EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32023R1428

Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2023/1428 tas-7 ta’ Lulju 2023 li jemenda l-Anness tar-Regolament (UE) Nru 231/2012 rigward il-mono- u d-digliċeridi tal-aċidi grassi (E471) (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

C/2023/4482

ĠU L 175, 10.7.2023, p. 6–11 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2023/1428/oj

10.7.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 175/6


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2023/1428

tas-7 ta’ Lulju 2023

li jemenda l-Anness tar-Regolament (UE) Nru 231/2012 rigward il-mono- u d-digliċeridi tal-aċidi grassi (E471)

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1333/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar l-addittivi tal-ikel (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 14 tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 231/2012 (2) jistabbilixxi l-ispeċifikazzjonijiet għall-addittivi tal-ikel elenkati fl-Annessi II u III tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008.

(2)

L-ispeċifikazzjonijiet għall-addittivi tal-ikel jistgħu jiġu aġġornati f’konformità mal-proċedura komuni msemmija fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament (KE) Nru 1331/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni jew wara li ssir applikazzjoni minn Stat Membru jew minn parti interessata.

(3)

Il-mono- u d-digliċeridi tal-aċidi grassi (E471) hija sustanza awtorizzata f’oġġetti tal-ikel diversi, f’konformità mal-Annessi II u III tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008.

(4)

Fis-26 ta’ Settembru 2017, l-Awtorità ħarġet opinjoni xjentifika dwar l-evalwazzjoni mill-ġdid tal-mono- u d-digliċeridi tal-aċidi grassi (E471) bħala addittiv tal-ikel (4), fejn ikkonkludiet li ma kienx hemm bżonn ta’ konsum aċċettabbli ta’ kuljum numeriku u li l-addittiv tal-ikel ma kien qajjem ebda tħassib għas-sikurezza meta jintuża fl-ikel għall-popolazzjoni ġenerali. L-awtorità esprimiet il-fehma li l-użi fl-ikel għat-trabi taħt l-età ta’ 16-il ġimgħa jkunu jeħtieġu valutazzjoni tar-riskju speċifika. L-Awtorità rrakkomandat xi modifiki fl-ispeċifikazzjonijiet għall-addittiv tal-ikel E471 stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 231/2012.

(5)

Wara l-pubblikazzjoni ta’ dik l-opinjoni xjentifika, bħala parti mill-valutazzjoni mill-ġdid tas-sikurezza tal-addittivi tal-ikel permessi fil-kategorija tal-ikel 13.1 (ikel għat-trabi u għat-tfal iż-żgħar) tal-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008, il-Kummissjoni talbet lill-Awtorità tindirizza l-lakuni fid-data speċifikati fir-rakkomandazzjonijiet ta’ dik l-opinjoni xjentifika.

(6)

Fid-29 ta’ Novembru 2018, l-Awtorità nediet sejħa pubblika għal data teknika u tossikoloġika dwar l-addittiv tal-ikel E471. Dan offra l-opportunità lill-partijiet interessati jipprovdu l-informazzjoni mitluba għat-tlestija tal-valutazzjoni tar-riskju tagħha ta’ E471 bħala addittiv tal-ikel fl-ikel għall-gruppi kollha tal-popolazzjoni u li jivvalutaw is-sikurezza tiegħu meta jintuża fl-ikel għat-trabi ta’ taħt is-16-il ġimgħa.

(7)

Fl-2020, kien hemm notifika tal-RASFF dwar sejbiet ta’ livelli għoljin ta’ esteri tal-aċidi grassi gliċidiliċi ġenotossiċi u karċinoġeniċi (espressi bħala gliċidol) fl-addittiv tal-ikel E471 użat fil-produzzjoni ta’ dilka għall-ħobż. Abbażi ta’ dik in-notifika u sakemm isiru r-rakkomandazzjonijiet tal-Awtorità għall-iffissar tal-limiti massimi għall-esteri gliċidiliċi tal-aċidi grassi fl-addittiv tal-ikel, ittieħdu azzjonijiet ta’ segwitu abbażi tal-Artikolu 14 tar-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5). F’kampjuni kummerċjali tal-addittiv tal-ikel analizzati mill-industrija bi tweġiba għas-sejħa għad-data matul l-istess perjodu instabet firxa wiesgħa ta’ konċentrazzjonijiet u livelli għoljin ta’ esteri gliċidiliċi (espressi bħala gliċidol).

