Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32019R1383R(01)

    Rettifika tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/1383 tat-8 ta' Lulju 2019 li jemenda u jikkoreġi r-Regolament (UE) Nru 1321/2014 fir-rigward tas-sistemi ta' ġestjoni tas-sikurezza fl-organizzazzjonijiet tal-ġestjoni tal-kontinwità tal-ajrunavigabbiltà u t-tnaqqis tar-rekwiżiti għall-inġenji tal-ajru tal-avjazzjoni ġenerali b'rabta mal-manutenzjoni u l-ġestjoni tal-kontinwità tal-ajrunavigabbiltà (ĠU L 228, 4.9.2019)

    ĠU L 230, 6.9.2019, p. 7–10 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2019/1383/corrigendum/2019-09-06/oj

    6.9.2019   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 230/7


    Rettifika tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/1383 tat-8 ta' Lulju 2019 li jemenda u jikkoreġi r-Regolament (UE) Nru 1321/2014 fir-rigward tas-sistemi ta' ġestjoni tas-sikurezza fl-organizzazzjonijiet tal-ġestjoni tal-kontinwità tal-ajrunavigabbiltà u t-tnaqqis tar-rekwiżiti għall-inġenji tal-ajru tal-avjazzjoni ġenerali b'rabta mal-manutenzjoni u l-ġestjoni tal-kontinwità tal-ajrunavigabbiltà

    ( Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea L 228 tal-4 ta' Settembru 2019 )

    F'paġna 2, l-Artikoli 1 u 2 jinbidlu b'dan li ġej:

    “Artikolu 1

    Ir-Regolament (UE) Nru 1321/2014 huwa emendat kif ġej:

    (1)

    L-Artikolu 3 huwa sostitwit b'dan li ġej:

    ‘Artikolu 3

    Rekwiżiti tal-kontinwità tal-ajrunavigabbiltà

    1.   Il-kontinwità tal-ajrunavigabbiltà tal-inġenji tal-ajru msemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 1 u l-komponenti għall-installazzjoni fuqhom għandha tiġi żgurata skont ir-rekwiżiti tal-Anness I (Parti-M), ħlief għal inġenji tal-ajru elenkati fl-ewwel sottoparagrafu tal-paragrafu 2 li għalih għandhom japplikaw ir-rekwiżiti tal-Anness Vb (Parti-ML).

    2.   Ir-rekwiżiti tal-Anness Vb (Parti-ML) għandhom japplikaw għall-inġenji tal-ajru li ġejjin ħlief inġenji tal-ajru kumplessi li jaħdmu bil-magni:

    (a)

    ajruplani b'massa massima waqt it-tlugħ ta' 2 730 kg jew anqas;

    (b)

    inġenji tal-ajru kbar li jaħdmu bir-rotors b'massa massima waqt it-tlugħ ta' 1 200 kg jew anqas, iċċertifikati għal massimu ta' 4 okkupanti;

    (c)

    inġenji tal-ajru oħra ELA2.

    Meta l-inġenju tal-ajru msemmi fil-punti (a), (b) u (c) tal-ewwel sottoparagrafu jkun elenkat fiċ-ċertifikat tal-operatur tal-ajru ta' operatur tal-ajru li ngħata l-liċenzja skont ir-Regolament (KE) Nru 1008/2008, għandhom japplikaw ir-rekwiżiti tal-Anness I (Parti-M).

    3.   Biex jiġu elenkat fiċ-ċertifikat tal-operatur tal-ajru ta' operatur tal-ajru li ngħata l-liċenzja skont ir-Regolament (KE) Nru 1008/2008, l-inġenju tal-ajru msemmi fil-punti (a), (b) u (c) tal-ewwel sottoparagrafu tal-paragrafu 2 għandu jkun konformi mar-rekwiżiti kollha li ġejjin:

    (a)

    il-programm ta' manutenzjoni tal-inġenju tal-ajru tiegħu jkun ġie approvat mill-awtorità kompetenti skont il-punt M.A.302 tal-Anness I (Parti-M);

    (b)

    il-manutenzjoni li għandha ssir u li hi meħtieġa mill-programm ta' manutenzjoni msemmi fil-punt (a) twettqet u ġiet iċċertifikata skont il-punti 145.A.48 u 145.A.50 tal-Anness II (Parti-145);

    (c)

    saret reviżjoni tal-ajrunavigabbiltà u nħareġ ċertifikat ġdid tar-reviżjoni tal-ajrunavigabbiltà skont il-punt M.A.901 tal-Anness I (Parti-M).

