Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 42014Y0614(03)

Riżoluzzjoni tal-Kunsill u tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, imlaqqgħin fil-Kunsill, tal-21 ta' Mejju 2014 dwar Pjan ta' Ħidma tal-Unjoni Ewropea għall-Isport (2014–2017)

ĠU C 183, 14.6.2014, p. 12–17 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

14.6.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 183/12


Riżoluzzjoni tal-Kunsill u tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, imlaqqgħin fil-Kunsill, tal-21 ta' Mejju 2014 dwar Pjan ta' Ħidma tal-Unjoni Ewropea għall-Isport (2014–2017)

2014/C 183/03

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA U R-RAPPREŻENTANTI TAL-GVERNIJIET TAL-ISTATI MEMBRI,

I.   INTRODUZZJONI

1.

IFAKKRU fil-kompetenza assenjata lill-Unjoni Ewropea, b'mod partikolari mill-Artikolu 6 u l-Artikolu 165 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li skont huma l-isport huwa qasam fejn l-azzjoni fil-livell tal-UE għandha tappoġġa, tikkoordina u tissupplimenta l-azzjonijiet tal-Istati Membri.

2.

IFAKKRU r-Riżoluzzjoni tal-Kunsill u tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, imlaqqgħin fil-Kunsill, dwar Pjan ta' Ħidma tal-Unjoni Ewropea għall-Isport għall-2011–2014 (1).

3.

JILQGĦU r-Rapport mill-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Ħidma tal-Unjoni Ewropea għall-Isport 2011–2014 (2).

4.

JIRRIKONOXXU li l-isport jista' jikkontribwixxi għall-kisba tal-objettivi tal-Istrateġija Ewropa 2020 għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv.

5.

IFAKKRU fir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tat-18 ta' Novembru 2010 fejn il-Kunsill qabel li jsejjaħ, fuq bażi regolari, ġeneralment fil-marġini tal-laqgħa tal-Kunsill, laqgħa informali ta' rappreżentanti prinċipali tal-awtoritajiet pubbliċi tal-UE u l-moviment tal-isport bil-għan li jsir skambju ta' fehmiet dwar kwistjonijiet ta' sport fl-UE (3).

6.

JAQBLU li jkomplu jiżviluppaw qafas ta' kooperazzjoni Ewropea fil-qasam tal-isport bl-istabbiliment tat-tieni Pjan ta' Ħidma tal-UE dwar l-Isport, fuq medda ta' tliet snin, għall-azzjoni tal-Istati Membri u l-Kummissjoni.

7.

JAQBLU li l-attivitajiet fil-livell tal-UE fil-qasam tal-isport għandhom jiffokaw fuq it-temi ta’ prijorità, it-temi ewlenin, ir-riżultati u l-metodi ta’ ħidma u l-istrutturi elenkati f’dan il-Pjan ta’ Ħidma, u kif stipulat fl-Anness I.

8.

JIEĦDU NOTA tal-Ewrobarometru tal-2013 dwar l-Isport u l-Attività Fiżika u jirrikonoxxu d-differenzi kbar fost l-Istati Membri, inklużi r-riżultati fuq ix-xogħol volontarju u l-imġiba sedentarja.

II.   AKTAR ŻVILUPP TAD-DIMENSJONI EWROPEA FL-ISPORT BL-ISTABBILIMENT TA' PJAN TA' ĦIDMA TAL-UE

9.

IQISU li Pjan ta' Ħidma ta' tliet snin tal-UE dwar l-Isport għandu jkun irregolat mill-prinċipji ta' gwida li ġejjin:

il-promozzjoni ta' approċċ kooperattiv u miftiehem fost l-Istati Membri u l-Kummissjoni għall-kisba ta' valur miżjud fil-qasam tal-isport fil-livell tal-UE fuq perijodu aktar fit-tul;

l-indirizzar tal-isfidi transnazzjonali bl-użu ta' approċċ ikkoordinat tal-UE;

il-kunsiderazzjoni tan-natura speċifika tal-isport;

ir-riflessjoni tal-ħtieġa li l-isport jiġi integrat f'politika oħra tal-UE;

il-ħidma għal politika tal-isport ibbażata fuq l-evidenza;

il-kontribut għall-prijoritajiet ġenerali tal-aġenda tal-politika ekonomika u soċjali tal-UE, b'mod partikolari l-Istrateġija Ewropa 2020;

il-bini fuq il-kisbiet tal-ewwel Pjan ta' Ħidma tal-UE għall-Isport;

l-ikkomplementar u t-tisħiħ tal-impatt ta’ attivitajiet imnedijin taħt il-programm Erasmus+ fil-qasam tal-isport.

