Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32023R1046

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2023/1046 tat-30 ta’ Mejju 2023 li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 269/2014 dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna

ST/9577/2023/INIT

ĠU L 140I, 30.5.2023, p. 7–8 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2023/1046/oj

30.5.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

LI 140/7


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2023/1046

tat-30 ta’ Mejju 2023

li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 269/2014 dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 269/2014 tas-17 ta’ Marzu 2014 dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 14(1) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,

Billi:

(1)

Fis-17 ta’ Marzu 2014, il-Kunsill adotta r-Regolament (UE) Nru 269/2014.

(2)

L-Unjoni tibqa’ soda fl-appoġġ tagħha għas-sovranità u l-integrità territorjali tal-Ukrajna.

(3)

Fid-dawl tas-serjetà tas-sitwazzjoni, il-Kunsill iqis li żewġ persuni responsabbli għal azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna jenħtieġ li jiżdiedu mal-lista ta’ persuni fiżiċi u ġuridiċi, entitajiet u korpi soġġetti għal miżuri restrittivi li tinsab fl-Anness I għar-Regolament (UE) Nru 269/2014.

(4)

Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament (UE) Nru 269/2014 jiġi emendat skont dan,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness I għar-Regolament (UE) Nru 269/2014 huwa emendat skont f’konformità mal-Anness għal dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fid-data tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-30 ta’ Mejju 2023.

Għall-Kunsill

Il-President

J. ROSWALL


(1)   ĠU L 78, 17.3.2014, p. 6.


ANNESS

Il-persuni li ġejjin jiżdiedu mal-lista ta’ persuni fiżiċi u ġuridiċi, entitajiet u korpi li tinsab fl-Anness I għar-Regolament (UE) Nru 269/2014:

 

Persuni

 

Isem

Informazzjoni ta’ identifikazzjoni

Raġunijiet

Data tal-elenkar

“1500.

Aleksandr KALININ

(Александр КАЛИНИН)

Funzjoni: politikant, mexxej tal-Partit tar-Reġjuni tal-Moldova, kap tal-organizzazzjoni pubblika interreġjonali Kungress tad-Dijaspori Moldovani

Data tat-twelid: 16.2.1977

Post tat-Twelid: Balti, eks USSR (issa Republic of Moldova)

Sess: raġel

Nazzjonalita: Moldovana, Russa

Aleksandr Kalinin huwa politikant Moldovan, u l-mexxej tal-Partit tar-Reġjuni tal-Moldova. Mill-bidu tal-gwerra ta’ aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna, huwa vvjaġġa fiż-żoni okkupati tal-lvant tal-Ukrajna u pprovda appoġġ lill-forzi militari Russi. Barra minn hekk, ippromwova pubblikament is-simboli Russi tal-invażjoni tal-Ukrajna u l-azzjonijiet Russi fil-lvant tal-Ukrajna.

Għalhekk huwa responsabbli għall-appoġġ ta’ azzjonijiet u politiki li jipperikolaw jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna.

30.5.2023

1501.

Grigore CARAMALAC

magħruf ukoll bħala

Grigory Ivanovich KARAMALAK

(Григорий Иванович КАРАМАЛАК)

Funzjoni: negozjant; president tal-IFAVIS Foundation; viċi president tal-Federazzjoni Russa tal-Isports tal-Lotta;assistent tas-senatur għar-reġjun ta’ Kursk, Alexander Bryksin

Data tat-twelid: 21.5.1965

Post tat-Twelid: Taraclia, eks USSR (issa Republic of Moldova)

Sess: raġel

Nazzjonalita: Moldovana, Russa

Persuni assoċjati: Alexander Yuryevich Bryksin

Grigore Caramalac huwa negozjant Russu/Moldovan. Huwa jeżerċita kontroll fuq il-fondazzjoni tal-IFAVIS (il-Federazzjoni Russa), li permezz tagħha involva ruħu fl-organizzazzjoni ta’ avvenimenti patrijottiċi u sportivi fit-territorji okkupati fil-lvant tal-Ukrajna, bl-appoġġ tal-awtoritajiet tal-okkupazzjoni. Barra minn hekk, huwa l-assistent tas-senatur Russu għar-reġjun ta’ Kursk, Alexander Bryksin.

Huwa għalhekk responsabbli għall-appoġġ ta’ azzjonijiet u politiki li jipperikolaw jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna. Grigore Caramalac huwa wkoll assoċjat ma’ Alexander Bryksin.

30.5.2023”.


Top