Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32020R1149

    Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2020/1149 tat-3 ta’ Awwissu 2020 li jemenda l-Anness XVII tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-Reġistrazzjoni, il-Valutazzjoni, l-Awtorizzazzjoni u r-Restrizzjoni ta’ Sustanzi Kimiċi (REACH) fir-rigward tad-diisoċjanati (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

    C/2020/5183

    ĠU L 252, 4.8.2020, p. 24–27 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2020/1149/oj

    4.8.2020   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 252/24


    REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/1149

    tat-3 ta’ Awwissu 2020

    li jemenda l-Anness XVII tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-Reġistrazzjoni, il-Valutazzjoni, l-Awtorizzazzjoni u r-Restrizzjoni ta’ Sustanzi Kimiċi (REACH) fir-rigward tad-diisoċjanati

    (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2006 dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta’ sustanzi kimiċi (REACH), li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, li jemenda d-Direttiva 1999/45/KE u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 793/93 tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 1488/94 tal-Kummissjoni kif ukoll id-Direttiva 76/769/KEE tal-Kunsill u d-Direttivi 91/155/KEE, 93/67/KEE, 93/105/KE u 2000/21/KE (1) tal-Kummissjoni, u b’mod partikolari l-Artikolu 68(1) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Id-diisoċjanati għandhom klassifikazzjoni armonizzata bħala sensitizzatur respiratorju tal-kategorija 1 u bħala sensitizzatur tal-ġilda tal-kategorija 1 skont ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2). Id-diisoċjanati jintużaw bħala moduli kimiċi f’firxa wiesgħa ta’ setturi u ta’ applikazzjonijiet, b’mod partikolari f’foams, f’sealants u f’kisjiet, fost oħrajn, fl-Unjoni kollha.

    (2)

    Fis-6 ta’ Ottubru 2016, il-Ġermanja ressqet quddiem l-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (“l-Aġenzija”) dossier (3) skont l-Artikolu 69(4) tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 (“id-dossier tal-Anness XV”), sabiex tinbeda l-proċedura ta’ restrizzjoni stabbilita fl-Artikoli 69 sa 73 ta’ dak ir-Regolament. Id-dossier tal-Anness XV kien jindika li s-sensitizzazzjoni respiratorja, minħabba l-esponiment kemm għall-ġilda kif ukoll man-nifs għad-diisoċjanati, twassal għall-ażma okkupazzjonali tal-ħaddiema, li ġiet identifikata bħala problema tas-saħħa okkupazzjonali sinifikanti fl-Unjoni. L-għadd annwali ta’ mard okkupazzjonali ġdid ikkawżat mid-diisoċjanati (stmati li huma aktar minn 5 000 każ) jitqies għoli b’mod inaċċettabbli. Id-dossier tal-Anness XV wera li hija meħtieġa azzjoni fil-livell tal-Unjoni u ppropona li jiġi limitat l-użu industrijali u professjonali, kif ukoll it-tqegħid fis-suq, tad-diisoċjanati waħedhom, kif ukoll bħala kostitwent ta’ sustanzi oħra u f’taħlitiet.

    (3)

    Ir-restrizzjoni proposta fid-dossier tal-Anness XV għandha l-għan li tillimita l-użu tad-diisoċjanati f’applikazzjonijiet industrijali u professjonali għal dawk il-każijiet fejn tiġi implimentata taħlita ta’ miżuri tekniċi u organizzattivi, u jkun ġie segwit kors ta’ taħriġ standardizzat minimu. Jeħtieġ li tiġi kkomunikata l-informazzjoni dwar kif jista’ jinkiseb aċċess għall-kors tul il-katina tal-provvista kollha u jenħtieġ li tkun ir-responsabbiltà tal-operaturi li jqiegħdu dawn is-sustanzi u t-taħlitiet fis-suq biex jiżguraw li l-korsijiet ta’ taħriġ ikunu disponibbli għar-riċevituri ta’ tali sustanzi jew taħlitiet.

    (4)

    Fil-5 ta’ Diċembru 2017, il-Kumitat tal-Valutazzjoni tar-Riskju (RAC) adotta l-opinjoni tiegħu (4), u kkonkluda li r-restrizzjoni proposta, kif modifikata mill-RAC, hija l-aktar miżura xierqa għall-Unjoni kollha biex jiġu indirizzati r-riskji identifikati li jirriżultaw minn dawn is-sustanzi f’termini tal-effettività biex jitnaqqsu dawk ir-riskji. Barra minn hekk, huwa kkunsidra li l-implimentazzjoni tar-restrizzjoni proposta modifikata tnaqqas ukoll l-għadd ta’ każijiet ta’ dermatite relatati mad-diisoċjanati.

