EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32022R0064

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/64 tas-17 ta’ Jannar 2022 li jemenda r-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/761 u (UE) 2020/1988 fir-rigward tas-sistema ta’ ġestjoni ta’ xi kwoti tariffarji u l-kwantitajiet li jistgħu jiġu importati skont ċerti kwoti tariffarji

C/2022/100

ĠU L 11, 18.1.2022, p. 6–12 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2022/64/oj

18.1.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 11/6


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/64

tas-17 ta’ Jannar 2022

li jemenda r-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/761 u (UE) 2020/1988 fir-rigward tas-sistema ta’ ġestjoni ta’ xi kwoti tariffarji u l-kwantitajiet li jistgħu jiġu importati skont ċerti kwoti tariffarji

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 187 u l-Artikolu 223(3) tiegħu,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 352/78, (KE) Nru 165/94, (KE) Nru 2799/98, (KE) Nru 814/2000, (KE) Nru 1290/2005 u (KE) Nru 485/2008 (2), u b’mod partikolari l-Artikolu 66(4) tiegħu,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 510/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ April 2014 li jistabbilixxi l-arranġamenti kummerċjali applikabbli għal ċerti prodotti li jirriżultaw mill-ipproċessar tal-prodotti agrikoli u jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1216/2009 u (KE) Nru 614/2009 (3), u b’mod partikolari l-Artikolu 9, il-punti (a) sa (d) fl-ewwel paragrafu u l-Artikolu 16(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/761 (4) jistabbilixxi r-regoli għall-ġestjoni tal-kwoti tariffarji tal-importazzjoni u tal-esportazzjoni għall-prodotti agrikoli ġestiti minn sistema ta’ liċenzji ta’ importazzjoni u esportazzjoni u jipprevedi regoli speċifiċi.

(2)

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1988 (5) li jistabbilixxi r-regoli għall-amministrazzjoni ta’ kwoti tariffarji fuq l-importazzjoni mfassla biex jintużaw skont l-ordni kronoloġika tad-dati ta’ aċċettazzjoni tad-dikjarazzjonijiet doganali (il-prinċipju “min jiġi l-ewwel jinqeda l-ewwel”).

(3)

Il-Ftehim fil-forma ta’ Skambju ta’ Ittri bejn l-Unjoni Ewropea u l-Commonwealth tal-Awstralja skont l-Artikolu XXVIII tal-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ (GATT) tal-1994, relatat mal-modifika ta’ konċessjonijiet fuq il-kwoti tariffarji kollha inklużi fl-Iskeda CLXXV tal-UE bħala konsegwenza tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea, konkluż bid-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2021/2234 (6), jemenda xi kwoti tariffarji fir-rigward tal-kwantitajiet ta’ prodotti li għandhom jiġu importati mill-Awstralja.

(4)

Il-Ftehim fil-forma ta’ Skambju ta’ Ittri bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Indoneżja, skont l-Artikolu XXVIII tal-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ (GATT) tal-1994, relatat mal-modifika ta’ konċessjonijiet fuq il-kwoti tariffarji kollha inklużi fl-Iskeda CLXXV tal-UE bħala konsegwenza tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea, konkluż bid-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2021/1197 (7), jemenda xi kwoti tariffarji fir-rigward tal-kwantitajiet ta’ prodotti li għandhom jiġu importati mill-Indoneżja.

(5)

Jenħtieġ li l-emendi li saru minn dawk il-Ftehimiet jiġu riflessi fl-Annessi tar-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/761 u (UE) 2020/1988.

(6)

Barra minn hekk, sabiex tiġi żgurata t-trasparenza, l-Istati Membri jenħtieġ li jinnotifikaw lill-Kummissjoni bil-kwantitajiet koperti mil-liċenzji tal-importazzjoni għall-kwota tariffarja bin-numru tal-ordni 09.4003 minbarra dawk diġà elenkati fl-Artikolu 16(8) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/761.

(7)

Il-Ftehim fil-forma ta’ Skambju ta’ Ittri bejn l-Unjoni Ewropea u l-Awstralja jelimina d-diviżjoni f’subperjodi għall-kwota tariffarja bin-numru tal-ordni 09.4129. Jenħtieġ li din l-emenda tiġi riflessa fl-Artikolu 27 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/761.

