Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32020D2228

    Deċiżjoni (UE) 2020/2228 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Diċembru 2020 dwar is-Sena Ewropea tal-Ferroviji (2021)

    ĠU L 437, 28.12.2020, p. 108–115 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2020/2228/oj

    28.12.2020   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 437/108


    DEĊIŻJONI (UE) 2020/2228 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    tat-23 ta’ Diċembru 2020

    dwar is-Sena Ewropea tal-Ferroviji (2021)

    IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 91 tiegħu,

    Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

    Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

    Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

    Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni (2),

    Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (3),

    Billi:

    (1)

    Fil-komunikazzjoni tagħha tal-11 ta’ Diċembru 2019, intitolata ‘Il-Patt Ekoloġiku Ewropew’ (il-”komunikazzjoni dwar il-Patt Ekoloġiku Ewropew”), il-Kummissjoni stabbiliet Patt Ekoloġiku Ewropew għall-Unjoni u għaċ-ċittadini tagħha. Il-Patt Ekoloġiku Ewropew huwa strateġija ġdida ta’ tkabbir li għandha l-għan li tittrasforma l-Unjoni f’soċjetà ġusta u prospera, b’ekonomija moderna, effiċjenti fl-użu tar-riżorsi u kompetittiva fejn ma jkunx hemm emissjonijiet netti ta’ gassijiet b’effett ta’ serra fl-2050 u fejn it-tkabbir ekonomiku jkun diżakkoppjat mill-użu tar-riżorsi.

    (2)

    Fil-konklużjonijiet tiegħu tat-12 ta’ Diċembru 2019, il-Kunsill Ewropew approva l-objettiv li tinkiseb Unjoni newtrali għall-klima sal-2050.

    (3)

    Fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta’ Jannar 2020, il-Parlament Ewropew laqa’ tajjeb il-komunikazzjoni dwar “il-Patt Ekoloġiku Ewropew” u appella għat-tranżizzjoni meħtieġa lejn soċjetà newtrali għall-klima sal-2050.

    (4)

    F’konformità mal-objettivi stabbiliti fil-komunikazzjoni dwar il-Patt Ekoloġiku Ewropew, hemm bżonn li l-ekonomija tal-Unjoni tinbidel u li jitfasslu mill-ġdid il-politiki, b’mod partikolari fil-qasam tat-trasport u l-mobilità. It-trasport jirrappreżenta kwart tal-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra tal-Unjoni, sehem li għadu qed jikber. Biex tinkiseb in-newtralità klimatika jeħtieġ li jkun hemm tnaqqis ta’ 90 % fl-emissjonijiet mit-trasport sal-2050. Il-kisba ta’ trasport intermodali sostenibbli tirrikjedi li l-utenti jitpoġġew l-ewwel u jiġu pprovduti b’alternattivi aktar affordabbli, aċċessibbli, aktar favorevoli għas-saħħa u aktar nodfa u aktar effiċjenti fl-użu tal-enerġija mid-drawwiet attwali tal-mobilità tagħhom, filwaqt li jiġu inkoraġġiti dawk li diġà qed jużaw modi sostenibbli tat-trasport bħall-mixi, ir-roti u t-trasport pubbliku.

    (5)

    Il-Patt Ekoloġiku Ewropew jimplika li titħaffef il-bidla lejn mobilità sostenibbli u intelliġenti biex jiġu indirizzati dawk l-isfidi. B’mod partikolari, parti sostanzjali mill-75 % ta’ merkanzija interna li tinġarr illum bit-triq jenħtieġ li tingħadda fuq il-ferroviji u l-passaġġi fuq l-ilma interni. Sabiex isseħħ dik il-bidla, huma meħtieġa investimenti sinifikanti, inklużi investimenti magħmula fil-kuntest tal-irkupru, u parti essenzjali minnhom se tkun relatata mal-implimentazzjoni tan-Network Trans-Ewropew tat-Trasport (TEN-T) u l-isforzi biex tiżdied l-effiċjenza tal-kurituri tat-trasport ferrovjarju tal-merkanzija.

    (6)

    Il-ferrovija għandha rwol sinifikanti x’taqdi bħala fattur ta’ bidla biex jintlaħaq l-objettiv ta’ newtralità klimatika sal-2050. Huwa wieħed mill-aktar mezzi ta’ trasport li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent u li huma effiċjenti fl-użu tal-enerġija. Il-ferroviji huma ġeneralment elettriċizzati u jemettu ferm anqas CO2 minn vjaġġar ekwivalenti bit-triq jew bl-ajru. Huma l-uniku mezz tat-trasport li konsistentement naqqas l-emissjonijiet tiegħu ta’ gassijiet b’effett ta’ serra u l-emissjonijiet tas-CO2 mill-1990 ‘l hawn. Barra minn hekk, il-ferroviji naqqsu l-konsum tal-enerġija tagħhom bejn l-1990 u l-2016 u qed jużaw dejjem aktar sorsi ta’ enerġija rinnovabbli.

    (7)

    Il-kriżi tal-COVID-19 laqtet eċċezzjonalment ħażin lis-settur tat-trasport. Minkejja r-restrizzjonijiet operazzjonali u finanzjarji, is-settur żamm konnessjonijiet kruċjali, kemm għat-trasport ta’ persuni kif ukoll għat-trasport ta’ oġġetti essenzjali. Dan kien possibbli prinċipalment bis-saħħa tal-impjegati li komplew jaħdmu f’kundizzjonijiet diffiċli u inċerti. Ir-rwol strateġiku li żvolġew il-ferroviji matul il-kriżi tal-COVID-19 enfasizza li l-kisba taż-żona ferrovjarja unika Ewropea, stabbilita bid-Direttiva 2012/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), hija meħtieġa kemm biex tiġi ffaċilitata l-provvista ta’ oġġetti essenzjali bħall-ikel, il-mediċini u l-fjuwil, b’mod partikolari f’ċirkostanzi eċċezzjonali, u biex jintlaħqu objettivi usa’ tal-politika tat-trasport.

    (8)

    Billi jgħaqqad ir-rotot ewlenin tat-trasport tal-Unjoni mar-reġjuni u t-territorji periferiċi, muntanjużi u remoti tagħha, inkluż fil-livell reġjonali u lokali, u billi jistabbilixxi u jerġa’ jdaħħal konnessjonijiet transfruntiera reġjonali nieqsa, is-settur ferrovjarju jikkontribwixxi għall-koeżjoni soċjali, ekonomika u territorjali fil-livell kontinentali, nazzjonali, reġjonali u lokali. Barra minn hekk, f’żoni remoti u rurali, in-networks li jiggarantixxu l-provvista ta’ servizzi bażiċi lill-popolazzjoni huma sikwit inqas u huma inqas żviluppati. Ir-reġjuni periferiċi spiss jiffaċċjaw sitwazzjoni diffiċli doppja li jkunu ta’ natura rurali u li jkunu fil-periferija tan-networks nazzjonali.

    (9)

    Filwaqt li s-sehem tal-passiġġieri tal-ferroviji fit-trasport fuq l-art fl-Unjoni żdied bi ftit mill-2007 ‘l hawn, is-sehem tal-merkanzija bil-ferrovija naqas. Għad fadal ħafna ostakli biex tinkiseb tassew żona ferrovjarja unika Ewropea. Is-settur tal-ferroviji xi kultant huwa mxekkel inter alia minn prattiki kummerċjali u operazzjonali skaduti, minn infrastruttura u vetturi ferrovjarji li qed jiqdiemu u minn vaguni storbjużi. Jekk jingħelbu dawk l-ostakli flimkien mat-tnaqqis tal-ispejjeż, l-istudju ta’ skemi tal-Unjoni biex jiġu supplementati l-mekkaniżmi nazzjonali għal appoġġ mhux diskriminatorju għall-operaturi tal-ferrovija, u l-aċċellerazzjoni tal-innovazzjoni, dan jippermetti lill-ferroviji jilħqu l-potenzjal sħiħ tagħhom, filwaqt li jiġi żgurat il-funzjonament tas-suq intern, jiżdied it-traffiku ferrovjarju u jkomplu jittejbu l-livelli ta’ sikurezza diġà għoljin. Għalhekk, is-settur tal-ferrovija jeħtieġ spinta oħra biex isir aktar attraenti kemm għall-vjaġġaturi, għall-impjegati, kif ukoll għan-negozji.

