This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32020R2180
Commission Delegated Regulation (EU) 2020/2180 of 18 December 2020 extending the reference period of Regulation (EU) 2020/1429 of the European Parliament and of the Council establishing measures for a sustainable rail market in view of the COVID-19 outbreak (Text with EEA relevance)
Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/2180 tat-18 ta’ Diċembru 2020 li jestendi l-perjodu ta’ referenza tar-Regolament (UE) 2020/1429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi miżuri għal suq ferrovjarju sostenibbli fid-dawl tat-tifqigħa tal-COVID-19 (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/2180 tat-18 ta’ Diċembru 2020 li jestendi l-perjodu ta’ referenza tar-Regolament (UE) 2020/1429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi miżuri għal suq ferrovjarju sostenibbli fid-dawl tat-tifqigħa tal-COVID-19 (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
C/2020/9260
ĠU L 433, 22.12.2020, p. 37–38
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force
22.12.2020 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 433/37 |
IR-REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/2180
tat-18 ta’ Diċembru 2020
li jestendi l-perjodu ta’ referenza tar-Regolament (UE) 2020/1429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi miżuri għal suq ferrovjarju sostenibbli fid-dawl tat-tifqigħa tal-COVID-19
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2020/1429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Ottubru 2020 li jistabbilixxi miżuri għal suq ferrovjarju sostenibbli fid-dawl tat-tifqigħa tal-COVID-19 (1) u, b’mod partikolari l-Artikolu 5(2) tiegħu,
Billi:
(1) |
Il-pandemija tal-COVID-19 wasslet għal tnaqqis kbir fit-traffiku ferrovjarju minħabba tnaqqis sinifikanti fid-domanda u l-miżuri diretti meħuda mill-Istati Membri biex irażżnu l-pandemija. |
(2) |
Dawn iċ-ċirkostanzi huma lil hinn mill-kontroll tal-impriżi ferrovjarji, li kontinwament kellhom jiffaċċjaw problemi konsiderevoli ta’ likwidità u ta’ telf kbir u li, f’xi każijiet, qed jirriskjaw l-insolvenza. |
(3) |
Sabiex ikunu jistgħu jiġġieldu l-effetti ekonomiċi negattivi tal-pandemija tal-COVID-19 u jappoġġjaw lill-impriżi ferrovjarji, ir-Regolament (UE) 2020/1429 jippermetti lill-Istati Membri jawtorizzaw lill-amministraturi tal-infrastruttura biex inaqqsu, jirrinunzjaw jew jiddifferixxu l-imposti għall-aċċess għall-infrastruttura ferrovjarja. Din il-possibbiltà kienet ingħatat mill-1 ta’ Marzu 2020 sal-31 ta’ Diċembru 2020 (“il-perjodu ta’ referenza”). |
(4) |
Il-limitazzjonijiet imposti fuq il-mobbiltà matul il-perjodu tal-pandemija kellhom impatt sinifikanti fuq l-użu tas-servizzi ferrovjarji tal-passiġġieri. Il-pandemija wasslet ukoll biex ħafna industriji naqqsu jew saħansitra waqqfu l-produzzjoni tagħhom u b’hekk naqqsu l-ammont ta’ merkanzija ttrasportata bil-ferrovija. Abbażi tad-data pprovduta mill-amministraturi tal-infrastruttura ferrovjarja fl-EU-27, il-pandemija laqtet lis-segment tas-servizzi tal-passiġġieri b’mod aktar qawwi, b’mod partikolari s-segment tas-servizzi tal-passiġġieri kummerċjali, li ra tnaqqis sinifikanti tal-offerta tiegħu fl-Istati Membri kollha. Bejn Marzu u Settembru 2020, is-servizzi tal-passiġġieri espressi fi tren-km naqsu b’16,9 % meta mqabbla mal-istess perjodu tas-sena ta’ qabel, filwaqt li s-servizzi tal-merkanzija naqsu bi 11,1 %. Bejn Marzu u Settembru 2020, is-servizzi tal-passiġġieri taħt l-obbligi tas-servizz pubbliku espressi fi tren-km naqsu bi 12,2 % meta mqabbla mal-istess perjodu tas-sena ta’ qabel, filwaqt li s-servizzi tal-passiġġieri kummerċjali naqsu b’37,3 %. It-traffiku tal-passiġġieri espress f’kilometri tal-passiġġieri naqas b’71,2 % fit-tieni trimestru tal-2020 meta mqabbel mal-istess perjodu tal-2019, filwaqt li t-traffiku tal-merkanzija espress f’kilometri ta’ tunnellati naqas bi 15,9 %. Din ix-xejra jista’ jkollha impatt kbir ħafna fuq il-kompetizzjoni fis-swieq ferrovjarji tal-passiġġieri, ir-realizzazzjoni ta’ żona ferrovjarja Ewropea tassew unika u, fl-aħħar mill-aħħar, it-tranżizzjoni lejn settur tat-trasport aktar sostenibbli b’aktar persuni u merkanzija jiċċaqilqu bil-ferrovija. |