10.

JISSOTTOLINJAW li dan il-Pjan ta' Ħidma tal-UE għandu jkun qafas flessibbli li jista' jirrispondi, meta meħtieġ, għal żviluppi fil-qasam tal-isport.

11.

JAQBLU li t-temi u t-temi ewlenin li ġejjin għandhom jingħataw prijorità mill-Istati Membri u l-Kummissjoni għall-perijodu kopert mill-Pjan ta' Ħidma preżenti. Dawn jistgħu jiġu kkomplementati minn kull Presidenza fid-dawl ta' kwalunkwe żvilupp ġdid li jista' jkun hemm:

1)

L-integrità tal-isport, b'mod partikolari l-antidoping, il-ġlieda kontra t-tbagħbis tal-logħob, il-protezzjoni tal-minorenni, il-governanza tajba u l-ugwaljanza bejn is-sessi;

2)

Id-dimensjoni ekonomika tal-isport, b’mod partikolari l-finanzjament sostenibbli tal-isport, il-wirt ta’ avvenimenti sportivi maġġuri, il-benefiċċji ekonomiċi tal-isport u l-innovazzjoni;

3)

L-isport u s-soċjetà, b'mod partikolari l-HEPA, il-volontarjat, l-impjiegi fl-isports kif ukoll l-edukazzjoni u t-taħriġ fl-isport.

12.

JAQBLU li l-Pjan ta' Ħidma jista' jiġi rivedut mill-Kunsill u r-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, imlaqqgħin fil-Kunsill fid-dawl ta' riżultati miksubin u żviluppi ta' politika fil-livell tal-UE.

III.   METODI TA’ ĦIDMA U STRUTTURI

13.

JIRRIKONOXXU li:

Jeħtieġ li tissokta l-kooperazzjoni dwar l-isport fil-kuntest tal-UE stabbilita wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona, fuq il-bażi tal-prinċipji ta' gwida elenkati fit-Taqsima II ta' dan il-Pjan ta' Ħidma;

Jeħtieġ ukoll li l-UE taħdem mill-qrib mal-moviment tal-isport u organizzazzjonijiet kompetenti rilevanti f'livelli nazzjonali, Ewropej u internazzjonali bħall-Kunsill tal-Ewropa u l-WADA, b'mod partikolari permezz tad-djalogu strutturat.

14.

JAQBLU li

L-istrutturi u l-metodi ta’ ħidma differenti għandhom jiġu stabbiliti għas‐segwitu tal-kisbiet mill-ewwel Pjan ta’ Ħidma tal-UE u għall-iżvilupp ta' eżiti ġodda f’konformità mat-temi ta' prijorità u t-temi ewlenin, kif stabbiliti fit-Taqsima II hawn fuq;

Għalhekk, ħames “Gruppi ta' Esperti”, b'esperti maħturin mill-Istati Membri, ser jiġu stabbiliti, li jkopru t-temi li ġejjin: it-tbagħbis tal-logħob, il-governanza tajba, id-dimensjoni ekonomika, il-HEPA u l-iżvilupp tar-riżorsi umani fl-isport. Il-prinċipji marbutin mas-sħubija u l-funzjonament ta' dawn il-gruppi jinsabu fl-Anness II;

Minbarra dawn il-gruppi ta' esperti, strutturi u metodi ta' ħidma oħrajn jistgħu jinkludu eż. konferenzi tal-Presidenza, laqgħat ta' Diretturi u Ministri tal-Isport, studji u konferenzi tal-Kummissjoni, kif ukoll pledge boards (4).

Fl-ewwel nofs tal-2017, l-implimentazzjoni tal-Pjan ta' Ħidma preżenti ser tiġi evalwata mill-Kunsill fuq il-bażi ta' rapport imħejji mill-Kummissjoni sa Novembru 2016.

IV.   AKTAR PASSI

15.

JISTIEDNU LILL-ISTATI MEMBRI SABIEX:

jaħdmu flimkien mal-Kummissjoni u bl-użu ta' strutturi u metodi ta' ħidma speċifikati minn din ir-Riżoluzzjoni;

filwaqt li jirrispettaw il-prinċipju ta' sussidjarjetà u l-awtonomija tal-istrutturi governattivi tal-isport, jieħdu kont debitu ta' dan il-Pjan ta' Ħidma meta jkunu qed jiżviluppaw linji ta' politika fil-livell nazzjonali;

jinformaw regolarment, u fejn xieraq jikkonsultaw magħhom, lill-partijiet interessati fl-isport dwar il-progress li jkun sar bl-implimentazzjoni tal-Pjan ta' Ħidma tal-UE, sabiex jiġu żgurati r-rilevanza u l-viżibilità tal-attivitajiet.

16.

JISTIEDNU LILL-PRESIDENZI TAL-KUNSILL:

jieħdu kont, fil-kuntest tat-Triju ta' Presidenzi, tat-temi ta' prijorità tal-Pjan ta' Ħidma tal-UE meta jiżviluppaw il-programm tagħhom, jirrapportaw dwar l-implimentazzjoni tal-Pjan ta' Ħidma u jibnu fuq ir-riżultati miksubin;

jinformaw lill-Istati Membri dwar il-ħidma attwali jew ippjanata f’formazzjonijiet oħrajn tal-Kunsill li għandha impatt fuq l-isport;

fi tmiem it-tliet snin koperti minn din ir-Riżoluzzjoni, u abbażi ta' Rapport imħejji mill-Kummissjoni, jipproponu Pjan ta' Ħidma ġdid għall-perijodu li jmiss, jekk ikun meħtieġ.

17.

JISTIEDNU LILL-KUMMISSJONI:

taħdem mal-Istati Membri fl-implimentazzjoni ta' dan il-Pjan ta' Ħidma, b'mod partikolari rigward ir-riżultati deskritti fl-Anness I;

tinforma lill-Istati Membri dwar inizjattivi li għaddejjin jew ippjanati f'oqsma ta' politika oħrajn tal-UE li jħallu impatt fuq l-isport u żviluppi rispettivi fil-Kummissjoni;

tappoġġa lill-Istati Membri [u atturi rilevanti oħra] fil-kooperazzjoni fi ħdan il-qafas stipulat f'din ir-Riżoluzzjoni, b'mod partikolari billi:

teżamina l-mezzi biex tiffaċilita l-iktar parteċipazzjoni wiesgħa ta' Stati Membri u esperti, kif ukoll tistieden rappreżentanti mill-moviment sportiv u partijiet interessati oħrajn fl-istrutturi ta' ħidma msemmija fl-Anness I, filwaqt li tiżgura livell għoli u koerenti ta' rappreżentanza;

tistabbilixxi, kif meħtieġ, gruppi ta' esperti li jipprovdu livell għoli ta' għarfien espert rilevanti, kif ukoll forom oħrajn ta' appoġġ għall-promozzjoni tal-iskambju ta' fehmiet u tagħlim bejn il-pari, kif ukoll għall-bini ta' għarfien (eż. studji);

tiffaċilita d-djalogu strutturat dwar l-isport, fost l-oħrajn l-organizzazzjoni fuq bażi annwali tal-Forum tal-UE dwar l-Isport, filwaqt li tlaqqa' l-partijiet interessanti ewlenin kollha fil-livelli differenti tal-isport;

tuża riżorsi finanzjarji tal-programm Erasmus+ u programmi rilevanti oħrajn tal-UE biex tappoġġa t-temi ta’ prijorità u t-temi ewlenin korrispondenti stabbiliti minn dan il-Pjan ta’ Ħidma;

tadotta, sa Novembru 2016 u fuq il-bażi ta' kontributi volontarji mill-Istati Membri, Rapport dwar l-implimentazzjoni u r-rilevanza tal-Pjan ta' Ħidma. Dan ir-Rapport ser ikun il-bażi għat-tħejjija ta' Pjan ta' Ħidma possibbli tal-UE matul l-ewwel nofs tal-2017;

fejn xieraq, tagħmel ir-riżultati miksubin fl-istrutturi ta' ħidma pubblikament disponibbli.

18.

JISTIEDNU LILL-ISTATI MEMBRI, LILL-KUMMISSJONI U LILL-PRESIDENZI, FL-AMBITU TAL-KOMPETENZI RISPETTIVI TAGĦHOM, BIR-RISPETT DOVUT GĦALL-PRINĊIPJU TAS-SUSSIDJARJETÀ:

ikomplu jikkooperaw mill-qrib b'konformità mal-Annessi I u II ta' din ir-Riżoluzzjoni;

iqisu l-isport meta jifformulaw, jimplimentaw u jevalwaw il-politika u l-azzjonijiet f'oqsma ta' politika oħrajn, b'attenzjoni partikolari biex tiġi żgurata l-inklużjoni bikrija u effettiva fil-proċess tal-iżvilupp tal-politika;

jippromwovu rikonoxximent aħjar għall-kontribut tal-isport għall-għanijiet ġenerali tal-Istrateġija Ewropa 2020 meta jitqies il-potenzjal kbir tas-settur li jikkontribwixxi għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv u impjiegi ġodda, u meta jitqiesu l-effetti pożittivi tiegħu fuq l-inklużjoni soċjali, l-edukazzjoni u t-taħriġ kif ukoll is-saħħa pubblika u t-tixjiħ attiv.

irawmu kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi, b'mod partikolari pajjiżi kandidati u kandidati potenzjali tal-UE, u l-organizzazzjonijiet internazzjonali kompetenti fil-qasam tal-isport inkluż il-Kunsill tal-Ewropa.


(1)  ĠU C 162, 1.6.2011, p. 1.

(2)  5842/14.

(3)  ĠU C 322, 27.11.2010, p. 1.

(4)  Pledge board: Strument fejn prinċipalment organizzazzjonijiet sportivi jistgħu volontarjament jagħmlu pubbliku l-impenn tagħhom għal ċerti kwistjonijiet, eż. għall-prinċipji ta’ governanza tajba jew għall-miri tal-ugwaljanza bejn is-sessi (ara l-Anness I). Il-Kummissjoni ser tippreżenta proposta lill-Grupp ta’ Ħidma tal-Kunsill dwar l-isport dwar l-istabbiliment u l-funzjonament ta’ pledge boards fit-tieni nofs tal-2014.


ANNESS I

Temi ewlenin (paragrafu 11), riżultati mitlubin u strutturi ta’ ħidma korrispondenti

Temi ewlieni

Eżitu u data ppjanata

Struttura ta' ħidma

L-integrità tal-isport

Antidoping (1)

Rakkomandazzjonijiet tal-Grupp ta' Esperti dwar id-doping fl-isport rikreattiv u l-prevenzjoni tad-doping: L-iskambju tal-aħjar prattiki u t-tagħlim bejn il-pari (it-tieni nofs tal-2015)

Diretturi Ġenerali għall-Isport

Tbagħbis tal-logħob

L-iskambju tal-aħjar prattiki rigward il-ġlieda kontra t-tbagħbis tal-logħob, b’mod partikolari dwar Rakkomandazzjoni possibbli tal-Kummissjoni dwar l-aħjar prattiki fil-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-tbagħbis tal-logħob marbut mal-imħatri, segwita minn rapport dwar is-sitwazzjoni attwali (l-ewwel nofs tal-2016)

Grupp ta' Esperti dwar it-Tbagħbis tal-logħob

Il-protezzjoni u s-salvagwardja ta’ minorenni

It-tħejjija ta’ Rakkomandazzjonijiet ta' Grupp ta’ esperti għall-protezzjoni ta’ atleti żgħażagħ u s-salvagwardja tad-drittijiet tat-tfal fl-isport (l-ewwel nofs tal-2016)

Grupp ta' Esperti dwar il-Governanza tajba

Il-Governanza tajba

It-tħejjija ta’ prinċipji ta’ gwida relatati mad-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem u d-drittijiet tax-xogħol, b’mod partikolari fil-kuntest tal-proċedura tal-għoti ta’ avvenimenti sportivi ewlenin, possibbilment segwita permezz ta’ pledge board (it-tieni nofs tal-2015)

Il-Promozzjoni ta’ prinċipji ta’ governanza tajba eżistenti, possibbilment segwita minn pledge board (l-ewwel nofs tal-2016)

 

L-ugwaljanza bejn is-sessi

It-tħejjija ta’ rakkomandazzjonijiet ta' Grupp ta’ Esperti jew il-linji gwida dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi fl-isport, possibbilment segwiti minn pledge board (it-tieni nofs tal-2015)

 

Id-dimensjoni ekonomika tal-isport

Il-benefiċċji ekonomiċi tal-isport

It-tħejjija ta’ rakkomandazzjonijiet ta' Grupp ta’ Esperti biex jitkejlu l-benefiċċji ekonomiċi tal-isport fl-UE bbażat fuq il-ħidma li għaddejja biex jiġi mħeġġeġ l-istabbiliment ta’ SSA fl-Istati Membri (it-tieni nofs tal-2015)

Grupp ta' Esperti dwar id-Dimensjoni ekonomika

Il-wirt ta’ avvenimenti sportivi maġġuri

It-tħejjija ta’ rakkomandazzjonijiet ta' Grupp ta’ Esperti dwar avvenimenti sportivi maġġuri, b’mod partikolari dwar l-aspetti tal-wirt b’enfasi fuq is-sostenibbiltà soċjali, ekonomika u ambjentali (it-tieni nofs tal-2015)

 

Il-finanzjament sostenibbli tal-isport

It-tħejjija ta’ gwida prattika dwar kif tinkoraġġixxi l-investiment trasparenti u fit-tul fl-isport, inkluż il-finanzjament tal-UE, ibbażat inter alia fuq ir-rakkomandazzjonijiet tal-2012 dwar finanzjament sostenibbli għall-isport, inkluża l-għajnuna mill-Istat (l-ewwel nofs tal-2016)

 

L-isport u s-soċjetà

L-attività fiżika li ttejjeb is-saħħa

It-tħejjija ta’ rakkomandazzjonijiet ta' Grupp ta’ Esperti biex tiġi inkoraġġita l-edukazzjoni fiżika fl-iskejjel, inklużi ħiliet motorji fit-tfulija bikrija, u biex jinħolqu interazzjonijiet ta’ valur mas-settur tal-isport, l-awtoritajiet lokali u s-settur privat (l-ewwel nofs tal-2015)

Koordinazzjoni tal-implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-HEPA (it-tieni nofs tal-2016)

Grupp ta' Esperti dwar il-HEPA

L-edukazzjoni, it-taħriġ, ix-xogħol u l-volontarjat

It-tħejjija ta’ rakkomandazzjonijiet ta' Grupp ta’ Esperti biex jiġi inkoraġġut il-volontarjat fl-isport, inklużi l-aħjar prattiki dwar il-mekkaniżmi legali u fiskali (it-tieni nofs tal-2015 jew it-tieni nofs tal-2014)

L-iskambju tal-aħjar prattiki u rapport dwar is-sitwazzjoni attwali rigward l-inklużjoni tal-kwalifiki tal-isport fil-QNK b’referenza għall-QEK (it-tieni nofs tal-2016)

It-tħejjija ta’ rakkomandazzjonijiet ta' Grupp ta’ Esperti dwar il-kontribut tal-isport għall-impjegabilità taż-żgħażagħ, inklużi atleti rġiel u nisa professjonali, u l-ħolqien ta' impjiegi fis-suq tax-xogħol tal-isport u relatat mal-isport. (it-tieni nofs tal-2016)

It-tħejjija ta’ gwida prattika dwar il-konformità tal-kwalifiki nazzjonali mal-istandards internazzjonali tal-kwalifiki tal-federazzjoni internazzjonali tal-isport (it-tieni nofs tal-2015)

It-tħejjija ta’ rapport dwar is-sitwazzjoni attwali rigward l-implimentazzjoni tal-Linji Gwida tal-UE dwar Karrieri Doppji (l-ewwel nofs tal-2017)

Grupp ta’ Esperti dwar il-Ġestjoni tar-Riżorsi Umani fl-Isport


(1)  Il-Kunsill (il-Grupp ta’ Ħidma dwar l-Isport/Coreper) ser ikompli jikkoordina l-pożizzjonijiet tal-Istati Membri tal-UE qabel il-laqgħat tal-WADA.