    (10)

    Il-ministri għat-Trasport minn maġġoranza ta’ Stati Membri esprimew l-impenn tagħhom li jappoġġaw aġenda Ewropea għall-ferroviji internazzjonali tal-passiġġieri, permezz ta’ dikjarazzjoni politika ppreżentata waqt il-vidjokonferenza informali tal-ministri għat-trasport tal-UE fl-4 ta’ Ġunju 2020.

    (11)

    Sabiex jiġi promoss it-trasport ferrovjarju f’konformità mal-objettivi stabbiliti fil-komunikazzjoni dwar il-Patt Ekoloġiku Ewropew, inkluż fir-rigward tal-mobilità sostenibbli u intelliġenti, is-sena 2021 jenħtieġ li tintgħażel bħala s-Sena Ewropea tal-Ferroviji (is-”Sena Ewropea”). Is-sena 2021 se tkun importanti għall-politika ferrovjarja tal-Unjoni, billi se tirrappreżenta l-ewwel sena sħiħa li fiha se jiġu implimentati r-regoli miftiehma fil-qafas tar-Raba’ Pakkett Ferrovjarju fl-Unjoni kollha, jiġifieri dwar il-ftuħ tas-suq tas-servizzi domestiċi tal-passiġġieri, dwar it-tnaqqis tal-ispejjeż u l-piż amministrattiv għall-impriżi ferrovjarji li joperaw madwar l-Unjoni u l-għoti ta’ kompiti addizzjonali lill-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ferroviji (ERA) li għandhom l-għan li jnaqqsu l-ostakli tekniċi. Hemm interess pubbliku dejjem jikber fil-ferroviji, inkluż fil-ferroviji ta’ billejl, f’għadd ta’ Stati Membri, kif muri bil-popolarità ta’ DiscoverEU. Barra minn hekk, il-festival internazzjonali tal-arti “Europalia” se jiddedika l-edizzjoni tal-2021 tiegħu għall-influwenza tal-ferroviji fuq l-arti u se jenfasizza r-rwol tal-ferroviji bħala promotur b’saħħtu ta’ bidla soċjali, ekonomika, industrijali u ekoloġika. Is-sena Ewropea għandha tikkontribwixxi għal dibattitu pan-Ewropew dwar il-futur tal-ferroviji.

    (12)

    Fil-livell tal-Unjoni, l-allokazzjoni finanzjarja meħtieġa għall-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni se tinvolvi finanzjament xieraq li jrid jiġi determinat fil-kuntest tal-proċedura baġitarja għall-2021 f’konformità mal-qafas finanzjarju pluriennali għall-2021-2027. Mingħajr preġudizzju għas-setgħat tal-awtorità baġitarja, jenħtieġ li l-għan ikun li jiġi pprovdut finanzjament għall-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni mill-1 ta’ Jannar 2021 sal-31 ta’ Diċembru 2022 ta’ mill-inqas EUR 8 miljun.

    (13)

    Il-persuni li jivvjaġġaw bejn djarhom u l-post tax-xogħol tagħhom jammontaw għal 80 % sa 90 % tal-passiġġieri tal-ferroviji kollha. Dan ifisser li l-agglomerazzjonijiet urbani huma kontributuri sinifikanti għall-prestazzjoni ġenerali tat-trasport ferrovjarju tal-passiġġieri. Il-mobilità urbana intelliġenti tiddependi fuq il-modernizzazzjoni u r-rinnovazzjoni ta’ linji suburbani u reġjonali li mhumiex użati biżżejjed biex iwasslu għal impatt ekoloġiku baxx u koeżjoni soċjali u ekonomika.

    (14)

    Matul is-Sena Ewropea, jenħtieġ li l-Kummissjoni tikkunsidra li tniedi studju dwar il-fattibbiltà tal-ħolqien ta’ tikketta Ewropea biex tippromwovi oġġetti u l-prodotti ttrasportati bil-ferrovija sabiex tħeġġeġ lin-negozji jaqilbu t-trasport tagħhom għall-ferroviji. Bl-istess mod, jenħtieġ li l-Kummissjoni tikkunsidra li tniedi studju dwar il-fattibbiltà bil-ħsieb li tintroduċi indiċi tal-konnettività ferrovjarja”, bil-għan tal-kategorizzazzjoni tal-livell ta’ integrazzjoni miksub permezz tal-użu tas-servizzi fuq in-network ferrovjarju.