(5) |
Id-data tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa turi li l-għadd ta’ każijiet irreġistrati ta’ kuljum fl-Ewropa reġa’ tela’ b’għadd konsiderevoli ta’ jiem jirreġistraw aktar minn 300 000 każ ġdid f’Ottubru 2020. |
(6) |
F’Novembru 2020, iċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard (ECDC) ikkalkula li “Madwar l-Unjoni Ewropea/iż-Żona Ekonomika Ewropea (UE/ŻEE) u r-Renju Unit (UK) kien hemm żieda konsiderevoli ulterjuri fl-infezzjonijiet bil-COVID-19 u s-sitwazzjoni attwali tirrappreżenta theddida kbira għas-saħħa pubblika” u li “s-sitwazzjoni epidemjoloġika attwali fil-biċċa l-kbira tal-pajjiżi hija ta’ tħassib serju minħabba li tippreżenta riskju dejjem jikber ta’ trażmissjoni, li jirrikjedi azzjoni immedjata u mmirata fis-saħħa pubblika”. |
(7) |
Wara dan l-iżvilupp, minn Ottubru, l-Istati Membri komplew jimponu limitazzjonijiet aktar stretti fuq il-mobbiltà. Għalhekk, ma hemmx prospetti ta’ rkupru rapidu tat-traffiku ferrovjarju fi żmien qasir. |
(8) |
B’hekk, jidher li t-tnaqqis fil-livell tat-traffiku ferrovjarju meta mqabbel mal-livell fil-perjodu korrispondenti fis-snin preċedenti, li għalih is-sena 2019 tipprovdi l-valuri ta’ referenza f’konformità mal-Artikolu 5(1) u (2) tar-Regolament (UE) 2020/1429, għadu qed jippersisti u din is-sitwazzjoni hija r-riżultat tal-impatt tat-tifqigħa tal-COVID-19. |
(9) |
Il-previżjonijiet jindikaw irkupru gradwali ħafna tal-ekonomija matul is-sentejn li ġejjin, hekk kif il-fiduċja tal-konsumaturi u l-indikaturi tas-sentiment ekonomiku nbidlu f’negattivi. Barra minn hekk, fid-dawl tad-data disponibbli għal perjodi preċedenti, kwalunkwe titjib fir-rigward tas-saħħa pubblika, pereżempju minħabba d-disponibbiltà ta’ vaċċin, jekk wieħed jassumi li tali titjib kellu jseħħ fl-ewwel nofs tal-2021, x’aktarx li jkollu effetti pożittivi sinifikanti fuq it-traffiku ferrovjarju biss b’dewmien konsiderevoli. Tali effetti pożittivi x’aktarx jimmaterjalizzaw mhux qabel it-tieni nofs tal-2021. |
(10) |
Għalhekk, jidher li t-tnaqqis fil-livell tat-traffiku ferrovjarju meta mqabbel mal-livell fil-perjodu korrispondenti fis-snin preċedenti x’aktarx li jippersisti sa dak iż-żmien u li din is-sitwazzjoni hija r-riżultat tal-impatt tat-tifqigħa tal-COVID-19. |
(11) |
Għalhekk, huwa meħtieġ li l-perjodu ta’ referenza stabbilit fl-Artikolu 1 tar-Regolament jiġi estiż sal-aħħar ta’ Ġunju 2021. |
(12) |
Huwa previst li dan ir-Regolament delegat jidħol fis-seħħ wara tmiem il-perjodu ta’ referenza attwalment previst fl-Artikolu 1 tar-Regolament (UE) 2020/1429. Sabiex tiġi evitata l-inċertezza legali, jenħtieġ li dan ir-Regolament jiġi adottat skont il-proċedura ta’ urġenza spjegata fid-dettall fl-Artikolu 7 tar-Regolament, u jenħtieġ li jidħol fis-seħħ bħala kwistjoni ta’ urġenza l-għada tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
L-Artikolu 1 tar-Regolament (UE) 2020/1429 huwa sostitwit b’dan li ġej:
“L-Artikolu 1
Dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli temporanji dwar l-impożizzjoni ta’ imposti għall-użu ta’ infrastruttura ferrovjarja kif stabbilit fil-Kapitolu IV tad-Direttiva 2012/34/UE. Dan japplika għall-użu tal-infrastrutturi ferrovjarji għal servizzi ferrovjarji domestiċi u internazzjonali koperti minn dik id-Direttiva, matul il-perjodu mill-1 ta’ Marzu 2020 sat-30 ta’ Ġunju 2021 (‘il-perjodu ta’ referenza’).”.
Artikolu 2
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, it-18 ta’ Diċembru 2020.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN