Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32022R1354

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2022/1354 tal-4 ta’ Awwissu 2022 li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 269/2014 dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukraina

ST/8266/2022/INIT

ĠU L 204I, 4.8.2022, p. 1–3 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2022/1354/oj

4.8.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

LI 204/1


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2022/1354

tal-4 ta’ Awwissu 2022

li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 269/2014 dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukraina

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 269/2014 tas-17 ta’ Marzu 2014 dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukraina (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 14(1) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,

Billi:

(1)

Fis-17 ta’ Marzu 2014, il-Kunsill adotta r-Regolament (UE) Nru 269/2014.

(2)

L-Unjoni tkompli tikkundanna l-azzjonijiet u l-politiki li jdgħajfu l-integrità territorjali tal-Ukraina.

(3)

Il-Kunsill iqis li jenħtieġ li jinżdiedu żewġ individwi mal-lista ta’ persuni, entitajiet u korpi soġġetti għal miżuri restrittivi li tinsab fl-Anness I għar-Regolament (UE) Nru 269/2014 għar-rwol tagħhom fl-ipperikolar jew it-theddid tal-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukraina u talli jibbenefikaw minn persuni Russi li jieħdu d-deċiżjonijiet responsabbli għall-annessjoni tal-Krimea jew id-destabbilizzazzjoni tal-Lvant tal-Ukraina.

(4)

Għalhekk ir-Regolament (UE) Nru 269/2014 jenħtieġ li jiġi emendat skont dan,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (UE) Nru 269/2014 huwa emendat skont l-Anness għal dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fid-data tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-4 ta’ Awwissu 2022.

Għall-Kunsill

Il-President

M. BEK


(1)   ĠU L 78, 17.3.2014, p. 6.


ANNESS

Il-persuni li ġejjin jinżdiedu mal-lista ta’ persuni fiżiċi u ġuridiċi, entitajiet u korpi li tinsab fl-Anness I għar-Regolament (UE) Nru 269/2014:

Persuni

 

Isem

Informazzjoni ta’ identifikazzjoni

Raġunijiet

Data tal-elenkar

“209.

Oleksandr Viktorovych YANUKOVYCH

(Олександр Вiкторович ЯНУКОВИЧ)

Ġeneru: Maskil

Data tat-twelid: 10.7.1973

Post tat-twelid: Yenakiyeve, Donetsk Oblast, l-Ukraina

Nazzjonalità: Ukrena

Oleksandr Yanukovych huwa negozjant u iben l-eks president tal-Ukraina Viktor Yanukovych. Matul il-presidenza ta’ Viktor Yanukovych u grazzi għall-konnessjoni personali ma’ grupp ta’ persuni qrib missieru, ġabar firxa wiesgħa ta’ interessi tan-negozju u akkumula fortuna kbira. Għadu jmexxi l-attivitajiet tan-negozju tiegħu fir-reġjun ta’ Donbas ikkontrollat mill-gruppi separatisti, speċjalment fis-setturi tal-enerġija, il-faħam, il-kostruzzjoni, il-banek u l-proprjetà immobbli. B’mod partikolari, bis-saħħa ta’ rabtiet mill-qrib mas-separatisti favur ir-Russja, huwa akkwista assi ekonomiċi ewlenin fl-hekk imsejħa “Repubbliki tal-Poplu ta’ Donetsk u ta’ Lugansk”, fost oħrajn fis-setturi tal-enerġija, tal-faħam u tal-proprjetà immobbli. Il-battaljun separatista OPLOT (elenkat sa minn Frar 2015) ipproteġa l-proġetti ta’ żvilupp tal-proprjetà immobbli tiegħu fl-hekk imsejħa “Repubblika tal-Poplu ta’ Donetsk”.

Għalhekk, Oleksandr Yanukovych huwa responsabbli għall-appoġġ jew l-implimentazzjoni b’mod attiv ta’ azzjonijiet jew politiki li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukraina u wettaq tranżazzjonijiet mal-gruppi separatisti fir-reġjun ta’ Donbas tal-Ukraina.

Barra minn hekk, hu assoċjat ma’ missieru Viktor Yanukovych, li hu responsabbli għall-appoġġ jew l-implimentazzjoni ta’ azzjonijiet jew politiki li jipperikolaw l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukraina, kif ukoll l-istabbiltà u s-sigurtà tal-istat.

4.8.2022

210.

Viktor Fedorovych YANUKOVYCH

((Вiктор Федорович ЯНУКОВИЧ)

Ġeneru: maskil;

Data tat-twelid: 9.7.1950

Post tat-twelid: Yenakiyeve, Donetsk Oblast, l-Ukraina

Nazzjonalità: Ukren

Funzjoni: eks president tal-Ukraina, oligark

Mill-2010 sal-2014, Viktor Yanukovych kien il-President tal-Ukraina. Huwa ħaddan politika favur ir-Russja meta kien fil-kariga. Qorti Ukrena sabet lil Viktor Yanukovych ħati ta’ tradiment talli stieden lill-Federazzjoni Russa biex tinvadi lill-Ukrainagħ. Wara li tneħħa mill-poter, huwa mar jgħix fir-Russja, fejn kompla bl-attivitajiet tiegħu mmirati biex jiddestabbilizzaw lill-Ukraina.

Huwa għen fl-interferenza militari Russa fl-Ukraina billi appella lill-President tal-Federazzjoni Russa biex jibgħat truppi Russi lejn l-Ukraina f’Marzu 2014. Viktor Yanukovych wera appoġġ lejn politiċi favur ir-Russja li kellhom karigi pubbliċi fil-Krimea okkupata. Fl-2021, fl-Ukraina infteħet investigazzjoni ġdida ta’ qabel il-kawża li skontha s-Sur Viktor Yanukovych, flimkien ma’ żewġ ex-Ministri tad-Difiża, naqqas intenzjonalment il-kapaċità ta’ difiża tal-Ukraina, b’mod partikolari fir-Repubblika Awtonoma tal-Krimea. Iqis ruħu l-President leġittimu tal-Ukraina u ppreżenta b’mod konsistenti pożizzjoni favur ir-Russja fl-interventi pubbliċi tiegħu. Skont sorsi differenti, is-Sur Viktor Yanukovych kien parti minn operazzjoni speċjali Russa, li kellha l-għan li tissostitwixxi lill-President Ukren bih, matul l-ewwel fażijiet tal-aggressjoni militari illegali u mhux provokata kontra l-Ukraina. Barra minn hekk, il-Preident tar-Repubblika taċ-Ċeċenja Ramzan Kadyrov, talab lill-President tal-Ukraina biex jittrasferixxi l-poteri kollha tiegħu lil Viktor Yanukovych.

Għalhekk, Viktor Yanukovych huwa responsabbli għall-appoġġ jew l-implimentazzjoni ta’ azzjonijiet jew politiki li jipperikolaw jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukraina, kif ukoll l-istabbiltà u s-sigurtà tal-istat.

4.8.2022”


Top