    (15)

    Ir-rwol ta’ persunal motivat ma jistax jiġi valutat iżżejjed, peress li huma jiggarantixxu li l-operazzjonijiet jimxu bla xkiel. Sabiex jilħaq il-potenzjal sħiħ tiegħu, is-settur ferrovjarju jeħtieġ li jiddiversifika l-forza tax-xogħol tiegħu u, b’mod partikolari, biex jattira n-nisa u l-ħaddiema żgħażagħ. Dik il-politika jenħtieġ li tiġi promossa fil-livelli istituzzjonali kollha.

    (16)

    It-titjib tal-attrattività tal-ferroviji jirrikjedi li servizzi jkunu ċċentrati fuq l-utent u li jiġu organizzati u ddisinjati b’mod li joffru valur tajjeb, affidabbiltà konsistenti, kwalità eċċellenti ta’ servizz u pprezzar attraenti.

    (17)

    Minħabba li l-għanijiet ta’ din id-Deċiżjoni, jiġifieri l-promozzjoni tat-trasport ferrovjarju bħala mod ta’ trasport sostenibbli, innovattiv, interkonness u intermodali, sikur u affordabbli, u bħala element importanti fiż-żamma u l-iżvilupp ta’ relazzjonijiet tajbin bejn l-Unjoni u l-pajjiżi ġirien tagħha, kif ukoll biex tiġi enfasizzata d-dimensjoni Ewropea transfruntiera tal-ferroviji u biex jissaħħaħ il-kontribut tal-ferroviji għall-ekonomija, l-industrija u s-soċjetà tal-Unjoni, ma jistgħux jinkisbu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri iżda jistgħu pjuttost, permezz tal-ħtieġa ta’ skambju transnazzjonali ta’ informazzjoni u tixrid tal-aħjar prattiki madwar l-Unjoni, jinkisbu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà, kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, din id-Deċiżjoni ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħqu dawk l-għanijiet,

    ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Suġġett

    Is-sena 2021 għandha tkun deżinjata bħala “s-Sena Ewropea tal-Ferroviji” (“Is-Sena Ewropea”).

    Artikolu 2

    Objettivi

    L-objettiv ġenerali tas-Sena Ewropea tal-Ferroviji għandu jkun li tħeġġeġ u tappoġġa l-isforzi tal-Unjoni, Stati Membri, l-awtoritajiet reġjonali u lokali, u organizzazzjonijiet oħra biex jiżdied is-sehem tal-passiġġieri u l-merkanzija li jivvjaġġaw u jinġarru bil-ferrovija. L-objettivi speċifiċi tas-Sena Ewropea għandhom ikunu li:

    (a)

    tippromwovi t-trasport ferrovjarju bħala mod ta’ trasport sostenibbli, innovattiv, interkonness u intermodali, sikur u affordabbli, b’mod partikolari billi tenfasizza r-rwol tal-ferroviji:

    (i)

    bħala fattur ta’ bidla li jgħin biex jintlaħaq l-objettiv ta’ newtralità klimatika tal-Unjoni sal-2050,

    (ii)

    bħala pilastru ta’ network loġistiku effiċjenti, li jkun kapaċi jiggarantixxi servizzi essenzjali, anke matul kriżijiet mhux mistennija, u

    (iii)

    bħala mod tat-trasport li jilħaq lill-pubbliku usa’, speċjalment iż-żgħażagħ, inter alia billi l-ferroviji jiġu ppreżentati bħala opportunità ta’ karriera attraenti;

    (b)

    tenfasizza wkoll id-dimensjoni Ewropea, transfruntiera tal-ferroviji, li tqarreb liċ-ċittadini lejn xulxin, tippermettilhom li jesploraw l-Unjoni fid-diversità kollha tagħha, trawwem il-koeżjoni soċjoekonomika u territorjali u tikkontribwixxi għall-integrazzjoni tas-suq intern tal-Unjoni, b’mod partikolari billi tiżgura konnettività aħjar fi ħdan il-periferija ġeografika tagħha u mal-periferija, inkluż permezz tal-konnessjonijiet reġjonali transfruntieri;

    (c)

    ttejjeb il-kontribut tal-ferroviji għall-ekonomija tal-Unjoni, għall-industrija tagħha, inkluża l-kompetittività globali tagħha, għall-kummerċ tagħha u għas-soċjetà tagħha, b’mod partikolari dawk l-aspetti relatati mal-iżvilupp reġjonali u lokali, it-turiżmu sostenibbli, l-edukazzjoni, iż-żgħażagħ u l-kultura, u biex ittejjeb l-aċċessibbiltà għall-persuni b’diżabilità jew persuni b’mobilità mnaqqsa, u b’mod partikolari tingħata attenzjoni għall-ħtiġijiet ta’ persuni anzjani;

    (d)

    tikkontribwixxi għall-promozzjoni tal-ferroviji bħala element importanti fir-relazzjonijiet bejn l-Unjoni u l-pajjiżi ġirien tagħha, billi tibni fuq interessi u ħtiġijiet fil-pajjiżi sħab u fuq l-għarfien espert fit-trasport ferrovjarju, kemm fi ħdan l-Unjoni kif ukoll lil hinn minnha;

    (e)

    tibni fuq il-qawwa tal-ferroviji biex tistimula l-immaġinazzjoni kollettiva, b’mod partikolari permezz tal-istorja tal-ferroviji u l-wirt kulturali tagħhom, filwaqt li tfakkar fil-kontribut li l-ferroviji kellhom fil-ħolqien tal-prosperità Ewropea u r-rwol tagħhom fl-iżvilupp ta’ teknoloġiji avvanzati;

    (f)

    tippromwovi l-attrattività tal-professjonijiet ferrovjarji, b’mod partikolari billi tenfasizza d-domanda għal ħiliet ġodda u l-importanza ta’ kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti u sikuri u li tiġi indirizzata l-ħtieġa li tiżdied id-diversità fil-forza tax-xogħol;

    (g)

    tippromwovi r-rwol ewlieni tal-ferroviji fit-trasport internazzjonali tal-passiġġieri fi ħdan l-Unjoni;

    (h)

    tippromwovi network ferrovjarju tal-Unjoni ta’ billejl u tinkoraġġixxi inizjattivi li jissottolinjaw in-natura transfruntiera tagħha bl-użu ta’ simboli li jirrappreżentaw l-Unjoni;

    (i)

    toħloq kuxjenza pubblika dwar ir-rwol potenzjali tal-ferroviji fl-iżvilupp tat-turiżmu sostenibbli fl-Ewropa;

    (j)

    tippromwovi r-rwol ewlieni tal-ferroviji fil-mobilità sostenibbli minn tarf sa tarf, li jgħaqqdu l-hubs u jippermettu trasferiment attraenti u intelliġenti bejn il-modi tat-trasport;

    (k)

    tikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tar-Raba’ Pakkett Ferrovjarju u għall-qawmien ta’ kuxjenza dwar il-miżuri meħtieġa biex tiġi stabbilita żona ferrovjarja unika Ewropea, imsejsa fuq it-TEN-T li jiffunzjona tajjeb;

    (l)

    tistimula diskussjoni dwar kif għandhom jiġu mmodernizzati l-vetturi ferrovjarji u dwar kif għandha tiżdied u tiġi żviluppata aktar il-kapaċità tal-infrastruttura ferrovjarja sabiex jiġi ffaċilitat l-użu aktar mifrux tat-trasport tal-passiġġieri u tal-merkanzija bil-ferroviji, filwaqt li f’dan il-kuntest tenfasizza l-importanza tal-kooperazzjoni fost l-amministraturi tal-infrastruttura, ir-riċerka u l-innovazzjoni u r-rwol tal-Impriża Konġunta Shift2Rail stabbilita bir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 642/2014 (5);

    (m)

    tippromwovi avvenimenti u inizjattivi għat-tixrid ta’ informazzjoni dwar id-drittijiet tal-passiġġieri tal-ferroviji u tistimula l-kooperazzjoni fost l-atturi kollha sabiex titjieb l-informazzjoni għall-konsumatur u s-sistemi tal-biljetti, inkluża l-offerta ta’ biljetti globali u l-iżvilupp ta’ biljetti multimodali diġitali innovattivi, kif ukoll li tipprovdi informazzjoni dwar l-isfidi attwali f’dak ir-rigward, bħal l-ħtieġa għall-kondiviżjoni tad-data fost atturi.

    Artikolu 3

    Kontenut tal-miżuri

    1.   Il-miżuri li għandhom jittieħdu biex jintlaħqu l-għanijiet stipulati fl-Artikolu 2 għandhom jiġu kkoordinati mill-qrib ma’ attivitajiet li qed isiru li jippromwovu t-trasport ferrovjarju. Dawk il-miżuri għandhom jinkludu l-attivitajiet li ġejjin fil-livell tal-Unjoni, nazzjonali, reġjonali jew lokali, organizzati bi sħubijiet jew individwalment, u marbuta mal-għanijiet tas-Sena Ewropea:

    (a)

    inizjattivi u avvenimenti li jippromwovu d-dibattitu, jibnu immaġni pożittiva, iqajmu kuxjenza u jiffaċilitaw l-involviment taċ-ċittadini, tan-negozji u tal-awtoritajiet pubbliċi biex iżidu l-fiduċja fil-ferroviji, b’mod partikolari wara l-kriżi tal-COVID-19 u biex jippromwovu l-attrattività tal-ferrovija għat-trasport ta’ aktar persuni u merkanzija bħala mezz biex jiġi miġġieled it-tibdil fil-klima, permezz ta’ kanali u mezzi multipli, inklużi avvenimenti fl-Istati Membri, filwaqt li jenfasizzaw ukoll is-sikurezza u l-kumdità tal-ivvjaġġar bil-ferroviji;

    (b)

    inizjattivi fl-Istati Membri biex jinkoraġġixxu, kemm fis-settur pubbliku kif ukoll f’dak privat, xejriet ta’ vvjaġġar fuq negozju u vvjaġġar bil-ferrovija;

    (c)

    wirjiet informattivi, kampanji ta’ ispirazzjoni, edukattivi u ta’ qawmien ta’ kuxjenza, kif ukoll l-użu ta’ ferroviji ta’ wiri u ta’ informazzjoni biex jiġu mħeġġa bidliet fl-imġiba tal-passiġġieri, tal-konsumaturi u tan-negozju u biex jistimulaw lill-pubbliku ġenerali biex jikkontribwixxi b’mod attiv biex jintlaħqu l-objettivi ta’ trasport aktar sostenibbli;

    (d)

    kondiviżjoni tal-esperjenza u l-aħjar l-prattiki tal-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali, is-soċjetà ċivili, in-negozji u l-iskejjel fir-rigward tal-promozzjoni tal-użu tal-ferroviji u dwar kif tiġi implimentata bidla fl-imġiba fil-livelli kollha;

    (e)

    twettiq ta’ studji u attivitajiet innovattivi, u t-tixrid tar-riżultati tagħhom fuq skala Ewropea jew nazzjonali;

    (f)

    promozzjoni ta’ proġetti u networks relatati mas-Sena Ewropea, inkluż permezz tal-midja, in-networks soċjali u komunitajiet online oħra;

    (g)

    sħubijiet u avvenimenti bħal dawk imsemmija fl-Anness;

    (h)

    identifikazzjoni u promozzjoni tal-aħjar prattiki biex jinħolqu kundizzjonijiet ekwi għal modi differenti ta’ trasport;

    (i)

    promozzjoni ta’ proġetti u attivitajiet biex jqajmu kuxjenza dwar il-mobilità sostenibbli minn tarf sa tarf li tipprovdi soluzzjonijiet ta’ vvjaġġar bla xkiel mill-bidu sat-tmiem tat-traġitt (door-to-door) flimkien ma’ modi ta’ trasport oħrajn, inkluż l-ivvjaġġar attiv, u loġistika sostenibbli u intelliġenti;

    (j)

    promozzjoni ta’ proġetti u attivitajiet li jrawmu l-qawmien ta’ kuxjenza dwar l-importanza taż-żona ferrovjarja unika Ewropea, b’mod partikolari fir-rigward tal-implimentazzjoni kontinwa tagħha, azzjonijiet li jiffaċilitaw il-vjaġġi ferrovjarji internazzjonali u azzjonijiet għall-informazzjoni diġitali għall-passiġġieri, bħal dawk li jipprovdu informazzjoni f’ħin reali dwar offerti ta’ vjaġġi, it-tariffi u l-iskedi, inkluż minn fornituri indipendenti, li jiffaċilitaw it-tqabbil; u