(8)

Għall-kwota tariffarja bin-numru tal-ordni 09.4002, il-perjodu tal-kwota tariffarja jibda fl-1 ta’ Lulju. Huwa xieraq li jiġi ċċarat fl-Artikolu 43(9) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/761 li l-liċenzji tal-importazzjoni li jinħarġu qabel il-bidu tal-perjodu tal-kwota tariffarja huma validi għal tliet xhur mill-1 ta’ Lulju.

(9)

L-Artikolu 72(6) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/761 jipprevedi li l-kwantità għandha tiġi espressa f’unitajiet sħaħ, imqarrba (arrotondati) ’l fuq. Sabiex tiġi żgurata l-konsistenza mar-regoli dwar l-arrotondament stabbilit fit-Titolu II, il-Grupp 6 (Identifikazzjoni tal-merkanzija), tal-Anness D tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2015/2446 (8) u fl-Artikolu 8(2)(a) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1239 (9), iċ-ċertifikati tal-awtentiċità u tal-arranġament ta’ monitoraġġ attiv (IMA1) maħruġa minn pajjiżi terzi għall-ġestjoni ta’ ċerti kwoti tariffarji jenħtieġ li jindikaw il-kwantità li għaliha jintużaw arrotondata għal kilogrammi.

(10)

Il-Ftehim fil-forma ta’ Skambju ta’ Ittri bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Arġentina skont l-Artikolu XXVIII tal-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ (GATT) tal-1994, relatat mal-modifika ta’ konċessjonijiet fuq il-kwoti tariffarji kollha inklużi fl-Iskeda CLXXV tal-UE b’konsegwenza tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea, konkluż bid-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2021/1213 (10), żiedet il-kwantità disponibbli ta’ kwota tariffarja fin-numru tal-ordni 09.4168 għar-ross li joriġina mill-pajjiżi kollha minbarra r-Renju Unit. Dak il-Ftehim ħoloq ukoll żewġ kwoti tariffarji ġodda bin-numri tal-ordni 09.4289 u 09.4290 għat-tjur li joriġinaw mill-Arġentina. Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/1401 (11) għamel l-emendi korrispondenti għar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/761, inkluż fit-tabella għall-kwota tariffarja 09.4168 fl-Anness III ta’ dak ir-Regolament, u fit-tabelli għall-kwoti tariffarji bin-numri tal-ordni 09.4213 u 09.4412 fl-Anness XII ta’ dak ir-Regolament, fejn l-Arġentina tidher fost il-pajjiżi minn fejn il-prodotti ma għandhomx jiġu. Madankollu, dak l-att emendatorju kien naqas milli jaġġusta d-distribuzzjoni tal-kwantità l-ġdida għall-kwota tariffarja bin-numru tal-ordni 09.4168 fost is-subperjodi tagħha, kif ukoll li jinkludi referenza għall-Arġentina fir-ringiela “Entrati speċifiċi li jridu jsiru fuq l-applikazzjoni tal-liċenzja u fuq il-liċenzja” fit-tabelli għall-kwoti tariffarji bin-numri tal-ordni 09.4213 u 09.4412.

(11)

Fl-Artikolu 47(3) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/761, it-temperatura tal-laħam iffriżat hija ddefinita b’referenza għad-dħul fit-territorju doganali tal-Unjoni, filwaqt li fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1988 issir referenza għar-rilaxx għaċ-ċirkolazzjoni libera fl-Unjoni. Sabiex tiġi żgurata l-konsistenza u jiġi evitat kwalunkwe riskju ta’ interpretazzjoni ħażina, jenħtieġ li l-kliem tal-Artikoli 20(1) u 24(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1988 jiġi allinjat ma’ dak tal-Artikolu 47(3) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/761.

(12)

Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/761 u (UE) 2020/1988 jiġu emendati skont dan.

(13)

Jenħtieġ li l-emendi għar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/761 japplikaw għall-perjodi tal-kwota tariffarja li jibdew wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament. Madankollu, l-emendi għall-kwoti tariffarji bin-numri tal-ordni 09.4129, 09.4521, 09.4522, 09.4213 u 09.4412 jenħtieġ li japplikaw mill-ewwel perjodu ta’ applikazzjoni għal liċenzja wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.

(14)

L-emendi għall-Artikoli 20(1) u 24(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1988 jenħtieġ li japplikaw mill-perjodi tal-kwota tariffarja li jibdew wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament. L-emenda li tikkonċerna l-kwoti tariffarji bin-numri tal-ordni 09.0126, 09.2105, 09.2106 u 09.2012 jenħtieġ li tapplika mill-bidu tal-perjodi kurrenti tal-kwota tariffarja.

