This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32023D0616
Commission Decision (EU) 2023/616 of 17 March 2023 amending Decision 2005/37/EC as regards the tasks performed by the European Technical and Scientific Centre (ETSC)
Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/616 tas-17 ta’ Marzu 2023 li temenda d-Deċiżjoni 2005/37/KE fir-rigward tal-kompiti mwettqa miċ-Ċentru Tekniku u Xjentifiku Ewropew (ETSC)
Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/616 tas-17 ta’ Marzu 2023 li temenda d-Deċiżjoni 2005/37/KE fir-rigward tal-kompiti mwettqa miċ-Ċentru Tekniku u Xjentifiku Ewropew (ETSC)
C/2023/1707
ĠU L 80, 20.3.2023, p. 96–98
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force
20.3.2023 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 80/96 |
DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2023/616
tas-17 ta’ Marzu 2023
li temenda d-Deċiżjoni 2005/37/KE fir-rigward tal-kompiti mwettqa miċ-Ċentru Tekniku u Xjentifiku Ewropew (ETSC)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2003/861/KE tat-8 ta’ Diċembru 2003 li tikkonċerna l-analiżi u l-kooperazzjoni fir-rigward ta’ muniti foloz tal-euro (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 1 tagħha,
Wara li kkunsidrat id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2003/862/KE tat-8 ta’ Diċembru 2003 li testendi l-effetti tad-Deċiżjoni 2003/861/KE dwar l-analiżi u l-koperazzjoni fir-rigward ta’ muniti foloz tal-ewro f’dawk l-Istati Membri li ma adottawx l-euro bħala l-munita unika tagħhom (2), b’mod partikolari l-Artikolu 1 tiegħu,
Billi:
(1) |
Iċ-Ċentru Tekniku u Xjentifiku Ewropew (“l-ETSC”) huwa stabbilit fi ħdan id-Direttorat Ġenerali għall-Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji tal-Kummissjoni (DĠ ECFIN), skont l-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/37/KE (3). |
(2) |
Skont l-Artikolu 7(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1338/2001 (4), l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, il-Kummissjoni u l-Bank Ċentrali Ewropew għandhom jikkooperaw biex jipproteġu l-euro kontra l-iffalsifikar, permezz tal-iskambju ta’ informazzjoni u l-iżgurar ta’ assistenza reċiproka. |
(3) |
L-ETSC iwettaq il-kompiti tiegħu fi Brussell. Xi wħud mill-kompiti tiegħu jitwettqu fiċ-Ċentru Nazzjonali ta’ Analiżi tal-Muniti Franċiż, stabbilit fiz-Zekka Franċiża f’Pessac. |
(4) |
Skont l-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni 2005/37/KE, l-ETSC għandu jikkoordina l-implimentazzjoni tal-proċeduri ta’ awtentikazzjoni kif meħtieġ mir-Regolament (UE) Nru 1210/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5). |
(5) |
L-ETSC juża t-tagħmir tekniku disponibbli sabiex iwettaq analiżi preliminari u mhux distruttiva ta’ muniti tal-euro foloz. Dan jinkludi inter alia analiżi mikroskopika, viżwali u teknika ta’ muniti tal-euro foloz sekwestrati mill-Istati Membri, tħejjija tad-dokumenti tekniċi rilevanti u riċerka bl-użu ta’ bażijiet tad-data tal-IT iddedikati biex jiġu identifikati karatteristiċi komuni ma’ kategoriji diġà eżistenti u kklassifikati ta’ muniti tal-euro foloz. |
(6) |
Huwa meħtieġ li l-ETSC iwettaq ukoll analiżi avvanzata u mhux distruttiva bil-ħsieb li jidentifika fil-ħin muniti foloz tal-euro ta’ kwalità għolja, jiddefinixxi l-karatteristiċi tekniċi tagħhom u jivvaluta fil-pront il-livell ta’ theddid li jippreżentaw. Dik it-tip ta’ analiżi mhux distruttiva avvanzata tippermetti lill-ETSC jieħu d-deċiżjonijiet ta’ politika xierqa, f’waqthom u effettivi biex jindirizza t-theddid emerġenti u jinforma lill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi dwar theddid emerġenti bħala parti mill-istrateġija kontra l-iffalsifikar. Għal dak l-għan, l-ETSC għandu jkun jista’ jakkwista t-tagħmir tekniku xieraq għat-twettiq ta’ tali analiżi avvanzata mhux distruttiva. Skont ir-regolamenti finanzjarji applikabbli, l-ispejjeż relatati mat-tagħmir tekniku disponibbli u mal-persunal tal-ETSC għandhom jitħallsu mill-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea. |
