L-Unjoni Ewropea, permezz ta' Ewropa 2020 u l-inizjattivi ewlenin tagħha dwar “Ħiliet ġodda u impjiegi”, “Aġenda Diġitali għall-Ewropa”, “Unjoni ta' Innovazzjoni”, u “Żgħażagħ attivi” tippromwovi l-intraprenditorija, billi trawwem viżjonijiet intraprenditorjali u l-għarfien, il-ħiliet u l-kompetenzi relatati li jistgħu jagħtu spinta lill-kompetittività u t-tkabbir li jkunu intelliġenti, sostenibbli u inklużivi.

4.

L-intraprenditorija hija mutur importanti ta' tkabbir ekonomiku u ħolqien ta' impjiegi: hija toħloq kumpanniji u impjiegi ġodda, tiftaħ swieq ġodda, ittejjeb il-produttività u toħloq il-ġid. Spirtu imprenditorjali jtejjeb l-impjegabbiltà taż-żgħażagħ. L-intraprenditorija u partikolarment l-intrapriżi Żgħar u ta' Daqs Medju (SMEs) huma s-sinsla tal-ekonomija tal-UE u jirrappreżentaw l-aktar sors importanti ta' impjieg ġdid (1).

5.

Kulturi li jagħrfu valur f'imġiba intraprenditorjali u jippremjawha bħat-teħid tar-riskji kkalkulati u l-ħsieb independenti jippromwovu propensità għall-iżvilupp ta' soluzzjonijiet ġodda għall-isfidi soċjali. F'dan ir-rigward, il-perċezzjoni pubblika tal-imprendituri jeħtieġ li tiġi apprezzata aktar, l-edukazzjoni intraprenditorjali jeħtieġ li tiżdied u l-grupp li mhumiex rappreżentati biżżejjed jeħtieġ li jingħataw attenzjoni speċjali u għajnuna sabiex jibdew, imexxu jew ikabbru negozju jew impriża.

6.

L-intraprenditorija mhijiex ibbażata biss fuq it-tiftix tal-profitt. Atturi differenti, kemm fis-setturi pubbliċi u privati, is-soċjetà ċivili u l-organizzazzjonijiet tal-ekonomija soċjali (2), li jikkombinaw dimensjoni soċjali u intraprenditorjali, jindirizzaw l-isfidi prinċipali tas-soċjetà tagħna. Din it-tendenza tissejjaħ “intraprenditorija soċjali”, u t-tipi ġodda ta' organizzazzjonijiet li ħarġu, “intrapriżi soċjali”.

7.

Il-kultura u l-kreattività ġew identifikati fil-“Qafas Imġedded għall-Kooperazzjoni Ewropea fil-qasam taż-żgħażagħ” bħala qasam ta' azzjoni għall-politika dwar iż-żgħażagħ. Is-setturi kulturali u kreattivi (3) jistgħu joffru opportunitajiet kbar sabiex il-kreattività taż-żgħażagħ u l-kapital huma jinbidlu fi tkabbir intelliġenti u impjiegi. Fl-era diġitali, il-parteċipazzjoni fil-kultura hija għodda b'saħħitha biex jiġu promossi l-inklużjoni soċjali u l-involviment soċjali speċjalment fost iż-żgħażagħ.

8.

Fir-rapport finali tiegħu, il-Grupp ta' Esperti filwaqt li ppromwova l-kreattività u l-kapaċità innovattiva taż-żgħażagħ billi identifika l-kompetenzi u l-ħiliet miksuba permezz tat-tagħlim mhux formali u informali, ikkunsidra kif tittejjeb l-impjegabbiltà taż-żgħażagħ.

JIKKUNSIDRA LI:

9.

L-intraprenditorija tista' tikkostitwixxi element importanti fir-rigward tal-awtonomija, l-iżvilupp personali u l-benesseri taż-żgħażagħ. L-intraprenditorija tista' titqies bħala waħda mis-soluzzjonijiet fil-ġlieda kontra l-qgħad fost iż-żgħażagħ.

10.

L-Ewropa għandha tinvesti fl-edukazzjoni u t-taħriġ intraprenditorjali, il-ħolqien ta' ambjent fejn l-imprendituri jistgħu jirnexxu u jikbru, filwaqt li jintlaħqu wkoll gruppi speċifiċi, u l-viżibbiltà tal-intraprendituri bħala mudelli eżemplari.

11.