    (5)

    L-RAC ikkonkluda li t-taħriġ xieraq huwa neċessità bażika, u li kull ħaddiem li jimmanipula d-diisoċjanati għandu jkollu għarfien suffiċjenti tal-perikli ta’ dawn is-sustanzi u għarfien tar-riskji relatati mal-użi tagħhom, kif ukoll għarfien suffiċjenti ta’ prattiki tajba ta’ ħidma u ta’ miżuri xierqa ta’ ġestjoni tar-riskji (RMMs), inkluż l-użu korrett ta’ tagħmir protettiv personali xieraq. L-RAC jinnota li huma meħtieġa miżuri partikolari ta’ taħriġ biex titqajjem sensibilizzazzjoni dwar l-importanza tal-protezzjoni tas-saħħa permezz ta’ RMMs xierqa u prattiki ta’ manipulazzjoni sikura.

    (6)

    L-RAC ikkunsidra li l-limitu ta’ qtugħ ta’ 0,1 % skont il-piż, stabbilit għad-diisoċjanati f’sustanza jew f’taħlita, jikkorrispondi għal-limitu ta’ konċentrazzjoni l-aktar baxx eżistenti għal diisoċjanati speċifiċi kklassifikati bħala sensitizzaturi respiratorji fil-kategorija 1. L-RAC qabel ukoll mal-preżentatur tad-dossier li l-implimentazzjoni ta’ limitu ta’ esponiment indikattiv jew vinkolanti okkupazzjonali ma tkunx biżżejjed biex tnaqqas l-għadd ta’ każijiet ta’ ażma okkupazzjonali għal livell kemm jista’ jkun baxx, peress li bħalissa, l-ebda limitu ma huwa magħruf għall-effett sensitizzanti tad-diisoċjanati.

    (7)

    Fil-15 ta’ Marzu 2018, il-Kumitat tal-Aġenzija għall-Analiżi Soċjoekonomika (“SEAC”) adotta l-opinjoni tiegħu (5), li fiha kkonferma l-konklużjoni tal-RAC li, fid-dawl tal-benefiċċji u l-kostijiet soċjoekonomiċi, ir-restrizzjoni proposta hija l-aktar miżura xierqa fl-Unjoni kollha biex jiġu indirizzati r-riskji identifikati. Barra minn hekk, l-SEAC ikkonkluda li r-restrizzjoni proposta hija affordabbli għall-ktajjen tal-provvista affettwati.

    (8)

    L-SEAC irrakkomanda differiment ta’ tmienja u erbgħin xahar għad-differiment tal-applikazzjoni tar-restrizzjoni sabiex jingħata biżżejjed żmien lill-atturi kollha għall-implimentazzjoni sħiħa tar-rekwiżiti ta’ restrizzjoni.

    (9)

    Il-Forum tal-Aġenzija għall-Iskambju ta’ Informazzjoni dwar l-Infurzar (“il-Forum”), imsemmi fl-Artikolu 76(1)(f) tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006, ġie kkonsultat dwar l-opinjonijiet tal-RAC u tal-SEAC b’rabta mar-restrizzjoni proposta u r-rakkomandazzjonijiet tiegħu ġew ikkunsidrati.

    (10)

    Fid-9 ta’ Mejju 2018, l-Aġenzija ressqet l-opinjonijiet tal-RAC u tal-SEAC lill-Kummissjoni. Fuq il-bażi ta’ dawk l-opinjonijiet, il-Kummissjoni tikkonkludi li riskju inaċċettabbli għas-saħħa tal-bniedem jirriżulta mill-użu jew mit-tqegħid fis-suq tad-diisoċjanati, waħedhom, bħala kostitwent ta’ sustanzi oħra u f’taħlitiet. Il-Kummissjoni tqis li dawn ir-riskji jridu jiġu indirizzati fil-livell tal-Unjoni.

    (11)

    Filwaqt li jitqiesu d-dossier tal-Anness XV kif ukoll l-opinjonijiet tal-RAC u tal-SEAC, il-Kummissjoni tqis li jenħtieġ li jiġi pprovdut rekwiżit minimu għat-taħriġ lill-utenti industrijali u professjonali mingħajr preġudizzju għall-obbligi nazzjonali aktar stretti fl-Istati Membri. Il-Kummissjoni tqis ukoll li jenħtieġ li l-informazzjoni ta’ dan ir-rekwiżit tiġi inkluża fl-imballaġġ.