(8)

Meta jitqies li l-addittiv tal-ikel E 471 huwa awtorizzat fil-kwantitajiet quantum satis fil-kategoriji tal-ikel li għalihom huwa previst li jiġu ffissati livelli massimi għall-preżenza tal-esteri gliċidiliċi tal-aċidi grassi, jew li diġà huma fis-seħħ, jenħtieġ li jiġu stabbiliti l-livelli massimi għall-esteri gliċidiliċi tal-aċidi grassi (espressi bħala gliċidol) fl-addittiv tal-ikel E471 biex jiġi evitat it-tqegħid fis-suq ta’ ikel mhux sikur.

(9)

Fl-opinjoni xjentifika tagħha adottata fit-30 ta’ Settembru 2021 (6), l-Awtorità kkonkludiet li ma hemmx lok ta’ tħassib dwar is-sikurezza meta l-addittiv tal-ikel E471 jintuża fil-kategoriji tal-ikel 13.1.1 (formuli tat-trabi) u 13.1.5.1 (ikel djetetiku għat-trabi għal skopijiet mediċi speċjali u formuli speċjali għat-trabi) tal-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 u f’konformità mal-Anness III ta’ dak ir-Regolament. L-awtorità rrakkomandat li l-ispeċifikazzjonijiet attwali għall-mono- u d-digliċeridi tal-aċidi grassi (E471) jiġu adattati, b’mod partikolari billi jitnaqqsu l-limiti massimi għall-elementi tossiċi u jiddaħħlu l-limiti massimi għall-impuritajiet u għall-kostitwenti li jqajmu tħassib dwar is-sikurezza.

(10)

Għalhekk, fid-dawl tar-rakkomandazzjoni tal-Awtorità u l-livelli massimi għal ċerti kontaminanti fl-ikel kif stabbiliti fir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2023/915 (7), jixraq li jiġu emendati l-ispeċifikazzjonijiet għall-mono- u d-digliċeridi tal-aċidi grassi (E471). Id-definizzjoni tal-addittiv tal-ikel jenħtieġ li tiġi emendata sabiex l-użu tal-gliċerol għall-produzzjoni tal-addittiv tal-ikel jiġi ristrett għall-gliċerol li jikkonforma mal-ispeċifikazzjonijiet tal-addittiv tal-ikel E422. Jenħtieġ li jiġi stabbilit kontenut massimu ta’ aċidu eruċiku fl-entrata attwali “assaġġ” għall-mono- u d-digliċeridi tal-aċidi grassi (E471). Jenħtieġ li jitnaqqsu l-limiti massimi attwali għall-arseniku, għaċ-ċomb, għall-merkurju u għall-kadmju u li jiġu stabbiliti l-limiti massimi għas-somma ta’ 3-monokloropropandiol (3-MCPD) u tal-esteri tat-3-MCPD tal-aċidi grassi (espressi bħala 3-MCPD), u għall-esteri gliċidiliċi tal-aċidi grassi (espressi bħala gliċidol) f’konformità mal-opinjoni tal-Awtorità. Sabiex jiġi eskluż esponiment għoli għal dawk l-impuritajiet u l-komponenti ta’ tħassib li jirriżultaw mill-konsum tal-ikel li fih l-addittiv tal-ikel E 471 minn konsumaturi vulnerabbli, jeħtieġ li jiġu stabbiliti limiti massimi aktar stretti għall-aċidu eruċiku u għas-somma ta’ 3-monokloropropanediol (3-MCPD) u tal-esteri tat-3-MCPD tal-aċidi grassi (espressi bħala 3-MCPD) applikabbli għall-ikel għat-trabi u għat-tfal iż-żgħar (8). Dawk il-limiti massimi jqisu l-livell li attwalment jista’ jinkiseb b’mod raġonevoli bl-applikazzjoni ta’ prattiki tajba ta’ manifattura.