    (k)

    il-promozzjoni ta’ proġetti u attivitajiet bl-għan tat-twettiq ta’ infrastruttura ferrovjarja estiża, modernizzata u interoperabbli, inkluża Sistema Ewropea tal-Ġestjoni tat-Traffiku Ferrovjarju (ERTMS), terminals li joffru għażliet tal-bidla modali, kif ukoll vetturi ferrovjarji modernizzati.

    2.   Il-Kummissjoni għandha tikkunsidra li tibda, matul is-Sena Ewropea:

    (a)

    studju dwar il-fattibbiltà tal-ħolqien ta’ tikketta Ewropea għall-promozzjoni ta’ merkanzija u prodotti ttrasportati bil-ferroviji sabiex in-negozji jiġu inkoraġġuti jużaw it-trasport bil-ferroviji; u

    (b)

    studju ta’ fattibbiltà bil-ħsieb li jiġi introdott indiċi tal-konnettività ferrovjarja, bil-għan li jiġi kkategorizzat il-livell ta’ integrazzjoni miksub permezz tal-użu tas-servizzi fuq in-network ferrovjarju u li juri l-potenzjal tal-ferroviji li jikkompetu ma’ modi oħra ta’ trasport.

    Sal-31 ta’ Marzu 2021, il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-pjanijiet tagħha.

    3.   L-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Unjoni, kif ukoll l-Istati Membri, fil-livell tal-Unjoni u dak nazzjonali rispettivament, jistgħu jirreferu għas-Sena Ewropea u jagħmlu użu mill-identità viżiva tagħha biex jippromwovu l-attivitajiet imsemmija fil-paragrafu 1.

    Artikolu 4

    Koordinazzjoni fil-livell tal-Istati Membri

    L-organizzazzjoni tal-parteċipazzjoni fis-Sena Ewropea fil-livell nazzjonali hija responsabbiltà tal-Istati Membri. Huma għandhom jiżguraw il-koordinazzjoni ta’ attivitajiet rilevanti fil-livell nazzjonali u għandhom jaħtru persuni ta’ kuntatt nazzjonali biex jiżguraw il-koordinazzjoni fil-livell tal-Unjoni.

    Artikolu 5

    Koordinazzjoni fil-livell tal-Unjoni

    1.   Il-Kummissjoni għandha regolarment torganizza laqgħat tal-persuni ta’ kuntatt nazzjonali għall-koordinazzjoni tat-tmexxija tas-Sena Ewropea. Dawk il-laqgħat għandhom iservu wkoll bħala opportunitajiet biex isir skambju tal-informazzjoni dwar l-implimentazzjoni tas-Sena Ewropea fil-livell tal-Unjoni u nazzjonali. Rappreżentanti tal-Parlament Ewropew jistgħu jipparteċipaw f’dawk il-laqgħat bħala osservaturi.

    2.   Il-koordinazzjoni tas-Sena Ewropea fil-livell tal-Unjoni għandha tkun trasversali fl-approċċ bil-għan li jinħolqu sinerġiji bejn id-diversi programmi u inizjattivi tal-Unjoni għall-finanzjament ta’ proġetti fil-qasam tat-trasport ferrovjarju jew li għandhom dimensjoni ferrovjarja.

    3.   Il-Kummissjoni għandha ssejjaħ laqgħat regolari tal-partijiet ikkonċernati kollha u r-rappreżentanti ta’ organizzazzjonijiet jew korpi attivi fil-qasam tat-trasport ferrovjarju, inkluż networks transnazzjonali eżistenti, organizzazzjonijiet mhux governattivi rilevanti, universitajiet u ċentri teknoloġiċi, kif ukoll rappreżentanti ta’ organizzazzjonijiet u komunitajiet taż-żgħażagħ, organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw lil persuni b’diżabilità u persuni b’mobilità mnaqqsa, biex jassistuha fl-implimentazzjoni tas-Sena Ewropea fil-livell tal-Unjoni.