    (12)

    Għall-fini ta’ reviżjonijiet futuri possibbli tar-restrizzjoni attwali, jenħtieġ li l-Istati Membri jirrapportaw lill-Kummissjoni f’konformità mal-Artikolu 117(1) tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006, kwalunkwe rekwiżit ta’ taħriġ stabbilit, l-għadd ta’ każijiet irrapportati ta’ ażma okkupazzjonali u ta’ mard respiratorju okkupazzjonali u tal-ġilda, kwalunkwe livell nazzjonali ta’ esponiment okkupazzjonali u l-informazzjoni dwar l-attivitajiet ta’ infurzar.

    (13)

    Mingħajr preġudizzju għal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar is-sikurezza u s-saħħa fuq il-post tax-xogħol, b’mod partikolari d-Direttiva tal-Kunsill 98/24/KE dwar l-aġenti kimiċi (6), din ir-restrizzjoni hija maħsuba biex issaħħaħ il-kapaċità ta’ min iħaddem biex dawn jiksbu livell ogħla ta’ kontroll tar-riskju. L-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju se jibbenefikaw minn dan l-att, li se jkompli jtejjeb l-implimentazzjoni tar-rekwiżiti attwali tas-sikurezza u s-saħħa fuq il-post tax-xogħol billi jipprovdi programmi ta’ taħriġ speċifiċi għad-diisoċjanjati tul il-katina tal-provvista kollha kemm hi.

    (14)

    Jenħtieġ li l-operaturi ekonomiċi jingħataw perjodu twil biżżejjed biex jadattaw għar-rekwiżiti l-ġodda. Jixraq li jkun hemm perjodu ta’ tranżizzjoni ta’ tliet snin biex il-ħaddiema kkonċernati jkunu jistgħu jwettqu t-taħriġ meħtieġ.

    (15)

    Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament (KE) Nru 1907/2006 jiġi emendat skont dan.

    (16)

    Il-miżuri stipulati f’dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat stabbilit f’konformità mal-Artikolu 133 tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    L-Anness XVII tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 huwa emendat f’konformità mal-Anness ta’ dan ir-Regolament.

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, it-3 ta’ Awwissu 2020.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Ursula VON DER LEYEN


    (1)  ĠU L 396, 30.12.2006, p. 1.

    (2)  Ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar il-klassifikazzjoni, l-ittikkettar u l-imballaġġ tas-sustanzi u t-taħlitiet, li jemenda u jħassar id-Direttivi 67/548/KEE u 1999/45/KE, u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1907/2006, (ĠU L 353, 31.12.2008, p. 1).

    (3)  https://echa.europa.eu/documents/10162/63c411e5-cf0f-dc5e-ff83-1e8de7e4e282

    (4)  https://echa.europa.eu/documents/10162/737bceac-35c3-77fb-ba7a-0e417a81aa4a

    (5)  https://echa.europa.eu/documents/10162/d6794aa4-8e3a-6780-d079-77237244f5f9

    (6)  Id-Direttiva tal-Kunsill 98/24/KE tas-7 ta’ April 1998 dwar il-protezzjoni tas-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema mir-riskji li għandhom x’jaqsmu mal-aġenti kimiċi fuq il-post tax-xogħol (ĠU L 131, 5.5.1998, p. 11).


    ANNESS

    Fl-Anness XVII tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006, tiżdied l-entrata li ġejja:

    ‘74. Diisoċjanati, O = C=N-R-N = C=O, meta R tkun unità tal-idrokarburi alifatiċi jew aromatiċi ta’ tul mhux speċifikat”

    1.

    Ma għandhomx jintużaw bħala sustanzi waħedhom, bħala kostitwent f’sustanzi oħra jew f’taħlitiet għal użu/i industrijali u professjonali wara l-24 ta’ Awwissu 2023, ħlief jekk:

    (a)

    il-konċentrazzjoni tad-diisoċjanati individwalment u f’kombinazzjoni tkun inqas minn 0,1 % skont il-piż, jew

    (b)

    min iħaddem jew min jaħdem għal rasu jiżgura li l-utent(i) industrijali jew professjonali jkunu temmew b’suċċess it-taħriġ dwar l-użu sikur tad-diisoċjanati, qabel l-użu tas-sustanza/i jew tat-taħlita/iet.

    2.