(11)

Minħabba li qegħdin jiġu implimentati tekniki ġodda ta’ manifattura li jirriżultaw fil-produzzjoni ta’ mono- u digliċeridi tal-aċidi grassi (E471) b’livelli aktar baxxi tal-esteri gliċidiliċi tal-aċidi grassi (espressi bħala gliċidol), jixraq li l-manifatturi ta’ dan l-addittiv tal-ikel jingħataw perjodu tranżizzjonali biex jilħqu livell massimu ta’ 5 mg/kg għall-esteri gliċidiliċi tal-aċidi grassi (espressi bħala gliċidol) fl-addittiv tal-ikel E471. Madankollu, billi l-esteri gliċidiliċi tal-aċidi grassi għandhom il-potenzjal li jkun ġenotossiċi u karċinoġeniċi, jenħtieġ li japplika livell massimu intermedju ta’ 10 mg/kg għall-esteri gliċidiliċi tal-aċidi grassi (espressi bħala gliċidol) mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, minbarra fejn jintużaw fl-ikel għat-trabi u għat-tfal iż-żgħar.

(12)

Meta jitqies li l-Awtorità ma identifikatx tħassib immedjat dwar is-saħħa relatat mal-preżenza tal-elementi tossiċi, l-aċidu eruċiku, is-somma ta’ 3-monokloropropandiol (3-MCPD), u tal-esteri tat-3-MCPD tal-aċidi grassi, u l-esteri gliċidiliċi tal-aċidi grassi, jixraq li għal perjodu tranżizzjonali jiġi permess l-użu tal-addittiv tal-ikel mono- u digliċeridi tal-aċidi grassi E471 li tqiegħed fis-suq b’mod legali qabel id-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, u li jkun permess li l-oġġetti tal-ikel li jkun fihom dan l-addittiv, jibqgħu jitqiegħdu fis-suq fil-perjodu tranżizzjonali u jibqgħu fis-suq sad-data ta’ durabbiltà minima tiegħu jew “id-data sa meta jista’ jintuża l-aħħar”. Madankollu, minħabba l-vulnerabbiltà tat-trabi u tat-tfal iż-żgħar, l-addittiv tal-ikel mono- u digliċeridi tal-aċidi grassi (E471) li ma jikkonformax mal-livell massimu għall-esteri gliċidiliċi tal-aċidi grassi stabbilit f’dan ir-Regolament għall-użu fl-ikel għat-trabi u għat-tfal iż-żgħar ma għandux jitħalla jiżdied ma’ tali ikel wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament u jenħtieġ li l-kummerċjalizzazzjoni ta’ dawk l-oġġetti tal-ikel tkun permessa biss jekk ikunu diġà tqiegħdu fis-suq b’mod legali qabel dik id-data.

(13)

Għall-istess raġunijiet u meta jitqies il-kontenut imnaqqas fih ta’ esteri gliċidiliċi tal-aċidi grassi, jenħtieġ li l-addittiv tal-ikel mono- u digliċeridi tal-aċidi grassi (E471) li jikkonforma mal-livell massimu intermedju mnaqqas għall-esteri gliċidiliċi tal-aċidi grassi (espressi bħala gliċidol) jitħalla jintuża sakemm jispiċċaw l-istokkijiet, u l-oġġetti tal-ikel li fihom dan l-addittiv tal-ikel għandhom jitħallew jitqiegħdu fis-suq u jibqgħu fis-suq sad-data ta’ durabbiltà minima tagħhom, jew “id-data sa meta jistgħu jintużaw l-aħħar”.