B'mod partikolari, il-mudell ta' “intraprenditorija soċjali”, maħsub primarjament biex jikkontribwixxi għall-ġid ġenerali tas-soċjetà, jista' jappella għaż-żgħażagħ u jagħtihom iċ-ċans li jipprovdu tweġibiet innovattivi għall-isfidi ekonomiċi, soċjali u ambjentali attwali. L-idea tal-intraprenditorija soċjali li hija tant qrib in-nies u l-komunitajiet lokali tiżgura l-koeżjoni soċjali permezz tal-involviment taż-żgħażagħ inklużi dawk minn gruppi vulnerabbli.

12.

L-intrapriżi soċjali (4) jikkontribwixxu għal tkabbir intelliġenti billi jirrispondu bl-innovazzjoni soċjali għall-ħtiġijiet il-ġodda; huma joħolqu tkabbir sostenibbli billi jqisu l-impatt ambjentali tagħhom u bil-viżjoni fit-tul tagħhom; huma jinsabu fil-qalba tat-tkabbir inklużiv minħabba l-enfasi tagħhom fuq in-nies u l-koeżjoni soċjali.

F'DAN IR-RIGWARD:

13.

Il-politika dwar iż-żgħażagħ jista' jkollha rwol fil-kooperazzjoni transettorjali li tista' tgħin biex jingħelbu l-ostakli. L-intraprenditorija, bħal ħafna oqsma oħra, teħtieġ approċċ fit-tul ta' żmien u twemmin b'saħħtu fil-kapaċità taż-żgħażagħ. Biex jinkiseb dan, jeħtieġ li ż-żgħażagħ jiġu inkoraġġuti biex jiddaħħal spirtu ta' intraprenditorija minn kmieni fil-ħajja — inizjattiva, fiduċja, teħid tar-riski kkalkulati, kreattività, organizzazzjoni, tenaċità — sabiex jiġi żviluppat il-potenzjal sħiħ tagħhom u biex jidħlu fis-suq tax-xogħol b'suċċess. Bil-għan li tiġi promossa l-intraprenditorija fost iż-żgħażagħ, b'attenzjoni speċjali fuq l-intraprenditorija soċjali, ġew identifikati l-prijoritajiet li ġejjin:

It-titjib tal-viżjonijiet u l-ħiliet intraprenditorjali taż-żgħażagħ permezz tal-edukazzjoni formali u t-tagħlim mhux formali u informali. Il-kompetenza intraprenditorjali tinkludi ħiliet u attitudnijiet trasversali kif ukoll għarfien. Il-ħidma fost iż-żgħażagħ hija għodda u strument ewlienin għall-iżvilupp tal-ħiliet trasversali.

Il-promozzjoni tal-ħidma fost iż-żgħażagħ (permezz tal-informazzjoni, konsulenza u coaching) u attivitajiet volontarji fost iż-żgħażagħ, bħala mezz biex jinkisbu l-ħiliet meħtieġa sabiex isibu impjieg jew jibdew proġett tagħhom stess. Ir-rikonoxximent tal-kontribut tal-attivitajiet taż-żgħażagħ fit-titjib u l-appoġġ għall-enerġija kreattiva u l-kapaċità taż-żgħażagħ għall-innovazzjoni bħala element ewlieni għall-iżvilupp personali tagħhom kif ukoll l-inklużjoni attiva tagħhom.

It-titjib u aktar tisħiħ tal-“intraprenditorija soċjali” bħala mudell intraprenditorjali fost iż-żgħażagħ, b'tali mod li tkun tista' tittejjeb l-impjegabbiltà tagħhom filwaqt li fl-istess ħin jitqiesu l-valuri sostenibbli u ambjentali.

Il-promozzjoni tal-kisba, miż-żgħażagħ kollha, ta' ħiliet diġitali sabiex iż-żgħażagħ ikunu jistgħu jisfruttaw għalkollox il-potenzjal tad-dinja diġitali.

Il-promozzjoni ta' sensibilizzazzjoni kulturali fost iż-żgħażagħ, bħala atturi u utenti, li ssaħħaħ is-sens ta' inizjattiva u l-ispirtu intraprenditorjali tagħhom. L-aċċess għall-kultura u l-parteċipazzjoni attiva f'attivitajiet kulturali jistgħu jirrinforzaw il-benesseri taż-żgħażagħ u s-sensibilizzazzjoni tagħhom dwar il-kondiviżjoni ta' wirt storiku komuni.

JISTIEDEN LILL-ISTATI MEMBRI, B'KONSIDERAZZJONI DEBITA TAL-PRINĊIPJU TAS-SUSSIDJARJETÀ, BIEX:

14.