    Ma għandhomx jitqiegħdu fis-suq bħala sustanzi waħedhom, bħala kostitwent f’sustanzi oħra jew f’taħlitiet għal użu/i industrijali u professjonali wara l-24 ta’ Frar 2022, ħlief jekk:

    (a)

    il-konċentrazzjoni tad-diisoċjanati individwalment u f’kombinazzjoni tkun inqas minn 0,1 % skont il-piż, jew

    (b)

    il-fornitur jiżgura li r-riċevitur tas-sustanza/i jew tat-taħlita/iet jiġi pprovdut b’informazzjoni dwar ir-rekwiżiti msemmija fil-punt (b) tal-paragrafu 1 u d-dikjarazzjoni li ġejja titqiegħed fuq l-imballaġġ, b’mod li tingħaraf viżibbilment mill-bqija tal-informazzjoni tat-tikketta: “Mill-24 ta’ Awwissu 2023 huwa meħtieġ taħriġ adegwat qabel l-użu industrijali jew professjonali”.

    3.

    Għall-fini ta’ din l-entrata, “utent(i) industrijali u professjonali” tfisser kwalunkwe ħaddiem jew ħaddiem li jaħdem għal rasu li jimmanipula d-diisoċjanati waħedhom, bħala kostitwent f’sustanzi oħra jew f’taħlitiet għal użu/i industrijali u professjonali jew li jissorvelja dawn il-kompiti.

    4.

    It-taħriġ imsemmi fil-punt (b) tal-paragrafu 1 għandu jinkludi l-istruzzjonijiet għall-kontroll tal-esponiment mill-ġilda u min-nifs għad-diisoċjanati fuq il-post tax-xogħol mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe valur ta’ limitu ta’ esponiment okkupazzjonali nazzjonali jew għal kwalunkwe miżura xierqa ta’ ġestjoni tar-riskju fil-livell nazzjonali. Tali taħriġ għandu jitwettaq minn espert dwar is-saħħa u s-sikurezza okkupazzjonali b’kompetenza miksuba mit-taħriġ vokazzjonali rilevanti. Dak it-taħriġ għandu jkopri bħala minimu:

    (a)

    l-elementi ta’ taħriġ fil-punt (a) tal-paragrafu 5 għal kull użu/i industrijali u professjonali.

    (b)

    l-elementi ta’ taħriġ fil-punti (a) u (b) tal-paragrafu 5 għall-użi li ġejjin:

    il-manipulazzjoni ta’ taħlitiet aperti f’temperatura ambjentali (inklużi tunnels tal-foam);

    l-isprejjar f’kabina vventilata;

    l-applikazzjoni bir-romblu;

    l-applikazzjoni bil-pinzel;

    l-applikazzjoni bit-tgħaddis u bit-tferrigħ;

    it-trattament mekkaniku ta’ segwitu (eż. qtugħ) ta’ oġġetti li għadhom ma bbiesux u li ma għadhomx sħan;

    it-tindif u l-iskart;

    kwalunkwe użu ieħor b’esponiment simili permezz tal-ġilda u/jew tan-nifs;

    (c)

    l-elementi ta’ taħriġ fil-punti (a), (b) u (c) tal-paragrafu 5 għall-użi li ġejjin:

    il-manipulazzjoni ta’ oġġetti li għadhom ma bbiesux (eż. ikunu għadhom kif ibbiesu u li għadhom sħan);

    l-applikazzjonijiet tal-funderiji;

    il-manutenzjoni u t-tiswija li teħtieġ aċċess għal tagħmir;

    il-manipulazzjoni fl-apert ta’ formulazzjonijiet sħan jew sħan ħafna (> 45 °C);

    l-isprejjar fl-apert, b’ventilazzjoni limitata jew b’ventilazzjoni naturali biss (inklużi swali tax-xogħol industrijali kbar) u l-isprejjar b’enerġija għolja (eż. foams, elastomeri);

    u kwalunkwe użu ieħor b’esponiment simili permezz tal-ġilda u/jew tan-nifs.

    5.

    Elementi tat-taħriġ:

    (a)

    it-taħriġ ġenerali, inkluż it-taħriġ online, dwar:

    il-kimika tad-diisoċjanati;

    ir-riskji ta’ tossiċità (inkluż it-tossiċità akuta)

    l-esponiment għad-diisoċjanati;

    il-valuri ta’ limitu ta’ esponiment okkupazzjonali;

    kif tista’ tiġi żviluppata s-sensitizzazzjoni;

    ir-riħa bħala indikazzjoni tal-periklu;

    l-importanza tal-volatilità għar-riskju;

    il-viskożità, it-temperatura u l-piż molekulari tad-diisoċjanati;

    l-iġjene personali;

    it-tagħmir ta’ protezzjoni personali meħtieġ, inkluż struzzjonijiet prattiċi għall-użu korrett tiegħu u dwar il-limitazzjonijiet tiegħu;

    ir-riskju ta’ kuntatt mal-ġilda u tal-esponiment min-nifs;

    ir-riskju fir-rigward tal-proċess ta’ applikazzjoni użat;

    l-iskema għall-protezzjoni tal-ġilda u tal-inalazzjoni;

    il-ventilazzjoni;

    it-tindif, it-tnixxijiet, il-manutenzjoni;

    ir-rimi ta’ imballaġġ vojt;

    il-protezzjoni ta’ persuni fil-qrib;

    l-identifikazzjoni ta’ stadji kritiċi ta’ manipulazzjoni;

    is-sistemi ta’ kodiċijiet nazzjonali speċifiċi (jekk applikabbli);

    is-sikurezza bbażata fuq l-imġiba;

    iċ-ċertifikazzjoni jew il-prova dokumentata li t-taħriġ twettaq b’suċċess

    (b)

    it-taħriġ f’livell intermedju, inkluż it-taħriġ online, dwar:

    aspetti addizzjonali bbażati fuq l-imġiba;

    il-manutenzjoni;

    il-ġestjoni tal-bidla;

    l-evalwazzjoni tal-istruzzjonijiet ta’ sikurezza eżistenti;

    ir-riskju fir-rigward tal-proċess ta’ applikazzjoni użat;

    iċ-ċertifikazzjoni jew il-prova dokumentata li t-taħriġ twettaq b’suċċess

    (c)

    it-taħriġ avvanzat, inkluż it-taħriġ online, dwar:

    kwalunkwe ċertifikazzjoni addizzjonali meħtieġa għall-użi speċifiċi koperti;

    l-isprejjar barra l-kabina tal-isprejjar;

    il-manipulazzjoni fl-apert ta’ formulazzjonijiet sħan jew sħan ħafna (> 45 °C);

    iċ-ċertifikazzjoni jew il-prova dokumentata li t-taħriġ twettaq b’suċċess

    6.

    It-taħriġ għandu jikkonforma mad-dispożizzjonijiet stabbiliti mill-Istat Membru li fih jopera(w) l-utent(i) industrijali jew professjonali. L-Istati Membri jistgħu jimplimentaw jew ikomplu japplikaw ir-rekwiżiti nazzjonali tagħhom stess għall-użu tas-sustanz/i jew tat-taħlita/iet, sakemm jiġu ssodisfati r-rekwiżiti minimi stabbiliti fil-paragrafi 4 u 5.

    7.

    Il-fornitur imsemmi fil-punt (b) tal-paragrafu 2 għandu jiżgura li r-riċevitur jiġi pprovdut bil-materjal u l-korsijiet tat-taħriġ skont il-paragrafi 4 u 5 fil-lingwa/i uffiċjali tal-Istat(i) Membru/i fejn jiġu fornuti s-sustanza/i jew it-taħlita/iet. It-taħriġ għandu jqis l-ispeċifiċità tal-prodotti fornuti inkluż il-kompożizzjoni, l-imballaġġ, u d-disinn.

    8.

    Min iħaddem jew min jaħdem għal rasu għandu jiddokumenta t-twettiq b’suċċess tat-taħriġ imsemmi fil-paragrafi 4 u 5. It-taħriġ għandu jiġġedded mill-inqas kull ħames snin.

    9.

    Skont l-Artikolu 117(1) fir-rapporti tagħhom l-Istat(i) Membru/i għandhom jinkludu l-informazzjoni li ġejja:

    (a)

    kwalunkwe rekwiżit ta’ taħriġ stabbilit u kwalunkwe miżura oħra ta’ ġestjoni tar-riskju relatati mal-użi industrijali u professjonali tad-diisoċjanati previsti fil-liġi nazzjonali;

    (b)

    l-għadd ta’ każijiet irrapportati u rikonoxxuti ta’ ażma okkupazzjonali u ta’ mard respiratorju okkupazzjonali u tal-ġilda b’rabta mad-diisoċjanati;

    (c)

    il-limiti ta’ esponiment nazzjonali għad-diisoċjanati, jekk ikun hemm;

    (d)

    l-informazzjoni dwar l-attivitajiet ta’ infurzar relatati ma’ din ir-restrizzjoni

    10.

    Din ir-restrizzjoni għandha tapplika mingħajr preġudizzju għal leġiżlazzjoni oħra tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tas-sikurezza u s-saħħa tal-ħaddiema fuq il-post tax-xogħol.’


    Top