ANNESS II

Prinċipji relatati mas-sħubija u l-funzjonament tal-ħames gruppi ta' esperti stabbiliti mill-Istati Membri u l-Kummissjoni fil-qafas tat- tieni Pjan ta' Ħidma tal-UE għall-Isport — 2014–2017

Sħubija

Is-sehem tal-Istati Membri fil-ħidma tal-gruppi hija volontarja u l-Istati Membri jistgħu jissieħbu fihom meta jridu.

L-Istati Membri interessati li jieħdu sehem fil-ħidma tal-gruppi jinnominaw esperti bħala membri tal-gruppi rispettivi. L-Istati Membri ser jiżguraw li l-esperti nnominati jkollhom esperjenza rilevanti fil-qasam rilevanti fil-livell nazzjonali u jiżguraw komunikazzjoni effettiva mal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti. Il-Kummissjoni ser tikkoordina l-eżerċizzju tan-nominazzjoni.

Kull grupp ta' esperti jista' jiddeċiedi li jistieden lil parteċipanti oħrajn: esperti indipendenti, rappreżentanti tal-moviment tal-isport u partijiet interessati oħrajn, kif ukoll rappreżentanti ta' pajjiżi terzi Ewropej. Kull grupp ta’ esperti jista’ jipproponi li jżid parteċipanti oħrajn għall-perijodu kollu tax-xogħol bir-rekwiżit li s-sħubija tagħhom tkun approvata b’mod unanimu mill-grupp ta’ esperti.

Proċeduri ta' ħidma

Biex jiġi implimentat dan il-Pjan ta' Ħidma, kull grupp ta' esperti ser ikun responsabbli milli jaħtar il-president jew il-kopresidenti tiegħu fl-ewwel laqgħa tal-grupp ta' esperti wara l-adozzjoni tal-Pjan ta' Ħidma. L-elezzjoni tal-Presidenti ser issir b’mod miftuħ u trasparenti kkoordinat mill-Kummissjoni li taġixxi bħala s-segretarjat tal-gruppi ta’ esperti.

Kull grupp ta’ esperti ser iħejji skeda tax-xogħol skont dan il-Pjan ta’ Ħidma u ser jikkonċentra fuq il-kisba ta’ riżultati konkreti u utilizzabbli f’konformità mal-Anness I.

L-Istati Membri jingħataw opportunità biex jiggwidaw lill-gruppi ta' esperti sabiex jiggarantixxu l-eżitu u l-iskeda ta' żmien mixtieqa, kif ukoll il-koordinazzjoni tal-ħidma tal-gruppi.

Il-Kunsill u r-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, imlaqqgħin fil-Kunsill, ser jiddeċiedu jekk huwiex xieraq li jipproponu azzjonijiet ġodda għall-gruppi ta' esperti.

Il-Kummissjoni tagħti opinjoni esperta, kif ukoll appoġġ loġistiku u segretarjali għall-ħidma tal-gruppi. Kemm jista' jkun, hija tappoġġa lill-gruppi b'mezzi oħra adatti (fosthom studji rilevanti għall-qasam ta' ħidma tagħhom).

Il-gruppi ta' esperti ser jiltaqgħu fi Brussell bħala regola ewlenija, iżda jistgħu jorganizzaw laqgħat barra Brussell meta jiġu mistiedna minn Stat Membru biex jagħmlu hekk.

Il-gruppi ta' esperti ser jiltaqgħu darbtejn f'sena bħala regola ewlenija, iżda jistgħu jadottaw skeda ta' żmien differenti jekk ikun meħtieġ.

Rappurtaġġ u informazzjoni

Il-presidenti tal-gruppi ta' esperti ser jirrapportaw lill-Grupp ta' Ħidma dwar l-Isport rigward il-progress tal-ħidma fil-gruppi ta' esperti rispettivi u r-riżultati tagħhom.

L-aġendi tal-laqgħat u r-rapporti tal-laqgħat tal-gruppi kollha ser ikunu disponibbli għall-Istati Membri kollha, irrispettivament minn kemm jipparteċipaw f'qasam partikolari. Ir-riżultati tal-gruppi ser jiġu ppubblikati.

Ir-riżultati mill-gruppi ta' esperti ser jintużaw fir-rapport mill-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-Pjan ta' Ħidma.


Top