Jirrikonoxxu r-rwol importanti tal-intraprenditorija u l-intrapriżi fil-ġlieda kontra l-qgħad fost iż-żgħażagħ; jiżviluppaw u jsaħħu l-linji ta' politika biex jiżdied l-għarfien dwar diversi aspetti tal-intraprenditorija fost iż-żgħażagħ.

15.

Jirrikonoxxu l-importanza tal-edukazzjoni intraprenditorjali minn età bikrija u jenfasizzaw ir-rwol tat-tagħlim mhux formali u informali biex jiżguraw approċċ olistiku lejn l-iżvilupp personali taż-żgħażagħ u jiffaċilitaw l-integrazzjoni b'suċċess tagħhom fis-suq tax-xogħol.

16.

Jippromwovu l-ħidma fost iż-żgħażagħ u attivitajiet volontarji bħala strumenti prinċipali fl-iżvilupp ta' ħiliet trasversali u soft skills li huma meħtieġa fit-tmexxija ta' negozji u azzjoni intraprenditorjali. F'dan ir-rigward jiżviluppaw u jenfasizzaw aktar ir-rikonoxximent jew il-validazzjoni ta' tagħlim mhux formali u informali, billi jikkunsidraw ukoll l-eżiti ta' tagħlim rilevanti għall-intraprenditorija.

17.

Jikkunsidraw li jirrikonoxxu lill-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ bħala wieħed mill-fornituri ewlenin tat-tagħlim mhux formali u informali li jwassal għal viżjoni u ħiliet intraprenditorjali. F'dan ir-rigward, l-Istati Membri jistgħu jikkunsidraw li jsaħħu l-appoġġ għall-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ fl-għoti ta' gwida, mentoring, u taħriġ ta' kwalità.

18.

Jippromwovu u jappoġġaw bidu ta' negozji u intrapriżi soċjali biex jegħlbu ostakoli konsiderevoli għall-aċċess għall-finanzi, is-servizzi ta' appoġġ u l-possibbiltajiet ta' mentoring (inkluż l-użu effiċjenti tal-Fondi Ewropej Strutturali u ta' Investiment, meta dan ikun konsistenti mal-ftehimiet ta' sħubija).

19.

Joffru, fejn ikun adatt, appoġġ billi jnaqqsu l-ostakoli possibbli skont il-livelli tal-impatt soċjali u ambjentali.

JISTIEDEN LILL-ISTATI MEMBRI U LILL-KUMMISSJONI, FL-AMBITU TAL-KOMPETENZI RISPETTIVI TAGĦHOM U B'RISPETT DOVUT GĦALL-PRINĊIPJU TAS-SUSSIDJARJETÀ, SABIEX:

20.

Iżidu l-viżibbiltà tal-intraprenditorija soċjali u jiżviluppaw għodod biex jiksbu fehim aħjar tas-settur. F'dan ir-rigward, iżidu l-għarfien u jippromwovu diversi forom ta' intrapriżi, intrapriżi soċjali (inklużi kooperattivi), intrapriżi kulturali u kreattivi eċċ.

21.

Jiffaċilitaw skemi ta' taħriġ u skambji, il-kondiviżjoni ta' esperjenzi u attivitajiet oħra ta' tagħlim li jsaħħu l-orjentazzjonijiet u l-ħiliet intraprenditorjali (eż. jimpenjaw liż-żgħażagħ f'esperjenzi intraprenditorjali diretti, taħriġ fuq il-post tax-xogħol, netwerks, promozzjoni ta' ħiliet speċjalizzati) u jappoġġaw sforzi biex jiddefinixxu l-eżiti tat-tagħlim ta' tali attivitajiet. Jippromwovu l-iżvilupp ta' għodod li jippermettu liż-żgħażagħ jivvalutaw u jippreżentaw il-ħiliet u l-kompetenzi intraprenditorjali tagħhom.

22.

Iħeġġu lil negozji żgħar u lil imprendituri żgħażagħ ikunu innovattivi u jaħtfu l-opportunitajiet kollha tas-suq intern tal-UE, billi jħeġġuhom biex isiefru u jimpenjaw ruħhom fi trasferimenti transkonfinali ta' għarfien, u kooperazzjoni. Sabiex jintlaħqu dawn l-objettivi, għandhom jiġu promossi netwerks ta' imprendituri soċjali żgħażagħ u sħab potenzjali.

23.