(14)

Għaldaqstant jenħtieġ li r-Regolament (UE) Nru 231/2012 jiġi emendat skont dan.

(15)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness tar-Regolament (UE) Nru 231/2012 huwa emendat f’konformità mal-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

L-addittiv tal-ikel mono- u digliċeridi tal-aċidi grassi (E471) li jkun tqiegħed fis-suq b’mod legali qabel it-30 ta’ Lulju 2023 u li ma jikkonformax mal-limiti massimi għall-arseniku, għaċ-ċomb, għall-merkurju, għall-kadmju, għas-somma ta’ 3-monokloropropandiol (3-MCPD) u tal-esteri tat-3-MCPD tal-aċidi grassi (espressi bħala 3-MCPD), jew għall-aċidu eruċiku, applikabbli mit-30 ta’ Lulju 2023 jista’ jiżdied mal-ikel f’konformità mal-Annessi II u III tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 u mar-Regolament (UE) 2023/915 sat-30 ta’ Jannar 2024.

L-addittiv tal-ikel mono- u digliċeridi tal-aċidi grassi (E471) li jkun tqiegħed fis-suq legalment qabel it-30 ta’ Lulju 2023 u li ma jikkonformax mal-limiti massimi għall-esteri gliċidiliċi tal-aċidi grassi (espressi bħala gliċidol) applikabbli mit-30 ta’ Lulju 2023 jista’ jinżied mal-ikel, minbarra l-ikel għat-trabi u għat-tfal iż-żgħar, f’konformità mal-Annessi II u III tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 u mar-Regolament (UE) 2023/915 sat-30 ta’ Jannar 2024.

L-ikel li fih l-addittiv tal-ikel mono- u digliċeridi tal-aċidi grassi (E471) li jkun tqiegħed fis-suq legalment qabel it-30 ta’ Lulju 2023 u li ma jikkonformax mal-limiti massimi għall-arseniku, għaċ-ċomb, għall-merkurju, għall-kadmju, għas-somma ta’ 3-monokloropropandiol (3-MCPD) u tal-esteri tat-3-MCPD tal-aċidi grassi (espressi bħala 3-MCPD) jew għall-aċidu eruċiku, applikabbli mit-30 ta’ Lulju 2023 jista’ jibqa’ jitqiegħed fis-suq sat-30 ta’ Jannar 2024 u jista’ jibqa’ jiġi kkummerċjaizzat sad-data ta’ durabbiltà minima tiegħu jew “id-data sa meta jista’ jintuża l-aħħar”.

L-ikel li fih l-addittiv tal-ikel mono- u digliċeridi tal-aċidi grassi (E471) li jkun tqiegħed fis-suq legalment qabel it-30 ta’ Lulju 2023 u li ma jikkonformax mal-limiti massimi għall-esteri gliċidiliċi tal-aċidi grassi (espressi bħala gliċidol) applikabbli mit-30 ta’ Lulju 2023 jista’ jibqa’ jitqiegħed fis-suq sat-30 ta’ Jannar 2024 u jista’ jibqa’ jiġi kkummerċjalizzat sad-data ta’ durabbiltà minima tiegħu jew “id-data sa meta jista’ jintuża l-aħħar”.

L-ikel għat-trabi u għat-tfal iż-żgħar li jkun tqiegħed fis-suq b’mod legali qabel it-30 ta’ Lulju 2023 u li fih l-addittiv tal-ikel mono- u digliċeridi tal-aċidi grassi (E471) li ma jikkonformax mal-limiti massimi tal-esteri gliċidiliċi tal-aċidi grassi (espressi bħala gliċidol) applikabbli mit-30 ta’ Lulju 2023 jista’ jibqa’ jiġi kkummerċjalizzat sad-data tad-durabbiltà minima tiegħu jew “id-data sa meta jista’ jintuża l-aħħar”.