(15)

Huwa meħtieġ li jiġu stabbiliti ċerti dispożizzjonijiet tranżizzjonali dwar l-adattament tal-perjodi tal-kwoti tariffarji li jkunu għadhom għaddejjin għall-kwantitajiet disponibbli wara l-emendi li saru b’dan ir-Regolament. B’mod partikolari, għall-kwoti tariffarji bin-numri tal-ordni 09.0126, 09.2105, 09.2106, u 09.2012, l-operaturi li importaw merkanzija barra mill-kwota qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament jenħtieġ li fuq talba jiġu rimborżati.

(16)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat għall-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq Agrikoli,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Emendi għar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/761

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/761 huwa emendat kif ġej:

(1)

fl-Artikolu 16, il-paragrafu 8 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“8.   Għan-notifiki lill-Kummissjoni msemmija f’dan ir-Regolament u relatati mal-kwoti tariffarji taċ-ċanga u l-vitella bin-numri tal-ordni 09.4450, 09.4451, 09.4452, 09.4453, 09.4454, 09.4002, 09.4003, 09.4455, 09.4001 u 09.4004, il-kwantitajiet għandhom jiġu espressi f’kilogrammi tal-piż tal-prodott, għal kull pajjiż tal-oriġini u għal kull kategorija ta’ prodott kif indikat fil-Parti B tal-Anness XV ta’ dan ir-Regolament. Madankollu, għall-kwota tariffarja bin-numru tal-ordni 09.4003 il-pajjiż tal-oriġini ma għandux għalfejn jiġi nnotifikat.”;

(2)

L-Artikolu 27 huwa emendat kif ġej:

(a)

fit-tielet paragrafu jitħassar in-numru tal-ordni “09.4129,”;

(b)

fir-raba’ paragrafu, jitħassar in-numru tal-ordni “09.4129,”;

(c)

il-ħames paragrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Il-kwantitajiet bin-numri tal-ordni tal-kwoti tariffarji 09.4127, 09.4128, u 09.4130 li ma jkunux intużaw jew allokati matul is-subperjodi preċedenti għandhom jiġu ttrasferiti għan-numru tal-ordni tal-kwota tariffarja 09.4138 mill-1 ta’ Ottubru ta’ kull sena. Dan għandu japplika wkoll għal kwantitajiet taħt il-kwota tariffarja numru 09.4129 li ma jkunux allokati qabel l-1 ta’ Settembru jew li ma jkunux intużaw qabel l-1 ta’ Ottubru.”;

(3)

fl-Artikolu 43, il-paragrafu 9 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“9.   Il-liċenzji tal-importazzjoni li jinħarġu għall-kwota tariffarja bin-numru tal-ordni 09.4002 għandhom ikunu validi għal tliet xhur mid-dati tal-ħruġ rispettivi tagħhom. Il-liċenzji li jinħarġu qabel il-bidu tal-perjodu tal-kwota tariffarja għandhom ikunu validi għal tliet xhur mill-1 ta’ Lulju.”;

(4)

fl-Artikolu 72, il-paragrafu 6 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“6.   L-awtorità li toħroġ il-liċenzji għandha tinnota fuq iċ-ċertifikat ta’ awtentiċità jew taċ-ċertifikat IMA 1 u fuq il-kopja tagħhom in-numru tal-ħruġ tal-liċenzja u l-kwantità li għaliha ntuża dak id-dokument. Il-kwantità għandha tiġi espressa f’unitajiet sħaħ, imqarrba għall-eqreb kilogramma f’konformità mar-regoli stabbiliti fl-Artikolu 8(2)(a) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/1239. Iċ-ċertifikat ta’ awtentiċità jew iċ-ċertifikat IMA 1 għandu jinżamm mill-awtorità li toħroġ il-liċenzji. Il-kopja għandha tintbagħat lura lill-applikant biex tintuża għall-proċeduri doganali meta dan ikun indikat fit-Titolu III ta’ dan ir-Regolament.”;

(5)

l-Annessi III, IV, VIII, IX u XII huma emendati f’konformità mal-Anness I ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Emendi għar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1988

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1988 huwa emendat kif ġej:

(1)

fl-Artikolu 20, il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.   Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, għall-kwoti tariffarji taħt in-numri tal-ordni 09.0142 u 09.0143, “taħrika tal-falda rqiqa ffriżata” għandha tfisser taħrika tal-falda rqiqa li hija ffriżata, b’temperatura interna ta’ – 12 °C jew anqas meta tidħol fit-territorju doganali tal-Unjoni.”;

(2)

fl-Artikolu 24(1) (a) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(a)

“laħam iffriżat” ifisser laħam b’temperatura interna ta’ – 12 °C jew anqas meta jidħol fit-territorju doganali tal-Unjoni;”;

(3)

l-Anness I huwa emendat f’konformità mal-Anness II ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 3

Dispożizzjonijiet tranżizzjonali

1.   Sakemm ma jkunx previst mod ieħor fl-Artikolu 4 ta’ dan ir-Regolament jew fl-Annessi II sa XII tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/761, meta l-perjodu tal-kwota tariffarja ta’ kwota tariffarja partikolari jkun diġà beda fil-jum tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, id-differenza bejn il-kwantità l-ġdida u l-kwantitajiet diġà allokati għandha tkun disponibbli għall-applikazzjonijiet imressqa wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.

2.   Għall-finijiet tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1988, il-kwantità disponibbli għall-bqija tal-perjodu tal-kwota tariffarja li jkun għadu għaddej fil-jum tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament għandha tkun id-differenza bejn il-kwantità l-ġdida u l-kwantitajiet diġà allokati qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.

Jekk għall-kwoti tariffarji bin-numri tal-ordni 09.2105, 09.2106, u 09.2012 il-kwantità disponibbli preċedentement tiġi eżawrita fil-jum tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, id-differenza bejn il-kwantità l-ġdida u dik preċedenti għandha tiġi allokata lill-operaturi skont l-ordni kronoloġika tad-data tal-aċċettazzjoni tad-dikjarazzjoni doganali għar-rilaxx għaċ-ċirkolazzjoni libera. L-operaturi li importaw il-merkanzija tagħhom barra mill-kwota qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament għandhom fuq talba tagħhom jiġu rimborżati sa fejn il-bilanċ li jifdal tal-kwota tariffarja jippermetti dan, sakemm id-differenza fid-dazju tkun diġà tħallset.

Għall-kwota tariffarja bin-numru tal-ordni 09.0126, li għaliha ma kien hemm l-ebda kwantità disponibbli qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, l-operaturi għandhom fuq talba tagħhom jiġu rimborżati sa fejn il-bilanċ li jifdal tal-kwota tariffarja jippermetti dan, sakemm id-differenza fid-dazju tkun diġà tħallset.

Artikolu 4

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fis-seba’ jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

L-Artikolu 1 għandu japplika għall-kwoti tariffarji kkonċernati mill-ewwel perjodu ta’ applikazzjoni għal-liċenzja wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament. Madankollu, l-Artikolu 1(2), (1), (4) u (5)(b) tal-Anness I għandhom japplikaw mill-ewwel perjodu ta’ applikazzjoni għal liċenzja wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.

L-Artikolu 2(1) u (2), għandhom japplikaw mill-perjodi tal-kwota tariffarja li jibdew wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament. L-Artikolu 2(3), għandu japplika mill-bidu tal-perjodi kurrenti tal-kwota tariffarja.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-17 ta’ Jannar 2022.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671.

(2)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 549.

(3)  ĠU L 150, 20.5.2014, p. 1.

(4)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/761 tas-17 ta’ Diċembru 2019 li jistabbilixxi regoli għall-applikazzjoni tar-Regolamenti (UE) Nru 1306/2013, (UE) Nru 1308/2013 u (UE) Nru 510/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tas-sistema ta’ ġestjoni tal-kwoti tariffarji bil-liċenzji (ĠU L 185, 12.6.2020, p. 24).

(5)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1988 tal-11 ta’ Novembru 2020 li jistabbilixxi regoli għall-applikazzjoni tar-Regolamenti (UE) Nru 1308/2013 u (UE) Nru 510/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-amministrazzjoni ta’ kwoti tariffarji fuq l-importazzjoni f’konformità mal-prinċipju “min jiġi l-ewwel, jinqeda l-ewwel” (ĠU L 422, 14.12.2020, p. 4).

(6)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2021/2234 tad-29 ta’ Novembru 2021 dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Ftehim fil-forma ta’ Skambju ta’ Ittri bejn l-Unjoni Ewropea u l-Awstralja skont l-Artikolu XXVIII tal-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ (GATT) tal-1994 relatat mal-modifika tal-konċessjonijiet fuq il-kwoti tariffarji kollha inklużi fl-Iskeda CLXXV tal-UE bħala konsegwenza tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea (ĠU L 452, 16.12.2021, p. 1).

(7)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2021/1197 tat-13ta’ Lulju 2021 dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni, tal-Ftehim fil-forma ta’ Skambju ta’ Ittri bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Indoneżja, skont l-Artikolu XXVIII tal-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ (GATT) tal-1994, relatat mal-modifika ta’ konċessjonijiet fuq il-kwoti tariffarji kollha inklużi fl-Iskeda CLXXV tal-UE bħala konsegwenza tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea (ĠU L 260, 21.7.2021, p. 1).

(8)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2015/2446 tat-28 ta’ Lulju 2015 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ regoli dettaljati li jikkonċernaw uħud mid-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU L 343, 29.12.2015, p. 1).

(9)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1239 tat-18 ta’ Mejju 2016 li jistabbilixxi regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tas-sistema ta’ liċenzji ta’ importazzjoni u ta’ esportazzjoni (ĠU L 206, 30.7.2016, p. 44).

(10)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2021/1213 tat-13 ta’ Lulju 2021 dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Ftehim fil-forma ta’ Skambju ta’ Ittri bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Arġentina skont l-Artikolu XXVIII tal-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ (GATT) tal-1994 relatat mal-modifika tal-konċessjonijiet fuq il-kwoti tariffarji kollha inklużi fl-Iskeda CLXXV tal-UE b’konsegwenza tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea (ĠU L 264, 26.7.2021, p. 1).

(11)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/1401 tal-25 ta’ Awwissu 2021 li jemenda r-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/761 u (UE) 2020/1988 fir-rigward tal-kwantitajiet li jistgħu jiġu importati skont ċerti kwoti tariffarji (ĠU L 302, 26.8.2021, p. 1).


ANNESS I

L-Annessi III, IV, VIII, IX u XII tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/761 huma emendati kif ġej:

(1)

L-Anness III huwa emendat kif ġej:

(a)

it-tabella dwar il-kwota tariffarja bin-numru tal-ordni 09.4129 hija emendata kif ġej:

(i)

ir-ringiela “Subperjodi tal-kwoti tariffarji” hija sostitwita b’dan li ġej:

Subperjodu tal-kwota tariffarja

Mill-1 ta’ Jannar sat-30 ta’ Settembru”

(ii)

ir-ringiela “Kwantità f’kilogrammi” hija sostitwita b’dan li ġej:

Kwantità f’kilogrammi

240 000  kg”

(b)

fit-tabella dwar il-kwota tariffarja bin-numru tal-ordni 09.4168, ir-ringiela “Kwantità f’kilogrammi”, hija sostitwita b’dan li ġej:

Kwantità f’kilogrammi

28 360 000  kg, diviżi kif ġej:

28 360 000  kg għas-subperjodu mill-1 ta’ Settembru sat-30 ta’ Settembru

Trasferiment mis-subperjodu preċedenti, għas-subperjodu mill-1 ta’ Ottubru sal-31 ta’ Diċembru”

(2)

fl-Anness IV, fit-tabella dwar il-kwota tariffarja bin-numru tal-ordni 09.4317, fir-ringiela “Kwantità f’kilogrammi”, il-kwantità “4 961 000 kg” hija sostitwita b’“9 925 000 kg”;

(3)

fl-Anness VIII, fit-tabella dwar il-kwota tariffarja bin-numru tal-ordni 09.4451, fir-ringiela “Kwantità f’kg”, il-kwantità “2 481 000 kg” hija sostitwita b’“3 389 000 kg”;

(4)

L-Anness IX huwa emendat kif ġej:

(a)

fit-tabella dwar il-kwota tariffarja bin-numru tal-ordni 09.4521, fir-ringiela “Kwantità f’kg”, il-kwantità “3 711 000 kg” hija sostitwita b’“1 113 000 kg”;

(b)

fit-tabella dwar il-kwota tariffarja bin-numru tal-ordni 09.4522, fir-ringiela “Kwantità f’kg”, il-kwantità “500 000 kg” hija sostitwita b’“150 000 kg”;

(5)

L-Anness XII huwa emendat kif ġej:

(a)

fit-tabella dwar il-kwota tariffarja bin-numru tal-ordni 09.4213 ir-ringiela “Entrati speċifiċi li jridu jsiru fuq l-applikazzjoni tal-liċenzja u fuq il-liċenzja” hija sostitwita b’dan li ġej:

Entrati speċifiċi li jridu jsiru fuq l-applikazzjoni tal-liċenzja u fuq il-liċenzja

Fit-Taqsima 24 il-liċenzji għandu jkun fihom id-dikjarazzjoni ‘Ma għandhiex tintuża għall-prodotti li joriġinaw mill-Brażil, mit-Tajlandja, mill-Arġentina u mir-Renju Unit’”

(b)

fit-tabella dwar il-kwota tariffarja bin-numru tal-ordni 09.4412 ir-ringiela “Entrati speċifiċi li jridu jsiru fuq l-applikazzjoni tal-liċenzja u fuq il-liċenzja” hija sostitwita b’dan li ġej:

Entrati speċifiċi li jridu jsiru fuq l-applikazzjoni tal-liċenzja u fuq il-liċenzja

Fit-Taqsima 24 il-liċenzji għandu jkun fihom id-dikjarazzjoni ‘Ma għandhiex tintuża għall-prodotti li joriġinaw mill-Brażil, mit-Tajlandja, mill-Arġentina u mir-Renju Unit’”


ANNESS II

L-Anness I tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1988 huwa emendat kif ġej:

(1)

fit-taqsima taħt l-intestatura “Kwoti tariffarji fis-settur taċ-ċereali”, wara t-tabella relatata mal-kwota tariffarja bin-numru tal-ordni 09.0125, tiddaħħal it-tabella li ġejja relatata mal-kwota tariffarja bin-numru tal-ordni 09.0126:

Numru tal-ordni

09.0126

Bażi ġuridika speċifika

Il-Ftehim fil-forma ta’ Skambju ta’ Ittri bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Indoneżja, skont l-Artikolu XXVIII tal-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ (GATT) tal-1994, relatat mal-modifika ta’ konċessjonijiet fuq il-kwoti tariffarji kollha inklużi fl-Iskeda CLXXV tal-UE bħala konsegwenza tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea ((*)), konkluż mid-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2021/1197 ((**)).

Deskrizzjoni tal-prodott u kodiċijiet NM

Manjoka (kassava), jams (Dioscorea spp.), taro (Colocasia spp.), yautia (Xanthosoma spp.), arararut, salep u għeruq u tuberi simili b’kontenut għoli ta’ lamtu

ex 0714 10 00 (ara l-kodiċijiet TARIC) kif iddefinit fl-Artikolu 7 ta’ dan ir-Regolament

0714 30 00

0714 40 00

0714 50 00

0714 90 20

Kodiċijiet TARIC

0714100010

0714100099

Oriġini

L-Indoneżja

Kwantità

165 000 000  kg piż nett

Perjodu tal-kwoti tariffarji

L-1 ta’ Jannar sal-31 ta’ Diċembru

Subperjodi tal-kwoti tariffarji

Mhux applikabbli

Prova tal-oriġini

Ċertifikat tal-oriġini maħruġ mill-awtoritajiet kompetenti f’konformità mal-Artikolu 57 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/2447

Dazju doganali fil-kwota

6 % ad valorem

Garanzija li trid tiġi ppreżentata f’konformità mal-Artikolu 2 tar-Regolament Delegat (UE) 2020/1987

Mhux applikabbli

Kundizzjonijiet speċifiċi

Mhux applikabbli

(2)

fit-taqsima taħt l-intestatura “Kwoti tariffarji fis-settur tal-laħam tan-nagħaġ u l-laħam tal-mogħoż”, fit-tabella dwar il-kwoti tariffarji bin-numru tal-ordni 09.2105, 09.2106, 09.2012, fir-ringiela “Kwantità”, il-kwantità “3 837 000 kg” hija sostitwita bi “5 851 000 kg”.


((*))  ĠU L 260, 21.7.2021, p. 3.

((**))  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2021/1197 tat-13 ta’ Lulju 2021 dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni, tal-Ftehim fil-forma ta’ Skambju ta’ Ittri bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Indoneżja, skont l-Artikolu XXVIII tal-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ (GATT) tal-1994, relatat mal-modifika ta’ konċessjonijiet fuq il-kwoti tariffarji kollha inklużi fl-Iskeda CLXXV tal-UE bħala konsegwenza tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea (ĠU L 260, 21.7.2021, p. 1).”;


Top