    4.   Il-Kummissjoni tista’, sakemm il-baġit jippermetti, torganizza sejħiet għal proposti u proġetti li jistgħu jirċievu appoġġ għall-kontribuzzjoni pendenti tagħhom għall-għanijiet tas-sena Ewropea.

    Artikolu 6

    Kooperazzjoni internazzjonali

    Għall-fini tas-Sena Ewropea, il-Kummissjoni għandha, fejn meħtieġ, tikkoopera ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali kompetenti, filwaqt li tiżgura l-viżibbiltà tal-parteċipazzjoni tal-Unjoni.

    Artikolu 7

    Monitoraġġ u evalwazzjoni

    Sal-31 ta’ Diċembru 2022, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar l-implimentazzjoni, ir-riżultati u l-valutazzjoni ġenerali tal-inizjattivi previsti f’din id-Deċiżjoni. Għall-evalwazzjoni tal-inizjattivi, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni. Dawk l-indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni għandhom jiġu stabbiliti fr-rapport tal-Kummissjoni. Għall-fini ta’ dak ir-rapport, l-Istati Membri għandhom jipprovdu informazzjoni lill-Kummissjoni dwar l-attivitajiet li għalihom huma kienu responsabbli.

    Artikolu 8

    Id-dħul fis-seħħ

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Magħmul fi Brussell, it-23 ta’ Diċembru 2020.

    Għall-Parlament Ewropew

    Il-President

    D. M. SASSOLI

    Għall-Kunsill

    Il-President

    M. ROTH


    (1)  ĠU C 364, 28.10.2020, p. 149.

    (2)  L-opinjoni tal-14 ta’ Ottubru 2020 (għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

    (3)  Il-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta’ Diċembru 2020 (għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali)u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2020.

    (4)  Id-Direttiva 2012/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Novembru 2012 li tistabbilixxi żona ferrovjarja unika Ewropea (ĠU L 343, 14.12.2012, p. 32).

    (5)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 642/2014 tas-16 ta’ Ġunju 2014 li jistabbilixxi l-Impriża Konġunta Shift2Rail (ĠU L 177, 17.6.2014, p. 9).


    ANNESS

    SĦUBIJIET U AVVENIMENTI

    Dan l-Anness jistabbilixxi l-lista indikattiva li ġejja ta’ sħubijiet u avvenimenti marbuta mas-Sena Ewropea:

    (1)

    sħubijiet ma’ festivals ċinematografiċi fl-Ewropa kollha sabiex ikun enfasizzat il-post prominenti tal-ferroviji fil-produzzjoni ċinematografika;

    (2)

    kooperazzjoni ma’ mużewijiet ferrovjarji Ewropej u avvenimenti kulturali eżistenti bħal festivals ċinematografiċi u wirjiet tal-arti;

    (3)

    sħubijiet mal-ERA biex issir enfasi fuq:

    (a)

    il-prestazzjoni tas-settur ferrovjarju fl-Ewropa,

    (b)

    l-għarfien tal-mestier tal-atturi f’dan is-settur ferrovjarju, b’mod partikolari tal-ħaddiema tal-ferroviji,

    (c)

    il-vantaġġi tal-ferrovija mil-lat tas-sikurezza u l-protezzjoni ambjentali, u

    (d)

    l-opportunitajiet ta’ karrieri fis-settur ferrovjarju għall-istudenti u l-apprendisti fis-settur ferrovjarju;

    (4)

    ferroviji b’wirjiet mobbli fl-Unjoni biex jinfurmaw lill-pubbliku dwar l-għanijiet tas-Sena Ewropea u jenfasizzaw l-element ta’ attrattività tal-ħafna messaġġi tagħha;

    (5)

    l-għoti ta’ passes tal-Interrail liż-żgħażagħ, b’rabta ma’ studji Erasmus jew kompetizzjonijiet, sabiex jiġi estiż l-ambitu tas-Sena Ewropea;

    (6)

    l-użu ta’ stazzjonijiet ferrovjarji bħala postijiet tal-arti, postijiet fejn jiltaqgħu n-nies f’kuntest urban u hubs ekonomiċi, kulturali u ċiviċi, u l-użu ta’ mużewijiet ferrovjarji biex jgħaddu l-messaġġi tas-Sena Ewropea.


    Top