Jinkoraġġixxu l-iskambju ta' opportunitajiet u l-kollaborazzjoni bejn imprendituri żgħażagħ minn Stati Membri differenti. Iżidu s-solidarjetà reċiproka bejn il-ġenerazzjonijiet permezz tal-iskambju ta' għarfien bejn imprendituri b'aktar esperjenza u imprendituri żgħażagħ promettenti. Jippromwovu programmi ta' mentoring fil-qasam tal-intraprenditorija fil-livell nazzjonali u f'dak Ewropew.

24.

Iżidu l-kooperazzjoni transettorjali u jiżguraw l-aċċess għall-informazzjoni u s-servizzi ta' appoġġ sabiex joħolqu kondizzjonijiet favorevoli għall-imprendituri żgħażagħ u jnaqqsu l-piżijiet amministrattivi għall-imprendituri żgħażagħ.

25.

Jippromwovu l-aċċessibbiltà fost il-partijiet interessati rilevanti kollha u jinkoraġġixxu l-użu ta' programmi Ewropej (bħal Erasmus+, Erasmus għal Imprendituri Żgħażagħ fil-qafas tal-programm COSME, il-Fond Soċjali Ewropew u programmi finanzjarji oħrajn għall-intrapriżi soċjali u mikrofinanzajment skont il-Programm għall-Impjiegi u l-Innovazzjoni Soċjali) għat-titjib tal-ħiliet imprenditorjali fost iż-żgħażagħ, filwaqt li jippromwovu, fejn ikun adatt, appoġġ speċjalizzat għall-imprendituri żgħażagħ u jsaħħu l-kapaċitajiet ta' dawk li jaħdmu maż-żgħażagħ biex jisfruttaw għalkollox il-potenzjal tagħhom.

JISTIEDEN LILL-KUMMISSJONI BIEX:

26.

Tqajjem kuxjenza dwar l-intraprenditorija taż-żgħażagħ, inkluż fil-Portal taż-Żgħażagħ Ewropej, u tippreżenta prattiki tajbin dwar l-intraprenditorija taż-żgħażagħ (possibbilment b'rabta mal-ġimgħa Ewropea tal-SMEs).

27.

Tniedi riċerka jew studju u żżid l-għarfien dwar l-intraprenditorija taż-żgħażagħ, b'attenzjoni fuq imprendituri żgħażagħ, intraprenditoriji soċjali u impjiegi ekoloġiċi u r-rwol taż-żgħażagħ f'dan ir-rigward.

28.

Issaħħaħ il-kooperazzjoni attiva fost imprendituri żgħażagħ mas-sħab kummerċjali u soċjali rilevanti u partijiet interessati oħra, inkluż permezz tal-programm Erasmus + il-programmi Erasmus għall-imprendituri żgħażagħ.


(1)  Fil-fatt, aktar minn 99 % tan-negozji Ewropej kollha huma SMEs. Huma jipprovdu żewġ impjiegi minn kull tlieta fis-settur privat u jikkontribwixxu għal aktar minn nofs il-valur miżjud totali maħluq min-negozji fl-UE (Kummissjoni Ewropea – paġna ewlenija tas-sit elettroniku tad-DĠ Intrapriża u Industrija).

(2)  L-ekonomija soċjali timpjega 'l fuq minn 14,51 miljun persuna fl-UE, li jammontaw għal 6,5 % tal-impjiegi totali. Hija tkopri korpi bi status legali speċjali (kooperattivi, fondazzjonijiet, assoċjazzjonijiet, soċjetajiet reċiproċi) kif ukoll intrapriżi soċjali fil-forma ta' kumpannija privata jew pubblika b'responsabbiltà limitata (Inizjattiva ta' Negozju Soċjali - SEC (2011)1278 final).

(3)  Is-setturi kulturali jammontaw għal 4,5 % tal-PDG Ewropew u jimpjegaw kważi tmien miljun ħaddiem ( Il-promozzjoni tas-setturi kulturali u kreattivi għal tkabbir u l-impjiegi fl-UE COM(2012) 537 final).

(4)  Intrapriża soċjali hija operatur fl-ekonomija soċjali li l-għan prinċipali tagħha huwa li jkollha impatt soċjali aktar milli biex tagħmel profitt għas-sidien jew l-azzjonisti tagħha. Din topera billi tipprovdi oġġetti u servizzi għas-suq b’mod intraprenditorjali u innovattiv u tuża l-profitti tagħha primarjament biex tikseb għanijiet soċjali. Hija amministrata b’mod miftuħ u responabbli u, b'mod partikolari, tinvolvi l-impjegati, il-konsumaturi u l-partijiet interessati affettwati mill-attivitajiet kummerċjali tagħha (Inizjattiva ta' Negozju Soċjali - SEC (2011)1278 final).


Top