L-addittiv tal-ikel mono- u digliċeridi tal-aċidi grassi (E471) li jkun tqiegħed fis-suq b’mod legali wara t-30 ta’ Lulju 2023 u sat-30 ta’ Jannar 2024 u li ma jikkonformax mal-limiti massimi għall-esteri gliċidiliċi tal-aċidi grassi (espressi bħala gliċidol) applikabbli mit-30 ta’ Jannar 2024 jista’ jinżied mal-ikel, minbarra l-ikel għat-trabi u għat-tfal iż-żgħar, f’konformità mal-Annessi II u III tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 sakemm jispiċċaw l-istokkijiet.

L-ikel, minbarra l-ikel għat-trabi u għat-tfal iż-żgħar, li fih l-addittiv tal-ikel mono- u digliċeridi tal-aċidi grassi (E471) li jkun tqiegħed fis-suq b’mod legali wara t-30 ta’ Lulju 2023 u sat-30 ta’ Jannar 2024 u li ma jikkonformax mal-limiti massimi għall-esteri gliċidiliċi tal-aċidi grassi (espressi bħala gliċidol) applikabbli mit-30 ta’ Jannar 2024 jista’ jibqa’ jitqiegħed fis-suq u jibqa’ jiġi kkummerċjalizzat sad-data ta’ durabbiltà minima tiegħu jew “id-data sa meta jista’ jintuża l-aħħar”.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-7 ta’ Lulju 2023.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 354, 31.12.2008, p. 16.

(2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 231/2012 tad-9 ta’ Marzu 2012 li jistabbilixxi l-ispeċifikazzjonijiet għall-addittivi tal-ikel elenkati fl-Annessi II u III tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 83, 22.3.2012, p. 1).

(3)  Ir-Regolament (KE) Nru 1331/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 li jistabbilixxi proċedura ta’ awtorizzazzjoni komuni għall-addittivi tal-ikel, l-enżimi tal-ikel u l-aromatizzanti tal-ikel (ĠU L 354, 31.12.2008, p. 1).

(4)  EFSA Journal 2017;15(11):5045.

(5)  Ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 178/2002 tat-28 ta’ Jannar 2002 li jistabilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel, li jistabilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u jistabbilixxi l-proċeduri fi kwistjonijiet ta’ sigurtà tal-ikel (ĠU L 31, 1.2.2002, p. 1).

(6)  EFSA Journal 2021;19(11):6885.

(7)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2023/915 tal-25 ta’ April 2023 dwar il-livelli massimi għal ċerti kontaminanti fl-ikel u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1881/2006 (ĠU L 119, 5.5.2023, p. 103).

(8)  Kif iddefinit fir-Regolament (UE) Nru 609/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Ġunju 2013 dwar ikel maħsub għat-trabi u t-tfal żgħar, ikel għal skopijiet mediċi speċjali, u bħala sostitut tad-dieta kollha għall-kontroll tal-piż u li jħassar id-Direttiva tal-Kunsill 92/52/KEE, id-Direttivi tal-Kummissjoni 96/8/KE, 1999/21/KE, 2006/125/KE u 2006/141/KE, id-Direttiva 2009/39/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolamenti tal-Kummissjoni (KE) Nru 41/2009 u (KE) Nru 953/2009 (ĠU L 181, 29.6.2013, p. 35).


ANNESS

Fl-Anness tar-Regolament (UE) Nru 231/2012, l-entrata għall-addittiv tal-ikel E 471 MONO- U DIGLIĊERIDI TAL-AĊIDI GRASSI hi sostitwita b’dan li ġej:

E 471 MONO- U DIGLIĊERIDI TAL-AĊIDI GRASSI

Sinonimi

 

Definizzjoni

Il-mono- u d-digliċeridi tal-aċidi grassi jikkonsistu minn taħlitiet ta’ mono-, di- u triesteri tal-gliċerol tal-aċidi grassi li jokkorru fiż-żjut u x-xaħmijiet tal-ikel. Dawn jista’ jkun fihom ammonti żgħar ta’ aċidi grassi ħielsa u gliċerol.