(7) |
L-ETSC iwettaq analiżi komplementari u mhux distruttiva fiz-Zekka Franċiża għall-finalizzazzjoni tal-klassifikazzjoni ta’ tipi ġodda ta’ muniti tal-euro foloz. Fuq bażi ad hoc, l-ETSC iwettaq ukoll analiżi distruttiva komplementari bl-użu tat-tagħmir tekniku speċjalizzat fiz-Zekka Franċiża. |
(8) |
Għalhekk, id-Deċiżjoni 2005/37/KE għandha tiġi emendata kif jixraq, |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Emendi
Id-Deċiżjoni 2005/37/KE hija emendata kif ġej:
(1) |
fl-Artikolu 2, jiżdied il-punt e) li ġej:
|
(2) |
L-Artikolu 3 jinbidel b’dan li ġej: “Artikolu 3 1. Fit-twettiq tal-funzjonijiet tiegħu, l-ETSC għandu jwettaq analiżi teknika preliminari fi Brussell, u analiżi komplementari tista’ titwettaq fiċ-Ċentru Nazzjonali tal-Analiżi tal-Muniti Franċiż stabbilit fiz-Zekka Franċiża. 2. Id-DĠ ECFIN għandu jagħmel disponibbli għall-ETSC it-tagħmir tekniku xieraq sabiex iwettaq analiżi mhux distruttiva fi Brussell bil-ħsieb li jidentifika u jirrispondi fil-ħin għat-theddid li ġej relatat ma’ muniti foloz tal-euro ta’ kwalità għolja. 3. L-ETSC għandu juża l-persunal u t-tagħmir taz-Zekka Franċiża għall-analiżi komplementari meħtieġa mwettqa fil-bini tiegħu. L-awtoritajiet Franċiżi għandhom jagħmlu disponibbli għall-ETSC b’mod ta’ priorità, il-personal u l-materjal xieraq. L-awtoritajiet Franċiżi għandhom ikunu responsabbli għall-manutenzjoni tat-tagħmir tekniku fiz-Zekka Franċiża. 4. L-ispejjeż għall-persunal tal-ETSC u t-tagħmir tekniku meħtieġ biex iwettaq il-kompiti tiegħu fi Brussell għandhom jitħallsu mill-baġit tal-Unjoni. L-ispejjeż relatati mal-kostijiet tal-missjonijiet tal-persunal tal-ETSC f’Pessac u spejjeż minuri ġustifikati li jistgħu jseħħu waqt l-użu tat-tagħmir tekniku fil-laboratorju taz-Zekka Franċiża għandhom ikunu koperti mill-baġit tal-Unjoni. 5. DĠ ECFIN jista’ jiddefinixxi, f’kooperazzjoni maz-Zekka Franċiża, il-modalitajiet amministrattivi applikabbli għall-ETSC, meta jintuża t-tagħmir tekniku taz-Zekka Franċiża.”; |
(3) |
Fl-Artikolu 4, l-ewwel paragrafu huwa sostitwit b’dan li ġej: “Il-Kummissjoni għandha tikkoordina l-azzjonijiet meħtieġa biex tipproteġi l-muniti tal-euro kontra l-iffalsifikar u tiżgura implimentazzjoni effettiva u uniformi tal-proċeduri ta’ awtentikazzjoni fiż-żona tal-euro inter alia permezz ta’ laqgħat perjodiċi mal-Europol u esperti tal-muniti foloz.”. |
Artikolu 2
Id-dħul fis-seħħ
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Magħmul fi Brussell, is-17 ta’ Marzu 2023.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L 325,12.12.2003, p. 44.
(2) ĠU L 325,12.12.2003, p. 45.
(3) Id-DeċiżjonI tal-Kummissjoni 2005/37/KE tad-29 ta’ Ottubru 2004 li tistabbilixxi ċ-Ċentru Tekniku u Xjentifiku Ewropew (ETSC))u tistipula l-koordinazzjoni tal-azzjonijiet tekniċi bil-għan li tħares il-muniti tal-euro mill-iffalsifikar (ĠU L 19, 21.1.2005, p. 73).
(4) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1338/2001 tat-28 ta’ Ġunju 2001 li jistabbilixxi miżuri neċessarji għall-protezzjoni mill-iffalsifikar tal-euro (ĠU L 181, 4.7.2001, p. 6).
(5) Ir-Regolament (UE) Nru 1210/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Diċembru 2010 li jikkonċerna l-awtentikazzjoni tal-muniti tal-euro u t-trattament ta’ muniti tal-euro li mhumiex tajba għaċ-ċirkolazzjoni (ĠU L 339, 22.12.2010, p. 1).