This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32022R0312
Regulation (EU) 2022/312 of the European Parliament and of the Council of 24 February 2022 amending Regulation (EU) 2020/1429 as regards the duration of the reference period for the application of temporary measures concerning the levying of charges for the use of railway infrastructure (Text with EEA relevance)
Regolament (UE) 2022/312 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Frar 2022 li jemenda r-Regolament (UE) 2020/1429 fir-rigward tad-durata tal-perijodu ta’ referenza għall-applikazzjoni ta’ miżuri temporanji dwar l-impożizzjoni ta’ imposti għall-użu tal-infrastruttura ferrovjarja (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
Regolament (UE) 2022/312 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Frar 2022 li jemenda r-Regolament (UE) 2020/1429 fir-rigward tad-durata tal-perijodu ta’ referenza għall-applikazzjoni ta’ miżuri temporanji dwar l-impożizzjoni ta’ imposti għall-użu tal-infrastruttura ferrovjarja (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
PE/3/2022/REV/1
ĠU L 55, 28.2.2022, p. 1–3
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force
28.2.2022 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 55/1 |
REGOLAMENT (UE) 2022/312 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
tal-24 ta’ Frar 2022
li jemenda r-Regolament (UE) 2020/1429 fir-rigward tad-durata tal-perijodu ta’ referenza għall-applikazzjoni ta’ miżuri temporanji dwar l-impożizzjoni ta’ imposti għall-użu tal-infrastruttura ferrovjarja
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u, b’mod partikolari, l-Artikolu 91 tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),
Wara li kkonsultaw lill-Kumitat tar-Reġjuni,
Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (2),
Billi:
(1) |
Il-pandemija tal-COVID-19 wasslet għal tnaqqis qawwi fit-traffiku ferrovjarju kkawżat minn tnaqqis sinifikanti fid-domanda. Dan kellu impatt serju fuq l-impriżi ferrovjarji. |
(2) |
Dawk iċ-ċirkostanzi huma lil hinn mill-kontroll tal-impriżi ferrovjarji, li kontinwament kellhom jiffaċċjaw problemi konsiderevoli ta’ likwidità, telf kbir u f’xi każijiet, qed jirriskjaw l-insolvenza. |
(3) |
Sabiex ikunu jistgħu jiġġieldu l-effetti ekonomiċi negattivi tal-pandemija tal-COVID-19 u jappoġġaw lill-impriżi ferrovjarji, ir-Regolament (UE) 2020/1429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) ippermetta lill-Istati Membri jawtorizzaw lill-maniġers tal-infrastruttura biex inaqqsu, jirrinunzjaw jew jiddifferixxu l-imposti għall-aċċess għall-infrastruttura ferrovjarja. Dik il-possibbiltà ngħatat għal perijodu ta’ referenza mill-1 ta’ Marzu 2020 sal-31 ta’ Diċembru 2020 u ġiet estiża ulterjorment mir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2021/1061 (4) sal-31 ta’ Diċembru 2021. |
(4) |
It-tkomplija tal-pandemija tal-COVID-19 u l-ħolqien ta’ varjanti li jittieħdu ħafna u li huma imprevedibbli, bħall-varjant tal-COVID-19 tal-Omicron, jfisser li jistgħu jkunu neċessarji miżuri restrittivi ġodda. |
(5) |
L-impatt negattiv tal-pandemija tal-COVID-19 fuq it-traffiku ferrovjarju għadu jippersisti u huwa possibbli li l-impriżi ferrovjarji jkomplu jiġu affettwati. Fi sforz biex iwieġeb għall-ħtiġijiet urġenti tas-settur, il-perijodu ta’ referenza stipulat mir-Regolament (UE) 2020/1429 jenħtieġ li jiġi estiż ulterjorment sat-30 ta’ Ġunju 2022. |
(6) |
L-evoluzzjoni mhux prevedibbli tal-pandemija tal-COVID-19, il-ħolqien f’daqqa ta’ varjanti ġodda u l-ħtieġa li jiġi vvalutat l-impatt tagħhom fuq is-settur ferrovjarju jeħtieġu rispons regolatorju rapidu u flessibbli. Sabiex jiġi evitat distakk fir-rispons għas-sitwazzjoni attwali, huwa essenzjali li jiġi żgurat li r-regoli jkomplu japplikaw wara l-31 ta’ Diċembru 2021. Minħabba n-natura tal-miżuri previsti mir-Regolament (UE) 2020/1429, l-applikazzjoni retroattiva tal-estensjoni tal-perijodu ta’ referenza ma tirriżultax fi ksur tal-aspettattivi leġittimi tal-persuni kkonċernati. |
(7) |
Jenħtieġ li l-Kummissjoni tanalizza kontinwament l-impatt ekonomiku tal-pandemija tal-COVID-19 fuq is-settur ferrovjarju u jenħtieġ li l-Unjoni tkun f’pożizzjoni li testendi, mingħajr dewmien żejjed, il-perijodu tal-applikazzjoni tal-miżuri previsti mir-Regolament (UE) 2020/1429 jekk jippersistu l-kundizzjonijiet ħżiena. |
(8) |
Sabiex tiġi estiża, jekk neċessarju u ġġustifikat, il-validità tar-regoli previsti fir-Regolament (UE) 2020/1429, jenħtieġ li tiġi delegata lill-Kummissjoni s-setgħa li tadotta atti skont l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea fir-rigward tal-estensjoni tal-perijodu ta’ referenza li matulu japplikaw il-miżuri previsti mir-Regolament (UE) 2020/1429. Huwa partikolarment importanti li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa matul ix-xogħol tagħha ta’ tħejjija, ukoll fil-livell ta’ esperti, u li dawk il-konsultazzjonijiet jitwettqu f’konformità mal-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet (5). B’mod partikolari, biex tiġi żgurata parteċipazzjoni ugwali fit-tħejjija ta’ atti delegati, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jirċievu d-dokumenti kollha fl-istess ħin li jirċevuhom l-esperti tal-Istati Membri, u l-esperti tagħhom ikollhom aċċess sistematiku għal-laqgħat tal-gruppi tal-esperti tal-Kummissjoni li jittrattaw it-tħejjija ta’ atti delegati. |
(9) |
Minħabba li l-għan ta’ dan ir-Regolament, jiġifieri li jestendi l-applikazzjoni tar-regoli temporanji dwar l-impożizzjoni ta’ imposti għall-użu ta’ infrastruttura ferrovjarja stabbiliti fir-rispons għas-sitwazzjoni urġenti maħluqa mill-pandemija tal-COVID-19, ma jistax jinkiseb b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri iżda jista’ pjuttost, minħabba l-iskala jew l-effetti tal-azzjoni, jinkiseb aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex jintlaħaq dak l-għan. |
(10) |
Għalhekk, ir-Regolament (UE) 2020/1429 jenħtieġ li jiġi emendat skont dan. |
(11) |
Fid-dawl tal-urġenza li tirriżulta miċ-ċirkostanzi eċċezzjonali kkawżati mill-pandemija tal-COVID-19 li jiġġustifikaw il-miżuri proposti, u b’mod aktar partikolari sabiex jiġu adottati l-miżuri meħtieġa malajr sabiex jiġu indirizzati l-problemi serji u immedjati li qed jaffaċċja s-settur, ġie kkunsidrat xieraq li tiġi prevista eċċezzjoni għall-perijodu ta’ tmien ġimgħat imsemmi fl-Artikolu 4 tal-Protokoll Nru 1 dwar ir-rwol tal-Parlamenti nazzjonali fl-Unjoni, li huwa anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika. |
(12) |
Sabiex tiġi żgurata l-kontinwità u tkun possibbli l-applikazzjoni immedjata tal-miżuri previsti f’dan ir-Regolament, jenħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ bħala kwistjoni ta’ urġenza fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, u jenħtieġ li japplika, b’mod retroattiv, mill-1 ta’ Jannar 2022, |
ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Emendi għar-Regolament (UE) 2020/1429
Ir-Regolament (UE) 2020/1429 huwa emendat kif ġej:
(1) |
l-Artikolu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej: “Artikolu 1 Dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli temporanji dwar l-impożizzjoni ta’ imposti għall-użu ta’ infrastruttura ferrovjarja kif stabbilit fil-Kapitolu IV tad-Direttiva 2012/34/UE. Dan japplika għall-użu tal-infrastrutturi ferrovjarji għal servizzi ferrovjarji domestiċi u internazzjonali koperti minn dik id-Direttiva, matul il-perijodu mill-1 ta’ Marzu 2020 sat-30 ta’ Ġunju 2022 (‘il-perijodu ta’ referenza’).” |
(2) |
l-Artikolu 5, il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej: “2. Fejn il-Kummissjoni ssib, abbażi tad-data msemmija fil-paragrafu 1, li t-tnaqqis fil-livell tat-traffiku ferrovjarju, meta mqabbel mal-livell fil-perijodu korrispondenti fis-snin preċedenti qed jippersisti u li x’aktarx ser jippersisti, u ssib ukoll, abbażi tal-aħjar data xjentifika disponibbli, li din is-sitwazzjoni hija r-riżultat tal-impatt tat-tifqigħa tal-COVID-19, il-Kummissjoni għandha tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 6, biex temenda l-perijodu ta’ referenza speċifikat fl-Artikolu 1 kif meħtieġ. Kwalunkwe emenda bħal din ma tistax testendi l-perijodu ta’ referenza b’aktar minn sitt xhur, u l-perijodu ta’ referenza ma jistax jiġi estiż lil hinn mill-31 ta’ Diċembru 2023.”; |
(3) |
l-Artikolu 6, il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej: “2. Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati msemmija fl-Artikolu 5(2) għandha tingħata lill-Kummissjoni sal-31 ta’ Diċembru 2023.”. |
Artikolu 2
Dħul fis-seħħ
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2022.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, l-24 ta’ Frar 2022.
Għall-Parlament Ewropew
Il-President
R. METSOLA
Għall-Kunsill
Il-President
A. PANNIER-RUNACHER
(1) Opinjoni tad-19 ta’ Jannar 2022 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).
(2) Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta’ Frar 2022 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-deċiżjoni tal-Kunsill tal-24 ta’ Frar 2022.
(3) Ir-Regolament (UE) 2020/1429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Ottubru 2020 li jistabbilixxi miżuri għal suq ferrovjarju sostenibbli fid-dawl tat-tifqigħa tal-COVID-19 (ĠU L 333, 12.10.2020, p. 1).
(4) Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2021/1061 tat-28 ta’ Ġunju 2021 li jestendi l-perjodu ta’ referenza tar-Regolament (UE) 2020/1429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi miżuri għal suq ferrovjarju sostenibbli fid-dawl tat-tifqigħa tal-COVID-19 (ĠU L 229, 29.6.2021, p. 1).