Il-gliċerol użat għall-manifattura tal-mono- u d-digliċeridi tal-aċidi grassi jenħtieġ li jikkonforma mal-ispeċifikazzjonijiet għall-E 422.

L-addittiv E 471 għandu jiġi prodott minn xaħmijiet u żjut li jikkonformaw mar-rekwiżiti tal-Unjoni dwar is-sikurezza tal-ikel għal xaħmijiet u żjut li jittieklu.

Einecs

 

Isem kimiku

 

Formula kimika

 

Piż molekolari

 

Assaġġ

Kontenut ta’ mono- u diesteri: mhux anqas minn 70 %

Kontenut tal-aċidu eruċiku, inkluż l-aċidu eruċiku marbut fil-mono/digliċerid:

Mhux aktar minn 0,2 % (biss jekk jiżdied mal-ikel għat-trabi u għat-tfal żgħar)

Mhux aktar minn 0,5 % (għall-użi kollha ħlief għall-ikel maħsub għat-trabi u għat-tfal żgħar)

Deskrizzjoni

Il-prodott ivarja minn likwidu żejtni isfar ċar jew kannella ċar għal solidu iebes qisu tax-xama’, abjad jew abjad kemxejn maħmuġ. Is-solidi jistgħu jkunu fl-għamla ta’ laqx, trabijiet jew żibeġ żgħar.

Identifikazzjoni

 

Spettru tal-assorbiment infrared

Karatteristika ta’ ester parzjali tal-aċidi grassi ta’ poljol

Test għall-gliċerol

Jgħaddi t-test

Test għall-aċidi grassi

Jgħaddi t-test

Solubbiltà

Insolubbli fl-ilma, solubbli fl-etanol u fit-toluwen f’50 °C

 

 

Purità

 

Kontenut ta’ ilma

Mhux aktar minn 2 % (metodu Karl Fischer)

Valur aċiduż

Mhux aktar minn 6

Gliċerol ħieles

Mhux aktar minn 7 %

Poligliċeroli

Mhux aktar minn 4 % ta’ digliċerol u mhux aktar minn 1 % ta’ poligliċeroli ogħla, it-tnejn ibbażati fuq il-kontenut totali tal-gliċerol

Arseniku

Mhux aktar minn 0,1 mg/kg

Ċomb

Mhux aktar minn 0,1 mg/kg

Merkurju

Mhux aktar minn 0,1 mg/kg

Kadmju

Mhux aktar minn 0,1 mg/kg

Somma ta’ 3-monokloropropandiol (3-MCPD) u esteri tal-aċidi grassi 3-MCPD, espressi bħala 3-MCPD

Mhux aktar minn 0,75 mg/kg (biss jekk jiżdied mal-ikel għat-trabi u għat-tfal żgħar)

Mhux aktar minn 2,5 mg/kg (għall-użi kollha ħlief ikel maħsub għat-trabi u għat-tfal żgħar)

Esteri gliċidiliċi tal-aċidi grassi, espressi bħala gliċidol

Mit-30 ta’ Lulju 2023 sat-30 ta’ Jannar 2024, mhux aktar minn 5 mg/kg jekk jiżdiedu mal-ikel għat-trabi u għat-tfal żgħar)

u mhux aktar minn 10 mg/kg għall-użi l-oħra kollha. Mit-30 ta’ Jannar 2024, mhux aktar minn 5 mg/kg għall-użi kollha.

Gliċerol totali

Mhux anqas minn 16 % u mhux aktar minn 33 %

Irmied sulfatat

Mhux aktar minn 0,5 % iddeterminat fi 800 ± 25 °C

Sapun

Il-kriterji tal-purità japplikaw għall-addittiv ħieles mill-imluħa tas-sodju, tal-potassju u tal-kalċju tal-aċidi grassi, madankollu dawn is-sustanzi jistgħu jkunu preżenti sa livell massimu ta’ 6 % (espress bħala oleat tas-sodju)”.


Top