    4.   B'deroga mill-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, il-kontinwità tal-ajrunavigabbiltà tal-inġenji tal-ajru msemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 1, li għalihom ikun inħareġ permess għat-titjir, għandha tiġi żgurata abbażi tal-arranġamenti speċifiċi tal-kontinwità tal-ajrunavigabbiltà kif iddefinit fil-permess għat-titjir maħruġ skont l-Anness I (Parti-21) tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 748/2012 (*1).

    5.   Il-programm ta' manutenzjoni tal-inġenji tal-ajru għal inġenji tal-ajru msemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 1 li jikkonformaw mar-rekwiżiti speċifikati fil-punt M.A.302 tal-Anness I (Parti-M) applikabbli qabel l-24 ta' Settembru 2019 għandu jitqies konformi mar-rekwiżiti speċifikati fil-punt M.A.302 tal-Anness I (Parti-M) jew il-punt ML.A.302 tal-Anness Vb (Parti-ML), skont kif applikabbli, skont il-paragrafi 1 u 2.

    6.   L-operaturi għandhom jiżguraw il-kontinwità tal-ajrunavigabbiltà tal-inġenji tal-ajru msemmija fil-punt (b) tal-Artikolu 1 u l-komponenti għall-installazzjoni fuqhom skont ir-rekwiżiti tal-Anness Va (Parti-T).

    7.   Il-kontinwità tal-ajrunavigabbiltà ta' ajruplani b'massa ċċertifikata massima waqt it-tlugħ ta' 5 700 kg jew anqas li huma mgħammra b'magni turboprop multipli għandha tiġi żgurata skont ir-rekwiżiti applikabbli għal inġenji tal-ajru ħlief inġenji tal-ajru kumplessi li jaħdmu bil-magni kif stipulat fil-punti M.A.201, M.A.301, M.A.302, M.A.601 u M.A.803 tal-Anness I (Parti-M), il-punt 145.A.30 tal-Anness II (Parti-145), il-punti 66.A.5, 66.A.30, 66.A.70, l-Appendiċi V u VI tal-Anness III (Part-66), il-punt CAMO.A.315 tal-Anness Vc (Parti-CAMO), il-punt CAO.A.010 u l-Appendiċi I tal-Anness Vd (Parti-CAO) sa fejn dawn japplikaw għal inġenji tal-ajru ħlief inġenji tal-ajru kumplessi li jaħdmu bil-magni.

    (*1)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 748/2012 tat-3 ta' Awwissu 2012 li jistabbilixxi regoli ta' implimentazzjoni għaċ-ċertifikazzjoni tal-airworthiness u ambjentali ta' inġenji tal-ajru u ta' prodotti, partijiet u tagħmir relatati, kif ukoll għaċ-ċertifikazzjoni ta' organizzazzjonijiet relatati mad-disinn u l-produzzjoni (ĠU L 224, 21.8.2012, p. 1).’;"

    (2)

    L-Artikolu 4 huwa sostitwit b'dan li ġej:

    ‘Artikolu 4

    Approvazzjonijiet għal organizzazzjonijiet involuti fil-kontinwità tal-ajrunavigabbiltà

    1.   L-organizzazzjonijiet involuti fil-kontinwità tal-ajrunavigabbiltà ta' inġenji tal-ajru u tal-komponenti għall-installazzjoni fuqhom, inkluża l-manutenzjoni, għandhom ikunu approvati, fuq talba tagħhom, mill-awtorità kompetenti skont ir-rekwiżiti tal-Anness II (Parti-145), l-Anness Vc (Parti-CAMO) jew l-Anness Vd (Parti-CAO), skont kif ikun applikabbli għall-organizzazzjonijiet rispettivi.

    2.   Permezz ta' deroga mill-paragrafu 1, sal-24 ta' Settembru 2020 l-organizzazzjonijiet, fuq talba tagħhom, jistgħu jinħarġulhom approvazzjonijiet mill-awtorità kompetenti skont ir-rekwiżiti tas-Sottoparti F u s-Sottoparti G tal-Anness I (Parti-M). Dawk l-approvazzjonijiet għandhom ikunu validi sal-24 ta' Settembru 2021.

    3.   L-approvazzjonijiet tal-manutenzjoni maħruġa jew rikonoxxuti minn Stat Membru skont l-ispeċifikazzjoni taċ-ċertifikazzjoni JAR-145 imsemmija fl-Anness II tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3922/91 (*2) u validi qabel id-29 ta' Novembru 2003 għandhom jitqiesu li nħarġu skont ir-rekwiżiti tal-Anness II (Parti-145) ta' dan ir-Regolament.

    4.   L-organizzazzjonijiet li jkollhom approvazzjoni valida maħruġa skont is-Sottoparti F jew is-Sottoparti G tal-Anness I (Parti-M) jew skont l-Anness II (Parti-145) għandha tinħarġilhom, fuq talba tagħhom, Formola 3-CAO mill-awtorità kompetenti kif stipulat fl-Appendiċi 1 għall-Anness Vd (Parti-CAO).

    Il-privileġġi tat-tali organizzazzjoni taħt l-approvazzjoni maħruġa skont l-Anness Vd (Parti-CAO) għandhom ikunu l-istess bħall-privileġġi taħt l-approvazzjoni maħruġa skont is-Sottoparti F jew is-Sottoparti G tal-Anness I (Parti-M) jew l-Anness II (Parti-145). Madankollu, dawk il-privileġġi m'għandhomx jisbqu l-privileġġi ta organizzazzjoni msemmija fit-Taqsima A tal-Anness Vd (Parti-CAO).

    L-organizzazzjoni tista' tikkoreġi kwalunkwe sejba ta' nuqqas ta' konformità mal-Anness Vd (Parti-CAO) sal-24 ta' Settembru 2021. Jekk wara dik id-data s-sejbiet ma jkunux għadhom ġew ikkoreġuti, l-approvazzjoni għandha tiġi rrevokata.

    Sakemm l-organizzazzjoni tikkonforma mal-Anness Vd (Parti-CAO) jew sal-24 ta' Settembru 2021, skont liema data minn dawn it-tnejn taħbat l-ewwel, din għandha tiġi ċċertifikata u ssorveljata skont is-Sottoparti F jew is-Sottoparti G tal-Anness I (Parti-M) jew l-Anness II (Parti-145), skont kif applikabbli.

    5.   Approvazzjonijiet validi tal-organizzazzjonijiet tal-ġestjoni tal-kontinwità tal-ajrunavigabbiltà maħruġa skont is-Sottoparti G tal-Anness I (Parti-M) għandhom jitqiesu li nħarġu skont l-Anness Vc (Parti-CAMO).

    L-organizzazzjoni tista' tikkoreġi kwalunkwe sejba ta' nuqqas ta' konformità mal-Anness Vc (Parti-CAMO) sal-24 ta' Settembru 2021.

    Jekk l-organizzazzjoni tikkoreġi s-sejbiet sa dik id-data, l-awtorità kompetenti għandha toħroġ ċertifikat tal-approvazzjoni tal-Formola 14 ġdid skont l-Anness Vc (Parti-CAMO). Jekk wara dik id-data s-sejbiet ma jkunux għadhom ġew ikkoreġuti, l-approvazzjoni għandha tiġi rrevokata.

    Sakemm l-organizzazzjoni tikkonforma mal-Anness Vc (Parti-CAMO) jew l-24 ta' Settembru 2021, skont liema data minn dawn it-tnejn taħbat l-ewwel, din għandha tiġi ċċertifikata u ssorveljata skont is-Sottoparti G tal-Anness I (Parti-M).

    6.   Ċertifikati ta' rilaxx għas-servizz u ċertifikati ta' rilaxx awtorizzat maħruġa qabel it-28 ta' Ottubru 2008 minn organizzazzjoni tal-manutenzjoni approvata skont ir-rekwiżiti stabbiliti fil-liġi nazzjonali tal-Istat Membru fejn hi stabbilita l-organizzazzjoni, għal inġenji tal-ajru ħlief inġenji tal-ajru kumplessi li jaħdmu bil-magni mhux involuti fit-trasport kummerċjali bl-ajru, inkluż kwalunkwe komponent għall-installazzjoni fuqhom, għandhom jitqiesu li nħarġu skont il-punti M.A.801, M.A.802 tal-Anness I (Parti-M) u l-punt 145.A.50 tal-Anness II (Parti-145).

    (*2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3922/91 tas-16 ta' Diċembru 1991 dwar l-armonizzazzjoni tal-ħtiġijiet tekniċi u proċeduri amministrattivi fil-qasam tal-avjazzjoni ċivili (ĠU L 373, 31.12.1991, p. 4).’;"

    (3)

    fl-Artikolu 5, il-paragrafu 1 huwa sostitwit b'dan li ġej:

    ‘1.   Il-persunal taċ-ċertifikazzjoni għandu jkun kwalifikat skont ir-rekwiżiti tal-Anness III (Parti-66), ħlief kif previst fil-punti M.A.606(h), M.A.607(b), M.A.801(d) u M.A.803 tal-Anness I (Parti-M), fil-punti ML.A.801(c) u ML.A.803 tal-Anness Vb (Parti-ML), fil-punti CAO.A.035(d) u CAO.A.040(b) tal-Anness Vd (Parti-CAO) u fil-punti 145.A.30(j) tal-Appendiċi IV għall-Anness II (Parti-145).’;

    (4)

    jiddaħħal l-Artikolu 7a li ġej:

    ‘Artikolu 7a

    Awtoritajiet kompetenti

    1.   Meta Stat Membru jaħtar aktar minn entità waħda bħala awtorità kompetenti bis-setgħat neċessarji u r-responsabbiltajiet allokati għaċ-ċertifikazzjoni u s-sorveljanza ta' persuni u organizzazzjonijiet soġġetti għal dan ir-Regolament, għandu jkun hemm konformità mar-rekwiżiti li ġejjin:

    (a)

    l-oqsma ta' kompetenza ta' kull awtorità kompetenti għandhom jiġu ddefiniti b'mod ċar, b'mod partikolari f'termini tar-responsabbiltajiet u l-limitazzjonijiet ġeografiċi;

    (b)

    għandha tiġi stabbilita koordinazzjoni bejn dawk l-awtoritajiet biex jiġu żgurati ċertifikazzjoni u sorveljanza effettivi tal-organizzazzjonijiet u l-persuni kollha soġġetti għal dan ir-Regolament fil-mandati rispettivi tagħhom.

    2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-persunal tal-awtoritajiet kompetenti tagħhom ma jwettaqx attivitajiet ta' ċertifikazzjoni u sorveljanza meta jkun hemm indikazzjonijiet li dawn jistgħu jwasslu, direttament jew indirettament, għal kunflitt ta' interess, b'mod partikolari meta jkunu relatati ma' interess familjari jew finanzjarju.

    3.   Fejn ikun hemm bżonn li jwettqu kompiti ta' ċertifikazzjoni jew sorveljanza skont dan ir-Regolament, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jingħataw is-setgħa biex:

    (a)

    jeżaminaw ir-rekords, id-data, il-proċeduri u kwalunkwe materjal ieħor li jkun rilevanti għat-twettiq tal-kompiti ta' ċertifikazzjoni u/jew ta' sorveljanza;

    (b)

    jagħmlu kopji tat-tali rekords, data, proċeduri u materjal ieħor, jew jieħdu siltiet minnhom;

    (c)

    jitolbu spjegazzjoni orali fuq il-post mingħand kwalunkwe membru tal-persunal ta' dawk l-organizzazzjonijiet;

    (d)

    jidħlu fil-bini, is-siti operazzjonali jew il-mezzi tat-trasport rilevanti li jkunu proprjetà ta' dawk il-persuni jew li jintużaw minnhom;

    (e)

    iwettqu awditi, investigazzjonijiet, valutazzjonijiet, spezzjonijiet, li jinkludu spezzjonijiet mhux imħabbra, fir-rigward ta' dawk l-organizzazzjonijiet;

    (f)

    jieħdu jew jagħtu bidu għal miżuri ta' infurzar skont kif xieraq.

    4.   Is-setgħat imsemmija fil-paragrafu 3 għandhom jiġu eżerċitati f'konformità mad-dispożizzjonijiet legali tal-Istat Membru rilevanti.’;

    (5)

    L-Artikolu 9 jitħassar;

    (6)

    L-Anness I huwa emendat skont l-Anness I ta' dan ir-Regolament;

    (7)

    L-Anness II huwa emendat skont l-Anness II ta' dan ir-Regolament;

    (8)

    L-Anness III huwa emendat f'konformità mal-Anness III ta' dan ir-Regolament;

    (9)

    L-Anness IV huwa emendat skont l-Anness IV ta' dan ir-Regolament;

    (10)

    L-Anness Va huwa emendat skont l-Anness V ta' dan ir-Regolament;

    (11)

    it-test stipulat fl-Anness VI ta' dan ir-Regolament jiddaħħal bħala l-Anness Vb;

    (12)

    it-test stipulat fl-Anness VII ta' dan ir-Regolament jiddaħħal bħala l-Anness Vc;

    (13)

    it-test stipulat fl-Anness VIII ta' dan ir-Regolament jiddaħħal bħala l-Anness Vd.

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Għandu japplika mill-24 ta' Marzu 2020.”.


    Top